Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2008/2144(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0012/2009

Testi mressqa :

A6-0012/2009

Dibattiti :

PV 03/02/2009 - 4
CRE 03/02/2009 - 4

Votazzjonijiet :

PV 03/02/2009 - 6.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2009)0040

Testi adottati
PDF 295kWORD 61k
It-Tlieta, 3 ta' Frar 2009 - Strasburgu
Il-ġlieda kontra l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pornografija tat-tfal
P6_TA(2009)0040A6-0012/2009

Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Frar 2009 lill-Kunsill dwar il-ġlieda kontra l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pornografija tat-tfal (2008/2144(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill minn Roberta Angelilli f'isem il-Grupp UEN dwar il-ġlieda kontra l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pornografija tat-tfal (B6-0216/2008),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea li tinkorpora d-dritt tat-tfal għall-protezzjoni u l-ħarsien,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 34 tal-Konvenzjoni tal-20 ta' Novembru 1989 dwar id-Drittijiet tat-Tfal tan-NU u l-Protokoll Fakultattiv tiegħu tal-25 ta' Mejju 2000 rigward il-bejgħ ta' tfal, il-prostituzzjoni tat-tfal u l-pornografija tat-tfal ("il-Protokoll Fakultattiv"),

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni ta' Qafas tal-Kunsill 2004/68/JHA tat-22 ta' Diċembru 2003 dwar il-ġlieda kontra l-isfruttament tat-tfal u l-pornografija tat-tfal(1) ("id-Deċiżjoni ta' Qafas"),

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissoni tas-16 ta' Novembru 2007 ibbażat fuq l-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni ta' Qafas tal-Kunsill tat-22 ta' Diċembru 2003 dwar il-ġlieda kontra l-isfruttament tat-tfal u l-pornografija tat-tfal (COM(2007)0716) ("ir-Rapport tal-Kummissjoni"),

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tat-13 ta' Lulju 2007 dwar il-Protezzjoni tat-Tfal kontra l-Isfruttament Sesswali u l-Abbuż Sesswali ("il-Konvenzjoni CoE"),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2008: Lejn strateġija tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal(2),

–   wara li kkunsidra s-sejbiet tal-Patt ta' Rio de Janeiro għall-Prevenzjoni u l-Qirda tal-Isfruttament Sesswali tat-Tfal li dwaru sar qbil bejn il-25 u t-28 ta' Novembru 2008 waqt it-III Kungress Dinji kontra l-Isfruttament Sesswali tat-Tfal u l-Adolexxenti,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 114 (3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjoni tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A6-0012/2009),

A.   billi l-Konvenzjoni CoE ffirmata minn għoxrin Stat Membru tal-UE hija l-ewwel strument legali internazzjonali li jikkategorizza l-forom varji ta' abbuż sesswali fuq it-tfal bħala reati kriminali, inklużi abbużi bħal dawn, imwettqa inter alia bl-użu ta' forza, sfurzar jew theddid, anke fi ħdan il-familja,

B.   billi seba' Stati Membri għadhom ma ffirmawx il-Konvenzjoni CoE u tmien Stati Membri għadhom ma rratifikawx il-Protokoll Fakultattiv,

C.   billi t-tfal kull ma jmorru qed jagħmlu użu dejjem akbar mit-teknoloġiji l-ġodda u billi parti aktar sinifikanti mill-ħajja soċjali tat-tfal u taż-żgħażagħ qiegħda tiżvolġi online fejn jintużaw teknoloġiji u għodod ta' komunikazzjoni avvanzati u li dejjem qed jevolvu; billi b'konsegwenza l-Internet qed jintuża dejjem aktar minn persuni li potenzjalment u attwalment iwettqu reati sesswali biex jippreparaw għall-abbuż sesswali tat-tfal, b'mod partikolari permezz ta' grooming u pornografija tat-tfal,

1.  Jippreżenta dawn ir-rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill:

   a) biex iħeġġeġ lil dawk l-Istati Membri li għadhom m'għamlux dan sabiex jiffirmaw, jirratifikaw u jimplimentaw il-konvenzjonijiet internazzjonali kollha relevanti , l-ewwel fosthom il-Konvenzjoni CoE billi din tipprovdi protezzjoni addizzjonali għad-drittijiet tat-tfal lil hinn mid-Deċiżjoni ta' Qafas, iżda wkoll il-Protokoll Fakultattiv għall-Konvenzjoni tan-NU rigward il-bejgħ tat-tfal, il-prostituzzjoni tat-tfal u l-pornografija tat-tfal,
   b) biex jgħin lill-Istati Membri fit-titjib tal-leġiżlazzjoni tagħhom kif ukoll fil-kooperazzjoni extraterritorjali fost l-Istati Membri f'dan il-qasam; li jitlob li reati sesswali kontra tfal taħt l-età ta' 18-il sena dejjem jiġu kklassifikati bħala sfruttament tal-minorenni fl-UE kollha, skont ir-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-16 ta' Jannar 2008 msemmija hawn fuq;
   c) biex jippermetti lill-Istati Membri li jeskludu espliċitament ir-rekwiżit ta' inkriminazzjoni doppja biex tiġi deċiża l-ġurisdizzjoni għar-reati stabbiliti bi qbil mad-Deċiżjoni ta' Qafas;
   d) biex iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jikkriminalizzaw kull tip ta" abbuż sesswali tat-tfal;
   Implimentazzjoni tad-Deċiżjoni ta' Qafas
   e) biex jgħin lill-Istati Membri li għadhom ma implimentawx id-Deċiżjoni ta' Qafas kollha kemm hi sabiex jagħmlu dan mill-aktar fis possibbli; b'mod partikolari, jenfasizza l-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni għad-definizzjoni tal-pornografija tat-tfal kif stipulata fl-Artikolu 1(b) tad-Deċiżjoni ta' Qafas, billi jiġu pprovduti mekkaniżmi għall-ħarsien tal-vittmi, u permezz tal-implimentazjzoni tal-Artikolu 8(1)(b) tad-Deċiżjoni ta' Qafas li tittratta l-ġurisdizzjoni extraterritorjali (it-turiżmu sesswali);
   f) biex jappella għal protezzjoni effettiva kontra l-isfruttament tat-tfal billi t-turiżmu sesswali tat-tfal jiġi kkunsidrat bħala reat kriminali f'kull Stat Membru; jappella biex kull ċittadin tal-UE li jikkommetti reat sesswali kontra t-tfal fi kwalunkwe pajjiż fl-UE jew barra mill-UE jkun soġġett għal-leġiżlazzjoni kriminali extraterritorjali uniformi, applikabbli fl-UE kollha;
   g) biex itejjeb, f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni u mal-Istati Membri, il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni ta' Qafas sabiex tinkiseb informazzjoni f'waqtha u sħiħa permezz tal-ħolqien ta' mekkaniżmi li jippermettu lill-Istati Membri li jelenkaw l-informazzjoni rilevanti, inklużi d-definizzjonijiet tar-reati, f'oqsma tematiċi xierqa, biex b'hekk jissimplifikaw il-paragun fost is-sistemi ġudizzjarji tal-Istati Membri;
   h) biex iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jirrappurtaw fid-dettall dwar l-istat tal-kooperazzjoni transkonfinali, b'mod partikolari jekk il-kooperazzjoni mal-NGOs hija prevista fil-liġi jew isseħħ de facto;
   i) biex iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jirrappurtaw dwar id-destinazzjoni tal-assi maħtufa fil-kuntest ta' każ ippruvat ta' prostituzzjoni tat-tfal jew pornografija tat-tfal;
   Ir-Reviżjoni tad-Deċiżjoni ta' Qafas
  j) li jirrevedi d-Deċiżjoni ta' Qafas fuq il-bażi tal-proposti ppreżentati mill-Presidenza tal-Kunsill, u minn kwalunkwe Stat Membru ieħor jew inkella mill-Kummissjoni, biex b'hekk il-livell ta' ħarsien jogħla, talanqas, għal-livell ipprovdut mill-Konvenzjoni CoE u billi l-attenzjoni tiġi aktar iffukata fuq l-abbużi relatati mal-Internet u ma' teknoloġiji oħrajn ta' komunikazzjoni; jirrakkomanda li l-proposti jinkludu d-dispożizzjonijiet li ġejjin:
   il-ħolqien ta' sistemi nazzjonali ta' mmaniġġjar ta' persuni ħatja ta' reati sesswali li jkunu jinkludu evalwazzjoni tar-riskju, kif ukoll programmi ta' intervent sabiex ir-riskju ta' reati ripetuti jiġi evitat jew imminimizzat, u terapiji disponibbli għall-persuni ħatja ta' reati sesswali; programmi ta" intervent u terapija volontarja bħal dawn jistgħu jiġu ffinanzjati mill-baġit ġenerali tal-UE biex jiġi żgurat li l-benesseri tat-tfal ikun il-punt fokali fl-UE kollha;
   it-tisħiħ tal-approċċ imsejjes fuq id-drittijiet tal-bniedem u ffukat fuq il-vittmi;
   il-kriminalizzazzjoni tal-grooming (l-istedin tat-tfal għal skopijiet sesswali) u l-użu tad-definizzjoni ta' grooming ibbażata fuq l-Artikolu 23 tal-Konvenzjoni CoE;
   il-kriminalizzazzjoni tal-involviment f'attivitajiet sesswali ma" individwi taħt l-età ta'18-il sena anke meta hu jew hi jkollhom 'il fuq mill-età tal-kunsens f'każi fejn jintużaw l-isfurzar, il-forza jew it-theddid, jew fejn ikun hemm abbuż minn pożizzjoni ta' fiduċja, ta' awtorità jew ta' influwenza fuq it-tfal, inkluż fil-familja, jew fejn isir abbuż minn sitwazzjoni partikolarment vulnerabbli tat-tfal, l-aktar minħabba diżabilità mentali jew fiżika jew sitwazzjoni ta' dipendenza, jew fejn jingħataw flus jew forom oħra ta' ħlas jew kunsiderazzjonijiet bħala pagament għall-involviment tat-tfal f'attivitajiet sesswali;
   il-kriminalizzazzjoni tal-isfurzar tat-tfal fi żwieġ furzat;
   il-kriminalizzazzjoni tal-fatt li wieħed jattendi konxjament għal preżentazzjonijiet pornografiċi li jinvolvu t-tfal jew li wieħed intenzjonalment iġiegħel lit-tfal sabiex jassistu għal abbuż jew għal attivitajiet sesswali;
   il-kriminalizzazzjoni ta' fornituri ta' chat rooms pedofili jew fora pedofili fuq l-Internet;
   miżuri li jiżguraw li l-Istati Membri, fil-kuntest ta' strateġija komprensiva ta' kooperazzjoni internazzjonali diplomatika, amministrattiva u ta' infurzar tal-liġi, jieħdu l-passi xierqa biex materjal illegali dwar abbuż tat-tfal jitneħħa minn fuq l-Internet fis-sors, u b'hekk il-vittmi jingħataw l-akbar ħarsien possibbli, u jaħdmu mal-fornituri tal-Internet sabiex ineħħu websajts li jintużaw għat-twettiq, jew għar-riklamar tal-possibilità ta' twettiq, ta' reati skont id-Deċiżjoni ta' Qafas;
   l-appoġġ għall-isforzi tal-Kummissjoni f'koperazzjoni mal-kumpaniji l-kbar tal-karti tal-kreditu biex jinvestigaw jekk ikunx teknikament fattibbli li jingħalqu jew jiġu ostakolati s-sistemi ta" ħlas permezz tal-Internet għal websajts involuti fil-bejgħ fuq l-Internet ta'pornografija tat-tfal; kif ukoll it-tħeġġiġ ta'operaturi ekonomiċi oħra, bħal banek, bureaux de change, fornituri tal-Internet u l-kumpaniji tal-magni tat-tiftix biex jieħdu sehem attiv fl-isforzi kontra l-pornografija tat-tfal u għamliet oħra ta" sfruttament sesswali kummerċjali tat-tfal;
   it-tħeġġiġ tal-Istati Membri biex jipprovdu lill-ġenituri bi programmi li jistgħu jitħadmu faċilment, li jippermettulhom li jimblukkaw l-aċċess tat-tfal għal websajts pornografiċi;
   l-adozzjoni ta" miżuri li jħeġġu l-vittmi ta" sfruttament sesswali biex iressqu rikorsi kriminali u ċivili fil-qrati nazzjonali kontra persuni li jwettqu reati sesswali;
   ir-reviżjoni tal-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni Qafas, li jipprovdi biss bażi minima għall-prevenzjoni ta' persuni misjuba ħatja ta' reati sesswali milli jiksbu aċċess għat-tfal permezz ta' impjieg jew attivitajiet voluntarji li jinvolvu kuntatt regolari mat-tfal, inter alia billi l-Istati Membri jiġu meqjusa li għandhom l-obbligu li jiżguraw li l-applikanti għal ċerti pożizzjonijiet ta' xogħol mat-tfal ikollhom il-kondotta tagħhom ċċekkjata, u li joħolqu linjigwida ċari għal min iħaddem dwar l-obbligi tiegħu f'dan ir-rigward;
   l-iffaċilitar ta' kooperazzjoni internazzjonali permezz tal-użu tal-istrumenti pprovduti mill-Artikolu 38 tal-Konvenzjoni CoE;
   l-obbligu ta' dawk li xogħolhom jinvolvi kuntatt regolari mat-tfal li jirrappurtaw sitwazzjonijiet fejn dawn ikollhom biżżejjed raġunijiet biex jissuspettaw abbuż;
   it-titjib tal-identifkazzjoni ta' tfal abbużati permezz tat-taħriġ tal-istaff li jkollu kuntatt kontinwu magħhom u permezz tat-taħriġ tal-persunal tal-infurzar tal-liġi li jista" jiġi f'kuntatt ma" tfal abbużati;
   l-iżgurar tal-aqwa protezzjoni tat-tfal fi proċeduri ġudizzjarji kif ukoll matul l-investigazzjonijiet, sabiex tiġi evitata trawma billi jiġu previsti ċerti arranġamenti dwar il-mod ta' kif tinġabar evidenza minn tfal vittmi;
   il-projbizzjoni ta' riklamar li jħeġġeġ it-twettiq ta' reati stabbiliti skont id-Deċiżjoni Qafas;
   il-kriminalizzazzjoni tal-instigar, l-għajnuna, l-assistenza u l-ippruvar tar-reati kollha stabbili bi qbil mad-Deċiżjoni ta' Qafas;
   it-tħeġġiġ tal-Istati Membri biex jieħdu kull miżura meħtieġa biex jevitaw id-diskriminazzjoni kontra l-vittmi tal-abbuż tat-tfal u l-istigmatizzazzjoni tagħhom,
   it-twessigħ tal-elenku taċ-ċirkustanzi aggravanti li jiddeterminaw is-sanzjonijiet fir-rigward ta' reati stabbilit fi ħdan id-Deċiżjoni ta' Qafas permezz ta' lista taċ-ċirkustanzi aggravanti kif stabbilit mill-Artikolu 28 ta' Konvenzjoni CoE;
   li l-isfruttament tal-pożizzjoni superjuri ta' persuna li twettaq reat (fil-familja, fl-edukazzjoni, f'relazzjonijiet professjonali, eċċ.) jiġi stabbilit bħala ċirkustanza aggravanti;
   k) iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha sabiex joħolqu s-Sistema ta' Notifika għal Tfal Nieqsa sabiex titjieb il-kooperazzjoni fil-livell Ewropew;
   l) li jinħoloq, flimkien mal-Istati Membri u mal-Kummissjoni, programm ta' azzjoni li jkun immirat biex it-tfal li jiġu identifikati bħala abbużati sesswalment fi stampi pornografiċi jingħataw il-protezzjoni u l-appoġġ xierqa;

o
o   o

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-rakkomandazzjoni lill-Kunsill, u għall-informazzjoni, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.

(1) ĠU L 13, 20.1.2004, p. 44.
(2) Testi Adottati, P6_TA(2008)0012.

Avviż legali - Politika tal-privatezza