Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2009/2556(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

B6-0127/2009

Dibattiti :

PV 12/03/2009 - 13.3
CRE 12/03/2009 - 13.3

Votazzjonijiet :

PV 12/03/2009 - 14.3
CRE 12/03/2009 - 14.3

Testi adottati :

P6_TA(2009)0145

Testi adottati
PDF 76kDOC 40k
Il-Ħamis, 12 ta' Marzu 2009 - Strasburgu Verżjoni finali
It-tkeċċija tal-NGOs mid-Darfur
P6_TA(2009)0145B6-0127, 0128, 0130, 0131 u 0132/2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Marzu 2009 dwar it-tkeċċija tal-NGOs mid-Darfur

Il-Parlament Ewropew ,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Presidenza f'isem l-Unjoni Ewropea wara d-deċiżjoni tal- Qorti Kriminali Internazzjonali (ICC) rigward il-mandat ta' arrest kontra l-President tas-Sudan Omar Hassan al-Bashir fis-6 ta' Marzu 2009,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissarju Louis Michel tal-5 ta' Marzu 2009 dwar it-tkeċċija tal-NGOs tal-għajnuna umanitarja mis-Sudan,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fid-Darfur/Sudan, fejn esprima b'mod partikolari l-appoġġ tiegħu lill-ICC,

–   wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-ICC u d-dħul fis-seħħ tiegħu fl-1 ta' Lulju 2002,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni S/Res/1593 (2005) adottata mill-Kunsill ta' Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti tal-31 ta' Marzu 2005, fejn is-sitwazzjoni fid-Darfur ġiet riferuta lill-ICC,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.   billi fl-4 ta' Marzu 2009, il-Kamra ta' Qabel il-Proċessi tal-ICC ħarġet mandat ta' arrest kontra l-President tas-Sudan Omar Hassan al-Bashir, b'konnessjoni ma' allegazzjoni ta' reati kontra l-umanità fil-provinċja Sudaniża mimlija kunflitti tad-Darfur,

B.   billi, bħala reazzjoni għad-deċiżjoni tal-ICC, il-Gvern tas-Sudan iddeċieda li jkeċċi 13-il NGO ewlenin mid-Darfur;

C.   billi l-aġenziji ta' għajnuna fid-Darfur qed imexxu l-ikbar operazzjoni umanitarja fid-dinja; billi n-Nazzjonijiet Uniti jirrapportaw li numru li joqrob 4,7 miljun persuna, inklużi 2,7 miljun persuna mċaqalqa internament, jeħtieġu l-għajnuna;

D.   billi t-tkeċċija tal-aġenziji tal-għajnuna tista' twassal għal żieda fil-mortalità u fil-morbożità dovuta għall-waqfien tas-servizzi tas-saħħa u t-tifqigħa ta' mard infettuż, bħad-diarrhoea u infezzjonijiet respiratorji; billi l-konsegwenzi tat-tkeċċija jistgħu jinkludu kopertura ta' immunizzazzjoni mnaqqsa u żieda fl-imwiet fost it-tfal, jekk dawn ma jkollhomx aċċess għal servizzi terapewtiċi ta' ikel u ta' nutrizzjoni,

E.   billi l-organizzazzjonijiet tkeċċew fi żmien meta kien hemm bżonn vitali tas-servizzi tagħhom, partikolarment peress li bħalissa hemm epidemija tal-meninġite fid-Darfur tal-Punent; billi minħabba t-tkeċċija, il-persuni sofferenti se jisfaw b'aċċess limitat ferm jew mingħajr aċċess għal trattament mediku,

F.   billi l-prinċipju tan-NU ta' 'Responsabilità li Tipproteġi' jistipula li fejn l-awtoritajiet nazzjonali jonqsu b'mod ċar milli jipproteġu l-popolazzjonijiet tagħhom, oħrajn għandhom ir-responsabilità li jipprovdu l-protezzjoni meħtieġa,

G.   billi l-Gvern tas-Sudan, bħala membru tan-NU, huwa obbligat li jikkopera mal-ICC skont ir-Riżoluzzjoni S/Res/1593 (2005), li l-Kunsill tas-Sigurtà adotta permezz tas-setgħat tiegħu skont il-Kapitolu 7 tagħha,

H.   billi hu ixxukkjat ħafna mill-fatt li, minn meta nħareġ il-mandat ta' arrest, il-Gvern tas-Sudan ripetutament irrifjuta li jikkopera mal-ICC u fil-fatt żied l-atti ta' sfida kontra l-ICC u kontra l-komunità internazzjonali,

1.  Jikkundanna bis-saħħa t-tkeċċija ta' 13-il aġenzija ta' għajnuna umanitarja mid-Darfur, bħala reazzjoni għall-mandat ta' arrest li nħareġ mill-ICC kontra l-President al-Bashir fl-4 ta' Marzu 2009;

2.  Jitlob għall-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjoni tal-volontarji kollha tas-sezzjoni Belġjana ta' Médecins sans Frontière li nħatfu fil-11 ta' Marzu 2009 mill-uffiċji ta' MSF-Belħju f'Saraf Umra, 200 km 'il bogħod minn El Facher, il-kapitali tad-Darfur tat-Tramuntana.

3.  Jinsab ferm imħasseb dwar l-impatt immedjat tat-tkeċċija fuq il-provvista ta' għajnuna umanitarja li hija fundamentali għal mijiet ta' eluf ta' persuni;

4.  Jitlob lill-Gvern tas-Sudan biex jirtira b'mod immedjat id-deċiżjoni tiegħu li jkeċċi 13-il aġenzija ta' għajnuna umanitarja u jippermettilhom li jkomplu l-ħidma essenzjali tagħhom billi jiżguraw is-sopravivenza tal-popolazzjonijiet vulnerabbli fid-Darfur; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex iżidu l-isforzi tagħhom fir-rigward tal-Unjoni Afrikana, il-Lega Għarbija u ċ-Ċina, sabiex dawn jikkonvinċu lill-Gvern tas-Sudan biex jirtira d-deċiżjoni tiegħu;

5.  Jistieden lill-Gvern tas-Sudan biex jieħu passi pożittivi sabiex jiżgura li d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fis-Sudan ma jiġux persegwitati jekk jitkellmu pożittivament dwar id-deċiżjoni tal-ICC u biex ma jwettqu l-ebda molestja jew intimidazzjoni kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

6.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għas-Sudan, lill-Gvern tas-Sudan, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana, lill-istituzzjonijiet tal-Lega Għarbija u lill-Prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali.

Aġġornata l-aħħar: 1 ta' Diċembru 2009Avviż legali