Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2008/2105(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0495/2008

Testi mressqa :

A6-0495/2008

Dibattiti :

PV 04/02/2009 - 3
CRE 04/02/2009 - 3

Votazzjonijiet :

PV 04/02/2009 - 5.1
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2009)0042

Testi adottati
PDF 410kDOC 340k
L-Erbgħa, 4 ta' Frar 2009 - Strasburgu Verżjoni finali
L-2050: Il-Ġejjieni jibda llum – Rakkomandazzjonijiet għal politika tal-UE integrata fil-ġejjieni dwar il-bidla fil-Klima
P6_TA(2009)0042A6-0495/2008
Riżoluzzjoni
 Anness
 Anness

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Frar 2009 dwar "l-2050: Il-Ġejjieni jibda llum – Rakkomandazzjonijiet għal politika tal-UE integrata fil-ġejjieni dwar il-bidla fil-Klima" (2008/2105(INI))

Il-Parlament Ewropew ,

–   wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tal-25 ta' April 2007 dwar it-twaqqif ta' kumitat temporanju dwar il-bidla fil-klima adottata skond l-Artikolu 175 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu(1) ,

–   wara li kkunsidra l-leġiżlazzjoni ambjentali eżistenti tal-UE li tat kontribuzzjonijiet pożittivi għall-klima fid-diversi oqsma tal-politika (Anness A) kif ukoll wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar il-bidla fil-klima, b'mod partikulari dawk adottati waqt is-sitt perjodu ta' leġiżlatura kurrenti (Anness B),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2007 dwar il-limitar tal-bidla dinjija fil-klima għal 2 gradi Celsius - il-pass il-quddiem għall-Konferenza ta" Bali dwar il-Bidla fil-Klima u lilhinn (COP 13 u COP/MOP 3)(2) ,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-31 ta' Jannar 2008 dwar ir-riżultat tal-Konferenza ta' Bali dwar il-Bidla fil-Klima (COP 13 u COP/MOP 3)(3) ,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' April 2008 dwar il-Green Paper tal-Kummissjoni: "Nadattaw għall-bidla klimatika fl-Ewropa – alternattivi għall-azzjoni ta" l-UE"(4) ,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta" Mejju 2008 dwar il-fatti xjentifiċi tal-bidla fil-klima: sejbiet u rakkomandazzjonijiet għal teħid tad-deċiżjonijiet(5) ,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta" Ottubru 2008 dwar il-bini ta' Alleanza Globali dwar it-tibdil fil-klima bejn l-Unjoni Ewropea u pajjiżi fqar li qed jiżviluppaw li huma l-aktar vulnerabbli għat-tibdil fil-klima(6) ,

–   wara li kkunsidra l-erbatax-il Konferenza tal-Partijiet kontraenti għall-Konvenzjoni ta' Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Bidla fil-Klima (UNFCCC) (COP 14) u r-raba' Konferenza tal-Partijiet kontraenti bħala laqgħa tal-partijiet kontraenti għall-Protokoll ta' Kyoto (COP/MOP 4) mill-1 sat-12 ta' Diċembru 2008 f'Poznań (il-Polonja),

–   wara li kkunsidra l-Agora taċ-Ċittadini dwar il-Bidla fil-Klima tat-12 u t-13 ta' Ġunju 2008,

–   wara li kkunsidra l-Laqgħa Parlamentari Konġunta tal-Parlament Ewropew u tal-parlamenti nazzjonali tal-20 u l-21 ta' Novembru 2008 biex ikunu diskussi l-enerġija u l-iżvilupp sostenibbli,

–   wara li kkunsidra r-riżultati tal-Istħarriġ Nru 300 tal-Ewrobarometru Speċjali dwar l-attitudni tal-Ewropej lejn il-bidla fil-klima,

–   wara li kkunsidra s-smigħ pubbliku u l-iskambju ta' opinjonijiet tal-kumitat temporanju dwar il-bidla fil-klima b'nies ta' kariga għolja u r-riżultati taż-żjarat ta' delegazzjoni,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat Temporanju dwar il-Bidla fil-Klima (A6-0495/2008),

Ideat politiċi ta" gwida

A.   billi l-konservazzjoni tan-natura u tal-umanità hija dmir li jimxi minn ġenerazzjoni għall-oħra,

B.   billi t-tisħin globali u l-bidla fil-klima huwa rikonoxxut bħala theddida serja ħafna, urġenti u artifiċjali,

C.   billi b'mod speċjali fis-sitt-perjodu leġiżlattiv kurrenti, ix-xogħol miksub mill-Parlament Ewropew dwar il-bidla fil-klima huwa sors ta' ispirazzjoni u jirrappreżenta mandat ta' azzjoni għall-formulazzjoni ta' politika integrata Ewropea għall-bidla fil-klima u biex jirrikonċilja l-bidla fil-klima ma" tkabbir ekonomiku sostenibbli,

D.   billi t-Trattat ta' Liżbona jistipula b'mod espliċitu, l-għanijiet u l-kompetenzi tal-Unjoni fil-qasam tal-bidla fil-klima u, jekk jiġi rratifikat, se jsaħħaħ l-irwol tal-Unjoni Ewropea fil-promozzjoni ta" żvilupp sostenibbli u l-ġlieda kontra l-bidla fil-klima,

E.   billi r-rwol prinċipali tal-Unjoni Ewropea fi ħdan il-ġlieda internazzjonali kontra t-tisħin globali u b'mod partikulari r-responsabilità tagħha bħala unjoni ta' pajjiżi żviluppati jagħti sens ta' identita tagħha, u jimplika obbligu fir-rigward taċ-ċittadini Ewropej, mhux biss biex jifformulaw l-għan ta' ħarsien ambjentali fuq żmien medju u żmien twil, iżda biex dawn l-objettivi jintlaħqu permezz ta' miżuri politiċi li jħarsu 'l quddiem, kif ukoll permezz ta" djalogu politiku ma" pajjiżi li qed jiżviluppaw,

F.   billi objettiv ewlieni tal-Unjoni Ewropea rigward kemm il-politika interna tagħha kif ukoll ir-relazzjonijiet esterni tagħha huwa l-promozzjoni tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, u billi b'mod partikulari, l-Unjoni Ewropea tirrikonoxxi d-drittijiet għal ħajja, sigurtà, saħħa, edukazzjoni u protezzjoni ambjentali huma fundamentali, kif ukoll il-ħarsien ta" persuni partikularment vulnerabbli għall-effetti tal-bidla fil-klima, inklużi n-nisa, it-tfal, l-anzjani u persuni b'diżabilitajiet,

G.   billi r-rappreżentanti parlamentari taċ-ċittadini Ewropej, mhux biss fil-mument iżda wkoll fil-ġejjieni, għandhom ikunu ggwidati b'dawn il-prinċipji dwar il-politika tal-klima u bil-prinċipji ta' sostenibilità, responsabilità soċjali u ekwità bejn il-ġenerazzjonijiet, u m'għandhomx jieqfu milli jpoġġu fil-prattika l-objettivi globali neċessarji dwar il-klima,

H.   billi s-soċjetà umana qiegħda taffronta sfida doppja f'termini ta" theddid għas-sistema tad-dinja li tappoġġja l-ħajja, jiġifieri l-bidla fil-klima u l-isfruttament u l-qerda ta" bosta mill-ekosistemi l-iktar importanti; billi hemm ħafna interkonnessjonijiet bejn is-sistema tal-klima u l-ekosistemi – b'mod partikolari l-kapaċità ta" qbid tal-karbonju ta" oċeani u ekosistemi terrestri – u billi l-bidla fil-klima tista" tiġi indirizzata b'mod effettiv fi ħdan il-kuntest ta" ekosistemi sani biss,

I.   billi l-bidla fil-klima għandha impatt partikularment ta" ħsara u ta" spejjeż f'xi zoni, bħal zoni ta" altitudni għolja u zoni kostali,

J.   billi l-impatt tal-bidla fil-klima fuq soċjetajiet umani diġà qed jinħass f'bosta postijiet, bħas-Sahel, fejn il-firxa tad-deżert qed ikollha effett maġġuri, il-Bangladexx, li huwa suġġett għal għarar ripetut, ċerti partijiet tal-Ewropa, u bosta gżejjer fil-Paċifiku li huma destinati li jisparixxu taħt l-ilma,

K.   billi l-bidla fil-klima hija sfida li għaliha ma teżistix soluzzjoni politika waħda, iżda billi l-kombinazzjoni ta' l-opportunitajiet eżistenti u żieda qawwija fl-effiċjenza fl-oqsma kollha tal-ekonomija u s-soċjetà jistgħu jagħtu kontribut għas-soluzzjoni tal-problema ta' riżorsi u d-distribuzzjoni u jwittu t-triq għat-tielet rivoluzzjoni industrijali,

L.   billi miżuri urġenti huma meħtieġa biex ikunu indirizzati l-enerġija u l-faqar tal-fjuwil,

M.   billi skond id-data għall-2006 li pprovdiet l-Aġenzija Ewropea ta' l-Ambjent, il-produzzjoni ta' l-enerġija hija responsabbli għal 30,9% tal-emissjoni totali tal-gassijiet b'effett ta' serra fi ħdan l-UE, it-trasport għal 19,4%, id-djar privati u s-servizzi għal 14,6%, xogħlijiet tal-bini u l-produzzjoni industrijali għal 12,9%, il-biedja għal 9,2%, il-proċessi industrijali għal 8,1% u s-settur tal-iskart għal 2,9%, filwaqt li l-bqija ta' l-emissjonijiet huma kkawżati minn soluzzjonijiet kimiċi u proċessi ta' kombustjoni mhux speċifikati,

N.   billi bosta setturi diġà qed jagħtu kontribut għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gass b'effett ta' serra u bosta opportunitajiet u teknoloġiji li jtejbu l-effiċjenza u li jtaffu l-bidla fil-klima mingħajr ħafna spejjeż diġà huma disponibbli, għalkemm l-applikazzjoni komprensiva tagħhom qed tiġi mblukkata minn ostakli għall-aċċess fis-suq, mill-ixkiel burokratiku u mill-ispejjeż għolja ta' ffinanzjar,

O.   billi miżuri mmirati lejn tnaqqis ta" gass bl-effett serra fil-produzzjoni, użu ta" art u mmaniġġjar ta" skart huma ta" l-ogħla prijorità, billi, madankollu, mhux se jkun possibbli li l-bidla fil-klima tintrebaħ biss bi tnaqqis fi tniġġis f'kull settur individwali; billi, minflok, approċċ sistematiku għall-problema se jkun meħtieġ biex jintlaħqu soluzzjonijiet politiċi bejn is-setturi u biex jintlaħqu tibdiliet għal produzzjoni, il-konsum, l-istil tal-ħajja u tendenzi ta' kummerċ fis-soċjetà b'leġiżlazzjoni koerenti u adattament għal bidla mhux evitata,

Id-dimensjoni internazzjonali: wara l-2012, il-politika esterna dwar il-klima u l-kummerċ internazzjonali

P.   billi n-negozjati għal ftehim ta' wara l-2012 qed isiru taħt it-tmexxija tan-NU skond il- Bali roadmap fl-oqsma ewlenin li ġejjin: tnaqqis ta' l-emissjonijiet u miri ġodda obbligatorji għat-tnaqqis, miżuri ta' adattament, tneħħija ta' siġar u distruzzjoni tal-foresti, żvilupp ta' tekonoloġiji għal miżuri ta' tnaqqis u adattament, ir-riżorsi finanzjarji neċessarji, u finalment ir-reviżjoni tal-mekkaniżmi flessibbli skont il-Ftehimiet ta' Marrakesh dwar il-Protokoll ta' Kyoto,

Q.   billi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), il-Bank Dinji u l-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) għandhom ikunu involuti b'mod qawwi fl-isforz ta" mitigazzjoni,

R.   billi n-negozjati dwar ftehim ta' wara l-2012 għandhom jiġu konklużi fil-Konferenza ta' Copenhagen dwar il-klima (COP 15) fl-aħħar ta' l-2009 sabiex jiġi evitat distakk bejn l-ewwel u t-tieni perjodu ta' impenn,

S.   billi l-Kunsill Ewropew ta' Marzu 2008 enfasizza l-bżonn li n-negozjati dwar il-Bali roadmap jiġu mgħaġġla bil-ħsieb li jiġi adottat ftehim ġdid dwar il-bidla fil-klima b'konformità mal-objettiv ta' l-UE taż-2°C sal-2009,

T.   billi l-bidla fil-klima tista' tkompli tkabbar il-potenzjal ta' konflitt fir-relazzjonijiet internazzjonali, pereżempju permezz ta' emigrazzjoni kkawżata mill-klima, telf ta' art u argumenti dwar il-fruntieri li jiġu kkawżati minħabba għargħar u meta l-linja tal-kosta tersaq 'il ġewwa, kif ukoll konflitti dwar riżorsi meta art li tista' tinħadem tibda tinxtorob jew meta n-nixfa mill-ilma tinfirex,

U.   billi l-Kunsill Ewropew ta' Marzu talab lill-Kummissjoni sabiex tfassal strateġija Ewropea għall-iffinanzjar ta' miżuri biex tiġi missielta l-bidla fil-klima, immirata għat-tnaqqis tal-emissjonijiet u l-adattament marbutin mar-riċerka ta' teknoloġiji b'użu baxx ta' karbonju (low carbon technoloġies) u l-iżvilupp tagħhom kif ukoll it-trasferiment ta' dawn it-teknoloġiji, billi l-iżvilupp u t-trasferiment ta' teknoloġija ambjentali moderna hija rekwiżit essenzjali għas-suċċess ta' l-implimentazzjoni ta' strateġiji globali ta' tnaqqis u adattament tal-emissjonijiet,

V.   billi kemm l-isforzi għall-mitigazzjoni kif ukoll dawk għall-adattament huma ta' importanza kruċjali; billi l-pajjiżi industrijalizzati għandhom responsabiltà storika għall-bidla fil-klima; billi l-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw ftit ikkontribwixxew għall-bidla fil-klima iżda madankollu huma l-iktar milquta minnha; billi l-fondi disponibbli għall-ġlieda kontra l-bidla fil-klima fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw huma insuffiċjenti u għandhom jiżdiedu sostanzjalment kif inhu xieraq,

W.   billi t-trasferiment tat-teknoloġija qed jiġi mxekkel bit-tħassib dwar il-proprjetà intellettwali, mill-istituzzjonijiet politiċi dgħajfa u mill-assenza tal-istat tad-dritt, kif ukoll min-nuqqas ġenerali ta' kapital,

X.   billi id-WTO ma tirrappreżentax forum ta' negozjati alternattiv għall-azzjoni internazzjonali għall-ħarsien tal-klima, u billi mingħajr suċċess fil-konklużjoni tan-negozjati ta' wara l-2012 il-kummerċ dinji ma jkunx mistenni li jikkumbatti l-bidla fil-klima,

Y.   billi l-impatt tal-karbonju tal-UE jinkludi gassijiet bl-effett serra li jniġġsu waqt il-produzzjoni ta" prodotti kkunsmati fl-Ewropa iżda prodotti x'imkien ieħor,

Enerġija

Z.   billi ż-żejt huwa s-sors ta' enerġija l-aktar importanti madwar id-dinja, responsabbli għal madwar 35% tal-konsum ta' l-enerġija primarja, segwit mill-faħam b'25% u l-gass naturali b'21%; billi, madanakollu, iż-żmien ta' l-enerġija fossili rħisa u abbondanti qed jiġi fi tmiemu,

AA.  billi skont id-data tal-Eurostat, fl-2006, 33,5% tal-importazzjoni taż-żejt tal-UE ġew mir-Russja, 15.8% min-Norveġja u 27% mill-pajjiżi Għarab u billi 42% tal-importazzjonijiet tal-gass tal-UE ġew mir-Russja, 24,2% min-Norveġja u 25,9% mill-pajjiżi Għarab,

AB.   billi l-Aġenzija Ewropea tal-Enerġija qed tipprevedi żieda ta' mill-inqas 60% fil-ħtiġijiet dinjin tal-enerġija sal-2030, li parti minnu se jkunu responsabbli għalih il-pajjiżi emerġenti,

AC.   billi l-iżviluppi fis-swieq tal-enerġija jgħin fil-għan tal-objettivi klimatiċi, peress li żidiet spinti mis-suq tal-prezzijiet tal-enerġija jiffurmaw inċentivi importanti għal użu sostenibbli ta' riżorsi u b'hekk konsum ta" "-footprint tal-karbonju" baxx,

AD.   billi fuq terminu ta' żmien medju sa żmien twil il-bżonn dejjem jiżdied ta' l-enerġija assolutament ma jistax ikun kopert biss mill-fjuwils fossili, u billi d-deċiżjonijiet dwar l-investment fis-snin li ġejjin se jiddeterminaw l-istruttura tas-sistema ta' l-enerġija u l-kompożizzjoni tat-taħlita ta' l-enerġija għall-għexieren ta' snin li ġejjin,

AE.  billi l-bżonn ta' enerġija dejjem jiżdied jeħtieġ numru ta' miżuri kumplimentari, bħall-modernizzazzjoni meħtieġa b'mod urġenti tal-impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-fjuwils fossili li jeżistu bil-ħsieb ta' titjib enormi fl-effiċjenza, il-bini ta' impjanti tal-enerġija ġodda u l-espansjoni kostanti ta' sorsi tal-enerġija li jiġġeddu,

AF.   billi frankar ta" enerġija huwa fuq perjodu ta" żmien fit-tul l-aktar effettiv meta mqabbel man-nefqa u l-aktar mod nadif ta" frankar ta" riżorsi u b'hekk jissielet il-bidla fil-klima, u billi sforzi mwettqa u msaħħa biex isaħħu l-effiċjenza ta' enerġija tal-UE se jwasslu għal soluzzjonijiet strutturali wiesgħa fl-ekonomija, b'hekk iwasslu għal ekonomija li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent bi tniġġis ta' karbonju baxx,

AG.   billi l-użu tal-enerġija nukleari – irrispettivament mid-disponibilità ta' l-uranju – xorta jqajjem il-kwistjoni tal-ħżin aħħari tal-iskart nukleari, li għadha ma' ġietx solvuta, u d-distribuzzjoni tat-teknoloġija lejn stati fejn m'hemmx demokrazija,

AH.   billi l-proġett tar-Reattur Termonukleari Sperimentali Internazzjonali sar ċentru ta" żvilupp ta" kapital qawwi għal fużjoni nukleari bħala sors ġdid ta" enerġija possibbli għall-futur, u billi kull kontribuzzjoni għas-suq tal-enerġija jista" jkun mistenni biss fil-perjodu ta" żmien fit-tul ħafna,

Bijofjuwils

AI.   billi l-politika attwali tal-bijofjuwils trid tkun viżibbli f'perspettiva globali, fejn min-naħa hemm kompetizzjoni tikber għal art produttiva u min-naħa l-oħra hemm ħtieġa tiżdied għal enerġija li terġa" tiġġedded, b'mod partikulari fis-settur tat-trasport,

AJ.   billi l-produzzjoni tal-bijomassa toffri lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw opportunitajiet ekonomiċi ġodda għall-produzzjoni tal-enerġija u bħala fjuwil, u tirrendihom anqas dipendenti mill-importazzjoni tal-enerġija, dejjem jekk din il-produzzjoni tkun sostenibbli u ma twassalx pereżempju, għal monokulturi jew għal kompetizzjoni rigward il-produzzjoni tal-ikel,

AK.   billi l-potenzjal ta' tnaqqis fl-emissjonijiet ta' bosta bijfjuwils tal-ewwel ġenerazzjoni meta mqabba ma' fjuwils konvenzjonali ġie rivedut b'valur aktar baxx, f'ċerti każi b'mod sostanzjali, wara analiżi komprensiva taċ-ċiklu tal-ħajja, u kwistjonijiet ta' sostenibilità, impatt ambjentali u disponibilità ta' art tal-biedja f'kompetizzjoni mal-produzzjoni ta' l-ikel għadhom ma ġewx solvuti b'mod soddisfaċenti,

AL.  billi politika tal-bijofjuwils sostenibbli għandha tkun orjentata mhux biss biex jiġu determinati kriterji ta' sostenibilità għall-produzzjoni ta' bijofjuwils tal-ewwel ġenerazzjoni iżda wkoll għall-iżvilupp ta' bijofjuwils tat-tieni ġenerazzjoni ħielsa mill-ideoloġiji,

AM.   billi l-industrija taż-żejt se tibni l-infrastruttura komprensiva neċessarja għall-fjuwils ġodda biss meta jkun hemm domanda suffiċjenti għall-bijofjuwils, iżda billi l-industrija tal-karozzi għamlet avvanzi teknoloġiċi li tippermetti li kwalunkwe taħlita ta' petrol u bijofjuwils tiġi identifikata b'sensor fil-vettura, tagħmir li jippermetti anki lill-vetturi eqdem jaħdmu bil-bijofjwuil, biex b'hekk jinkiseb tnaqqis fl-emissjonijiet ta' CO2 fit-tipi kollha ta' vetturi eżistenti,

AN.  billi l-potenzjal tal-bijofjuwils jista" jitwettaq biss jekk ikunu stabbiliti bħala komponent fl-iżvilupp ta" sistemi ta" trasport sostenibbli, inkluż l-iżvilupp u l-użu ta" vetturi effiċjenti ħafna fil-fjuwil,

Effiċjenza fl-Enerġija

AO.   billi bosta Stati Membri m'għandhomx strateġija ċara għal effiċjenza fl-enerġija,

AP.   billi l-Istati Membri għandhom itejbu u jespandu l-użu ta" ċertifikati ta" effiċjenza fl-enerġija, u jgħaqqdu r-rakkomandazzjonijiet ma" inċentivi finanzjarji,

AQ.   billi konsum ta" enerġija li jonqos flimkien ma" effiċjenza fl-enerġija f'livell individwali jew tal-komunità joħloq impjiegi u kummerċ ġodda u jiġġieled il-faqar tal-enerġija,

AR.   billi s-settur tal-kostruzzjoni huwa responsabbli għal 40% tal-konsum finali ta' l-enerġija, u 33% ta' l-emisjonijiet ta' gass b'effett ta' serra huma ġenerati mill-ambjent mibni,

AS.   billi s-settur tal-kostruzzjoni (bini residenzjali, kummerċjali u bini pubbliku) għandu potenzjal kbir ħafna li jitnaqqas is-CO2 bi spejjeż raġjonevoli bil-modernizzazzjoni tal-insulazzjoni termali u sistemi ta' tisħin u tkessiħ, tagħmir elettroniku u sistemi ta' ventilazzjoni,

AT.   billi djar b'konsum baxx ta" enerġija huma attraenti, ta" tendenza u mhux ta" spiża għolja,

AU.  billi l-iskonnessjoni ta" tkabbir fil-konsum tal-enerġija mit-tkabbir ekonomiku bl-investiment fl-effiċjenza tal-enerġija fis-setturi kollha hija objettiv ewlieni tal-UE,

AV.  billi hemm bżonn ta" żvilupp tal-istrumenti finanzjarji, ta' allokazzjoni tar-riżorsi baġitarji meħtieġa għat-titjib tal-effiċjenza fl-enerġija u ta' reviżjoni u aġġustament kostanti tal-istandards ta' effiċjenza għat-tagħmir elettriku u elettroniku b'konformità mal-iżviluppi fis-suq, kif ukoll ta' estensjoni tal-istandards biex ikopru tagħmir kbir industrijali u biex tiġi kkunsidrata li jsir obbligatorju għat-tagħmir li jkollu funzjoni li tippermetti li jintefa,

Mobiltà u loġistika

AW.   billi s-separazzjoni tat-tkabbir fit-trasport mit-tkabbir fl-ekonomija b'mod ġenerali hija oġġettiv ewlieni tal-politika tat-trasport ta' l-UE, u billi d-domanda għas-servizzi tat-trasport madankollu issuperat it-tkabbir tal-GDP u s-sehem diġà għoli tat-trasport mill-emissjonijiet ta' gass tal-UE b'effett ta' serra għalhekk qed ikompli jikber,

AX.   billi t-trasport attwalment huwa responsabbli għal madwar terz tal-konsum finali tal-enerġija fl-UE u s-settur tat-trasport huwa kważi kompletament dipendenti (97%) fuq fjuwils ibbażati fuq iż-żejt (il-petrol u d-diżil),

AY.   billi l-emissjoni tal-gass tal-UE b'effett ta' serra mill-1990 sa l-2005 kienu jinżlu b'14% minflok b'7.9% kieku s-settur tat-trasport laħaq l-istess rati ta' tnaqqis bħal f'setturi oħra,

AZ.   billi 80% tal-popolazzjoni ta' l-Ewropa jgħixu f'żoni urbani, fejn jiġu prodotti 40% tal-emissjonijiet kollha ġejjin mit-trasport, filwaqt li l-konġestjoni tat-trasport, li ukoll hija kkonċentrata f'żoni urbani, tiswa lill-UE madwar 1% tal-GDP tagħha,

BA.   billi minn naħa waħda l-mobilità urbana hija direttament marbuta mal-kwalità individwali tal-ħajja, filwaqt li min-naħa l-oħra huwa t-trasport individwali fil-bliet li jikkontribwixxi sostanzjalment għall-emissjonijiet tal-gass b'effett ta' serra u problemi ambjentali oħra bħat-tniġġis tal-arja u l-ħsejjes, sabiex minflok ma titjieb il-kwalità tal-ħajja għal bosta ċittadini s-saħħa tiġi effettwata kunsisderevolment b'mod ħażin,

BB.   billi nofs il-vjaġġi kollha li jagħmlu ċ-ċittadini Ewropej huma iqsar minn 5 km,

BC.   billi 60% tal-vjaġġi kollha bil-karozza u 90% tal-vjaġġi magħmula bil-ferrovija fit-trasport reġjonali u l-vaġġi lejn ix-xogħol kuljum mhumiex itwal minn 30km,

BD.   billi t-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija u fuq l-ibħra naqas bejn l-2001 u l-2006 (minn 18,6% għal 17,7% u minn 6,5% għal 5,6% rispettivament) filwaqt li t-trasport tal-merkanzija bit-triq żdied (minn 74,9% għal 76,7%),

BE.   billi t-trasport tal-passiġġieri u l-merkanzija fuq l-ilma huwa wieħed mill-mezzi ta' trasport effiċjenti għal dik li hija enerġija u l-proporzjon ta' merkanzija trasportata bil-baħar fl-UE huwa madwar 40%,

BF.   billi huwa stmat li l-enerġija kkunsmata għal kull tunnellata ta' merkanzija u l-kilometri ta' vjaġġi bit-trasport fuq ibħra interni tammonta għal wieħed minn sitta tal-konsum ta' l-enerġija tat-trasport bit-triq u nofs dak tat-trasport bil-ferrovija,

BG.   billi programmi bħal Marco Polo u NAIADES kienu użati b'mod mhux suffiċjenti minn Stati Membri biex iressqu t-trasport għal merkanzija għal kanali ta' ilma qrib l-art u għal ibħra,

BH.   billi l-kummerċ fuq rotot lilhinn mix-xtut qed jiżdied u t-tendenza fil-bini tal-vapuri hija aktarx favur vapuri kbar tal-kontejners jew tal-passiġġieri li jikkunsmaw aktar żjut tqal u b'hekk iniġġsu l-ambjent b'aktar ħsara minn qabel, u fl-istess ħin it-tbaħħir internazzjonali ma jiffurmax parti mill-isforzi internazzjonali biex tiġi kkumbattuta l-bidla fil-klima,

BI.   billi fuq naħa waħda l-liberalizzazzjoni u d-deregolazzjoni gradwali tas-settur ta' l-avjazzjoni tul l-aħħar għaxar snin kien rekwiżit essenzjali għall-iżvilupp dinamiku tat-trasport bl-ajru Ewropew, b'żieda ta' 49% fit-titjiriet tal-passiġġieri fl-UE mill-1999 sal-2004, filwaqt li mill-banda l-oħra l-emissjonijiet CO2 mis-settur b'mod ġenerali żdiedu b'79% mill-1990 sal-2005,

BJ.   billi t-tkabbir fis-settur tat-trasport bl-ajru qed ikompli jżid l-impatt tiegħu fuq l-ambjent minkejja t-titjib tekniku u operazzjonali, iżda billi s'issa d-diskussjonijiet dwar standards obbligatorji tal-emissjonijiet għall-magni tal-ajruplani kienu limitati sabiex jiġġeneraw titjib teknoloġiku fil-mekkaniżmi ta' propulsjoni tagħhom u ma jeżistux studji dwar possibilitajiet ta' implimentazzjoni,

BK.   billi l-Kummissjoni u l-Istati Membri niedu l-Inizjattiva ta" Teknoloġija Konġunta "Clean Sky" u l-programmi "Riċerka ta' Maniġġjar tat-Traffiku tal-Ajru Sema' Ewropea Waħda (SESAR), Sistema ta' Navigazzjoni tas-Satellita Ewropeea (Galileo) u Monitoraġġ Globali għall-Ambjent u s-Sigurta (GMES), kif ukoll proġetti ta" riċerka għal sistemi ta" trasport intelliġenti, bil-ħsieb li tittejjeb l-effiċjenza fl-enerġija fil-qasam tat-trasport,

BL.   billi minħabba t-trasport bl-ajru mhux biss is-CO2 iżda wkoll ossidi tan-nitroġenu, fwar ta' l-ilma, u partikolati ta' sulfati u karbonju jidħlu fl-atmosfera li skond stimi tal-Panel Internazzjonali dwar il-Bidla fil-Klima (IPCC) jintensifikaw l-effett ġenerali tal-emissjonijiet mill-avjazzjoni b'fattur ta' 2 sa 4, u fl-istess ħin dawn l-istimi ma jqisux l-effett addizzjonali tal-formazzjoni ta' sħab tar-riħ (cirrus),

BM.   billi ċ-ċittadini u l-ekonomiji tar-reġjuni l-aktar imbiegħda huma estremament dipendenti fuq it-trasport bl-ajru għal mobilità u l-iżvilupp tagħhom,

BN.   billi għandu jkun enfasizzat li, f'perjodu ta" żmien fit-tul, l-aktar mod effiċjenti ta" tnaqqis ta" emissjonijiet bbażati fuq trasport huwa billi jitnaqqas it-tkabbir ta" trasport b'mod sħiħ billi t-trasport pubbliku jkun alternattiva aktar attraenti għal karozzi tal-passiġġieri, żieda fil-volum ta" trasport tal-ferrovija u l-iżgurar li ppjanar urban u infrastrutturali iqis il-ħtieġa assoluta li jitnaqqas l-użu tal-vetturi tal-passiġġieri,

Turiżmu u wirt kulturali

BO.   billi studju miċ-Ċentru tal-Wirt Kulturali Dinji tal-UNESCO jistipula li wieħed minn għaxra tas-siti kollha tal-wirt kulturali dinji u pajsaġġ tradizzjonali huma mhedda bl-effetti tal-bidla fil-klima,

BP.   billi skond l-Organizzazzjoni Dinjija tat-Turiżmu tan-NU, l-Ewropa hija reġjun turistiku l-aktar importanti fid-dinja, responsabbli għal 55% tal-wasliet internazzjonali kollha tat-turisti fl-2006,

BQ.   billi l-bidla fil-klima tista' tibdel il-flussi tat-turisti li jistgħu jġibu magħhom żvantaġġi ekonomiċi kbar ħafna għar-reġjuni tal-vakanzi milquta,

Skema ta' skambju ta' kwoti tal-emissjonijiet u Emissjonijiet ta' l-industrija

BR.   billi s-Sistema tal-Iskambju tal-Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS) tal-Unjoni Ewropea hija strument uniku biex jinkiseb tnaqqis fl-emissjonijiet b'effiċjenza massima u tista' sservi ta' mudell għal skemi simili, għalkemm il-kompatibilità ta' skemi bħal dawn tkun trid tiġi ggarantita,

BS.   billi s-setturi industrijali huma essenzjali biex jilħqu l-miri ta" tnaqqis ta" tniġġis ta" gass bl-effett serra stabbiliti mill-Kunsill Ewropew u billi huma għandhom ikunu inkoraġġuti biex inaqqsu aktar it-tniġġis ta" gass b'effett serra industrijali tagħhom, waqt li jibqgħu kompetittivi,

BT.   billi l-idea bażika tal-Clean Development Mechanism (CDM) u l-Joint Implementation (JI), li hija t-tixrid tat-teknoloġiji moderni u effiċjenti, għanda taħdem fir-realtà; billi CDM/JI għandhom ikunu limitati għal proġetti ta" kwalità għolja li jipprovdu tnaqqis addizzjonali dokumentat fi tniġġis ta" gass bl-effett serra,

Biedja u tkabbir ta" annimali

BU.   billi l-bidliet fil-prattiki tal-biedja, il-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE u r-riformi strutturali l-aktar reċenti fil-Politika Agrarja Komuni jimmiraw lejn is-sostenibilità u għalhekk indirettament – permezz tal-użu impost tar-riżorsi disponibbli – iġibu tnaqqis fl-emissjonijiet,

BV.   billi l-agrikoltura tniġġes b'gassijiet bl-effett serra iżda tikkontribwixxi wkoll pożittivament għat-tnaqqis ta' tniġġis ta' gass bl-effett serra, u tbagħti wkoll direttament mill-effett negattiv tal-bidla fil-klima għal konsegwenzi ekonomiċi u soċjali differenti tul reġjuni tal-Ewropa,

BW.   billi l-koltivazzjoni wiesgħa tal-għalf għat-tkabbir tal-annimali tikkontribwixxi b'mod sostanzjali għall-emissjonijiet totali ta' gass b'effett ta' serra ġejjin mill-agrikultura,

BX.   billi oġġettivi klimatiċi speċifiċi, bħal rekwiżiti obbligatorji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan u ossidu nitriku, huma nieqsa fil-biedja, bħalma huma skemi ta' inċentivi biex jiġu sfruttati l-potenzjali eżistenti ta' tnaqqis fl-emissjonijiet,

BY.   billi t-tkabbir tal-annimali b'mod aktar naturali jkollu benefiċċji sinifikattivi għall-ambjent għal dak li huwa ħarsien tal-pajsaġġ u l-konservazzjoni tal-mergħat, filwaqt li jonqos ukoll l-użu tal-enerġija u jonqsu l-emissjonijiet,

BZ.   billi l-istokkijiet tal-annimali għandhom ikunu adattati għall-artijiet disponibbli, u billi prattiki sostenibbli fil-mergħat jistgħu jevitaw l-erożjoni tal-ħamrija fiż-żoni fejn jirgħu l-bhejjem,

Foresti

CA.  billi l-foresti huma prezzjużi ħafna għall-bijosfera u għandhom bosta funzjonijiet fl-ekosistema globali, u billi l-valur ekonomiku attwali allokat għall-foresti ma jistax jikkunsidra l-eko-sistema tagħhom jew il-valur soċjali/soċjetali,

CB.   billi l-foresti għandhom rwoli bit-tliet dimensjonijiet fit-tnaqqis tal-bidla fil-klima: hekk kif l-istokkijiet ta" karbonju permezz ta" użu sostenibbli u ħarsien ta" foresti, hekk kif il-karbonju jinżel taħt il-firxa tal-foresti u bħala sostitut ta" fjuwils fossili u prodotti fossili bħala materja prima li terġa' tiġġedded,

CC.   billi "l fuq minn 30% tal-massa ta" art tad-dinja hija koperta bil-foresta, li hija l-post ta" aktar minn żewġ terzi tal-ispeċi kollha li jgħixu fid-dinja, u billi xi 30% ta" tniġġis annwali minn gass bl-effett serra huwa assorbit mill-foresti,

CD.   billi fuq naħa waħda l-foresti għandhom rwol kruċjali biex irażżnu l-bidla fil-klima filwaqt li min-naħa l-oħra terz tal-foresti tad-dinja huma effettwati mill-konsegwenzi tal-bidla fil-klima,

CE.   billi l-aktar problema serja li twassal għad-distruzzjoni tal-foresti tinsab fil-fatturi soċjo-ekonomiċi bħall-faqar u n-nuqqas ta' żvilupp, istituzzjonijiet politiċi dgħajfa u l-assenza tal-istat tal-liġi, kif ukoll kundizzjonijiet inġusti ta' proprjetà u l-korruzzjoni li jistgħu, fost konsegwenzi oħrajn, iwasslu għal qtugħ u qerda illegali ta" foresti,

CF.   billi l-qerda tal-foresti permezz tad-deforestazzjoni, il-qtugħ mhux sostenibbli taz-zkuk s-siġar għall-injam jew nirien ikkawżati inter alia minn temperaturi għoljin, tikkontribwixxi b'mod sinifikanti għall-emissjonijiet tas- CO2,

CG.  billi m'hemmx biżżejjed strateġiji u programmi għal żriegħ mill-ġdid ta" foresti li kienu meqruda,

CH.   billi l-forma ta" pjanti tal-foresti fl-UE ma tirriflettix il-karatteristika ta" pjanti mħallta fl-Ewropa,

Protezzjoni tal-ħamrija

CI.   billi d-diversi tipi ta' ħamrija fl-Ewropa qed ikollhom ħsara irriversibbli b'rata aktar mgħaġġla minn qatt qabel, u din il-ħsara qed tiġi intensifikata mill-bidla fil-klima,

CJ.   billi meta l-permafrost jinħall in-natura tal-ħamrija tinbidel fl-emisfera ta' fuq u joħorġu kwantitajiet addizzjonali sinifikattivi ta' metan fl-atmosfera,

Immaniġġjar tal-ilma

CK.   billi d-disponibilità tar-riżorsi tal-ilma, il-forniment tal-ilma għax-xorb, il-konsum tal-ilma u t-trattament tal-ilma tad-dranaġġ huma marbuta mill-qrib mal-kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali,

CL.   billi l-inugwaljanzi reġjonali fl-Ewropa fir-rigward tar-riżorsi tal-ilma disponibbli qed jiġu intensifikati aktar minħabba l-bidla fil-klima,

Sajd

CM.   billi l-ħut u l-frott tal-baħar huma sors importanti ta' nutriment, u billi l-oċean huwa l-akbar ġibjun ta' karbonju fid-dinja u jservi bħala sors tal-bijomassa u l-materja prima,

CN.   billi r-riżorsi ta' nutriment mill-baħar diġà qed jiġu sfruttati bil-kbir,

Immaniġġjar tal-iskart u tar-riżorsi

CO.   billi l-ġerarkija tal-iskart hija prinċipju ewlieni li jiggwida t-tnaqqis tal-bidla fil-klima fis-settur tal-iskart,

CP.   billi għandu jkun rikonoxxut li l-leġiżlazzjoni Ewropea dwar l-iskart flimkien ma" innovazzjonijiet dwar ir-rimi tal-iskart u ż-żieda fl-użu ta" prodotti riċiklati diġà għandhom impatt pożittiv fuq l-ambjent u qed jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra mis-settur tal-iskart, għalkemm mhux kull potenzjal għadu qed jiġi sfruttat,

CQ.   billi l-kwantità tal-iskart sfortunatament dejjem qed tiżdied minkejja l-isforzi kollha biex titnaqqas,

Miżuri ta' adattament

CR.   billi miżuri ta' adattament ta' kull tip jirrappreżentaw assikurazzjoni għall-futur, bil-ħsieb li tittaffa l-ħsara mill-emissjonijiet tal-gass b'effett ta' serra tal-passat u ż-żieda fit-temperatura li rriżultat,

CS.  billi l-użu ta' analiżi tal-ispejjeż meta mqabbel mal-benefiċċju li jinkiseb fl-iżvilupp ta' miżuri ta' adattamet mhux biżżejjed biex tkun iggarantita protezzjoni minima meħtieġa għall-gruppi kollha tal-popolazzjoni; billi, bil-ħsieb ta" miżuri bħal dawn, l-effetti lokali tal-bidla fil-klima jeħtieġ li jkunu analizzati bħala kwistjoni ta" urġenza,

CT.   billi skont ir-Rapport tal-Millennju ta' Evalwazzjoni tal-Ekosistema l-konsum tar-riżorsi naturali attwalment qed jhedded żewġ terzi tal-ekosistemi kollha, iżid il-vulnerabilità fil-konfront tal-bidla fil-klima u b'hekk ikompli jintensifika l-pressjoni biex jiġu elaborati miżuri ta' adattament kemm jista' jkun malajr,

CU.  billi r-rapport konġunt tal-EEA, il-JRC (Ċentru ta" Riċerka Konġunta) u l-WHO (Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa) bit-titolu "Impatti tal-bidla tal-klima fl-Ewropa" jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-vulnerabilità għal bidla fil-klima tvarja ħafna minn reġjun għall-ieħor u fis-setturi fl-Ewropa, li tolqot l-aktar reġjuni fil-muntanji, zoni kostali, lill-Mediterran u lill-Artiku, u billi dan ir-rapport jenfasizza li, minbarra tnaqqis imsaħħaħ ta' tniġġis globali ta' gass bl-effett serra, miżuri ta' adattament proattivi huma meħtieġa fil-livell Ewropew u nazzjonali biex jimmoderaw l-effetti,

Saħħa

CV.   billi ħafna mill-effetti tal-bidla fil-klima fuq is-saħħa, kif rapportat mid-WHO, jistgħu jiġu mrażżna billi jiġu ppjanati u msaħħa s-sistemi tas-saħħa b'miżuri xierqa ta' prevenzjoni, b'attenzjoni partikolari għat-tixrid ta" mard tropikali, u permezz ta" kampanji ta" informazzjoni pubbliċi li jindirizzaw b'mod speċifiku l-gruppi vulnerabbli bħalma huma n-nisa tqal, it-trabi tat-twelid, it-tfal u l-anzjani,

CW.  billi l-Pjan ta" Azzjoni tal-Ambjent u tas-Saħħa Ewropew 2004-2010 ċarament mhux adegwat biex jindirizza l-kawżi ambjentali li jaffettwaw is-saħħa, speċjalment dawk ġejjin mill-bidla fil-klima,

Tkabbir u Impjiegi

CX.   billi l-miri tal-politika dwar il-klima li sar ftehim dwarhom fil-Kunsill Ewropew ta' Marzu 2007 jistgħu jiġu attwati teknikament u ekonomikament u joffru opportunitajiet ta' negozju uniċi għal eluf ta' kumpaniji tal-UE,

CY.   billi ħafna negozji għadhom ma rrikonoxxewx suffiċjentement l-opportunitajiet u r-riskji marbuta mal-bidla fil-klima,

CZ.   billi l-azzjoni li għaliha ttieħed impenn biex tiġi missielta l-bidla fil-klima hija kompatibbli ma tkabbir ekonomiku kontinwu u prosperità; billi hija tista" tirrappreżenta investiment effettiv b'funzjoni importanti kontra r-reċessjoni u trid tidher bħala sfida għal tibdil strutturali wiesa" li għandu bħala l-objettiv tagħhom l-iżvilupp ta" ekonomija li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent realment,

DA.   billi huwa aktar probabbli li jkun hemm ristrutturazzjoni tal-impjiegi fi ħdan industriji partikolari milli bejn industrija u oħra,

Promozzjoni ta' teknoloġiji tal-ġejjieni

DB.   billi l-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet hija l-qofol prinċipali tal-programm Ewropew dwar il-bidla fil-klima bil-ħsieb li jinkiseb livell aktar baxx ta' emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra permezz ta' effiċjenza akbar, billi l-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet waħdu mhuwiex suffiċjenti biex jinsab mod kif noħorġu mill-impass tas-CO2 u biex tinbeda rivuluzzjoni fuq skala wiesgħa fil-qasam tat-teknoloġiji ta' CO2 baxx,

DC.   billi l-kisba tal-miri ta" tnaqqis tal-bidla fil-klima teħtieġ mekkaniżmi xierqa ta" kontroll finanzjarju li jinkludu l-iżvilupp u l-applikazzjoni ta" teknoloġiji effiċjenti fl-enerġija u nodfa,

DD.   billi djar sostenibbli joffru potenzjal enormi għal ħolqien tax-xogħol,

DE.   billi effiċjenza mtejba waħeda biss mhux se twassal għal rivoluzzjoni teknoloġika, iżda se teħtieġ strateġija integrata fil-livell tal-UE, nazzjonali u lokali biex tingħata spinta għar-riċerka u l-iżvilupp (R&D) f'teknoloġiji u proċessi ġodda u avvanzati, u biex tissaħħaħ l-adozzjoni tagħhom,

DF.   billi l-qabda u l-ħażna ta" karbonju (CCS) diġà qed jiġi applikat fuq skala żgħira f'oqsam varji – p.e. l-estrazzjoni taż-żejt u l-gass – iżda għadu fl-ewwel stadji bħala teknoloġija importanti li tikkumbatti l-bidla fil-klima,

DG.   billi l-ispejjeż u r-riskji xorta jissuperaw il-vantaġġi ekonomiċi, u l-effettività tal-impjanti tal-enerġija li jużaw is-CCS qed tonqos minkejja l-użu tal-aħħar teknoloġija,

DH.   billi t-teknoloġija tal-qbid u l-ħżin tas-CO2 (CCS), bħala teknoloġija intermedjarja fit-triq lejn it-tneħħija tal-karbonju fis-sistema tal-enerġija, tista' tikkontribwixxi għas-soluzzjoni tal-kwistjoni tat-tnaqqis ta' emissjonijiet CO2 mill-impjanti tal-enerġija u tista' sservi biex tikkumplimenta teknoloġiji rinnovabbli, iżda billi s-CCS hija teknoloġija tat-tip 'end-of-pipe',

Sistemi intelliġenti tal-kompjuter u Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (ICT)

DI.   billi s-settur tal-ICT attwalment jipproduċi 2% tal-emissjonijiet globali tas-CO2, iżda l-industrija hija kapaċi mhux biss li tnaqqas l-emissjonijiet CO2 tagħha stess iżda b'mod partikolari li tiżviluppa applikazzjonijiet innovattivi u aktar effiċjenti f'dik li hija enerġija għall-ekonomija b'mod ġenerali,

Fianzjament u kwistjonijiet baġitarji

DJ.  billi l-baġit attwali tal-UE huwa insuffiċjenti biex jintlaħqu l-oġġettivi tal-klima, peress li l-prijorità politika tal-ġlieda kontra l-bidla fil-klima ma ngħatatx l-approprjazzjonijiet baġitarji neċessarji,

DK.  billi fil-qafas finanzjarju li ġej, l-approprjazzjonijiet baġitarji se jiġu allokati biex jikkumbattu l-bidla fil-klima u tinħoloq politika Ewropea ta' adtattament, sabiex jiġi żgurat li l-UE ikollha "baġit għall-bidla fil-klima" suffiċjenti għall-perjodu baġitarju li jmiss wara l-2013,

DL.  billi l-ġlied kontra l-bidla fil-klima trid titqies fil-politiki tal-UE kollha; billi, konsegwentement, l-UE ma tistax tkompli tqassam mill-ġdid riżorsi attwali iżda għandha tippromwovi l-ħolqien ta" riżorsi ġodda biex tiffinanzja l-karatteristika transkonfinali fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima,

Edukazzjoni, taħriġ, rappurtar, tikkettar u ħolqien ta' kuxjenza

DM.   billi miżuri ta" politika soċjali u ekonomika biex jiġġieldu l-bidla fil-klima jintroduċu trasformazzjoni kulturali li se tibdel użanzi u stili ta" ħajja stabbiliti, iżda billi mhux se jkun possibbli li jintlaħaq konsum ġenwinament sostenibbli u użu ta" materja prima fl-oqsma kollha tas-soċjetà mingħajr tibdil fil-ħsieb u fl-imġieba, li għalihom mudelli ġodda ta" konsum u ta" stili ta" ħajja jridu jkunu żviluppati,

DN.   billi l-bidla fil-klima se tagħti spinta lill-modernizzazzjoni teknoloġika, li l-opportunità ekonomika tiegħu tista' tiġi sfruttata biss jekk ikun hemm disponibbli biżżejjed ħaddiema speċjalizzati fis-suq tax-xogħol,

DO.   billi l-istħarriġ speċjali tal-Eurobarometer (Special Eurobarometer No 300) juri b'mod ċar li l-bidla fil-klima hija meqjusa bħala problema serja ħafna minn maġġoranza wiesgħa ta' persuni li wieġbu fl-istħarriġ fl-Ewropa, iżda bosta persuni ilmentaw dwar nuqqas ta' informazzjoni u billi inizjattivi personali biex jiġi affrontat it-tisħin globali għandhom it-tendenza li jiġi limitati għal miżuri sempliċi bħas-separazzjoni tal-iskart jew konsum aktar baxx tal-enerġija u tal-ilma li ma jġibu magħhom l-ebda bidla drastika fil-ħajja ta' kuljum,

DP.  billi teżisti l-informazzjoni meħtieġa biex wieħed jeżamina d-drawwiet ta' mobilità tiegħu stess fir-rigward ta', pereżempju,l-użu tal-karozza privata u mezzi alternattivi tat-trasport (il-mixi, ir-rota jew it-trasport pubbliku),

DQ.   billi l-oġġettivi u r-regoli tal-UE dwar il-ħarsien tal-klima jgħinu lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-livell lokali muniċipali jtejbu l-kwalità tal-ħajja f'bosta bliet fl-Unjoni Ewropea, u billi inizjattivi lokali f'żoni kbar metropolitani metropolitan jagħtu kontribut kruċjali għat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet CO2 tal-UE,

DR.   billi mhijiex ir-responsabilità tal-bejjiegħa bl-imnut biss biex joħolqu mġiba alternattiva ta' stil tax-xiri fost il-klijenti tagħhom; iżda billi n-negozji b'mod ġenerali jistgħu jagħtu eżempju ta' sostenibilità u effiċjenza fir-riżorsi permezz tal-mudelli tan-negozju u proċessi ta' produzzjoni tagħhom u jistgħu jużaw l-istaff tagħhom biex jimmoltiplikaw l-eżempju għal azzjoni li toħloq kuxjenza dwar il-klima,

DS.   billi l-informazzjoni tal-konsumatur hija nieqsa sew fir-rigward tal-effetti tal-klima fuq prodotti agrikoli, iżda peress li kampanji ta' informazzjoni immirati jistgħu jinfluwenzaw l-imġieba tal-konsumaturi fix-xiri tagħhom u għaldaqstant jintlaħqu wkoll objettivi tal-politika tas-saħħa,

DT.   billi l-problema tal-bidla fil-klima ma tistax tkun indirizzata mingħajr l-involviment fuq skala kbira ta" persuni lokali fil-partijiet kollha tad-dinja, u billi, għalhekk, wieħed mid-doveri essenzjali se jkun li jkunu provduti, b'kull mezz possibbli, bl-informazzjoni li jeħtieġu biex tgħin ikunu solvuti problemi u wkoll biex jipproteġu lilhom infushom meta jaslu problemi ta" adattament, kif se jkun il-każ,

2050 - Il-ġejjieni jibda llum

DU.   billi l-ħtiġijiet tal-popolazzjoni tad-dinja għal riżorsi diġà jaqbżu bi kwart il-kapaċità ta' ġenerazzjoni mill-ġdid naturali tad-dinja, b'hekk tiċħad lill-ġenerazzjonijiet tal-futur mill-essenzjali tal-ħajja,

DV.   billi s-sisien tal-metodi ta' produzzjoni u l-imġiba tal-konsumaturi tal-ġejjieni se jitpoġġew bis-saħħa tad-deċiżjonijiet politiċi tal-preżent, li jitolbu kapaċità li wieħed jaħseb minn qabel u kapaċità ta' tmexxija politika, iżda billi stil ta' ħajja aktar sostenibbli ma jkunx possibbli mingħajr il-kontribuzzjoni tal-ekonomija, ix-xjenza, il-midja, is-soċjetà ċivili organizzata u ċ-ċittadini,

DW.   billi l-bidla fil-klima hija problema ambjentali globali li l-kawżi tagħhom huma ta' natura strutturali,

Ideat politiċi ta" gwida

1.  Ifakkar fir-Riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta" Mejju 2008 msemmija hawnfuq, u b'mod partikolari l-fatt li l-isforzi kollha għat-trażżin tal-emissjonijiet għandhom jimmiraw li jibqgħu taħt il-prijorità tal-għan li jiġu limitati ż-żidiet fit-temperatura globali għal inqas minn 2°C, minħabba li livell ta" tisħin ta" dak id-daqs diġà jista" jkollu impatt qawwi fuq is-soċjetà tagħna u l-istili ta' ħajja individwali u kieku jinvolvi wkoll tibdil sinifikanti fl-ekosistemi u fir-riżorsi tal-ilma; jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-fatt li, kif indikaw bosta rapporti xjentifiċi riċenti, il-bidla fil-klima saret kemm iktar mgħaġġla kif ukoll iktar serja f'termini tal-effetti avversi tagħha milli kemm wieħed kien jaħseb qabel; konsegwentement, jitlob lill-Kummissjoni biex tosserva u tanalizza mill-qrib l-iktar sejbiet xjentifiċi riċenti bl-għan li tevalwa, b'mod partikolari, jekk il-mira ta' 2°C tal-UE tiksibx xorta waħda l-għan li tkun evitata bidla fil-klima perikoluża;

2.  Jenfasizza li jeżisti bżonn urġenti – b'approġġ orizzontali – biex il-bidla fil-klima u t-tisħin globali jiġu inkorporati bħala parametri ġodda fl-isferi u l-politiki kollha, u biex il-kawżi u l-konsegwenzi tat-tisħin globali u l-bidla fil-klima jiġu kkunsidrati f'kull qasam relevanti tal-leġiżlazzjoni tal-UE;

3.  Ifakkar b'mod partikolari fl-objettivi essenzjali għall-ġlieda kontra l-bidla fil-klima u jenfasizza l-importanza, skont ir-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fir-Raba' Rapport ta' Evalwazzjoni (AR4) tal-IPCC u kif imniżżel fil-pjan direzzjonali ta" Bali, li tiġi ffissata, għall-UE u għall-pajjiżi industrijalizzati l-oħra bħala grupp, mira fuq perjodu ta' żmien medju ta' tnaqqis ta' 25-40% fl-emissjonijiet tal-gass b'effett ta' serra sal-2020, u wkoll mira ta" tnaqqis fuq perjodu ta' żmien twil ta' mill-anqas 80% sal-2050, meta mqabbla mal-1990, filwaqt li wieħed jiffoka fuq il-fatt li tiġi ristretta ż-żieda fit-temperatura medja globali għal 2°C fuq il-livelli preindustrijali u, għaldaqstant, li tinkiseb probabiltà ta" 50% li jiġi ssodisfat dan l-objettiv;

4.  Jenfasizza li l-impatt ta" nazzjon fuq il-klima mhux limitat għal tniġġis fiżiku tiegħu; iħeġġeġ lill-UE biex tieħu passi urġenti internament u fil-kuntest ta" negozjati internazzjonali biex tiżviluppa prinċipji ta" verifika li jinkludu wkoll l-effetti sħaħ tal-konsum, inklużi l-effetti tal-avjazzjoni internazzjonali;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tqis l-impatt tal-karbonju ta" inizjattivi tal-politika Ewropea fil-futur biex tiżgura li l-miri tal-bidla fil-klima stabbiliti fil-livell Ewropew jintlaħqu, waqt li xorta tiżgura livell għoli ta" protezzjoni għall-ambjent u s-saħħa pubblika;

6.  Jenfasizza l-miżuri politiċi u l-kooperazzjoni fil-livell internazzjonali (inklużi ftehimiet reġjonali multilaterali), tal-UE u tal-Istati Membri, li ġie propost ripetutament mill-Parlament Ewropew biex tiġi missielta l-bidla fil-klima;

7.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-adozzjoni tal-pakkett ta' miżuri leġiżlattivi tal-UE (l-hekk imsejjaħ "pakkett għall-klima u l-enerġija") li jirrikjedi t-tnaqqis unilaterali ta' 20% tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra tal-UE u l-istabbiliment ta' proċedura biex jiżdied l-isforz biex jintlaħaq tnaqqis ta' 30% skont l-impenji fil-ftehima internazzjonali futura u biex jiżdied għal 20% s-sehem ta' enerġija rinnovabbli fit-taħlita tal-enerġija tal-UE sal-2020, u jistieden lill-Istati Membri tal-UE biex jimplimentaw dawk il-miżuri leġiżlattivi malajr u mingħajr xkiel; jistieden lill-Kummissjoni biex timmoniterja mill-qrib l-implimentazzjoni tal-"pakkett għall-klima u l-enerġija";

8.  Iqis li ċerti prinċipji miftehma fil-pakkett dwar il-klima u l-enerġija huma siewja wkoll għall-iskopijiet ta" ftehim internazzjonali, b'mod partikulari il-mogħdija lineari li torbot għall-impenji tal-pajjiżi industrijalizzati, divrenzjoni fuq il-bażi ta" emissjonijiet verifikati fl-2005, u r-reġim ta" konformità ma' fattur annwali ta" tnaqqis;

9.  Huwa impenjat għal rwol ewlieni għall-Unjoni Ewropea fin-negozjati internazzjonali taħt il-UNFCCC fil-livell COP u MOP, kif ukoll f'fora oħra internazzjonali, bħad-WTO, il-Bank Dinji u l-IMF; Jinnota wkoll il-bżonn urġenti għall-UE u l-Istati Membri tagħha li jkintlaħqu l-miri tal-Protokoll ta' Kyoto sabiex tassumi dan l-irwol b'mod kredibbli;

10.  Huwa tal-fehma li l-iżvilupp, l-applikazzjoni u l-esportazzjoni ta' teknoloġiji ambjentali moderni jagħtu kontribut biex tiġi ssodisfata l-Istrateġija ta' Liżbona u biex jintlaħqu l-miri ta' Kyoto tal-UE u oġġettivi oħra dwar il-klima, u b'hekk il-miri ambjentali u t-tkabbir ekonomiku jkunu jistgħu jiġu realizzati, l-istrateġija ta" Liżbona u l-pakkett tal-klima u l-enerġija għandu jkun integrat b'mod sħiħ;

11.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri tal-UE biex jappoġġjaw is-sejħa tan-NU għal "Ftehim Ġdid Aħdar"; fid-dawl tal-kriżi finanzjarja, jitlob li l-investimenti li jkollhom l-għan li jagħtu spinta lit-tkabbir ekonomiku jagħmlu dan b'mod sostenibbli, b'mod partikolari billi jippromwovu teknoloġiji ħodor li fl-istess ħin itejbu l-kompetittività futura tal-UE u jiżguraw l-impjiegi;

12.  Jenfasizza f'dan il-kuntest, li l-fatt li se tiġi indirizzata l-bidla fil-klima, se jwassal għal tibdil fis-soċjetà li se jgħin biex jinħolqu impjiegi u industriji ġodda, jiġu missielta l-faqar enerġetiku u d-dipendenza fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili u jkunu pprovduti benefiċċji soċjali għaċ-ċittadini; jenfasizza li koperazzjoni fil-livell internazzjonali, reġjonali u lokali se jkun kritiku jekk se nkunu ta" suċċess biex nilħqu din il-mira;

13.  Huwa konvint, barra minn hekk, li l-ġlieda kontra l-bidla fil-klima tista" tkun ta" suċċess jekk iċ-ċittadini jiġu involuti b'mod sħiħ fil-proċess u jiġu protetti matul il-perjodu ta" tranżizzjoni għal ekonomija mingħajr karbonju; jimmarka, għalhekk, il-fatt li politiki ta" tnaqqis u ta" adattament se jimbuttaw l-Unjoni Ewropea lejn mudell ġdid ta" żvilupp sostenibbli li għandu jippromwovi l-karattru soċjali tagħha biex jiżgura l-kunsens soċjali;

14.  Jenfasizza l-ħtieġa, qabel kollox, li jinkiseb progress kbir fl-effiċjenza fl-oqsma kollha tal-ħajja ta' kuljum u, b'mod parrallel, jinbeda proċess ta' produzzjoni u konsum sostenibbli bi ffrankar konxju tar-riżorsi fuq il-bażi tas-sorsi tal-enerġiji li jiġġeddu;

15.  Jenfasizza f'dan il-kuntest il-bżonn li jiġi eżaminat il-baġit tal-EU, kif ukoll l-istrumenti ta' ffinanzjar eżistenti u futuri, fir-rigward tal-kompatibilità tagħhom mal-għanijiet tal-politika Ewropea tal-ħarsien tal-klima, u fejn ikun meħtieġ jiġu adattati;

16.  Jenfasizza li suċċess fil-politika tar-riċerka u l-iżvilupp isir possibbli biss bl-applikazzjoni prattika ta' teknoloġiji ġodda permezz ta' punti ta' aċċess għas-suq iggarantiti;

17.  Jistieden biex ir-riċerka titwettaq f'tendenzi potenzjali tal-emigrazzjoni riżultat tal-klima u l-pressjonijiet li jmiss fuq is-servizzi lokali, biex jinforma pjanar fuq perjodu ta" żmien fit-tul u proċessi ta" mmaniġġjar tar-riskju;

18.  Jenfasizza li kważi nofs il-popolazzjoni tad-dinja taħt l-età ta" 25 sena u li d-deċiżjonijiet tal-lum dwar il-politika tal-klima se jkollhom konsegwenzi importanti għall-akbar ġenerazzjoni ta" żgħażagħ fl-istorja tal-bniedem;

Id-dimensjoni internazzjonali: wara l-2012, il-politika esterna dwar il-klima u l-kummerċ internazzjonali

19.  Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni meħuda mis-COP 14 u mis-COP/MOP 4 f'Poznań biex jimxu mid-diskussjonijiet għan-negozjati ta' vera bil-ħsieb li tintlaħaq ftehima għal wara l-2012 u li jiġi adottat, f'dan il-kuntest, programm ta' ħidma għall-2009; jilqa' b'sodisfazzjon ukoll il-mandat li ngħata liċ-Chairpersons biex jipproponu test li għandu jiġi eżaminat waqt is-sessjoni tan-negozjati ta' Ġunju 2009;

20.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u l-Presidenzi tal-Kunsill li ġejjin biex jieħdu rwol ta' tmexxija fin-negozjati internazzjonali lejn ftehim għal wara l-2012 u biex jilħqu konklużjoni sal-2009, sabiex jibqa' żmien biżżejjed biex jiġi rratifikat il-ftehim li ġej dwar il-bidla fil-klima u jiġi evitat distakk ta' żmien bejn il-perjodi ta' obbligu;

21.  Jenfasizza li l-ftehim ġdid dwar il-bidla fil-klima għandu jidħol fis-seħħ taħt il-patroċinju tan-NU u fuq il-prinċipju ta' "responsabiltà komuni iżda differenti", filwaqt li d-dinja industrijalizzata għandha tkun hi li tibda tnaqqas l-emissjonijiet domestiċi tagħhom filwaqt illi l-pajjiżi li qed jiżviluppaw jimpenjaw ruħhom ukoll, skont il-Pjan ta" Azzjoni ta" Bali, biex jieħdu azzjonijiet ta" mitigazzjoni li huma xierqa f'livell nazzjonali fil-kuntest ta" żvilupp sostenibbli, appoġġjati u awtorizzati, b'mod li jista" jitkejjel, li jista" jsir rapportar dwaru u li jista" jiġi vverifikat, mit-teknoloġija, mill-iffinanzjar u mill-bini tal-kapaċità ta" pajjiżi industrijalizzati;

22.  Jistieden lill-partijiet industrijalizzati għall-UNFCCC li għadhom m'għamlux dan biex jipproponu impenji individwali ta' tnaqqis ta' emissjonijiet, biex b'hekk jikkontribwixxu għall-isforz globali biex jintlaħaq l-objettiv tal-Konvenzjoni; jilqa' b'sodisfazzjon l-impenn tal-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw lejn il-proċess tal-UNFCCC u l-impenji u l-politiki indipendenti adottati minn bosta minnhom;

23.  Iħeġġeġ lill-amministrazzjoni l-ġdida fl-Istati Uniti biex tissodisfa l-aspettattivi u b'hekk tikkontribwixxi, permezz tal-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni domestika, għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra u l-promozzjoni ta' teknoloġiji nodfa u, permezz ta' parteċipazzjoni attiva fin-negozjati internazzjonali, għat-tiswir ta' qafas ambizzjuż għal wara l-2012 dwar il-bidla fil-klima;

24.  Jenfasizza li l-ftehim ta' wara l-2012 għandu jiġi jkun magħmul konformi ma' oġġettivi oħra tal-aġendi politiċi tan-NU u l-UE bħall-konservazzjoni tal-bijodiversità, l-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp (MDGs) u kwistjonijiet ta' sigurtà, sabiex is-sinerġiji politiċi jkunu jistgħu jiġu sfruttati;

25.  Jieħu nota tal-adozzjoni mill-Kummissjoni tal-Komunikazzjoni tagħha bit-titolu "Lejn ftehima dwar il-bidla fil-klima globali f'Kopenħagen" (COM(2009)0039) dwar il-pożizzjoni tal-UE fit-tħejjija għall-Konferenza COP 15 tan-NU dwar il-Bidla fil-Klima f'Kopenħagen;

26.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jibnu politika barranija dwar il-bidla fil-klima u biex ripetutament jiġbdu l-attenzjoni għall-miri tal-klima tal-UE fil-missjonijiet diplomatiċi tal-UE u tal-Istati Membri; min-naħa tiegħu, jimpenja ruħu biex ripetutament iwassal il-kwistjoni tal-miri tal-klima tal-UE, u biex jiddefendi dawn il-miri, fil-kuntatti tiegħu mal-parlamentari minn pajjiżi oħrajn;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinkorporaw ir-rekwiżiti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet u l-miżuri ta' adattament għall-konsegwenzi tal-bidla fil-klima fil-programmi ta' appoġġ għall-iżvilupp, u/jew biex jirreferu għal dawn ir-rekwiżiti fil-proċessi ta' teħid ta' deċiżjoni tal-aġenziji internazzjonali ta' appoġġ għall-iżvilupp, biex b'hekk jinvolvu s-settur privat, l-awtoritajiet pubbliċi u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi fil-pajjiżi u r-reġjuni kkonċernati permezz ta' sħubiji; jenfasizza li r-riżorsi addizzjonali jeħtieġ ikunu mmobilizzati sabiex tingħata għajnuna lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw biex jaffrontaw l-isfida tal-bidla fil-klima u li inizjattivi li joħorġu f'dan il-kuntest għandhom ikunu marbuta, b'mod formali, mal-proċess tal-UNFCCC u l-kisba tal-MDGs; jilqa" b'sodisfazzjon it-tnedija min-naħa tal-UE, ta' Alleanza Globali dwar il-Bidla fil-Klima biex tappoġġja l-adattament għall-bidla fil-klima ta" pajjiżi foqra li qegħdin jiżviluppaw, li huma l-iktar vulnerabbli għall-bidla fil-klima, u f'dan ir-rigward, ifakkar fir-Riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta" Ottubru 2008;

28.  Jenfasizza li użu eċċessiv ta' CDM/JI jħedded il-kredinilità tal-Unjoni Ewropea fin-neguzjati internazzjonali tan-NU u b'konsegwenza, l-irwol ta' tmexxija tagħha fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex juru risponsabbilità u jimminimizzaw l-użu tas-CDMI/JI u jwettqu l-biċċa kbira tat-tnaqqis ta' emissjonijiet f'pajjiżhom;

29.  Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni meħuda mis-COP 14 u mis-COP/MOP 4 biex il-Fond għall-Adattament jibda jitħaddem b'mod sħiħ, biex b'hekk ikun jista' jibda jiffinanzja proġetti mill-2009, u dan iqisu bħala l-ewwel pass importanti ħafna biex jiġi indirizzat it-tħassib tal-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw fir-rigward tal-iffinanzjar tal-miżuri dwar il-bidla fil-klima f'dawk il-pajjiżi; jilqa' b'sodisfazzjon ukoll id-deċiżjoni biex jiżdied il-livell tal-investiment għat-trasferiment tat-teknoloġija permezz tal-Programm Strateġiku ta' Poznań għat-Trasferiment tat-Teknoloġija;

30.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-progress, għalkemm limitat, li sar biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet tal-addizzjonalità u tad-distribuzzjoni ġeografika tas-CDM, u jitlob lill-Istati Membri tal-UE, f'konformità mad-deċiżjonijiet ta' Poznań, biex jixtru bi preferenza krediti minn proġetti f'pajjiżi li qed jospitaw inqas minn għaxar proġetti CDM irreġistrati, speċjalment fil-pajjiżi l-inqas żviluppati (LCDs), fi stati gżejjer żgħar li għadhom qed jiżviluppaw (SIDs) u fl-Afrika, u biex jagħmlu tajjeb għall-ispiża biex jiġu vvalidati dawn il-proġetti;

31.  Ifakkar, f'dan il-kuntest, fil-prinċipju tas-supplimentarjetà kif imsemmi fl-Artikoli 6, 12 u 17 tal-Protokoll ta' Kyoto u fil-Ftehimiet ta' Marrakech, skont liema prinċipju l-partijiet għandhom jilħqu l-parti l-kbira tal-obbligi tagħhom biex inaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra domestikament, qabel ma jieħdu vantaġġ minn mekkaniżmi flessibbli esterni bħas-CDM u l-JI;

32.  Jaqbel mar-rakkomandazzjonijiet fir-rapport tar-Rappreżentant Għoli dwar il-Politika Barranija u ta' Sigurtà Komuni u tal-Kummissjoni dwar "Il-Bidla fil-Klima u s-Sigurtà Internazzjonali", u jenfasizza l-ħtieġa li tinħoloq diplomazija dwar il-klima fl-UE preventiva multilaterali xierqa għal dan il-għan, sabiex il-kwistjonijiet ikunu jistgħu jiġu inkorporati aktar fit-tiswir ta' relazzjonijiet internazzjonali flimkien ma' fatturi ta' relazzjonijiet internazzjonali bħat-tkabbir tal-popolazzjoni u l-emigrazzjoni kkawżata mill-klima, l-urbanizzazzjoni, il-bżonnijiet tal-enerġija, prezzijiet ogħla tal-enerġija u nuqqasijiet ta' ikel u ilma;

33.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha, fil-kuntest tal-Istrateġija ta" Sigurtà Ewropea u l-Politika ta" Sigurtà u Difiża Ewropea, biex jevitaw, jimmonitorjaw, u jieħdu azzjoni biex jindirizzaw l-effetti tal-bidla fil-klima u d-diżastri naturali li jirriżultaw minnha għall-protezzjoni ċivili u s-sigurtà tal-bnedmin kif ukoll konflitti possibbli kkawżati minn tibdiliet fil-provvista tal-ilma u l-art ġejja mill-bidla fil-klima;

34.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex isaħħu s-sħubiji attwali tal-klima li jimmiraw il-pajiżi li qed jiżviluppaw, u biex jidħlu fi sħubiji ġodda fejn dawn ma bħalissa ma jeżistux, u jipprovdu appoġġ finanzjarju b'mod sinifikattiv għal żvilupp u trasferiment ta" teknoloġija, protezzjoni ta" proprjetà intellettwali u bini tal-kapaċità istituzzjonali;

35.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jorbtu l-ogħla prijorità għal effiċjenza tal-enerġija u riżorsi li jerġgħu jiġġeddu fil-kuntest ta" koperazzjoni ta" żvilupp;

36.  Jistieden lill-Kummissjoni, fil-kuntest tar-rawnds ta' negozjati tad-WTO u l-proċess ta' wara l-2012, biex tkompli bl-istrateġiji tan-negozjati koordinati fil-qasam tal-politika tal-kummerċ u l-ambjent sabiex tibgħat messaġġ ta' kredibilità lill-imsieħba tagħha fin-negozjati dwar il-miri ta' l-Ewropa dwar il-klima u l-istrumenti żviluppati biex dawn jintlaħqu u biex jitneħħa t-tħassib dwar ostakli għall-kummerċ jew żvantaġġi oħra għar-relazzjonijiet kummerċjali ma' pajjiżi terzi li m'għandhomx objettivi obbligatorji dwar il-klima, u biex jimplimentaw il-prinċipju ta' reċiproċità fl-interess tal-ġlieda kontra l-bidla il-klima f'livell globali;

37.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Presidenzi tal-Kunsill u lill-Istati Membri biex ikunu minn ta' quddiem fin-negozjati lejn ftehima ta" wara l-2012, biex jiżguraw is-suċċess tan-negozjati fil-klima mmirati li jilħqu l-mira ta" 2ºC;

Enerġija

38.  Jenfasizza li l-Ewropa teħtieġ politika komuni tal-enerġija li tħares 'il quddiem, ibbażata fuq is-solidarjetà bejn l-Istati Membri, kemm fl-UE kif ukoll fir-relazzjonijiet esterni, biex tiżgura livell għoli ta' sigurtà tal-provvista tal-enerġija b'konformità mal-kundizzjonijiet ta' sostenibiltà, l-effiċjenza fir-riżorsi u n-newtralità tal-klima filwaqt li jiġu indirizzati l-bidla fil-klima u l-kompetittività biex jiġi evitat li jkun hemm interruzzjoni potenzjali tal-provvista tal-enerġija;

39.  Jistieden lill-UE biex toħloq komunità Ewropea ta" enerġija li terġa" tiġġedded biex ikunu promossi r-riċerka u l-proġetti pilota f'dan il-qasam kif ukoll l-iżvilupp tal-grilja biex jippermettu għall-integrazzjoni mill-aqwa ta" riżorsi ta" enerġija li terġa" tiġġedded;

40.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jiżguraw:

   l-iżvilupp u l-investiment f'infrastruttura Ewropea għat-trażmissjoni tal-enerġija (inkluża l-hekk imsejħa supergrid) meħtieġa sabiex tiżgura diversità fl-UE f'termini ta" sorsi tal-enerġija;
   R&D kontinwa ta" proġetti pilota relatati mat-teknoloġija marbuta mal-ICT, il-produzzjoni deċentralizzata u żviluppi teknoloġiċi ġodda oħra;

41.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jiżguraw fażi ta' tranżizzjoni fit-taħlita ta' enerġija, influwenzata mill-politiċi u mmexxija mill-imprendituri, perjodu li fih l-użu sorsi ta' enerġija li tiġġedded gradwalment jissupplimentaw u sussegwentement jissostitwixxu l-użu tal-fjuwils fossili, permezz ta' appoġġ attiv mill-awtoritajiet pubbliċi fl-Istati Membri u fil-livell ta' UE, flimkien mal-akbar grad possibble ta" koperazzjoni ma" pajjiżi oħrajn u organizzazzjonijiet internazzjonali;

42.  Jistieden lill-Istati Membri biex jappoġġjaw sens ta" pussess fost reġjuni u ċittadini u biex jippromwovu l-użu miżjud ta" sorsi ta" enerġija li terġa' tiġġeded disponibbli lokalment permezz ta" inċentivi legali u fiskali;

43.  Jistieden lill-Istati Membri jimmotivaw lill-fornituri ta' l-elettriku b'sistemi ta' deprezzament u skemi ta' inċentini fiskali biex iwettqu l-modernizzazzjoni neċessarja tal-impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-fjuwils fossili u jiksbu titjib sostanzjali fl-effiċjenza fil-produzzjoni tal-enerġija konvenzjonali;

44.  Jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw aċċess għan-netwerk għall-enerġija u l-elettriku ġejjin minn sorsi deċentralizzati, biex jitneħħew ostakoli għall-aċċess tas-suq għall-fornituri tal-enerġija innovattiva fis-settur tal-enerġija li tiġġedded u biex jinsistu fuq l-espansjoni tal-koġenerazzjoni lokali tal-enerġija u biex jorjentawha lejn miri fuq perjodu ta' żmien medju;

45.  Jipproponi l-ħolqien, sħubiji ta' l-enerġija solari ma" pajjiżi terzi fir-reġjun tal-Mediterran bħala sisien għal politika barranija Ewropea tal-enerġija, li timmira li fil-fażi tal-bidu tiġġenera enerġija solari u tittrasferiha fl-Unjoni Ewropea permezz ta" fili diretti ta" vultaġġ għoli ħafna, u li tista" fit-tieni fażi tifforma l-bażi għal produzzjoni ta" elettriku u idroġenu u b'hekk għall-bidla lejn ekonomija bbażata fuq enerġija li tiġġedded;

46.  Jitlob lill-UE, lill-Istati Membri u lill-komunità kummerċjali:

   biex jinvestu fl-infrastruttura, fin-netwerks u l-grids għall-produzzjoni, it-trasport u l-ħżin tal-elettriku prodott minn enerġiji rinnovabbli u l-idroġenu;
   biex joffru lill-pajjiżi terzi, bis-saħħa ta' sħubiji tal-enerġija, programmi għall-ħolqien tal-istituzzjonijiet meħtieġa, programmi infrastrutturali u ta' taħriġ għal esperti bbażati lokalment u aċċess għan-netwerk għall-bżonnijiet tagħhom stess;

47.  Jistieden lill-Istati Membri biex ikomplu jespandu aktar, b'konformità mal-kapaċitajiet lokali u reġjonali, is-sehem tal-enerġija tar-riħ mit-taħlita tal-enerġija, li grazzi għal promozzjoni intensiva diġà saret mezz stabbilit tal-produzzjoni ta' enerġija, kif ukoll l-enerġija ta' l-ilma u ġeotermika, u biex jagħmlu użu akbar tal-potenzjal ta' żvilupp eżistenti, inter alia permezz ta' inizjattivi ta' riċerka Ewropej u koordinazzjoni bis-saħħa tan-netwerks ta' eċċellenza;

48.  Jenfasizza l-potenzjal kunsiderevoli għall-użu tal-bijomassa sostenibbli għall-produzzjoni tal-enerġija bil-ħsieb li jonqsu l-emissjonijiet tal-gass b'effett ta' serra, u jitlob għal strateġija Ewropea għall-isfruttament tal-bijomassa sostenibbli għall-produzzjoni tal-elettriku u l-gass, it-tisħin u t-tkessiħ;

49.  Jistieden lill-Kummissjoni tissottometti analiżi kompresiva tal-emissjonijiet kollha matul iċ-ċiklu ta' ħajja sħiħ tal-bijoenerġija sabiex jiġi determinat xi rwol jista' jkollha l-bijomassa bħala sors ta' enerġija fil-ġejjieni; iqis li l-vantaġġi u l-iżvantaġġi tal-opportunitajiet li jġibu magħhom l-innovazzjonijiet ta' varjetajiet ġodda ta' tkabbir u l-użu tal-bioteknoloġija għat-titjib fil-kapaċità ta' tisħin tal-bijomassa għandhom jiġu eżaminati mingħajr preġudizzju għar-riżultat;

50.  Iqis li s-sħana u l-enerġija bħala alternattiva effettiva, ekonomika u ma tagħmlix ħsara lill-ambjent;

51.  Jagħraf l-approċċi differenti tal-Istati Membri rigward l-enerġija nukleari u għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tqis b'mod speċjali skart radjuattiv u ċ-ċiklu sħiħ tiegħu, bil-ħsieb li tittejjeb is-sikurezza;

52.  Jikkunsidra li r-riċerka dwar kemm il-funżjoni nukleari hija teknoloġikament possibbli fir-Reattur Termonukleari Sperimentali Internazzjonali huwa l-ewwel pass lejn l-objettiv ta' użu kummerċjali ta' din il-forma ta' enerġija, u jenfasizza li l-kisba ta' dan il-għan tiddependi ħafna mill-garanziji fuq perjodu ta' żmien twil tal-fondi għal din ir-riċerka;

53.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-UE jkabbru l-iżvilupp tat-teknoloġija CCS għall-impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-faħam u bil-gass billi jagħtu inċentivi għall-proġetti ta' dimostrazzjoni u jħeġġu r-riċerka;

Bijofjuwils

54.  Jinnota li ċerti tipi ta" bijofjuwils tal-produzzjoni jista" jkollhom impatt fuq il-prezzijiet tal-ikel, tnaqqis fil-bijodiversità u tneħħija ta' siġar fil-foresti, u jinnota fl-istess ħin li l-produzzjoni tal-bijofjuwils għandha tkun waħda responsabbli u permezz ta" proċess sostenibbli li jista' jiġi ivverifikat;

55.  Iqis essenzjali li pajjiżi li qed jiżviluppaw ikunu involuti fi strateġija fuq perjodu ta' żmien twil għall-iżvilupp u l-produzzjoni tal-bijofjuwils, sabiex tiġi eżaminata l-possibiltà tal-ippjanar ekonomiku tagħhom u l-kapaċità li jġibu profitt, biex ikunu żgurati d-disponibiltà u l-produzzjoni tal-ikel, biex tingħata tweġiba għall-kwistjoni tas-sostenibiltà ambjentali tagħhom inkluża evalwazzjoni tal-impatti indiretti relevanti kollha u mhux l-inqas biex ikunu possibbli żviluppi soċjali u żidiet fid-dħul għal żmien twil, u wkoll biex ikun żgurat li l-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, jingħataw it-taħriġ meħtieġ sabiex ikunu f'qagħda li jissodisfaw il-kriterji ta" sostenibiltà tal-UE;

56.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jintensifikaw l-R&D ta' bijofjuwils avanzati, biex jiżguraw li jipprovdu l-fondi neċessarji u biex jorbtuhom ma' miri fissi għall-iżvilupp;

57.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jużaw l-esperjenza akkwistata mill-iżvilupp ta" kriterji ta" sostenibilità fi ħdan l-UE biex jippromwovu attivament l-iżvilupp ta" standard ta" bijofjuwils globali;

Effiċjenza fl-Enerġija

58.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi mira obbligatorja ta" żieda ta' 20% f'effiċjenza tal-enerġija sal-2020 u żżid mal-proposta, miri konkreti temporanji ta" tnaqqis;

59.  Jistieden għal kampanja wiesgħa ta' informazzjoni pubblika bbażata lokalment biex titjieb l-effiċjenza tal-enerġija deċentralizzata, billi proprjetarji tad-djar u flettijiet ikunu forniti b'immaġini ta' tisħin u b'informazzjoni dwar ir-riżultati tal-enerġija għall-proprjetajiet tagħhom, kif ukoll b'rakkomandazzjonijiet għall-iffinanzjar tal-ħidma ta' modernizzazzjoni, fuq il-linji ta' mikrokrediti;

60.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu passi attivi biex iżidu t-tagħrif tal-importanza ta" ICTs biex itejbu l-effiċjenza fl-enerġija, żvilupp sostenibbli u l-kwalità tal-ħajja ta" ċittadini tal-UE;

61.  Jistieden għal sinerġija bejn sidien ta' proprjetà, fornituri ta' servizzi finanzjarji, il-ħaddiema tal-id u operaturi oħra fis-settur tal-proprjetà jista' jkun iġġenerat permezz ta' fieri kummerċjali, ġranet ta' informazzjoni u seminars;

62.  Jistieden għal koordinament ċar Ewropew għall-espansjoni tal-koġenerazzjoni u l-integrazzjoni tagħha fl-impjanti industrijali, biex ikunu ggarantiti punti ta' tluq lokali jew reġjonali għall-miżuri ta' protezzjoni tal-klima, u fl-istess ħin tiżdied l-effiċjenza fil-konsum tal-enerġija;

63.  Jistieden lill-Kunsill għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji biex jintroduċi rati mnaqqsa ta" VAT għal enerġija li tiġġedded u għal prodotti u servizzi li jiffrankaw l-enerġija; jipproponi li l-Istati Membri joħolqu inċentivi għall-modernizzazzjoni permezz ta' tnaqqis fil-VAT fuq xogħol ta' modernizzazzjoni u tagħmir użat biex isir dan ix-xogħol, billi t-tassazzjoni fuq l-art u l-proprjetà tkun marbuta mal-effiċjenza tal-enerġija fil-bini u billi jiġu elaborati ċertifikati ta' effiċjenza fl-enerġija;

64.  Jipproponi li bħala sistema ta' inċentivi għall-modernizzazzjoni tal-proprjetà mikrija, it-tnaqqis fir-rati tat-taxxa fuq id-dħul mill-kiri b'konformità mal-ispejjeż tal-investiment;

65.  Jinnota, minħabba l-ħajja twila tal-bini, l-importanza kbira li jkun żgurat li bini ġdid jinbena skont l-ogħla standards possibbli ta" effiċjenza fl-użu tal-enerġija, li bini eżistenti jittejjeb għal standards kontemporanji, u li livelli minimi fl-użu ta" enerġija minn sorsi li jiġġeddu jintużaw fil-bini ġdid jew irrinovat kollu li jirrekjedi tisħin u tkessiħ;

66.  Jipproponi li l-Istati Membri itejbu u jespandu l-użu taċ-ċertifikati dwar l-effiċjenza fl-enerġija u jorbtu r-rakkomandazzjonijiet mal-inċentivi finanzjarji;

67.  Jistieden għal standards minimi tal-UE fl-effiċjenza tal-enerġija għall-bini ġdid u rrinovat; jistieden lill-awtoritajiet lokali u l-assoċjazzjonijiet professjonali rilevanti fl-Istati Membri biex jistabbilixxu l-kriterji, il-linji ta' gwida u l-leġiżlazzjoni nazzjonali jew id-deċiżjonijiet amministrattivi ta' effiċjenza tal-enerġija għal bini ġdid bħala gwida għal periti u inġiniera tal-kostruzzjoni, flimkien ma" regolamenti tal-bini għall-effiċjenza tal-enerġija ta' bini ġdid u għal xogħlijiet maġġuri ta" rinnovament;

68.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-kriterji minimi ta" effiċjenza tal-enerġija jiġu inklużi f'politika komprensiva ta" akkwisti pubbliċi għall-bini pubbliku, u servizzi fuq livelli nazzjonali, reġjonali u lokali, bħala mezz kif tiġi promossa l-innovazzjoni f'teknoloġiji ġodda u jiġi żgurat l-aċċess għas-suq;

69.  Jitlob li jkunu ppubblikati studji disponibbli dwar l-impatt tal-karbonju u t-tnaqqis potenzjali tal-enerġija tal-istituzzjonijiet Ewropej u li dawn l-istudji jkunu aċċessibbli faċilment għall-utenti fuq il-websites relevanti tagħhom;

70.  Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jipprovdu appoġġ attiv għall-R&D relatat mat-teknoloġiji tad-dawl u l-applikazzjonijiet intelliġenti tad-dawl, biex l-introduzzjoni ta" dawl aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija fl-ispazji pubbliċi kemm interni kif ukoll esterni – b'enfasi fuq dijodi li jarmu d-dawl b'effiċjenza kbira (LEDs) – ikun promoss b'aktar qawwa;

71.  Jinnota li r-rinovazzjoni u t-titjib tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija għal blokki ta" bini għoljin speċjalment f'dawk il-pajjiżi fejn tali bini jifforma l-parti l-kbira tas-suq tad-djar, huma l-eħfef mod biex tkun iffrankata l-enerġija u jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2; jistieden lill-Kummissjoni biex tirrevedi u żżid il-limitu eżistenti attwalment ta" 2% tal-fondi strutturali applikabbli għall-għotjiet għar-rinovazzjoni tal-blokki ta" bini għoljin;

72.  Jinnota li l-mira għal medda twila ta" żmien għas-settur tal-bini fl-Ewropa għandha tkun prestazzjoni netta ta" żero fl-enerġija għall-bini residenzjali ġdid sal-2015 u bini kummerċjali u pubbliku ġdid sal-2020, u jikkunsidra li l-mira għandha tkun estiża biex tkopri bini rrinovat;

73.  Jistieden lill-Kummissjoni taġġusta r-rekwiżiti ta' effiċjenza tal-enerġija għat-tagħmir elettriku u elettroniku ma' kull żvilupp fis-suq mill-inqas kull ħames snin billi jkun segwit il-prinċipju tat-top runner, taġġorna programmi ta' tikkettar u klassijiet ta' effiċjenza eżistenti tat-tagħmir u b'hekk tipproteġi lill-konsumatur minn informazzjoni mhux preċiża;

74.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi miri stretti tal-UE u tistabbilixxi politiki industrijali integrati mfassla biex jiżguraw l-aċċess għas-suq u l-adozzjoni ta" teknoloġiji effiċjenti fl-użu tal-enerġija, inkluż l-iżvilupp ta" objettivi teknoloġiċi komuni (bħal djar passivi), użu akbar ta" strateġiji tal-politika integrati bħas-swieq mexxejja u l-akkwist pubbliku aħdar, u appoġġ għal regolazzjoni fl-ambitu tad-disinn tal-prodott u standards minimi;

75.  Jitlob lill-Kummissjoni timplimenta b'mod konsistenti l-projbizzjoni fuq l-apparat b'telf għoli minħabba l-istand-by u, bħala l-pass li jmiss fl-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Eco-design(7) , biex tikkunsidra li tagħmilha obbligatorja li l-apparat ikollu funzjoni biex jintefa, u biex tobbliga lill-manifatturi jinstallaw funzjonijiet fejn il-makkinarju jintefa awtomatikament u jiffranka l-enerġija anki f'impjanti kbar motorizzati u f'tagħmir u makkinarju għall-użu industrijali;

76.  Iħeġġeġ l-implimentazzjoni bikrija u stretta ħafna tar-rekwiżiti tal-2006 rigward l-installazzjoni ta" mijters smart biex jitkabbar l-għarfien tal-konsumaturi rigward l-użu tal-elettriku u jgħinu lill-fornituri tal-elettriku biex ikollhom ġestjoni aktar effettiva tad-domanda;

Mobiltà u loġistika

77.  Jinnota li l-mudell ekonomiku u soċjali Ewropew huwa bbażat fuq il-garanzija tal-mobilità u d-disponibilità ta' persuni u merkanzija filwaqt li tingħata prijorità lill-effiċjenza tal-ħin aktar milli l-effiċjenza tar-riżorsi, u li approċċ ikkombinat li juża ż-żewġ fatturi għalhekk ikun neċessarju fil-ġejjieni;

78.  Jistieden lill-Bank Ewropew tal-Investiment u s-sussidjarja tiegħu tal-kapital ta" riskju, il-Fond Ewropew tal-Investiment, biex iwessgħu b'mod sinifikanti l-appoġġ tagħhom għall-effiċjenza tal-enerġija u l-iżvilupp ta" enerġija li tiġġedded;

79.  Ifakkar lill-operaturi kkonċernati li s-settur tat-trasport ukoll għandu jkun konformi mal-miri tal-klima tal-EU li l-emissjonijiet tas-CO2 jitnaqqsu b'mill-inqas 20% sal-2020, u jekk ikun hemm ftehima internazzjonali b'mill-inqas 30%, fil-konfront tal-1990 u jżid l-effiċjenza tal-enerġija b'20% matul l-istess perjodu;

80.  Jistieden għal politika mħallta komprensiva ta' miżuri li jappoġġjaw lil xulxin favur politika tat-trasport sostenibbli li tinkludi l-iżvilupp ta' teknoloġija tal-vetturi (innovazzjoni ekoloġikament effiċjenti), żieda fl-użu ta" sorsi ta" enerġija alternattiva għat-trasport, il-ħolqien ta" netwerks ta" distribuzzjoni għal fjuwils nodfa , aktar użu ta' forom alternattivi ta' propulsjoni, immaniġġjar intelliġenti tat-traffiku, bidliet fl-istil tas-sewqan u fl-użu tal-karozzi privati, titjib fil-loġistika, "kurituri ħodor'u TIC għat-trasport, taxxa fuq is-CO2 u l-immodernizzar tat-trasport pubbliku sabiex tinkiseb il-mira ta" żero emissjonijiet mingħajr ma tkun injorata l-ħtieġa li żdiedet għall-mobilità; jiġbed l-attenzjoni li dawn kollha tista' ssir promozzjoni tagħhom permezz ta' preferenzi ċari fl-akkwist pubbliku;

81.  Iqis li prijorità speċjali trid tingħata lill-applikazzjoni tal-prinċipju li min iniġġes iħallas, u jitlob li l-forom kollha tat-trasport ikunu involuti totalment fl-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni tagħhom; jenfasizza li l-kisba ta" din il-mira se tirrikjedi ambjent ekonomiku adegwat, u għaldaqstant jistieden lill-Istati Membri biex jirrevedu t-taxxi u d-dazji konċernati;

82.  Jilqa' b'sodisfazzjon L-inventarju tal-Kummissjoni għal trasport aktar ekoloġiku (Greening Transport Inventory), li jelenka kemm il-leġiżlazzjoni eżistenti u dik meħtieġa fil-ġejjieni għat-tkabbir sostenibbli fis-settur tat-trasport;

83.  Jenfasizza l-importanza ta" proġetti ta" infrastruttura għas-settur ta" trasport; iżda jistieden biex jitqies l-impatt tal-klima potenzjali fl-ippjanar, fid-disinn u fil-kostruzzjoni fil-futur;

84.  Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jisfruttaw il-potenzjal tas-sistemi tan-navigazzjoni bis-satellita bil-għan li tiżdied l-effiċjenza tal-enerġija fil-qasam tat-trasport billi jitjiebu l-ġestjoni u l-organizzazzjoni tal-flussi tat-traffiku, forniment ta" tagħrif fil-ħin reali rigward il-moviment tal-prodotti u l-persuni, u ssir għażla ottimizzata tar-rotot u l-mezzi tat-trasport;

85.  Jiddispjaċih li l-isfidi tal-ippjanar tal-ibliet bi trasport effiċjenti u favur l-ambjent b'żoni pedonali, passaġġi għaċ-ċiklisti u kollegamenti flessibbli mat-trasport pubbliku lokali f'ħafna postijiet ġew indirizzati b'mod insuffiċjenti jew tard wisq, jew ġew implimentati b'mod parzjali biss;

86.  Jitlob lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet u l-awtoritajiet lokali

   - biex joffru alternattivi flessibbli u koordinati ta' l-użu tal-karozzi privati u biex jestendu l-iskemi ta' mobilità, pereżempju billi jikkollegaw netwerks ċentrali u periferali tat-trasport lokali li diġà jeżistu aktar mill-qrib u jużaw regolamenti tat-traffiku biex tingħata prijorità lit-trasport pubbliku fit-traffiku taċ-ċentru tal-ibliet;
   - jespandi ħafna u jtejjeb is-servizz ġenerali, jippromwovi bidla lejn mezzi li jagħmlu inqas ħsara għall-ambjent, permezz tal-prezzijiet u inċentivi oħra u permezz ta" investimet sostanzjali fl-infrastruttura neċessarja biex b'hekk it-trasport pubbliku isir aktar attraenti;
u sadanittant, fil-perjodu intermedjarju, jitlob li jsir titjib fl-integrazzjoni tat-trasportazzjoni privata/individwali mal-loġistika integrata tal-passiġġieri/merkanzija u sistemi ta" trasport kollettivi/pubbliċi u jinsab konvint li l-investiment fl-infrastruttura ferrovjarja għandha timxi id f'id ma" servizz ferrovjarju aħjar;

87.  Jenfasizza l-importanza ta' sistemi intelliġenti ta' mmaniġġjar tat-traffiku fl-interess tal-ko-modalità u l-integrazzjoni tagħhom fil-politika Komunitarja, nazzjonali, reġjonali u lokali tat-trasport, peress li jwasslu għal trasport aktar sikur u aktar favur l-ambjent transport; jistieden l-iżvilupp u l-użu ta" sistemi intelliġenti tat-trasport għall-ġestjoni tat-traffiku u biex titnaqqas il-konġestjoni tat-traffiku;

88.  Jitlob lill-UE u l-Istati Membri tagħha biex jaħdmu mill-qrib flimkien mal-industrija biex joħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa tal-politika tas-suq bil-ħsieb li jinkorporaw sistemi intelliġenti tat-trasport, partikolarment l-immaniġġjar tal-loġistika u s-sikurezza (ERTMS, RIS, eCall), fl-immaniġġjar tat-trasport;

89.  Jistieden lill-Istati Membri biex jippromwovu l-komodalità billi jintroduċu pjanċi tan-numru trasferibbli f'konformità mal-eżempji eżistenti, biex issir aktar attraenti għaċ-ċittadini li jużaw il-ferroviji għal vjaġġi twal u karozzi ta" użu lokali li jiffrankaw l-enerġija fil-punt tat-tluq u fid-destinazzjoni tagħhom;

90.  Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni li ġiet adottata dan l-aħħar li tistabbilixxi miri għall-emissjonijiet ta' CO2 mill-karozzi, li tiġi ffissata mira ta' emissjonijiet fuq perjodu twil ta' żmien ta' 95 gCO2/km sal-2020;

91.  Jenfasizza l-potenzjal tat-trasport bil-ferrovija bħala mezz ta' trasport b'użu baxx tal-karbonju u effiċjenti fl-enerġija, kemm bħala trasport tal-merkanzija fuq distanza twila u għat-trasport tal-passiġġieri fuq distanzi qosra u medji u fuq distanzi reġjonali; u jitlob li tali prijoritajiet ikunu riflessi fil-kriterji tal-appoġġ għal fondi reġjonali u ta" koeżjoni;

92.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-ħolqien u l-estensjoni fi ħdan l-UE, kif ukoll fil-pajjiżi tal-viċinat, tan-netwerks Tranżewropej tat-Trasport (TEN-T) u jitlob li jitlestew il-proġetti ta' prijorità, b'mod partikolari dawk li l-inqas li jagħmlu ħsara lill-ambjent, kemm jista' jkun malajr, peress li dawn huma kruċjali għal-loġistika tat-trasport tal-merkanzija u politika Ewropea sostenibbli tat-trasport;

93.  Jenfasizza l-irwol importanti tal-kanali bl-ilma fl-intern għat-trasport tal-prodotti; jenfasizza n-natura ta" ħarsien tal-ambjent ta" dan is-settur u l-fatt li għandu kapaċità kbira ta" ġarr mhux utilizzata";

94.  Jiddispjaċih li, minkejja l-firxa, fl-interess tas-settur tat-trasport kollu, biex proporzjon kbir tal-merkanzija jiġi ttrasferit fuq il-binarji u l-kanali bl-ilma fl-intern, l-investimenti fl-espansjoni tat-trasport bil-ferrovija naqsu fl-għaxar snin li għaddew;

95.  Jappoġġja lill-Kummissjoni fil-pjan tagħha li tidentifika, flimkien mal-Istati Membri, rotot speċjali "fuq il-baħar" u għandu tamiet kbar rigward "L-Ispazju Ewropew mingħajr Ostakli għat-Trasport Marittimu" previst, fil-promozzjoni tat-trasport bil-baħar fl-Ewropa u fiż-żieda tal-effiċjenza tiegħu;

96.  Jappoġġja l-proposti tal-Kummissjoni biex jiżdiedu t-tariffi tal-portijiet u l-ħlasijiet tal-irmiġġ fuq il-bażi tal-livell ta' emissjonijiet tal-vapuri, u biex jiżguraw li l-enerġija li tiġi fornita lill-vapuri fil-port tiġi mill-art u mhux mill-ġeneraturi tal-enerġija fuq il-vapuri stess;

97.  Huwa tal-fehma li t-tarzni u s-sidien tal-bastimenti għandhom iqisu b'aktar attenzjoni t-teknoloġiji ġodda li jżidu l-effiċjenza bħall-użu tal-qlugħ (kite sails), l-isfruttament ta' l-isħana mormija għall-produzzjoni tal-elettriku, magni aktar effiċjenti, profili aħjar għall-buq u t-tmun, previżjonijiet tat-temp aktar preċiżi biex isiru aġġustamenti tar-rotta, u l-possibilità ta' ffrankar ta' fjuwil permezz taż-żebgħa tal-buq;

98.  Jitlob lill-Organizzazjoni Marittima Internazzjonali (IMO) biex taqbel fuq mira ta' tnaqqis fi ħdan l-industrija tat-tbaħħir u biex tiddetermina standards minimi għall-użu ta' dawn it-teknoloġiji moderni fil-kostruzzjoni ta' bastimenti ġodda;

99.  Iqis li hemm il-ħtieġa għal approċċ integrat fis-settur tal-avjazzjoni li jimpenja l-industrija tal-ajruplani, il-linji tal-ajru u l-operaturi ta' l-ajruporti biex flimkien jiddeterminaw mira ta' tnaqqis ta' emissjonijiet mill-aktar fis u mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2013; hu tal-opinjoni li l-approċċ integrat għandu jkopri r-riċerka u t-teknoloġija, it-titjib fl-operat u skema globali għall-iskambju tal-emissjonijiet li għandha tissejjes fuq is-sistema tal-UE għall-iskambju tal-emissjonijiet tal-avjazzjoni;

100.  Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri biex jimplimentaw u jespandu kemm il-Ajru Uniku Ewropew u l-Proġett SESAR) bl-akbar effiċjenza possibbli qabel ma tibda l-iskema tal-Iskambju tal-Kwoti tal-Emissjonijiet għas-settur tal-avjazzjoni, biex jagħtu prijorità lill-ħolqien ta' reġjuni ta' spazju tal-ajru funzjonali u flessibbli u lill-użu flessibbli ta' l-ispazju tal-ajru b'mod ġenerali, bil-ħsieb li jiġu sfruttati immedjatament il-potenzjali disponibbli għat-tnaqqis u jonqos il-konsum tal-fjuwil tal-ajruplani sa 12%;

101.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri biex jagħtu l-appoġġ kollu meħtieġ għall-R & D fl-ambitu ta" teknoloġiji tat-trasport innovattivi li jħarsu l-ambjent, bħal dawk bl-idroġenu, bl-elettriku, biċ-ċelloli tal-fjuwil, bl-ibridi jew bijofjuwils avvanzati għall-propulsjoni u materjali alternattivi, teknoloġiji ġodda u soluzzjonijiet IT li jistgħu jnaqqsu l-piż u jżidu l-effiċjenza tal-karozzi;

102.  Jitlob lill-manifatturi tas-sistemi ta' propulsjoni u magni għas-settur tat-trasport biex jaħdmu flimkien skond l-istandards tal-Euro-6, iżda lilhinn minn dawn l-istandards ukoll, biex ikomplu jżidu l-effiċjenza tal-enerġija ta' dawn il-magni tagħhom, biex jiffissaw miri fi ħdan l-industrija għal żjieda kbira fl-effiċjenza u biex ikomplu bir-riċerka fl-użu ta' fjuwils alternattivi, sabiex jikkontribwixxu għal tkabbir aktar sostenibbli tal-industrija;

103.  Jistieden lill-produtturi tal-karozzi biex jibdlu l-flotot tagħhom għal mudelli iżgħar, eħfef, aktar effiċjenti biex jippermettu l-mobilità individwali skont il-limitazzjonijiet tal-bidla fil-klima u riżorsi taż-żejt limitati;

104.  Jistieden lill-industrija tal-armamenti biex teżamina wkoll titjib li jista' jsir fil-magni u s-sistemi ta' propulsjoni tagħhom u biex tirriċerka l-possibilitajiet ta' l-użu ta' fjuwils alternattivi;

105.  Jistieden lill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha biex jadottaw qafas ta" appoġġ speċifiku għall-idroġenu biex jiżguraw li l-produzzjoni ta" vetturi li jaħdmu bl-idroġenu titħaffef b'mod imgħaġġel; iqis li l-qafas għandu jindirizza l-kwistjonijiet ta" żieda fl-appoġġ baġitarju mill-UE għall- applikazzjonijiet ta" użu finali tal-idroġenu, il-provvediment mill-Istati Membri ta" appoġġ għal skjerament speċifiku għall-idroġenu permezz ta" miżuri finanzjarji bħal l-inċentivi tat-taxxi, u l-ħolqien ta" swieq bikrija permezz tal-akkwist ta" vetturi bla ebda emissjonijiet mis-servizzi tal-gvern;

106.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tfassal rapport sal-2010 dwar ir-restrizzjonijiet li għadhom jeżistu rigward il-kabotaġġ u fatturi oħra fl-Unjoni Ewropea li jwasslu għal vjaġġi mingħajr tagħbija u telf ta' effiċjenza fis-Suq Intern; jemmen li l-loġistika tal-merkanzija effiċjenti u effettiva, użata bħala parti integrali mis-sistema tat-trasport tal-UE, hija ċ-ċavetta għal mobilità sostenibbli fl-Ewropa, għall-effiċjenza ekonomika u l-kompetittività, għall-aħjar użu tar-riżorsi tal-enerġija, għall-ħolqien tal-impjiegi, għall-ħarsien tal-ambjent u għall-ġlieda kontra l-bidla fil-klima;

Turiżmu u wirt kulturali

107.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li l-wirt kulturali u l-pajsaġġi tradizzjonali fl-Ewropa huma mhedda mill-fenomenu tat-temp estrem u l-bidla fil-klima fuq perjodu ta' żmien twil, u jistieden lill-Istati Membri biex ifasslu lista uniformi, ikkoordinata fil-livell Ewropew, tas-siti ta" wirt kulturali Ewropew mhedda mill-bidla fil-klima;

108.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u r-reġjuni fejn hemm żoni marbuta mal-istaġuni turistiċi sensittivi għall-klima, fejn ma jeżistux alternattivi reali ta' offerti, biex jieħdu miżuri kompresivi ta' adattament u prevenzjoni bħas-sikurezza tal-forniment tal-ilma, il-protezzjoni kontra n-nirien fil-foresti, it-teħid ta" prekawzjonijiet biex ma jinħallux il-glaċieri u titjib tad-difiża tal-kosta, biex jirreflettu l-importanza ekonomika tat-turiżmu u tal-infrastruttura neċessarja għall-impjiegi u d-dħul finanzjarju, u biex jirreaġixxu kontra l-ħsara ekonomika sinifikanti matul il-katina sħiħa ta' valuri;

109.  Iqis li f'ċerti reġjuni aktar tkabbir tat-turiżmu jagħmel sens ekonomiku biss hu huwa ġustifikabbli ekoloġikament jekk fl-iżvilupp futur tal-lokal jiġu kkunsidrati l-effetti mistennija tal-bidla fil-klima – bħan-nuqqas aktar serju tal-ilma, nuqqas ta' silġ jew l-għejbien tal-glaċieri;

110.  Jitlob lill-industrija tat-turiżmu biex flimkien mal-awtoritajiet lokali u l-assoċjazzjonijiet ekonomiċi, jaħdmu fuq strateġiji integrati bil-ħsieb li jonqsu l-emissjonijiet u titjieb l-effiċjenza tal-enerġija tas-settur, b'mod partikolari fir-rigward tat-trasport u l-akkomodazzjoni, u biex jippjanaw miżuri li jippromwovu l-eko-turiżmu, inkluż l-iżvilupp ta" turiżmu soċjali, turiżmu sportiv jew turiżmu kulturali u destinazzjonijiet ta" eċċellenza li jirrispettaw u jipproteġu l-ambjent;

Emissjonijiet ta' l-industrija

111.  Jistieden għall-inklużjoni ta" verifiki dwar il-bidla fil-klima fuq il-post tax-xogħol fir-rappurtaġġ tal-istandards ta" kumpaniji biex titjieb it-trasparenza fil-monitoraġġ tal-politika ambjentali u t-tnaqqis tal-emissjonijiet;

112.  Jitlob li l-entitajiet kummerċjali u mhux kummerċjali kollha jirrappurtaw pubblikament, fuq bażi annwali, dwar l-ammont tal-emissjonijiet tal-gass b'effett ta" serra, il-miżuri meħuda biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gass b'effett ta" serra, l-attivitajiet li jsiru biex ħaddiema jitħarrġu għal impjieg ieħor (fil-każ li jagħlaq il-post tax-xogħol tagħhom minħabba tnixxija evidenzjata ta" karbonju) u dħul miġbur mill-operazzjonijiet tal-iskema ta" skambju ta" kwoti tal-emissjonijiet; jitlob lill-Kummissjoni tissorvelja dawn l-attivitajiet u tirrapporta lill-Parlament dwar il-progress li jsir mis-setturi industrijali biex jiġu kkontrollati l-emissjonijiet;

Biedja u tkabbir ta" annimali

113.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra, mingħajr ma tippreġudikax r-riżultat, l-inklużjoni espliċita tal-biedja f'politika Ewropea integrata dwar il-klima għall-ġejjieni u l-elaborazzjoni ta' miri għat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra inkluż il-metanu u n-nitrous oxide mis-settur tal-agrikoltura, bl-esplojtazzjoni tal-potenzjal kollu eżistenti;

114.  Jinnota li l-aqwa livell ta' mmanniġjar tal-art iżid il-kontenut tal-humus fil-ħamrija u li jekk jitjieb l-immaniġġjar tal-koltivazzjoni u tiġi evitata art li ma tiġix ikkoltivata, dik l-art li tinħadem jista' jkollha sehem akbar ħafna fil-ħżin tal-karbonju;

115.  Huwa tal-fehma li l-aqwa livell ta' ħżin u l-applikazzjoni ta' fertilizzant minerali jistgħu jagħtu kontribut sinifikattiv għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-ossidu nitriku; jitlob li f'dan il-kuntest tissaħħaħ il-fertilizzazzjoni b'taħlita organika minflok l-użu ta' fertilizzant minerali;

116.  Jitlob għal analiżi ekonomika tal-kapaċità ta' profitt ta' ċerti prattiki ta' koltivazzjoni reġjonali taħt kundizzjonijiet klimatiċi differenti sabiex jiġu identifikati possibilitajiet ta' adattament u tiġi ffaċilitata l-bidla għal uċuħ ġodda adattati;

117.  Huwa tal-opinjoni li l-prattika agrikola għandha tikkunsidra l-bidla fil-klima u jitlob li jkun hemm fondi għar-riċerka u l-iżvilupp ta" metodi ġodda u li jagħmlu inqas ħsara għall-ambjent għall-kultivazzjoni u l-immaniġġjar tal-irziezet; Jitlob ukoll li titwettaq riċerka f'oqsma ġodda tat-teknoloġiji, fil-bijoteknoloġija fil-qasam taż-żrieragħ, fit-tkabbir tal-pjanti, fit-tekonoloġija ġenetika "green" u fil-protezzjoni tal-pjanti u jitlob li jkun hemm politika ta' ħarsien tal-klima għall-biedja li tinkludi seminars, programmi edukattivi, skemi pilota u mmaniġġjar tal-għarfien ġdid kemm tal-art u kemm tal-ilma għall-bdiewa;

118.  Jirrikonoxxi li l-kultivazzjoni taċ-ċereali u tas-soja bħala għalf għall-annimali hija responsabbli għal ammont kunsiderevoli ta' emissjonijiet ta' gassijiet b'effett serra; ifakkar ir-rapport li jismu "Livestock's Long Shadow" maħruġ mill-Organizzazzjoni għall-Ikel u l-Agrikultura tan-NU f'Novembru 2006, li jgħid l-industrija tat-trobbija tal-annimali hija responsabbli għal 18% tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett serra fid-dinja;

119.  Jistieden għar-reviżjoni tal-għalf fir-rigward tal-produzzjoni tal-ħalib u l-laħam, u fejn ikun meħtieġ jiġi mtejjeb, bil-għan li jinkiseb tnaqqis fil-formazzjoni tal-metan fil-kirxa (rumen) tar-ruminanti; jitlob li kwalunkwe miżura dwar għalf u trobbija fil-qasam tal-annimali tiġi suġġetta għal evalwazzjoni tal-impatt fuq is-saħħa u l-benesseri tal-annimali u biex miżuri bħal dawn ma jiġux introdotti jekk ikollhom effetti negattivi fuq l-annimali kkonċernati;

120.  Jirrikonoxxi li l-espansjoni tas-sistemi tal-bijogass biex jakkwistaw l-enerġija billi jipproċessaw demel likwidu tista' tagħti kontribut ekonomikament possibbli u ekoloġikament sinifikattiv biex jonqsu l-emissjonijiet tal-metan fit-tkabbir tal-annimali;

Foresti

121.  Huwa tal-opinjoni li l-objettiv tal-politika futura Ewropea dwar il-klima m'għndhiex tkun biss il-konservazzjoni tal-foresti tropikali u l-foresti boreali li fadal iżda wkoll il-ħarsien u r-riforestazzjoni tal-foresti Ewropej; jenfasizza li firxiet ta" boskijiet protettivi madwar żoni urbani kbar u ċentri industrijali jistgħu jkollhom rwol importanti;

122.  Huwa tal-fehma li jekk il-fatt li tiġi evitata d-distruzzjoni tal-foresti għandu jkun effettiv biex jonqsu l-emissjonijiet, għandha tiġi fformulata sistema ta' kumpens għall-foresterija permezz tal-UNFCCC, u jitlob għal inċentiv ekonomiku ċar biex jiġu ppreservati b'mod permanenti l-foresti verġni jew iż-żoni kbar ta' foresti billi jiġu użati b'mod sostenibbli, u billi l-valur ta' żona ta' foresta jiġi evalwat b'aktar reqqa skond is-"servizzi ekoloġiċi" u l-funzjonijiet soċjali ġenerali li jwettaq;

123.  Jistieden, fir-rigward tas-suq globali tas-CO2, qabel kollox lil dawk il-pajjiżi li għad fadlilhom żoni kbar ħafna bil-foresti naturali biex jagħtuhom inċentivi ekonomiċi partikolari biex jiġu ppreservati billi jkun rikonoxxut il-karbonju akkumulat kull sena f'foresti ppreservati b'mod rigoruż; jissuġġerixxi li jiġi eżaminat jekk jagħmilx sens, f'dan il-kuntest, li wieħed jiffoka esklussivament fuq il-foresti tropikali;

124.  Jistieden lill-UE, biex, b'kooperazzjoni mal-komunità internazzjonali, tistabbilixxi sistemi ta' monitoraġġ ibbażati fuq is-satellita u l-infrastruttura nneċessarja biex tiżgura fuq perjodu ta' żmien twil is-sopravvivenza tal-foresti tropikali b'mod partikolari; jitlob għall-ħolqien ta' fond globali taħt il-patroċinju tal-Bank Dinji għall-ħolqien ta' sistemi ta' monitoraġġ;

125.  Jikkunsidra li s-suċċess tas-sistemi globali ta' monitoraġġ għall-ħarsien tal-foresti jkun iggarantit biss jekk jiġu stabbiliti l-appoġġ istituzzjonali meħtieġ u l-awtoritajiet amministrattivi b'persunal ikkwalifikat u dawn jinżammu għal żmien twil;

126.  Jimmarka f'dan il-kuntest, il-bżonn ta' programmi ta' monitoraġġ fil-foresti Ewropej biex tiġi identifikata minn kmieni l-ħsara mill-annimali u biex isir mudell xjentifiku ta" riskju fir-rigward taz-zoni bis-siġar soġġetti għas-sħana, in-nirien u n-nixfa, sabiex ikun possibbli li jittieħdu kontromiżuri xierqa biex tiġi mħarsa l-foresta;

127.  Huwa tal-fehma li l-inventarji tal-foresti nazzjonali tal-Istati Membri huma sors ta' informazzjoni importanti bil-ħsieb li tiġi analizzata l-kundizzjoni ġenerali tal-foresta Ewropea u l-importanza tagħha bħala CO2 sink; jistieden lill-Kummissjoni biex mhux biss tagħmel pressjoni biex tinġabar u tiġi evalwata data mill-Istati Membri imma wkoll biex tieħu vantaġġ mill-aħjar prassi eżistenti fl-Istati Membri;

128.  Jinnota li, ibbażat fuq l-attributi taċ-ċiklu tal-ħajja l-injam jista' fil-prinċipju jkun għażla 'aktar ambjentali' fil-kostruzzjoni pjuttost milli l-azzar u l-konkrit, minħabba li jassorbi d-dijossidu tal-karbonju, jeħtieġ inqas enerġija fil-produzzjoni minn alternattivi oħra, u l-prodotti derivati jistgħu jintużaw fil-produzzjoni ta" enerġija li tiġġedded; jifhem, madankollu, li dan jeħtieġ li l-injam utilizzat ikun inħasad b'mod sostenibbli, li llum x'aktarx li ma jkunx il-każ; jistieden, għalhekk, lill-UE biex tadotta bla dewmien leġiżlazzjoni biex jitnaqqas ir-riskju li jitqiegħed fis-suq tal-UE injam li jkun inħasad b'mod illegali u mhux sostenibbli;

129.  Jisħaq fuq il-firxa wiesgħa tal-użu li jista' jsir mill-foresti kif ukoll fuq il-bosta benefiċċji li jħallu; jistieden lill-UE biex tiddefinixxi l-kriterji għall-użu sostenibbli tal-bijomassa;

130.  Jenfasizza li l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti, bl-użu ta" miri soċjali, ekonomiċi u ambjentali wesgħin ħafna, għandha tkun implimentata fl-UE; jinnota li l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti għandha għanijiet fit-tul biex iżżid il-ħażna ta" karbonju tal-foresti; jinnota wkoll li foresti ġodda, li għadhom jikbru u li huma ġestiti tajjeb huma sinks tajbin tal-karbonju u b'hekk jikkunsidra li fejn is-siġar tal-foresti qegħdin jinqatgħu, għandu jsir tħawwil mill-ġdid biex jieħu post dawk is-siġar li jinqatgħu; jikkunsidra li fl-istess ħin aktar foresti antiki għandhom ikunu mħarsa, minħabba li għandhom sehem vitali fiż-żamma tal-bijodiversità;

Protezzjoni tal-ħamrija

131.  Jirrakkomanda li jiġu estiżi l-istudji xjentifiċi u l-monitoraġġ tal-kundizzjoni tal-ħamrija biex tkun tista' tittieħed azzjoni f'waqtha kontra l-erożjoni, it-telf ta' art agrikola u l-bijodiversità;

132.  Jistieden lill-Kunsill biex jadotta l-pożizzjoni komuni tiegħu dwar il-pożizzjoni tal-Parlament tal-14 ta' Novembru 2007 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas dwar il-ħarsien tal-ħamrija u li temenda d-Direttiva 2004/35/KE(8) (id-Direttiva Qafas dwar il-ħarsien tal-ħamrija) sabiex jintroduċi strument komunitarju ġenwin biex jikkumbatti l-effetti tad-deforestazzjoni, l-erożjoni u d-deżertifikazzjoni;

133.  Jistieden lill-Istati Membri biex ifasslu politika ta' protezzjoni tal-ħamrija b'metodi xierqa ta' trattament tal-ħamrija, filwaqt li jikkunsidraw l-importanza tas-sustanzi organiċi fil-ħamrija għall-fertilità tagħha, il-kapaċità li żżomm l-ilma u li tiffunzjona bħala bir tal-karbonju, u jikkunsidraw il-possibilitajiet tal-użu tal-biochar;

134.  Jimmarka f'dan ir-rigward l-importanza tal-approċċ tal-ekosistema biex tiġi evitata u ristretta l-erożjoni tal-ħamrija, il-qerda tal-permafrost, id-deżertifikazzjoni, l-invażjoni ta' speċji barranin u n-nirien;

Immaniġġjar tal-ilma

135.  Huwa tal-opinjoni li l-ippjanar strateġiku u l-ġestjoni integrata tar-riżorsi tal-ilma ibbażati fuq miżuri tal-fornitura u ġerarkija tal-użu tal-ilma huma kruċjali biex wieħed jilqa' b'suċċess għall-effetti tal-bidla fil-klima fuq id-disponibilità u l-varjabilità tar-riżorsi tal-ilma;

136.  Jitlob lill-Kummissjoni tassumi rwol importanti ta' koordinazzjoni transkonfinali fl-immaniġġjar tal-ilma, b'mod partikolari bil-ħolqien ta' netwerk u l-iffinanzjar tar-riċerka f'teknoloġiji innovattivi għad-desalinazzjoni tal-ilma tal-baħar, sistemi ġodda ta' tisqija u konsum tal-ilma mill-biedja u l-ambjent urban, u proġetti pilota biex inaqqsu l-ħsara min-nixfiet jew l-għargħar;

137.  Jikkunsidra li, biex ikun hemm inċentivi adegwati biex ir-riżorsi tal-ilma jintużaw b'mod effiċjenti, l-Istati Membri għandhom, fil-politika tagħhom dwar l-ilma, jikkunsidraw il-prinċipju tal-irkupru tal-ispejjeż tas-servizzi tal-ilma u l-hekk imsejjah ħlas mill-konsumatur li jniġġes ("polluter pays");

Sajd

138.  Jenfasizza li l-prattika attwali tas-sajd tkompli tnaqqas il-kapaċità ta' reżistenza tal-istokkijiet tal-ħut u tal-ekosistemi tal-baħar għall-impatt tal-bidla fil-klima; jilqa" b'sodisfazzjon f'dan ir-rigward id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi kwoti tal-qbid għas-sajd industrijali bbażati fuq kriterji ta" sostenibilità u jinsisti li l-Kunsill u l-Istati Membri kkonċernati jirrispettaw il-kwoti proposti.

139.  Huwa tal-fehma li pjan ta' qafas komprensiv għall-baħar, kif definit fid-Direttiva dwar l-Istarteġija Marittima(9) , huwa neċessarju biex ikun iggarantit aħjar immaniġġjar sostenibbli ta' l-ambjent u r-riżorsi tal-baħar; iwissi li nkella ż-żoni ta' protezzjoni tal-baħar Ewropej isiru l-aħħar oażi tal-bijodiversità f'oċean vojt u bla ħajja;

140.  Huwa tal-opinjoni li l-bidliet ambjentali li rriżultaw minħabba l-bidla fil-klima jistgħu ifissru li l-akkwakultura trid tiġi rijallokata, li jkun ta' żvantaġġ ekonomiku għall-postijiet fejn tinsab; iwissi, madankollu, li riallokazzjoni tal-akkwakultura jista' jkollha effetti negattivi fuq l-ekosistemi kkonċernati u f'dan ir-rigward jitlob għal evalwazzjonijiet tal-impatt obbligatorji;

Immaniġġjar tal-iskart u tar-riżorsi

141.  Jirrikonoxxi li l-ġerarkija tal-iskart hija aspett ewlieni tal-politika Ewropea tal-iskart; jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi miri ta" tnaqqis ta" perċentwali fuq tnaqqis, użu mill-ġdid u riċiklaġġ ta" skart; jisħaq li l-miri jiġu riveduti u jsiru aktar stretti fejn meħtieġ;

142.  Jinnota li l-prevenzjoni tal-iskart, pereżempju b'użu anqas tal-imballaġġ, hija l-aħjar mod biex jonqsu l-emissjonijiet diretti tas-settur; jisħaq madankollu li l-prevenzjoni tal-iskart fit-tul jitlob bidla fil-metodi ta" produzzjoni u l-użanzi dwar il-konsum;

143.  Jenfasizza li s-separazzjoni separata tal-bijoskart r-riċiklaġġ tal-materjal jikkontribwixxu b'mod sinifikattiv għall-prevenzjoni ta' emissjonijiet diretti mil-landfills;

144.  Iqis li jagħmel sens li, sabiex jiġu limitati l-emissjonijiet diretti mis-settur tal-iskart, għandu jiġi evitat li l-iskart jiġi ttrasportat għal distanzi twal; huwa tal-fehma li t-trasport transkonfinali tal-iskart domestiku separat fl-UE, għalhekk, għandu jkun imnaqqas għal-livelli minimi; jemmen li esportazzjonijiet illegali ta' materjal li jista' jiġi rriċiklat għandhom jiġu kumbattuti biex tiġi evitata l-esportazzjoni tal-emissjonijiet u materja prima prezzjuża tibqa' fl-UE;

145.  Jikkunsidra li, wara perjodu ta' phasing-out, l-Istati Membri għandhom jieqfu kompletament fuq perjodu ta' żmien medju mill-jordmu skart mhux separat mid-djar fil-landfills, peress li użu aħjar ta' sistemi ta' riċiklaġġ eżistenti jew l-iżvilupp ta' sistemi kompletament ġodda itejbu t-trattament tal-iskart b'mod ġenerali u jisfruttaw il-potenzjal eżistenti għat-tnaqqis tal-gassijiet b'effett ta' serra fuq il-bażi tat-teknoloġija eżistenti; jitlob f'dan ir-rigward għall-qbid obbligatorju tal-metan għall-produzzjoni tat-tisħin fuq landfills eżistenti;

146.  Iqis l-irkupru ta' enerġija minn skart fdal f'impjanti dedikati biex l-iskart jinbidel f'enerġija u l-irkupru ta" enerġija minn skart separat minn qabel partikolarment flimkien mas-sistemi ta' koġenerazzjoni b'kontrolli ta' emissjonijiet stretti bħala possibilità effettiva ħafna biex tiġi rkuprata l-enerġija li tista' tintuża biex tnaqqas indirettament l-emissjonijiet tal-gass b'effett ta' serra u tissostitwixxi fjuwils fossili;

147.  Jikkunsidra li t-titjib tal-R&D dwar it-trattament tal-iskart u s-soluzzjoni tal-ġestjoni tar-riżorsi huwa vitali u jenfasizza l-ħtieġa għall-applikazzjoni immedjata ta" teknoloġiji innovattivi ġodda f'dan il-qasam;

148.  Jirrikonoxxi, fil-kuntest tan-negozjati dwar ftehim ta' wara l-2012 u l-involviment ta' pajjiżi terzi, li applikazzjoni aktar konsistenti tal-istandards Ewropej tat-trattament tal-iskart huw mod possibbli biex ikunu marbuta flimkien l-objettivi tal-iżvilupp, bħal protezzjoni aħjar tas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, b'oppotunitajiet ekonomiċi ġodda filwaqt li tingħata kontribuzzjoni pożittiva fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima;

149.  Jitlob lill-Kummissjoni biex twettaq studju dwar l-inklużjoni tas-settur tal-iskart fl-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet u l-kompatibilità ta' din l-inklużjoni mal-proġetti CDM;

Miżuri ta' adattament

150.  Ifakkar fit-talbiet li saru fir-riżoluzzjoni msemmija hawn fuq tal-10 ta" April 2008, u jistieden lill-Kummissjoni biex tippubblika mingħajr dewmien il-White Paper imwiegħda tagħha li tistabbilixxi qafas tal-UE kkoordinat għall-ippjanar ta" miżuri ta" adattament;

151.  Jenfasizza l-importanza tal-pubblikazzjoni tal-Green Paper dwar il-koeżjoni Territorjali li enfasizzat il-ħtieġa ta" approċċ integrat tal-politika settorjali biex jitjieb l-impatt territorjali koordinat tal-UE u l-politika nazzjonali u reġjonali; għalhekk titlob li jkun hemm titjib tal-proċeduri tal-Fondi Strutturali biex permezz tagħhom jingħata kontribut akbar lill-miżuri dwar il-klima;

152.  Jenfasizza li filwaqt li l-prinċipju ta' sussidjarjetà għandu jiġi rispettat kif inhu xieraq u jkun rikonoxxut l-irwol ewlieni tal-awtoritajiet reġjonali u lokali, azzjoni fil-livell tal-UE huwa essenzjali biex tinbena reżistenza għal bijodiversità billi jissaħħaħ il-qafas Natura 2000 u jkunu integrati miżuri ta" adattament effettivi fil-koeżjoni, l-agrikoltura u l-politika dwar l-ilma baħar fl-UE;

153.  Jenfasizza għal darb'oħra l-bżonn ta' koerenza u l-koordinazzjoni integrata tal-miżuri ta' adattament fil-livell ta' UE u għar-riċerka ta' sinerġiji possibbli, inklużi skont ftehimiet internazzjonali li jkopru reġjuni speċifiċi jew territorji li tagħhom hija parti l-Komunità Ewropea; u jerġa' jinsisti fuq is-sejħa tiegħu għal qafas madwar l-UE kollha għall-ippjanar tal-miżuri ta' adattament;

154.  Jenfasizza l-irwol ta' koordinazzjoni tal-UE, b'mod partikolari fil-ħolqien ta' sistemi awtomatiċi jew ta" monitoraġġ kontinwu tat-tniġġis ta' twissija minn kmieni għall-perjodi ta' sħana qawwija, ta' silġ u ta' għargħar, u għal titjib fil-ġbir sistematiku aħjar ta' data statistika dwar is-saħħa, it-temp u l-ambjent;

Saħħa

155.  Jenfasizza li hija ta" importanza vitali l-kisba ta" esperjenza speċifika dwar l-effetti tal-bidla fil-klima fuq is-saħħa tal-bniedem, speċjalment fir-rigward ta" ċertu mard infettiv imxerred mill-parassiti;

156.  Jenfasizza li l-bidla fil-klima ser ikollha rwol kritiku fil-prevalenza dejjem tiżdied ta" ċertu mard, bħala riżultat tal-bidliet inevitabbli fin-natura tal-ekosistemi, li ser jaffettwa fost oħrajn lill-annimali, l-pjanti, l-insetti, il-protożoni, il-batterja u l-viruses;

157.  Jenfasizza li l-mard tropikali mifrux permezz tal-parassiti jew nemus u aġenti patoġeniċi oħra, li wieħed jiltaqa" magħhom l-aktar fiz-zoni tropikali, jistgħu jidhru f'latitudni u altitudni aktar għoljin u dan jirrappreżenta theddida ġdida għall-bnedmin;

158.  Jenfasizza li għalkemm l-għan ewlieni tal-programm ta" saħħa 2008-2013 huwa li jaġixxi fuq il-fatturi li tradizzjonalment jiddeterminaw is-saħħa (id-dieta, it-tipjip, il-konsum tal-alkoħol u l-użu ta" drogi), għandu jiffoka wkoll fuq ċerti sfidi ġodda għas-saħħa u jindirizza l-fatturi ambjentali determinanti li jirriżultaw mill-bidla fil-klima;

159.  Jenfasizza l-irwol ta" koordinament tal-UE u ċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard fl-għoti ta" pariri lill-pubbliku ġenerali biex jevita l-mard imxerred mill-insetti permezz tal-użu ta", b'mod partikolari, ilbies protettiv, xbieki fuq is-sodda u prodotti repellanti u ta" kontroll tal-insetti;

160.  Jinnota li miżuri possibbli jistgħu jinkludu l-ġbir u l-evalwazzjoni tad-dejta rilevanti dwar l-effetti tal-bidla fil-klima fuq is-saħħa tal-bniedem, titjib fil-kapaċità li wieħed ikun ippreparat biex jilqa' għad-diżastri naturali, is-servizzi pubbliċi tas-saħħa u l-ippjanar ta' emerġenza, appoġġ għall-miżuri favur il-promozzjoni tas-saħħa fis-setturi kollha, u miżuri biex tiżdied il-kuxjenza, b'mod partikolari l-informazzjoni pubblika dwar tipi ġodda ta' perikli għas-saħħa, twissijiet u pariri speċifiċi biex tiġi evitata l-espożizzjoni, b'referenza speċjali għall-mard li jinġarr mill-insetti u l-mewġ ta" sħana;

161.  Iqis li teħtieġ riċerka fix-xjenza medika u s-settur farmaċewtiku biex jiġu żviluppati drogi u vaċċini għal mard ġdid li għandhom ikunu disponibbli għall-popolazzjonijiet kollha effettwati bi prezz għall-but ta" kulħadd;

162.  Jenfasizza l-importanza ta" zoni ħodor f'zoni urbani għas-saħħa tal-pubbliku in ġenerali, il-kwalità tal-arja, il-qbid tal-karbonju, u biex tkun ittrattata l-bidla fil-klima; jistieden lill-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali biex jippreservaw u jkabbru iz-zoni ħodor eżistenti u jiżviluppaw oħrajn ġodda fiz-zoni urbani;

Tkabbir u Impjiegi

163.  Iqis li l-Ewropa tgawdi minn pożizzjoni ta' tluq eċċellenti fit-tellieqa globali għal ekonomija b'rati baxxi ta' emissjonijiet, u għandha tisfrutta bl-aħjar mod possibbli din il-pożizzjoni biex tagħti bidu għal aktar innovazzjoni li toħloq negozji ġodda u kompettivi u impjiegi ġodda fl-oqsma tat-teknoloġija nadifa, enerġiji li jiġġeddu u impriżi u ħiliet ambjentali biex jikkontrobilanċjaw it-telf possibbli ta" impjiegi fis-setturi b'emissjonijiet għolja tas- CO2, b'konformità sħiħa mal-Istrateġija ta' Liżbona; jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jidentifikaw bidliet strutturali bħala riżultat tal-implimentazzjoni tal-politika dwar il-bidla fil-klima u jitlob lill-Kummissjoni tipproponi perjodikament miżuri ta" appoġġ għall-popolazzjonijiet l-aktar effettwati;

164.  Iwissi kontra l-pessimiżmu li jista' jwassal sabiex l-UE titlef l-opportunità ekonomika li toffri l-bidla fil-klima u l-miżuri politiċi biex tiġi missielta, billi tkun enfasizzata l-irwol pożittiv tal-imsieħba soċjali li ser ikunu involuti direttament biex tkun stimulata l-ekonomija u l-possibiltajiet ta" edukazzjoni mill-ġdid u l-assorbiment tal-ħaddiema effettwati bħala riżultat tal-adattament u l-mitigazzjoni tal-bidla fil-klima; jikkunsidra li l-kunsens pubbliku u soċjali ser ikun fattur kritiku biex tintrebaħ it-tellieqa globali għall-effiċjenza, l-innovazzjoni, il-materja prima u t-teknoloġiji futuri, kif ukoll is-swieq;

165.  Huwa tal-fehma li l-potenzjal ta' tkabbir u l-impjiegi jista' jkun realizzat kompletament jekk fl-istess ħin punti ta' aċċess għas-suq ikunu ggarantiti u l-ostakli burokratiċi biex isir użu mit-teknoloġija disponibbli jitneħħew;

166.  Jistieden lill-Istati Membri biex jeżaminaw il-kompatibilità tar-regoli eżistenti mal-objettivi tal-politika dwar il-klima u biex jiżviluppaw inċentivi biex il-bidla għal ekonomija b'użu baxx tas-CO2 tiġi ffaċilitata;

167.  Jistieden lill-imsieħba soċjali u ż-żewġ naħat tal-industrija fl-Istati Membri u fil-livell tal-UE biex jiżviluppaw strateġiji ekonomiċi komuni għal kull settur, biex jiġi identifikat u strateġikament sfruttat il-potenzjal fejn jeżisti;

Promozzjoni ta' teknoloġiji tal-ġejjieni

168.  Huwa tal-opinjoni li approċċ ikkombinat għandu jinbeda u jiġi żviluppat, li jinkludi tnaqqis fl-emissjonijiet u proċess separat ta' tiġdid teknoloġiku fil-qafas ta' politika Ewropea integrata dwar il-kima sabiex jiġu ggarantit r-riżorsi għall-ġenerazzjonijiet futuri;

169.  Jikkunsidra, partikolarment fir-rigward tan-newtralità teknoloġika tal-approċċ tal-UE, li l-kwistjoni CCS għandha tiġi diskussa estensivament u bl-involviment tal-partijiet interessati privati u pubbliċi, mingħajr ma jiġi ppreġudikat ir-riżultat; jisħaq dwar il-promozzjoni tal- koperazzjoni internazzjonali sabiex ikun inkuraġġit it-trasferiment teknoloġiku, partikolarment ma" dawk il-pajjiżi emerġenti li għadhom jiddependu fuq il-faħam lokali bħala fjuwil;

170.  Huwa ta' l-opinjoni li l-ħolqien ta' teknoloġiji għall-ġenerazzjoni li ġejja u biex issir possibli ż-żieda neċessarja fil-kwantità huwa meħtieġ appoġġ finanzjarju għall-R&D fuq perjodu ta' żmien twil;

171.  Iħeġġeġ lill-partijiet tal-UNFCCC biex jirrikonoxxu s-CCS bħala trasferiment tat-tekonoloġija fil-kuntest tas-CDM tal-Ftehim ta' Marrakesh dwar il-Protokoll ta' Kyoto;

172.  Jistieden lill-UE u l-Istati Membri tagħha biex tirrispondi għax-xettiċiżmu jew it-tħassib possibbli fost il-poplu rigward l-applikazzjoni tas-CCS b'riċerka u miżuri biex tinħoloq kuxjenza fil-pubbliku;

173.  Jipproponi li politika ewropea integrata dwar il-klima għandha tikkonsisti fi proposti għal mekkaniżmi bażiċi ta inċentivi u miżuri ta' appoġġ, sabiex it-tiġdid teknoloġiku neċessarju jkun jista' jinbeda, jitnaqqsu l-ispejjeż kurrenti għat-teknoloġiji ġodda iżda għaljin, u jiġu stabbiliti u jinkisbu fil-ġejjieni miri ta' tnaqqis aktar ħorox;

174.  Jirrakkomanda li l-Istati Membri jikkunsidraw metodi kif iħaffu l-implimentazzjoni ta" teknoloġiji nodfa u effiċjenti fl-enerġija, bħal sussidji diretti lill-konsumaturi li jinvestu f'teknoloġiji, bħal pereżempju pannelli solari, pompi "ground heath, air heath u water heath" kif ukoll fran li jaħarqu b'mod aktar nadif;

175.  Jipproponi, għal dan il-għan, miżuri paralleli bħall-parteċipazzjoni ta' ekonomisti, inġiniera u negozjanti privati fi 'Kyoto Plus Process' parallel u istituzzjonalizzat, fuq il-linji tal-metodu tal-Protokoll ta' Montreal għall-protezzjoni tas-saff tal-ożonu, li kien sar b'suċċess;

176.  Jitlob li jinħoloq Fond Ewropew għall-Klima, li għandu jiġi ffinanzjat b'parti mid-dħul mill-irkantar tas-sistema tal-iskambju tal-emissjonijiet, u/jew fondi korrispondenti fl-Istati Membri, li għandhom jiġu ffinanzjati bil-qligħ tal-irkantar tas-sistema tal-iskambju tal-emissjonijiet, u jqis dan bħala mod kif jinħoloq stokk ta' kapital biex tiġi ffinanzjata politika futura tal-klima, meta jiġi meqjus li jeżistu limiti dwar kemm wieħed jista' jippjana issa għall-miżuri individwali ta' dik il-politika u l-investiment li se jeħtieġu;

177.  Jipproponi li dan l-istokk ta' kapital jintuża fis-suq tal-kapital biex jippermetti backflow lill-operaturi ekonomiċi u ri-investiment fit-teknoloġiji tal-futur, u b'hekk jitħalla f'idejn is-suq biex jiddeċiedi liema teknoloġiji għandhom jintużaw fil-futur biex jintlaħqu objettivi tal-klima fuq perjodu ta' żmien medju u twil, minflok ma jiġi ddeterminat dan permezz tal-leġiżlazzjoni;

178.  Jenfasizza bis-sħiħ li, fit-tul, is-soluzzjonijiet effettivi għall-problema tal-bidla fil-klima ser jiġu wkoll mill-innovazzjonijiet xjentifiċi kemm fil-qasam tal-produzzjoni, distribuzzjoni u l-użu tal-enerġija, u f'oqsma oħra relatati, li effettivament inaqqsu l-produzzjoni ta" gassijiet b'effett ta" serra mingħajr ma joħolqu problemi oħra ambjentali;

179.  Jenfasizza l-importanza tas-Seba' Programm ta' Qafas ta' Riċerka għall-iżvilupp tas-sorsi ta' enerġija nodfa u jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jappoġġjaw din il-prijorità anki fil-Programmi Qafas ta' Riċerka li jmiss;

Sistemi intelliġenti tal-kompjuter u l-ICT

180.  Jipproponi lill-Presidenzi tal-Kunsill li ġejjin li jagħtu prijorità lit-tema futura tal-ICT kif ukoll l-importanza tagħha fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima u l-adattament għal din il-bidla;

181.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jippromwovu l-ittestjar, il-validazzjoni, l-introduzzjoni u aktar tixrid ta' metodi kompjuterizzati u bbażati fuq l-ICT biex ikun hemm dematerjalizzazzjoni u titjieb bil-kbir l-effiċjenza tal-enerġija, b'mod partikolari permezz ta" loġistika mtejba fit-trasport tal-merkanzija, u bil-bdil tal-ivvjaġġar fiżiku bit-tele u l-video conferencing, netwerks aħjar tal-elettriku, bini aktar effiċjenti f'dik li hija enerġija u dawl intelliġenti, b'kooperazzjoni mal-industrija, il-konsumaturi, l-awtoritajiet, l-universitajiet u l-istituzzjonijiet ta' riċerka;

Fianzjament u kwistjonijiet baġitarji

182.  Jinsisti, fil-kapaċità tiegħu bħala fergħa tal-awtorità baġitarja flimkien mal-Kunsill, li tingħata l-ogħla prijorità lill-bidla fil-klima u lill-miżuri biex tiġi kkumbattuta fil-perspettiva finanzjarja li jmiss;

183.  Jitlob lill-Kunsill jittratta l-kwistjoni ta' fondi mhux użati, allokati mill-baġit tal-UE, u jallokahom fejn ikun meħtieġ għal skopijiet tal-poitika tal-klima;

184.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tfassal inventarju għall-istrumenti kollha eżistenti ta' ffinanzjar u s-sinifikat tagħhom għall-objettivi Ewropej dwar il-klima u, fuq il-bażi ta' dan il-"climate audit", biex tfassal proposti għall-qafas finanzjarju futur sabiex il-linji tal-baġit tal-UE jkunu jistgħu jiġu adattati b'konformità mal-ħtiġijiet tal-politika dwar il-klima, filwaqt li ma tkunx eskluża l-possibilità li jinħolqu fondi ġodda u b'hekk jiġu allokati riżorsi ġodda għalihom;

185.  Huwa tal-fehma li l-UE għandha tieħu impenn finanzjarju mhux biss fl-oqsma ewlenin tal-promozzjoni u l-iżvilupp tat-teknoloġiji biex tiġi missielta l-bidla fil-klima u tal-għajnuna għall-iżvilupp relatata mal-klima, iżda wkoll fl-appoġġ għall-miżuri ta' adattament transkonfinali, effiċjenza u għajnuna akbar għad-diżastri, b'konformità mal-prinċipju ta' solidarjetà tal-Unjoni;

186.  Ifakkar li l-ftehim milħuq fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni tal-"pakkett għall-klima u l-enerġija" dwar l-assenjazzjoni volontarja ta' 50% tad-dħul mill-irkantar fis-sistema tal-iskambju tal-emissjonijiet għall-finanzjament tal-politiki dwar il-bidla fil-klima, li sehem kbir minnu għandu jintuża biex jiġu ffinanzjati miżuri ta' adattament u mitigazzjoni f'pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jagħmlu użu sħiħ minn din il-possibilità u biex saħansitra jmorru lil hinn minn din iċ-ċifra;

187.  Ifakkar li l-finanzjament ta' miżuri ta' mitigazzjoni u ta' adattament f'pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw se jkun element importanti ħafna biex tintlaħaq ftehima globali fis-COP 15 f'Kopenħagen, u jinsisti li l-Kunsill Ewropew tad-19 u l-20 ta' Marzu 2009 jagħmel progress sinifikanti biex jintlaħaq ftehim dwar kif jiġi żgurat finanzjament indipendenti u prevedibbli mill-UE għall-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw;

Edukazzjoni, taħriġ, rappurtar, tikkettar u ħolqien ta' kuxjenza

188.  Jitlob lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri biex joħolqu karrieri ġodda u biex jadattaw mhux biss taħriġ vokazzjonali prattiku iżda wkoll skejjel u korsijiet professjonali li jiffurmaw parti minn kulleġġi tekniċi u universitajiet għall-isfidi speċifiċi relatati mal-impjiegi tal-bidla ekonomika strutturali li qed tiġi aċċellerata minħabba l-bidla fil-klima u l-effetti tagħha;

189.  Jirrikonoxxi l-irwol importanti tal-ħaddiema u tar-rappreżentanti tagħhom li jintroduċu politika ħadra fil-kumpaniji u l-postijiet tax-xogħol tagħhom, fil-livelli nazzjonali u transnazzjonali u jitlob għall-appoġġ tal-Komunità għall-iżvilupp, l-iskambju u d-disseminazzjoni tal-aħjar prassi;

190.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżviluppa strateġiji ta" komunikazzjoni biex tifrex informazzjoni lill-pubbliku ġenerali dwar ix-xjenza tal-bidla fil-klima (bbażata fuq l-aħħar sejbiet tal-IPCC), strateġiji ta" frankar ta" enerġija, miżuri ta" effiċjenza fl-enerġija u l-użu ta" sorsi ta" enerġija li jiġġeddu; minbarra dan, jissuġġerixxi li programmi ta" skambju taż-żgħażagħ tal-UE jiffukaw fuq proġetti komuni ta" tagħrif dwar il-bidla fil-klima u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni biex tikkumissjona annwalment, permezz tal-Eurobarometru, sondaġġ taċ-ċittadini tal-UE li jkejjel l-attitudni u l-perċezzjoni taċ-ċittadini lejn il-bidla fil-klima, u minbarra dan jistieden għal standards ġenerali u sempliċi ta" effiċjenza għall-oqsma kollha tal-ħajja ta" kuljum, u għall-ħolqien ta" inċentivi (eż. ta" karatteristika fiskali) għal konsum responsabbli ta" enerġija;

191.  Jistieden lill-Istati Membri biex, flimkien mal-fornituri tal-elettriku, jidħlu fi djalogu maċ-ċittadini sabiex jikkonvinċu l-opinjoni pubblika mill-ħtieġa, għal raġunijiet tal-politika tal-enerġija u l-klima, li impjanti tal-enerġija moderni li jaħdmu bil-fjuwils fossili isiru aktar effiċjenti, inkluża diskussjoni dwar CCS;

192.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel skambju ta" informazzjoni maċ-ċittadini u l-Istati Membri dwar is-suċċess fil-proġetti "car-free day" fil-kuntest tal-Ġimgħa ta' Mobilità Ewropea u jenfasizza l-bżonn li ċ-ċittadini jaħsbu dwar il-mobilità urbana tagħhom u għalhekk jikkunsidraw l-imġiba tagħhom bħala utenti tat-triq, u biex it-terminu "mobilità individwali" ma jkunx ristrett għall-użu tal-karozza privata biss iżda din tiġi estiża għall-forom kollha ta' vvjaġġar indivdwali fl-ibliet u ż-żoni metropolitani bħall-mixi, vjaġġi bir-rota, car-sharing, car-pooling, vjaġġi bit-taxi u t-trasport pubbliku lokali;

193.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-laqgħa bejn l-atoritajiet ta' l-akbar bliet fid-dinja taħt il-patroċinju tas-C40, b'mod partikolari il-forum għall-iskambju ta' miżuri biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gass li kienu ta' suċċess fil-livell globali, u biex jitgħallmu mingħand xulxin;

194.  Jenfasizza b'mod partikolari il-bżonn li ċ-ċittadini jkunu infurmati u kkonsultati fuq il-post u biex ikunu involuti fil-proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet, u jinkuraġġixxi liċ-ċentri urbani, reġjuni u z-zoni urbani akbar biex jimmiraw għal objettivi speċifiċi ta' tnaqqis u jimplimentawhom permezz ta' programmi innovattivi lokali jew reġjonali ta' finanzjament bl-appoġġ mill-awtoritajiet pubbliċi;

195.  Jistieden lill-Istati Membri, bil-għan li tinħoloq kuxjenza pubblika, biex jinkorporaw fir-regolamenti rilevanti ta" tkabbir dispożizzjoni sabiex ċittadini li japplikaw għall-permessi ta" ppjanar jirċievu informazzjoni komprensiva dwar liema opportunitajiet jeżistu lokalment għall-użu ta" għejjun ta" enerġija li tiġġedded;

196.  Jipproponi li l-awtoritajiet lokali u reġjonali, id-ditretti, kwartieri u l-muniċipalitajiet, u b'mod partikolari l-istituzzjonijiet pubbliċi, l-iskejjel u l-istituzzjonijiet li jieħdu ħsieb it-tfal u ż-żgħażagh, jorganizzaw kompetizzjonijiet kif ukoll kampanji lokali ffinanzjati tajjeb fil-livell nazzjonali u tal-UE biex tiġi ffrankata l-enerġija sabiex ikabbru l-kuxjenza pubblika għall-potenzjal ta' ffrankar ta' enerġija u biex tinkiseb il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u jintlaħqu l-effetti tat-tagħlim;

197.  Jipproponi li l-Kummissjoni tiddikjara Sena Ewropea ta' Effiċjenza tar-Riżorsi sabiex tikber il-kuxjenza taċ-ċittadini fil-livelli kollha tal-politika ta' użu aktar effiċjenti tar-riżorsi u biex tieħu l-bidla tal-klima bħala opportunità biex jinżamm dibattitu intensiv dwar id-disponibilità tar-riżorsi u l-mod kif jiġu trattati; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jikkumbattu l-faqar enerġetiku kif ukoll ikun garantit l-iżvilupp ta" kultura kontra l-ħela tal-ilma u biex titqajjem kuxjenza pubblika biex ma jinħeliex l-ilma permezz ta" programmi edukattivi; jistieden lill-Kummissjoni biex tifli l-possibiltà li tħajjar netwerk ta" bliet biex jinkoraġġixxu l-użu sostenibbli tal-ilma bil-għan li jsir skambju ta" prattiċi tajba u jsiru b'mod konġunt proġetti pilota dimostrattivi; jitlob lill-Istati Membri sabiex jipprovdu verifiki tal-enerġija bla ħlas sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jnaqqsu l-konsum tagħhom ta' enerġija u biex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom;

198.  Iqis li r-reklamar u l-informazzjoni dwar il-prodotti huma strument importanti biex il-poplu jsir aktar konxju tal-prezz ambjentali tal-oġġetti ta' konsum u sabiex tinbidel l-imġiba tal-konsumatur; iwissi, madankollu, dwar ir-riskji tal-"greenwashing" u jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri flimkien mal-assoċjazzjonijiet nazzjonali u Ewropej biex ifasslu kodiċi ta' reklamar u tikkettar għall-industriji bil-ħsieb li jiġu kkundannati r-reklamar qarrieqi u dikjarazzjonijiet foloz dwar l-impatt ambjentali tal-prodotti, u biex ikunu konformi mar-reġoli Ewropej tar-reklamar u tikkettar fis-seħħ;

199.  Iqis importanti, fid-djalogu maċ-ċittadini u l-bejjiegħa bl-imnut, li r-reklamar ikun iffukat fuq prodotti reġjonali u staġjonali, u li l-informazzjoni tal-konsumaturi, b'mod partikolari t-tikkettar obbligatorju dwar il-metodu ta' produzzjoni tal-prodotti tintuża bħala għajnuna għall-għażliet li jagħmlu l-konsumaturi;

200.  Iqis in-nuqqas ta' informazzjoni fost il-pubbliku dwar miżuri kontra l-bidla fil-klima bħala problema serja; jitlob għalhekk lill-UE, lill-Istati Membri u l-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet reġjonali u lokali, biex, flimkien mal-istampa, ix-xandara u l-midja online, ifasslu u jimplimentaw kampanja ta' informazzjoni madwar l-Ewropa kollha dwar il-kawżi u l-effetti tal-bidla fil-klima u n-nuqqas dejjem jikber tar-riżorsi, billi jiffokaw fuq metodi individwali kif wieħed jibdel id-drawwiet tiegħu fil-ħajja ta' kuljum u billi tingħata stampa aħjar u aktar faċilment komprensibbli tal-ħidma tal-awtoritajiet Ewropej u nazzjonali dwar il-miżuri biex tiġi kkumbattuta l-bidla fil-klima;

201.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattivi ta' impriżi kbar biex isegwu objettivi interni ta' tnaqqis bl-involviment tal-persunal tagħhom u l-fornituri tagħhom ta' daqs żgħir jew medju, u biex jużaw strateġiji ta' komunikazzjoni mal-pubbliku biex jirreklamaw produzzjoni mudelli ta' konsum sostenibbli; iħeġġeġ lill-organizzazzjonijiet ekonomiċi fl-Istati Membri u fil-livell Ewropej biex jenfasizzaw prattika ta' negozju sostenibbli bħala element prezzjuż fil-kompetizzjoni;

2050 - Il-ġejjieni jibda llum

202.  Jitlob li tiġi implimentata aġenda għall-azzjoni favur il-ġlieda kontra l-bidla fil-klima għall-perjodu 2009-2014, kif ġej:

  a) fil-livell tal-UE, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom:
   imexxu diskussjionijiet fuq livelli lokali u globali dwar azzjonijiet li għandhom jittieħdu għall-ġlieda kontra l-bidla fil-klima,
   jiżviluppaw, jiffinanzjaw u jintroduċu supergrid madwar l-Ewropa kollha li jkun aċċessibbli għal kull forma ta" fornitur tal-enerġija,
   jippromwovu infrastruttura tat-trasport li tkun effiċjenti f'termini ta" ffinanzjar u sostenibbli sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju, li tinkludi t-teknoloġiji tal-idroġenu u linji ferrovjarji ta" veloċità,
   jiżviluppaw strateġiji ta" komunikazzjoni ġodda sabiex jedukaw liċ-ċittadini u jipprovdulhom inċentivi biex inaqqsu l-emissjonijiet mingħajr spejjeż żejda, pereżempju, billi titħejja informazzjoni dwar il-kontenut ta" karbonju fi prodotti u servizzi,
   jiżviluppaw stumenti leġiżlattivi adattati biex jinkoraġġixxu lis-setturi industrijali kollha biex ikunu minn ta' quddiem fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima, u jibdew billi jitolbu trasparenza dwar l-emissjonijiet tal-karbonju,
   jistabbilixxu rabtiet b'saħħithom bejn l-aġenda tal-politika ta" Liżbona, l-aġenda soċjali u l-politiki dwar il-bidla fil-klima;
  b) fil-livelli lokali u reġjonali, għandhom jitniedu promozzjoni u skambji tal-aħjar prattiki b'mod partikolari dwar:
   il-miżuri tal-effiċjenza tal-enerġija u miżuri oħrajn għall-ġlieda kontra l-faqar tal-enerġija, bl-għan li jintlaħqu miri ta" rendiment b" użu ta" enerġija netta ta" żero f'bini privat, kummerċjali u pubbliku,
   ir-riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid tal-iskart, pereżempju billi jiġu żviluppati infrastrutturi għal zoni minfejn isir il-ġbir,
   l-iżvilupp ta" infrastrutturi għal karozzi tal-passiġġieri b'emissjonijiet baxxi, li jkunu jagħmlu użu minn enerġija li tiġġedded, kif ukoll l-introduzzjoni ta' inċentivi għall-iżvilupp ta' vetturi li jkollhom livell ta" emissjonijiet ta" żero għat-trasport pubbliku,
   il-promozzjoni ta" mobiltà iktar sostenibbli fil-bliet u z-zoni rurali,
   l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta" miżuri ta" adattament għall-bidla fil-klima;
   il-promozzjoni tal-produzzjoni u l-konsum ta' ikel lokali u reġjunali;

203.  Jenfasizza l-bżonn li tiġi ffaċċjata l-bidla fil-klima u l-effetti tagħha permezz ta' miżuri politiċi u edukattivi fuq il-bażi ta' perspettiva fuq perjodu ta' żmien twil, u bl-implimentazzjoni ta" deċiżjonijiet strateġiċi fil-bażi ta' din il-perspettiva jiġu implimentati b'mod koerenti, mingħajr ma' jiġu subordinati għal miri politiċi maħsuba għal perjodu ta' żmien qasir; jinkoraġġixxi l-promozzjoni ta" stili ta" ħajja u xejriet ta" konsum maħsuba biex ikun hemm żvilupp sostenibbli;

204.  Jenfasizza l-ħtieġa li wieħed m'għadux iċedi quddiem il-kumplessità tal-problema tal-bidla fil-klima, iżda juri x-xewqa viżjonarja li jagħmel differenza u kwalitajiet ta' tmexxija fl-isferi politiċi, ekonomiċi u soċjali, fit-tweġiba tagħna għall-isfidi ekonomiċi, ambjentali u soċjali li nħabbtu wiċċna magħhom f'dan il-mument deċiżiv tal-politika tal-enerġija u l-klima, ikkaratterizzat minn skarsezza ta' materja prima;

205.  Jenfasizza l-bżonn, fuq il-bażi tal-ideali li fuqhom hija ffundata l-Unjoni Ewropea, li jittieħdu deċiżjonijiet mill-konvinzjoni tan-neċessità u l-korrettezza tagħhom, u biex tittieħed l-opportunità unika li l-futur tas-soċjetà tagħna jiġi ffurmat permezz ta' azzjoni strateġika;

206.  Jitlob lill-entitajiet rilevanti tal-Parlament Ewropew biex ifasslu u jippubblikaw verżjoni ta" dan ir-rapport u tax-xogħol tal-kumitat għall-qarrej ġenerali fi żmien tliet xhur mill-adozzjoni tiegħu;

207.  207 Jistieden lill-kumitati kompetenti tiegħu biex isegwu l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet hawn fuq imsemmija waqt il-mandat leġiżlattiv li jmiss, inkluż fil-kuntest tas-seduti ta' smigħ tal-Kummissarji nominati għat-terminu tal-mandat tal-Kummissjoni li jmiss u fil-kuntatti tagħhom mal-kontroparti tagħhom fil-parlamenti nazzjonali; jistieden lid-delegazzjonijiet tal-Parlament Ewropew għar-relazzjonijiet ma' pajjiżi terzi u lill-komponent tal-Parlament Ewropew f'assemblei parlamentari multilaterali biex iqajmu regolarment il-kwistjoni tal-bidla fil-klima u l-bżonn ta' azzjonijiet u inizjattivi min-naħa tal-pajjiżi kollha fil-kuntatti tagħhom mar-rappreżentanti ta' pajjiżi terzi;

o
o   o

208.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u lis-Segretarjat tal-UNFCCC b'talba lil dan tal-aħħar biex din tkun imressqa lill-partijiet kontraenti kollha li m'humiex Stati Membri tal-UE u lill-osservaturi stabbiliti mill-UNFCCC.

(1) ĠU C 74 E, 20.3.2008, p. 652; ara wkoll il-minuti tas-seduta plenarja tat-18.2.2008, punt 7.
(2) ĠU C 282 E, 6.11.2008, p. 437.
(3) Testi adottati, P6_TA(2008)0032.
(4) Testi adottati, P6_TA(2008)0125.
(5) Testi adottati, P6_TA(2008)0223.
(6) Testi adottati, P6_TA(2008)0491.
(7) Direttiva 2005/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta" Lulju 2005 li tistabbilixxi qafas għat-twaqqif ta" rekwiżiti ta" ekodisinn għal prodotti li jużaw l-enerġija (ĠU L 191, 22.7.2005, p.29).
(8) ĠU C 282 E, 6.11.2008, p. 281.
(9) Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta" Ġunju 2008 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni tal-komunità fil-qasam tal-politika ambjentali marittima (ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19).


ANNESS A

SELEZZJONI TA' LEĠIŻLAZZJONI TAL-UE B'KONTRIBUZZJONI POŻITTIVA KONTRA L-BIDLA FIL-KLIMA

Leġiżlazzjoni fis-seħħ:

–  Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE tat-12 ta" Diċembru 1991 dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli(1)

–  Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta" Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa(2) u atti legali konnessi

–  Direttiva 93/12/KEE tal-Kunsill tat-23 ta' Marzu 1993 dwar il-kontenut tal-kubrit ta' ċerti karburanti likwidi(3) , u atti legali konnessi

–  Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE tal-24 ta' Settembru 1996 dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis(4) u atti legali konnessi

–  Direttiva 98/70/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta" Ottubru 1998 dwar il-kwalità tal-karburant tal-petrol u d-dijżil u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/12/KEE(5) u atti legali konnessi

–  Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta" Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika ta" l-ilma(6)

–  Direttiva 2001/80/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta" Ottubru 2001 dwar il-limitazzjoni tal-emissjonijiet ta" ċerti sustanzi li jniġġsu fl-arja minn impjanti kbar tal-kombustjoni(7) u atti legali konnessi

–  Direttiva 2002/91/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta" Diċembru 2002 dwar il-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini(8)

–  Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta" Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta" kwoti ta" emissjonijiet ta" gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE(9) u atti legali konnessi

–  Direttiva 2003/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2003 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/82/KE dwar il-kontroll fuq il-perikoli ta" inċidenti kbar li jinvolvu sustanzi perikolużi(10)

–  Direttiva 2004/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Frar 2004 li temenda d-Direttiva 94/62/KE fuq l-ippakkjar u l-iskart tal-ippakkjar(11)

–  Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta" Marzu 2004 li jippreskrivi l-qafas għall-ħolqien tal-Ajru Uniku Ewropew(12)

–  Direttiva 2005/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta" Lulju 2005 li tistabbilixxi qafas għat-twaqqif ta" rekwiżiti għall-disinn ekoloġiku għall-prodotti li jużaw l-enerġija u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/42/KEE u d-direttivi 96/57/KE u 2000/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(13)

–  Direttiva 2006/40/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2006 dwar emissjonijiet minn sistemi ta' kondizzjonament tal-arja f'vetturi bil-mutur li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE(14) u atti legali konnessi

–  Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta' Diċembru 2006, dwar is-7 Programm ta' Qafas tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta' riċerka, ta' żvilupp teknoloġiku u ta' dimostrazzjoni (2007-2013)(15)

–  Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta' vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta' vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi(16) , u atti legali konnessi

Atti legali proposti:

–  Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/87/KE għat-titjib u l-estensjoni tas-sistema tal-UE għall-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet ta" gassijiet serra (2008/0013(COD))

–  Proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-isforz tal-Istati Membri biex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom tal-gassijiet serra biex jonoraw l-impenji tal-Komunità għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra sa l-2020 (2008/0014(COD))

–  Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ħżin ġeoloġiku tad-dijossidu tal-karbonju u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/337/KEE, 96/61/KE, id-Direttivi 2000/60/KE, 2001/80/KE, 2004/35/KE, 2006/12/KE u r-Regolament (KE) Nru 1013/2006 (2008/0015(COD)

–  Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-użu ta" l-enerġija minn sorsi rinnovabbli (2008/0016(COD)

–  Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi standards ta' rendiment għall-emissjonijiet minn karozzi ġodda tal-passiġġieri bħala parti mill-approċċ integrat tal-Komunità biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' CO2 minn vetturi għall-użu ħafif (2007/0297(COD)

–  Id-Direttiva 2009/.../KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 98/70/KE fir-rigward tas-speċifikazzjoni tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil u taż-żejt tal-gass u li tintroduċi mekkaniżmu għall-monitoraġġ u għat-tnaqqis ta' emissjonijiet b' effett serra minn karburanti tat-trasport tat-triq u li temenda id-Direttiva tal-Kunsill 1999/32/KE, fir-rigward tas-speċifikazzjoni tal-karburanti użati minn bċejjeċ tal-ilmijiet interni u li tħassar id-Direttiva 93/12/KEE (2007/0019(COD))

(1) ĠU L 375, 31.12.1991, p. 1.
(2) ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7.
(3) ĠU L 74, 27.3.1993, p. 81.
(4) ĠU L 257, 10.10.1996, p. 26.
(5) ĠU L 350, 28.12.1998, p. 58.
(6) ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1.
(7) ĠU L 309, 27.11.2001, p. 1.
(8) ĠU L 1, 4.1.2003, p. 65.
(9) ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32.
(10) ĠU L 345, 31.12.2003, p. 97.
(11) ĠU L 47, 18.2.2004, p. 26.
(12) ĠU L 96, 31.3.2004, p. 1.
(13) ĠU L 191, 22.7.2005, p. 29.
(14) ĠU L 161, 14.6.2006, p. 12.
(15) ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1.
(16) ĠU L 171, 29.6.2007, p. 1.


ANNESS B

RIŻOLUZZJONIJIET TAL-PARLAMENT EWROPEW DWAR IL-BIDLA FIL-KLIMA U ENERĠIJA

–  Riżoluzzjoni tas-17 ta' Novembru 2004 dwar l-istrateġija tal-Unjoni Ewropea għall-Konferenza ta' Buenos Aires dwar it-tema tal-bidla fil-klima (COP-10)(1)

–  Riżoluzzjoni tat-13 ta' Jannar 2005 dwar ir-riżultat tal-Konferenza ta' Buenos Aires dwar il-bidla fil-klima(2)

–  Riżoluzzjoni tat-12 ta' Mejju 2005 dwar il-laqgħa tal-esperti tal-gvernijiet dwar il-bidla fil-klima(3)

–  Riżoluzzjoni tas-16 ta' Novembru 2005 dwar "Strateġija għal suċċess fil-ġlieda kontra l-bidla globali fil-klima"(4)

–  Riżoluzzjoni tat-18 ta' Jannar 2006 dwar il-bidla fil-klima(5)

–  Riżoluzzjoni tal-1 ta' Ġunju 2006 dwar il-Green paper dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija jew li jsir aktar b'inqas(6)

–  Riżoluzzjoni tal-4 ta' Lulju 2006 dwar it-tnaqqis tal-impatt tal-avjazzjoni fuq il-bidla fil-klima(7)

–  Riżoluzzjoni tas-26 ta' Ottubru 2006 dwar l-istrateġija tal-Unjoni Ewropea għall-Konferenza ta' Nairobi dwar il-bidla fil-klima (COP12 u COP/MOP 2)(8)

–  Riżoluzzjoni tal-14 ta' Diċembru 2006 dwar Strateġija Ewropea għal Enerġija Sostenibbli, Kompetittiva u Sikura - Green Paper(9)

–  Riżoluzzjoni tat-14 ta' Frar 2007 dwar il-bidla fil-klima(10)

–  Riżoluzzjoni tal-21 ta" Ottubru 2008 dwar il-bini ta' Alleanza Globali dwar it-tibdil fil-klima bejn l-Unjoni Ewropea u pajjiżi fqar li qed jiżviluppaw li huma l-aktar vulnerabbli għat-tibdil fil-klima(11)

(1) ĠU C 201 E, 18.8.2005, p. 81.
(2) ĠU C 247 E, 6.10.2005, p. 144.
(3) ĠU C 92 E, 20.4.2006, p. 384.
(4) ĠU C 280 E, 18.11.2006, p. 120.
(5) ĠU C 287 E, 24.11.2006, p. 182.
(6) ĠU C 298 E, 8.12.2006, p. 273.
(7) ĠU C 303 E, 13.12.2006, p. 119.
(8) ĠU C 313 E, 20.12.2006, p. 439.
(9) ĠU C 317 E, 23.12.2006, p. 876.
(10) ĠU C 287 E, 29.11.2007, p.344.
(11) Testi adottati, P6_TA(2008)0491.

Aġġornata l-aħħar: 22 ta' Diċembru 2009Avviż legali