Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2008/2697(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

B6-0645/2008

Dibattiti :

PV 18/12/2008 - 13.3
CRE 18/12/2008 - 13.3

Votazzjonijiet :

PV 18/12/2008 - 14.3
CRE 18/12/2008 - 14.3

Testi adottati :

P6_TA(2008)0642

Testi adottati
DOC 62k
Il-Ħamis, 18 ta' Diċembru 2008 - Strasburgu Verżjoni finali
L-attakki fuq id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja u l-ġuri tal-qtil ta' Anna Politkovskaya
P6_TA(2008)0642B6-0630, 0632, 0636, 0641, 0645 u 0646/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Diċembru 2008 dwar l-attakki fuq id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja u l-ġuri tal-qtil ta' Anna Politkovskaya

Il-Parlament Ewropew ,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti dwar ir-Russja, u b'mod partikulari dik tal-25 ta' Ottubru 2006 dwar ir-relazzjonijiet UE-Russja wara l-qtil tal-ġurnalista Russa Anna Politkovskaya(1) , dik tad-19 ta' Ġunju 2008 dwar is-Samit bejn l-UE u r-Russja f'Khanty-Mansiysk fis 26 us-27 ta' Ġunju 2008(2) ,

–   wara li kkunsidra l-Ftehima ta' Sħubija u Koperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni Russa, li daħlet fis-seħħ fl-1997 u li ġiet estiża sakemm ftehima oħra teħdilha postha,

–   wara li kkunsidra n-negozjati attwali għal ftehima ġdida li tipprovdi qafas komprensiv ġdid għar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja, u t-tnedija mill-ġdid ta' dawn in-negozjati waqt l-aħħar Samit bejn l-UE u r-Russja li sar f'Nizza fl-14 ta' Novembru 2008,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Presidenza f'isem l-Unjoni Ewropea dwar it-tfittxija domiċiljari tas-sede tal-organizzazzjoni Memorial f'St Petersburg fl-4 ta' Diċembru 2008,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-2008 tal-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR) dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta" Proċedura tiegħu,

A.   billi r-Russja hija membru tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa (OSCE) u li bħala tali kkommettiet ruħha li tosserva bis-sħiħ id-drittijiet tal-bniedem u taċ-ċittadini,

B.   billi hemm tħassib serju fuq il-qagħda tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u wkoll dwar id-diffikultajiet li jħabbtu wiċċhom magħhom l-NGOs li huma attivi fil-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem,

C.   billi bosta lmenti ta' ċittadini Russi ġew indirizzati lill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fi Strasburgu, li fis-sentenzi tagħha ssostanzjat li hemm ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem f'għadd ta' każijiet, kif ukoll każijiet ta' arbitrarjetà mill-awtoritajiet tal-istat Russi,

D.   billi fit-28 ta' Ottubru 2008, Otto Messmer, il-provinċjal tal-Ordni tal-Ġiżwiti fir-Russja u Victor Betancourt, qassis mill-Ekwador, inqatlu b'mod brutali fl-appartament tagħhom f'Moska,

E.   billi f'nofs Ottubru 2008 avukat tad-drittijiet tal-bniedem prominenti Russa, Karinna Moskalenko, li rrappreżentat b'suċċess il-każijiet ta' 30 ċittadin Russu fil-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sfat vittma ta' attentat ta' avvelenament bil-merkurju li tqiegħed fil-karozza tagħha fi Strasburgu,

F.   billi fil-31 ta' Awissu 2008, is-sid ta' websajt indipendenti bl-Ingush, Magomed Evloyev, inqatel waqt li kien fil-kustodja tal-pulizija,

G.   billi bosta attentati fuq il-ħajja ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, fosthom fuq il-kap tal-oppożizzjoni Ingush, Akhmed Kotiev, id-difensur tad-drittijiet tal-bniedem Zurab Tsechoev mill-Ingushezja, l-attivist tad-drittijiet tal-bniedem Dmitrii Kraiukhin minn Orel, u l-attivist tad-drittijiet tal-bniedem Stanislav Dmitrievski minn Nizhni Novgorod, ġew irreġistrati bejn Lulju u Ottubru 2008,

H.   billi fl-4 ta' Diċembru 2008, l-uffiċċji f'St. Petersburg taċ-Ċentru tar-Riċerka u l-Informazzjoni Memorial, li għal 20 sena għamel riċerka dwar ir-ripressjoni fi żmien Stalin fl-Unjoni Sovjetika, ġew attakkati minn irġiel mgħammda mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali Russu; billi waqt l-attakk, ittieħdu l-hard drives u s-CDs li kien fihom il-bażi tad-data kollha dwar eluf ta' vittmi; billi ma jeżisti l-ebda inventorju tad-dokumentazzjoni kkonfiskata; billi l-avukati tal-Memorial ġew miżmuma milli jidħlu fis-sede,

I.   billi l-istħarriġ kriminali u l-ġuri wara l-qtil tal-ġurnalista Anna Politkovskaya jqajmu tħassib serju dwar it-trasparenza u l-osservanza tal-istat tad-dritt; billi dan il-qtil brutali għadu ma ġiex mistħarreġ u solvut għal kollox b'mod sodisfaċenti,

J.   billi l-awtoritajiet Russi għad mhumiex jikkoperaw fl-istħarriġ tal-qtil ta' Aleksander Litvinenko f'Londra permezz ta' avvelenament bil-polonju radjuattiv,

K.   billi l-brutalità tal-pulizija rażżnet dimostrazzjoni ta' protesta kontra l-Kremlin organizzata mill-grupp tal-oppożizzjoni "Russja Oħra" ta' Garry Kasparov fl-14 ta' Diċembru 2008 f'Moska, billi d-dimostranti nħatfu u ġew imkaxkra fi trakkijiet; billi madwar 100 dimostrant ġew arrestati,

L.   billi fit-3 ta' Diċembru 2008, 17-il grupp Russu tad-drittijiet tal-bniedem stiednu lill-UE fi Vjenna biex is-sehem tal-konsultazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja dwar id-drittijiet tal-bniedem mhux biss ikompli jissaħħaħ b'urġenza imma wkoll biex jitressqu l-aktar każijiet urġenti fil-laqgħat tas-Samit bejn l-UE u r-Russja,

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-attakki fuq id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja, fosthom avukati li qegħdin jirrappreżentaw id-drittijiet taċ-ċittadini, u jistieden lill-awtoritajiet Russi fil-livelli kollha biex iħarsu u jiggarantixxu l-integrità fiżika tagħhom;

2.  Jiġbed l-attenzjoni li d-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u d-demokrazija għandhom jibqgħu kwistjonijiet ta' importanza kbira biex ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja jkomplu jiżviluppaw; jisħaq fuq l-importanza tal-iskambju kontinwu ta' fehmiet fuq id-drittijiet tal-bniedem mar-Russja bħala parti mill-konsultazzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u r-Russja, u jitlob għal titjib fil-format ta' dawn il-laqgħat biex il-ministeri, il-ġudikatura u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili Russa jkunu jistgħu jagħtu sehemhom;

3.  Hu tal fehma li l-osservanza tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt għandu jkollha sehem integrali fil-ftehima ta' qafas ġdida li qiegħda tiġi negozjata bħalissa;

4.  Jistieden lill-awtoritajiet Russi biex jikkonformaw mas-sentenzi kollha tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u jirratifikaw il-protokoll dwar ir-riforma tal-qorti mingħajr dewmien; iħeġġeġ lill-Federazzjoni Russa biex tirratifika wkoll il-Protokoll Addizzjonali Nru 14 għall-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;

5.  Jikkundanna t-tfittxija tal-uffiċċji tal-organizzazzjoni Memorial f'St. Petersburg fl-4 ta' Dicembru 2008; jitlob lill-awtoritajiet Russi u lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta' St. Petersburg biex iroddu bla dewmien liċ-Ċentru tar-Riċerka u l-Informazzjoni Memorial ħdax-il hard drive u CD li ttieħdu miċ-Ċentru waqt rejd tal-pulizija fit-4 ta' Diċembru 2008 u li fihom data imprezzabbli dwar aktar minn 50,000 vittma tar-ripressjoni tal-era Stalinista;

6.  Jiġbed l-attenzjoni għax-xejriet ta' ksenofobija u omofobija li qegħdin jikbru u li wasslu biex aktar minn 100 ruħ inqatlu fl-2008 minħabba r-razza, in-nazzjonalità, ir-reliġjon u l-orjentament sesswali tagħhom, skont il-Bureau ta' Moska għad-Drittijiet tal-Bniedem, kif ukoll talli ma saritx kundanna qawwija min-naħa tal-awtoritajiet Russi għal delitti ta' mibegħda bħal dawn;

7.  Jinnota bi tħassib l-aħħar mossi biex jiġi riabilitat ir-reġim ta' Stalin u jenfasizza li kultura demokratika vera tista' tiġi stabilita fir-Russja biss jekk il-passat traġiku jiġi aċċettat;

8.  Hu allarmat bl-attentat li sar f'Ottubru 2008 fuq il-ħajja tal-avukat tad-drittijiet tal-bniedem Karinna Moskalenko u l-familja tagħha, u jappella kemm lill-awtoritajiet Franċiżi kif ukoll lil dawk Russi sabiex jiġu identifikati l-awturi tad-delitt u l-motivi tagħhom;

9.  Hu konvint li l-attivitajiet tal-avukati tad-drittijiet tal-bniedem li qegħdin jaġixxu fil-każijiet ta' abbużi allegati tad-drittijiet tal-bniedem, li qegħdin jieħdu sogri personali kbar biex ikomplu bil-missjoni tagħhom, għandu jingħatalhom l-ogħla rispett u jiġu mħarsa mill-istat u appoġġjati mill-komunità internazzjonali;

10.  Jibqa' mħasseb sew bil-leġiżlazzjoni dwar l-estremiżmu, li tista' tħalli effett fuq il-mogħdija ħielsa ta' informazzjoni u tista' twassal sabiex l-awtoritajiet Russi jillimitaw aktar id-dritt tal-espressjoni ħielsa tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

11.  Jinnota li għaddew sentejn minn meta nqatlet il-ġurnalista indipendenti Russa, Anna Politkovskaya, li saret simbolu għal-liberta tal-istampa; ifakkar lill-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2006 imsemmija hawn fuq u jagħti ġieħ lill-kuraġġ u lill-ħidma ta' dan is-simbolu tal-onestà u l-kuxjenzjożità, li l-ħidma tul ħajjitha teħtieġ appoġġ u rikonoxximent kontinwu;

12.  Jesprimi l-biża' tiegħu li l-ġuri jinsab miftuħ biss għal għadd limitat ta' ġurnalisti u mhux miftuħ għall-ġurnalisti televiżivi; jistieden lill-qorti biex tosserva bis-sħiħ id-deċiżjoni tal-ġurija u tiftaħ il-proċedimenti għall-ġurnalisti u l-midja kollha; jistenna li l-qorti tistħarreġ mhux biss dwar min ikkommetta u assista fid-delitt ta' Anna Politkovskaya, imma wkoll dwar min ordnah;

13.  Jilqa' b'sodisfazzjon it-twaqqif fl-2006 tal-punt fokali tal-ODIHR għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jimmonitorja l-qagħda tad-difensuri fl-OSCE kollha; jinkoraġġixxi bil-qawwa lill-istituzzjonijiet tal-UE biex iqiegħdu fil-prattika l-appoġġ tagħhom għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem billi jwaqqfu punt fokali għad-difensuri fit-tliet istituzzjonijiet sabiex titjieb il-koordinazzjoni tal-azzjonijiet tagħhom mal-organizzazzjonijiet internazzjonali u Ewropej;

14.  Jesprimi t-tħassib tiegħu rigward l-abbużi kontinwi u mxerrda kontra s-suldati fil-forzi armati Russi u jistieden lill-awtoritajiet Russi biex jistħarrġu u jipproċedu kontra min hu responsabbli u sabiex jeqirdu l-prattiki abbużivi fil-forzi armati u juru determinazzjoni biex jimmodernizzaw il-kultura aċċettata tal-mument;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-gvern u lill-parlament tal-Federazzjoni Russa, lill-OSCE u lill-Kunsill tal-Ewropa.

(1) ĠU C 313 E, 20.12.2006, p. 271.
(2) Testi adottati, P6_TA(2008)0309.

Aġġornata l-aħħar: 1 t'Ottubru 2009Avviż legali