Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2008/2671(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B6-0141/2009

Testi mressqa :

B6-0141/2009

Dibattiti :

PV 23/03/2009 - 14
CRE 23/03/2009 - 14

Votazzjonijiet :

PV 25/03/2009 - 3.9
CRE 25/03/2009 - 3.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2009)0175

Testi adottati
PDF 111kDOC 80k
L-Erbgħa, 25 ta' Marzu 2009 - Strasburg Verżjoni finali
Ftehima għal Sħubija Ekonomika bejn il-KE u l-Istati tal-Cariforum
P6_TA(2009)0175B6-0141/2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Marzu 2009 dwdar Ftehima għal Sħubija Ekonomika bejn l-Istati tal-Cariforum, min-naħa l-waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra

Il-Parlament Ewropew ,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-25 ta' Settembru 2003 dwar il-Ħames Konferenza Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) f'Cancún(1) , tat-12 ta' Mejju 2005 dwar l-evalwazzjoni tad-Doha Round wara d-Deċiżjoni tal-Kunsill Ġenerali tad-WTO tal-1 ta' Awissu 2004(2) , tal-1 ta' Diċembru 2005 dwar il-preparamenti għas-sitt Konferenza Ministerjali dwar l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ f'Ħong Kong(3) , tat-23 ta' Marzu 2006 dwar l-impatt tal-iżvilupp tal-Ftehimiet ta' Partenarjati Ekonomiċi (EPAs)(4) , tal-4 ta' April 2006 dwar l-evalwazzjoni tad-Doha Round wara l-Konferenza Ministerjali ta' Ħong Kong(5) , tal-1 ta' Ġunju 2006 dwar il-kummerċ u l-faqar: l-iddisinjar ta' politiki kummerċjali biex isir l-aħjar użu mill-kontribuzzjoni tal-kummerċ biex jittaffa l-faqar(6) , tas-7 ta' Settembru 2006 dwar is-sospensjoni tan-negozjati dwar l-Aġenda tal-Iżvilupp ta' Doha(7) (DDA), tat-23 ta' Mejju 2007 dwar il-Ftehimiet ta' Partenarjati Ekonomiċi(8) , tat-12 ta' Lulju 2007 dwar il-Ftehima TRIPS u l-aċċess għall-mediċini(9) , tat-12 ta' Diċembru 2007 dwar il-Ftehimiet ta' Partenarjati Ekonomiċi(10) , u l-pożizzjoni tiegħu tal-5 ta' Ġunju 2008 dwar il-proposta għal Regolament tal-Kunsill li japplika skema ta' preferenzi ta' tariffi ġeneralizzati għall-perijodu mill-1 ta' Jannar 2009 sat-31 ta' Diċembru 2011 u li jemenda ir-Regolamenti (KE) Nru 552/97, (KE) Nru 1933/2006 u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 964/2007 u (KE) Nru 1100/2006(11) ,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Settembru 2002 dwar ir-rakkomandazzjoni lill-Kummissjoni dwar in-negozjati tal-Ftehimiet ta' Partenarjati Ekonomiċi mal-pajjiżi u r-reġjuni tal-Afrika, l-Karibew u l-Paċifiku (AKP)(12) ,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Frar 2009 dwar l-impatt tal-iżvilupp tal-Ftehimiet ta' Partenarjati Ekonomiċi (EPAs)(13) ,

–   wara li kkunsidra l-Ftehima għal Partenarjat Ekonomiku bejn l-Istati Cariforum, min-naħa l-waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar l-iffirmar tal-Ftehima ta' Partenarjat Ekonomiku,

–   wara li kkunsidra l-Ftehima ta' Partenarjat bejn il-membri tal-Grupp tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP) fuq naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha fuq in-naħa l-oħra, iffirmata f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000 (il-Ftehima ta' Cotonou),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni ta' April 2006, Ottubru 2006, Mejju 2007, Ottubru 2007, Novembru 2007 u Mejju 2008,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Ottubru 2007 dwar il-Ftehimiet ta' Partenarjati Ekonomiċi (COM(2007)0635),

–   wara li kkunsidra l-Ftehima Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerc (GATT), b'mod partikulari l-Artikolu XXIV taghha,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Ministerjali tar-Raba' Sessjoni tal-Konferenza Ministerjali tad-WTO, adottata fl-14 ta' Novembru 2001 f'Doha,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Ministerjali tas-Sitt Sessjoni tal-Konferenza Ministerjali tad-WTO, adottata fit-18 ta' Diċembru 2005 f'Ħong Kong,

–   wara li kkunsidra r-rapport u r-rakkomandazzjonijiet tat-Task Force dwar l-Għajnuna għall-Kummerċ, adottati mill-Kunsill Ġenerali tad-WTO fl-10 ta' Ottubru 2006,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Millennju tan-Nazzjonijiet Uniti tat-8 ta' Settembru 2000, li tistabilixxi l-Għanijiet tal-Millennju ghall-Izvilupp (MDGs) bħala kriterji stabbiliti b'mod kollettiv mill-komunità internazzjonali għall-qerda tal-faqar,

–   wara li kkunsidra l-Komunikat ta' Gleneagles, adottat mill-G8 fit-8 ta' Lulju 2005,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) flimkien mal-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.   billi mill-1 ta' Jannar 2008 ir-relazzjoni kummerċjali preċedenti tal-UE mal-pajjiżi tal-AKP – li kienet tagħti lil dawn tal-aħħar aċċess preferenzjali għas-swieq tal-UE fuq bażi mhux reċiprokata – ma baqgħetx tikkonforma mar-regoli tad-WTO,

B.   billi l-EPAs huma ftehimiet kompatibbli mad-WTO mmirati biex jappoġġjaw l-integrazzjoni reġjonali u jippromwovu l-integrazzjoni gradwali tal-ekonomiji tal-AKP fl-ekonomija dinjija, biex b'hekk jisseddaq l-iżvilupp sostenibbli soċjali u ekonomiku tagħhom u jingħata kontribut għall-isforz globali biex jinqered il-faqar fil-pajjiżi tal-AKP,

C.   billi l-EPAs għandhom jintużaw biex tinbena relazzjoni fit-tul li permezz tagħha l-kummerċ jappoġġja l-iżvilupp,

D.   billi l-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali tfisser li l-politika kummerċjali se tkun importanti aktar minn qatt qabel għad-dinja li għadha qed tiżviluppa,

E.   billi l-impatt fuq il-pajjiżi u fuq ir-reġjuni tal-impenji kumplessi u b'konsegwenzi vasti inklużi fil-ftehimiet jista' jkun kbir bil-bosta,

F.   billi l-EPA inevitabilment se tikkondizzjona l-ambitu u l-kontenut tal-ftehimiet futuri magħmulin bejn il-Cariforum u l-imsieħba kummerċjali l-oħrajn u l-pożizzjoni tar-reġjun fin-negozjati,

G.   billi kull wieħed mill-Istati tal- Cariforum għandu skeda ta' liberalizzazzjoni għalih, b'ċertu livell ta' sovrappożizzjoni bejn il-pajjiżi li se tikkonverġi mal-mogħdija taż-żmien, biex tevolvi fi skeda reġjonali; billi l-mira tal-Komunità tal-Karibew (Caricom) hija li tistabbilixxi Suq Uniku sal-2015,

H.   billi l-impatt assolut tar-regoli tal-kummerċ stabbiliti mill-EPA jista" jkun wisq akbar mit-tneħħija ta" tariffi,

I.   billi regoli kummerċjali mtejba għandhom ikunu akkumpanjati b'żieda fl-appoġġ għall-assistenza relatata mal-kummerċ,

J.   billi l-mira tal-Istrateġija tal-UE għallGħajnuna għall-Kummerċ huwa li tkun appoġġjata l-kapaċità tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet kummerċjali ġodda,

K.   billi l-aħħar sentenza tal-Artikolu 139(2) tal-Ftehima jgħid li "Xejn f'dan il-Ftehim m'għandu jiġi interpretat bħala li jgħarraq il-kapaċità tal-Partijiet u tal-Istati Firmatarji tal- Cariforum li jippromwovu l-aċċess għall-mediċini",

L.   billi l-EPA fiha Dikjarazzjoni dwar il-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp iżda ma fiha ebda impenn ta" ffinanzjar li huwa legalment vinkolanti,

1.  Jenfasizza li l-EPAs ma jistgħux jitqiesu bħala sodisfaċenti sakemm ma jiksbux l-għanijiet li ġejjin: li jiġi offrut l-appoġġ lill-pajjiżi AKP għall-iżvilupp sostenibbli, li tiġi mħeġġa l-parteċipazzjoni tagħhom fil-kummerċ dinji, li jiġi msaħħaħ il-proċess ta' reġjonalizzazzjoni, li jingħata ħajja mill-ġdid lill-kummerċ bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi AKP u li tiġi mħeġġa d-diversifikazzjoni ekonomika tal-pajjiżi AKP;

2.  Ifakkar li l-EPA għandha tappoġġja l-obbjettivi, il-politiki u l-prijoritajiet ta' żvilupp tal-Istati tal-Cariforum, mhux biss fl-istruttura u l-kontenut, imma wkoll fil-mod u l-ispirtu tal-implimentazzjoni;

3.  Jindika li l-EPA għandha tikkontribwixxi għall-ksib tal-MDGs;

4.  Jistieden lill-Kummisjoni biex tiċċara l-pożizzjoni tagħha fuq l-objettiv imsemmi tal-UE li tiskuraġġixxi l-paradisi fiskali; ifakkar f'dan ir-rigward li 8 mill-14 -il pajjiż CARIFORUM firmatarju tal-EPA huma mniżżla bħala paradisi fiskali mill-OECD u li l-CARIFORUM EPA tipprovdi għal-liberalizzazzjoni tal-kont kurrenti għar-residenti kollha (Artikolu 122), il-liberalizzazzjoni tal-kont kapitali għall-investituri (Artikolu 123), u attività transkonfinali kważi bla limiti tas-servizzi finanzjarji, li jinkludu l-operazzjoni ta' "Servizzi ta' trust" u d-derivattivi over-the-counter (Artikolu 103, B-6);

5.  Jenfasizza li l-għan prinċipali tal-EPA bejn il-KE u l-Cariforum huwa li, permezz tal-għanijiet għall-iżvilupp, it-tnaqqis tal-faqar u r-rispett għad-drittijiet fundamentali tal-bniedem, tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel kulma tista' sabiex terġa' tibda n-negozjati dwar l-Aġenda dwar l-Iżvilupp ta' Doha (DDA) u sabiex tiżgura li l-ftehimiet ta" liberalizzazzjoni tal-kummerċ ikomplu jippromwovu l-iżvilupp fil-pajjiżi l-fqar;

7.  Huwa konvint li l-EPAs sħaħ għandhom ikunu komplementari għall-ftehima dwar id-DDA u mhux alternattiva għall-pajjiżi AKP;

8.  Jenfasizza l-importanza tal-kummerċ intrareġjonali u l-ħtieġa ta' iktar rabtiet kummerċjali fir-reġjun sabiex ikun żgurat it-tkabbir sostenibbli fir-reġjun; jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni u l-qbil bejn l-entitajiet reġjonali differenti;

9.  Huwa mħasseb li, minkejja li l-Kummissjoni għandha mandat tan-negozjar tal-EPA, li kien approvat mill-Kunsill fis-17 ta' Ġunju 2002, li stqarr li waqt in-negozjati, kienu se jitqiesu l-interessi partikolari tar-reġjuni ultraperiferiċi tal-Komunità, u li f'dan ir-rigward, l-EPAs setgħu b'mod partikolari jagħmlu dispożizzjoni għal miżuri speċifiċi biex jassistu l-prodotti minn dawn ir-reġjuni, sabiex dawn jiġu inklużi fit-terminu l-qasir fil-kummerċ interreġjunali, skont id-dispożizzjonijiet tad-WTO, l-interessi tar-reġjuni ultraperiferiċi għadhom ma ġewx meqjusa b'mod suffiċjenti fir-rigward ta' ħafna aspetti li ġew komunikati lill-Kummissjoni mill-kunsilli reġjonali, u li b'konsegwenza l-inklużjoni fuq terminu qasir tar-reġjuni ultraperiferiċi fil-kummerċ interreġjonali ġiet ittraskurata;

10.  Jinkoraġġixxi iktar tnaqqis fit-tariffi bejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-gruppi reġjonali, li llum jammontaw għal bejn 15 u 25 fil-mija tal-valur tal-kummerċ, sabiex jitħeġġeġ iżjed il-kummerċ bejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, it-tkabbir ekonomiku u l-integrazzjoni reġjonali;

11.  Jenfasizza li suq reġjonali ġenwin huwa bażi essenzjali għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-EPA u li l-integrazzjoni u l-kooperazzjoni reġjonali huma essenzjali għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku tal-Istati tal-Cariforum;

12.  Jenfasizza li l-implimentazzjoni tal-Ftehima għandha tagħti kas tal-proċessi ta' integrazzjoni tal-Cariforum, inklużi l-miri u l-obbjettivi tas-Suq u l-Ekonomija Uniċi tal-Caricom (CSME) kif imniżżla fit-Trattat Rivedut ta' Chaguaramas;

13.  Jirrikonoxxi li l-Istati tal-Cariforum li huma membri tal-Caricom impenjaw ruħhom f'oqsma li għadhom ma ġewx finalizzati skont is-CSME jew għadhom ma ġewx implimentati għal kollox, inklużi s-servizzi finanzarji, servizzi oħrajn, l-investiment, il-kompetizzjoni, l-akkwisti pubbliċi, il-kummerċ elettroniku, il-proprjetà intellettwali, iċ-ċirkolazzjoni libera tal-merkanzija, u l-ambjent; jitlob li tiġi kkunsidrata s-CSME fl-implimentazzjoni ta" dispożizzjonijiet f'dawn l-oqsma, skont l-Artikolu 4(3) tal-EPA bejn il-KE u l-Cariforum;

14.  Iħeġġeġ lill-pajjiżi rilevanti biex jagħtu tagħrif ċar u trasparenti dwar il-qagħda ekonomika u politika u dwar l-iżvilupp f'dawn il-pajjiżi sabiex titjieb il-kooperazzjoni mal-KE;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tiċċara kif fil-fatt issir id-distribuzzjoni madwar ir-reġjun tal-AKP tal-fondi li ġejjin mill-wegħda ta' nfiq prijoritarju fil-kuntest tal-baġit imkabbar tal-Għajnuna għall-Kummerċ;

16.  Jinsisti li, sabiex tkun konformi mal-Prinċipji ta' Pariġi dwar l-Effettività tal-Għajnuna, l-għajnuna għandha, fost affarijiet oħra, tkun mogħtija skont it-talba, u għalhekk jistieden lill-AKP biex jipproponu l-fondi addizzjonali relatati mal-EPA partikolarment fir-rigward ta" oqfsa regolatorji, miżuri ta" salvagwardja, tħaffif tal-kummerċ, appoġġ biex jintlaħqu standards internazzjonali sanitarji u fitosanitarji u ta" proprjetà intellettwali u l-kompożizzjoni tal-mekkaniżmu ta" monitoraġġ tal-EPA;

17.  Ifakkar fl-adozzjoni, f'Ottubru 2007, tal-Istrateġija tal-UE dwar l-Għajnuna għall-Kummerċ, bl-impenn li l-għajnuna kollettiva tal-UE relatata mal-kummerċ tiżdied għal EUR 2 biljun (2 000 000 000)fis-sena sal-2010 (EUR 1 biljun mill-Komunità, EUR 1 biljun mill-Istati Membri); jinsisti li l-pajjiżi tal-Cariforum għandhom jirċievu sehem xieraq u ġust;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkjarifika d-distribuzzjoni tal-fondi fir-reġjun kollu, jistieden lill-Istati Membri tal-UE biex jispjegaw l-iffinanzjar addizzjonali lilhinn mill-impenji baġitarji tal-2008-2013;

19.  Jitlob li jkun hemm determinazzjoni u provvediment bikrin ta' sehem ekwu mir-riżorsi tal-Għajnuna għall-Kummerċ; jenfasizza li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawn il-fondi jirrappreżentaw riżorsi addizzjonali u li ma jkunux sempliċement fondi tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (EDF) ippreżentati f'pakkett ġdid, u li għandhom jikkonformaw mal-prijoritajiet tal-CARIFORUM kif ukoll li, kemm jista" jkun, it-tqassim tagħhom għandu jgħaddi mill-Fond Reġjonali għall-Iżvilupp u dan għandu jkun f'waqtu, b'mod prevedibbli u f'armonija mal-iskedi ta" twettiq tal-pjanijiet ta" żvilupp strateġiku nazzjonali u reġjonali; jirrakkomanda lill-Kummissjoni u lill-Istati tal-CARIFORUM biex jagħmlu użu effiċjenti minn dawn il-fondi sabiex jgħinu fil-kumpens għat-telf possibbli ta' dħul mid-dwana u biex jiġu indirizzati u l-bżonnijiet għat-tkabbir tal-iżvilupp u l-kompetittività;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni tiċċara liema fondi huma addizzjonali għall-iffinanzjar tal-għaxar Fond ta' Żvilupp Ewropew; jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li d-dispożizzjonijiet kollha ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp, inkluż l-iffinanzjar tagħhom, jitwettqu mingħajr dewmien, adegwatament, u b'mod effettiv;

21.  Jinnota li għall-Baħamas, Antigwa u l-Barbados, hemm antiċipat telf ta' dħul mid-dwana minħabba l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ; jaċċetta li għal Stati oħrajn tal-Cariforum, proporzjon sostanzjali tal-esportazzjonijiet tal-UE jew huwa diġà ħieles mix-xkiel għall-kummerċ jew il-biċċa l-kbira tal-liberalizzazzjoni ser isseħħ fis-snin 10-15 tal-iskeda ta" implimentazzjoni;

22.  Jenfasizza li, jekk ikun neċessarju, l-inizjattiva duty-free, quota-free (DFQF) għandha tkun akkumpanjata b'bidliet sostanzjali fir-regoli tal-oriġini biex tinħoloq żjieda sinifikattiva fl-esportazzjonijiet tal-merkanzija; f'dan ir-rigward jilqa" b'sodisfazzjon id-dikjarazzjonijiet reċenti tal-Kummissjoni li r-Regoli ta' Oriġini jistgħu jiġu aġġornati skont l-Artikolu 10 bi qbil mal-prinċipju tal-kumulazzjoni;

23.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tirrapporta b'mod regolari lill-Parlament dwar l-ammont ta" applikazzjonijiet għall-brevetti u l-litigazzjonijiet taħt il-PCT; jitlob lill-Kummissjoni biex tipprovdi rapporti regolari dwar l-implimentazzjoni tal-impenji tat-trasferiment tat-teknologija fil-Ftehima; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex ma tipprovax tarmonizza l-istandards tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali lil hinn minn dak li huwa xieraq għal-livell ta' żvilupp tal-Istati tal-CARIFORUM; jenfasizza l-importanza li jkun hemm għajnuna għall-pajjiżi tal-CARIFORUM fil-monitoraġġ tal-imġiba antikompetittiva fis-settur farmaċewtiku;

24.  Iħeġġeġ lin-negozjaturi ta' kull EPA sħiħa biex jiggarantixxu l-ġestjoni trasparenti tar-riżorsi naturali u biex iħejju profil tal-aħjar prattiki meħtieġa biex il-pajjiżi tal-AKP jaqalgħu kemm jistgħu minn riżorsi bħal dawn;

25.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżgura li d-dispożizzjonijiet dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali mhux se jintużaw biex jgħawġu l-kompetizzjoni leġittima mill-fornituri tal-mediċini ġeneriċi, u/jew biex iwaqqfu l-entitajiet governattivi ta' akkwist milli jixtru provvisti ġeneriċi;

26.  Jirrispetta l-ħtieġa għal kapitolu dwar id-difiża tal-kummerċ b'salvagwardji bilaterali; jistieden liż-żewġ naħat biex jevitaw użu mhux meħtieġ ta' dawn is-salvagwardji;

27.  Jirrikonoxxi l-inklużjoni ta' kapitolu dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp fl-EPA komprensiva li tkopri l-kooperazzjoni fil-kummerċ tal-merkanzija, il-kompetittività fil-forniment, infrastruttura ta' titjib fil-kummerċ, il-kummerċ fis-servizzi, kwistjonijiet marbuta mal-kummerċ, il-bini ta' kapaċità istituzzjonali, u aġġustamenti fiskali; jistieden liż-żewġ naħat biex iżommu l-impenn miftiehem tagħhom li jikkonkludu n-negozjati dwar il-kompetizzjoni u l-akkwist pubbliku biss meta jkun inbena livell ta' kapaċità adegwat;

28.  Jenfasizza li l-EPA għandha tqis l-interessi speċifiċi tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju taż-żewġ Partijiet;

29.  Jitlob li l-Unjoni Ewropea tapplika l-prinċipju tal-Pajjiż l-Aktar Favorit (MFN) għall-gruppi sottoreġjonali kollha tal-AKP;

30.  Jirrikonoxxi l-applikazzjoni selettiva tat-trattament MFN għall-Unjoni Ewropea mill-Cariforum u mill-gruppi sottoreġjonali l-oħrajn;

31.  Iqis li meta jitqiesu d-dispożizzjonijiet ta" trattament speċjali u differenzjali inklużi fl-Arikolu 5 tal-EPA u, sabiex jinkiseb l-għan tat-tnaqqis tal-faqar, indikaturi xierqa tal-iżvilupp ta" EPA għandu jkollhom tliet skopijiet ewlenin: biex jagħtu bidu għall-implimentazzjoni tal-impenji tal-EPAs mill-Istati tal-Cariforum jew biex dawn jiġu kkwalifikati għal eżenzjonijiet; biex jimmonitorjaw l-impatt tal-implimentazzjoni tal-EPA fuq l-iżvilupp sostenibbli u t-tnaqqis tal-faqar; biex jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tal-impenji tal-KE, b'mod partikolari, l-iżburżar u t-twassil effettiv tal-assistenza finanzjarja u teknika mwiegħda;

32.  Jenfasizza l-ħtieġa li jintużaw indikaturi tal-iżvilupp biex jitkejlu r-riżultati ekonomiċi u soċjali mistennija (bħat-tnaqqis tal-faqar, standards tal-għajxien aħjar u l-ftuħ tal-ekonomija) fl-implimentazzjoni tal-EPA;

33.  Jinnota d-differenza kbira bejn il-livelli ta' nfiq pubbliku fuq is-sussidji u l-appoġġ finanzjarju u tekniku għall-agrikoltura:

34.  Jinnota li dan iqiegħed lill-bdiewa fl-AKP fi żvantaġġ billi jnaqqas il-kompetittività tagħhom kemm fil-pajjiż u kemm barra għaliex il-prodotti tagħhom huma iktar għoljin f'termini reali meta mqabbla mal-prodotti sussidjati tal-UE u tal-Istati Uniti;

35.  Jappoġġja għaldaqstant l-esklużjonijiet miftiehma ta' linji ta' tariffi li jiffukaw fuq prodotti agrikoli u xi prodotti agrikoli pproċessati ladarba dawn huma msejsa prinċipalment fuq il-ħtieġa tal-ħarsien ta' industriji li għadhom ġodda jew prodotti sensittivi f'dawn il-pajjiżi;

36.  Jitlob li jkun hemm mekkaniżmi ta' monitoraġġ xierqa u trasparenti – bi rwol u influwenza ċari – biex jiġi segwit l-impatt tal-EPAs, b'iktar sjieda min-naħa tal-AKP u b'konsultazzjoni wiesgħa tal-partijiet interessati;

37.  Jitlob li l-Kummissjoni tappoġġja t-twaqqif ta' mekkaniżmu indipendenti ta' monitoraġġ fi ħdan l-Istati tal-Cariforum mogħni bir-riżorsi neċessarji biex jagħmel l-analiżi neċessarja ħalli jiddetermina kemm l-EPA qed tilħaq l-għanijiet tagħha;

38.  Iqis importanti li l-implimentazzjoni tal-EPAs għandha tinvolvi t-twaqqif ta" sistema adegwata ta" monitoraġġ, li tkun ikkoordinata mill-kumitat parlamentari rilevanti u li tkun tinvolvi l-membri tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u tal-Kumitat għall-Iżvilupp, u li tiżgura bilanċ adegwat bejn iż-żamma tal-irwol ewlieni tal-Kumitat INTA u l-konsistenza ġenerali fil-politiki għall-iżvilupp u dawk kummerċjali; iqis li dan il-kumitat parlamentari għandu jopera b'mod flessibbli u għandu jikkoordina b'mod attiv il-ħidma tiegħu mal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE (JPA);

39.  Jenfasizza l-irwol kruċjali tal-parlamenti u tal-atturi mhux statali tal-Cariforum fl-immonitorjar u l-immaniġġjar tal-EPA; jinnota li l-involviment effettiv tagħhom jeħtieġ aġenda ċara u inklużiva bejn l-UE u l-Istati tal-Cariforum;

40.  Jitlob lill-Kunsill Ewropew biex jikkonsulta lill-kunsilli reġjonali tar-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni Ewropea li jinsabu fil-Karajbi (Martinika, il-Gwadalupe u l-Gujana Franċiża) qabel ma ssir ir-ratifika tal-EPA bejn l-Istati tal-Cariforum u l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea;

41.  Jilqa' b'sodisfazzjon id-Dikjarazzjoni Konġunta msemmija aktar "il fuq u l-fatt li se ssir reviżjoni komprensiva obbligatorja tal-Ftehima sa mhux aktar tard minn ħames snin mid-data tal-iffirmar u mbagħad kull ħames snin wara l-ewwel darba, sabiex jiġi ddeterminat l-impatt tal-Ftehima, inklużi l-ispejjeż u l-konsegwenzi tal-implimentazzjoni; jindika li l-Partijiet impenjaw ruħhom li jemendaw il-provvedimenti tagħha u jaġġustaw l-applikazzjoni tagħha skont il-ħtieġa; jitlob li l-Parlament u l-Parlamenti tal-Cariforum ikunu involuti fi kwalunkwe reviżjoni tal-EPA;

42.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u tal-pajjiżi tal-AKP, lill-Kunsill tal-Ministri AKP-UE u lill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE.

(1) ĠU C 77 E, 26.3.2004, p. 393.
(2) ĠU C 92 E, 20.4.2006, p. 397.
(3) ĠU C 285 E, 22.11.2006, p.126.
(4) ĠU C 292 E, 1.12.2006, p. 121.
(5) ĠU C 293 E, 2.12.2006, p. 155.
(6) ĠU C 298 E, 8.12.2006, p. 261.
(7) ĠU C 305 E, 14.12.2006, p. 244.
(8) ĠU C 102 E, 24.4.2008, p. 301.
(9) ĠU C 175 E, 10.7.2008, p. 591.
(10) ĠU C 323 E, 18.12.2008, p. 361.
(11) Testi adottati, P6_TA(2008)0252.
(12) ĠU C 273 E, 14.11.2003, p. 305.
(13) Testi adottati, P6_TA(2009)0051.

Aġġornata l-aħħar: 30 ta' Marzu 2010Avviż legali