Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2009/2550(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

B6-0138/2009

Dibattiti :

PV 12/03/2009 - 6
CRE 12/03/2009 - 6

Votazzjonijiet :

PV 12/03/2009 - 7.18
CRE 12/03/2009 - 7.18

Testi adottati :

P6_TA(2009)0142

Testi adottati
PDF 78kDOC 39k
Il-Ħamis, 12 ta' Marzu 2009 - Strasburgu Verżjoni finali
Il-50 anniversarju tar-rewwixta Tibetana u d-djalogu bejn il-Qdusija tiegħu id-Dalai Lama u l-Gvern Ċiniż
P6_TA(2009)0142B6-0135, 0136, 0137 u 0138/2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Marzu 2009 dwar il-50 anniversarju tar-rewwixta Tibetana u d-djalogu bejn il-Qdusija tiegħu id-Dalai Lama u l-Gvern Ċiniż

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar iċ-Ċina u t-Tibet, b'mod partikolari ir-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-10 ta' April 2008 dwar it-Tibet(1) u tal-10 ta' Lulju 2008 dwar is-sitwazzjoni fiċ-Ċina wara t-terremot u qabel il-Logħob Olimpiku(2) ,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni li saret mill-Qdusija tiegħu id-Dalai Lama lill-Parlament Ewropew fl-4 ta' Diċembru 2008,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni dwar it-Tibet li saret mill-Amministrazzjoni tal-Istati Uniti u mill-Unjoni Ewropea fis-Samit bejn l-Istati Uniti u l-UE fl-10 ta" Ġunju 2008,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta" Proċedura tiegħu,

A.   billi Marzu 2009 jimmarka l-50 Anniversarju tal-ħarba tal-Qdusija tiegħu id-Dalai Lama mit-Tibet u l-bidu tal-eżilju tiegħu fl-Indja,

B.   billi tmien sensiliet ta' djalogu bejn il-mibgħuta tal-Qdusija tiegħu id-Dalai Lama u r-rappreżentanti tal-Gvern Ċiniż ma pproduċew l-ebda riżultat, u billi m'huma previsti l-ebda taħdidiet oħra;

C.   billi l-Memorandum dwar Awtonomija Ġenwina għall-Poplu Tibetan, li sar fuq talba tal-Gvern Ċiniż u ġie ppreżentat minn mibgħuta tal-Qdusija tiegħu id-Dalai Lama waqt it-tmien sensiela ta' taħdidiet f'Novembru 2008 f'Beijing, jirrispetta l-prinċipji li fuqhom hija bbażata l-Kostituzzjoni Ċiniża u l-integrità territorjali tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, iżda ġie miċħud mill-Gvern Ċiniż bħala tentattiv ta' 'semi-indipendenza' u 'indipendenza moħbija';

D.   billi l-Qdusija tiegħu id-Dalai Lama għamel appell sabiex ma tintużax il-vjolenza, ingħata l-Premju Nobel għall-Paċi fl-1989 għall-isforzi tiegħu u mhuwiex qed jitlob l-indipendenza tat-Tibet, iżda qed jitlob li jerġgħu jinbdew in-negozjati mal-awtoritajiet Ċiniżi, sabiex tintlaħaq ftehima politika globali dwar awtonomija ġenwina, fil-kuntest tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina,

E.   billi matul dawn l-aħħar jiem l-awtoritajiet Ċiniżi żiedu s-sigurtà fit-Tibet filwaqt li xi ġurnalisti u barranin ma tħallewx iżuru r-reġjun u ġew kanċellati permessi li nħarġu diġà, u b'dan ġiet implimentata kampanja ta" attakk aħrax kontra l-poplu tat-Tibet,

F.   billi numru kbir ta" patrijiet tal-monasteru ta' An Tuo, fil-provinċja Ċiniża ta' Qinghai, ġew arrestati fil-25 ta' Frar 2009 matul mixja paċifika fl-okkażjoni tas-sena l-ġdida Tibetana,

1.  Iħeġġeġ lill-Gvern Ċiniż biex jikkunsidra l-Memorandum għal Awtonomija Ġenwina għall-Poplu Tibetan ta' Novembru 2008 bħala bażi għal diskussjoni sostantiva li għandha twassal għal bidla pożittiva u sinifikanti fit-Tibet, li tkun tikkonforma mal-prinċipji stipulati fil-Kostituzzjoni u fil-liġijiet tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina;

2.  Jistieden lill-Kunsill biex jaċċerta ruħu dwar x'ġara eżatt matul in-negozjati bejn ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u l-mibgħuta tal-Qdusija Tiegħu d-Dalai Lama;

3.  Jistieden lill-Presidenza tal-Kunsill, fl-okkażjoni tal-50 anniversarju mill-eżilju tal-Qdusija tiegħu id-Dalai Lama fl-Indja, biex tadotta dikjarazzjoni li tħeġġeġ lill-Gvern Ċiniż biex jibda djalogu kostruttiv bl-għan li tintlaħaq ftehima politika komprensiva u biex tiddaħħal referenza għall-Memorandum għal Awtonomija Ġenwina għall-Poplu Tibetan;

4.   Jikkundanna l-atti kollha ta' vjolenza, kemm jekk ikunu ġejjin min-naħa tal-protestanti kif ukoll minn ripressjoni sproporzjonata min-naħa tal-forzi tal-ordni;

5.  Jistieden lill-Gvern Ċiniż biex jeħles immedjatament u mingħajr kundizzjonijiet lil dawk kollha miżmuma unikament talli pparteċipaw fi protesta paċifika u biex jagħti rendikont ta' dawk kollha li nqatlu jew li għebu, u dawk kollha miżmuma u n-natura tal-akkużi miġjuba kontrihom;

6.  Jitlob lill-awtoritajiet Ċiniżi biex jipprovdu aċċess għat-Tibet lill-midja barranija, inklużi għaz-zoni tat-Tibet barra r-Reġjun Awtonomu tat-Tibet, u biex jabolixxu s-sistema ta'permessi speċjali meħtieġa għal aċċess għar-Reġjun Awtonomu tat-Tibet;

7.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ċiniżi biex jagħtu aċċess mingħajr xkiel għat-Tibet lill-esperti tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU u lil organizzazzjonijiet mhux governattivi internazzjonali rikonoxxuti biex ikunu jistgħu jinvestigaw is-sitwazzjoni hemmhekk;

8.  Iħeġġeġ lill-Presidenza tal-Kunsill biex tieħu l-inizjattiva li tinkludi l-kwistjoni tat-Tibet fl-aġenda għal-laqgħa tal-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali bil-għan li jiġi diskuss kif l-UE tista" tiffaċilita l-progress dwar soluzzjoni għat-Tibet;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina u lill-Qdusija Tiegħu d-Dalai Lama.

(1) Testi adottati, P6_TA(2008)0119.
(2) Testi adottati, P6_TA(2008)0362.

Aġġornata l-aħħar: 1 ta' Diċembru 2009Avviż legali