Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2009/2567(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B6-0177/2009

Testi mressqa :

B6-0177/2009

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 02/04/2009 - 9.19
CRE 02/04/2009 - 9.19
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2009)0212

Testi adottati
PDF 92kDOC 56k
Il-Ħamis, 2 t'April 2009 - Brussel Verżjoni finali
L-evalwazzjoni bi-annwali tad-djalogu UE Belarus
P6_TA(2009)0212B6-0177/2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' April 2009 dwar l-evalwazzjoni bi-annwali tad-djalogu UE Belarus

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-qagħda fil-Belarus, b'mod partikulari dik tal-15 ta' Jannar 2009(1) dwar l-istrateġija tal-UE għall-Belarus,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet dwar il-Belarus tal-Kunsill dwar l-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni fis-16 ta' Marzu 2009 li komplew jestendu s-sospensjoni tal-projbizzjoni ta' viżi għal uffiċjali tal-Belarus, inkluż il-President Alexander Lukashenko u li estendew il-miżuri restrittivi;

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Diċembru 2008 dwar l-Inizjattiva ta' Sħubija tal-Lvant (COM(2008)0823),

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-21 ta' Novembru 2006 dwar ir-rieda min-naħa tal-Unjoni Ewropea favur li ġġedded ir-relazzjoni tagħha mal-Belarus u l-poplu tiegħu fi ħdan il-qafas tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (ENP),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.   billi l-Kunsill, fil-konklużjonijiet imsemmija hawn fuq tas-16 ta' Marzu 2009 kkonferma r-rieda tiegħu favur li jkabbar ir-relazzjonijiet mal-Belarus sakemm ikun hemm progress mill-Belarus fid-direzzjoni tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt u li lest jgħin lill-Belarus biex jikseb dawn l-oġġettivi,

B.   billi l-Kunsill, wara li evalwa l-iżviluppi fil-Belarus wara d-deċiżjoni li ttieħdet f'Ottubru 2008 dwar is-sospensjoni temporanja ta' restrizzjonijiet għall-ivvjaġġar imposti fuq ċerti uffiċjali tal-Belarus li ttieħdet f'Ottubru 2008, bi qbil mat-kundizzjonijiet stipulati fil-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/844/PESK(2) , iddeċieda li jkompli jżomm is-sospensjoni tal-applikazzjoni ta' dawn ir-restrizzjonijiet għall-ivvjaġġar għal perjodu ta' disa' xhur,

C.   billi l-Kunsill tal-UE iddeċieda li jestendi għal sena oħra l-miżuri restrittivi kontra ċerti uffiċjali tal-Belarus, kif stipulat fil-Pożizzjoni Komuni 2006/276/CFSP,

D.   billi l-UE għadha preokkupata dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarus u l-każijiet reċenti ta' ksur f''dan il-qasam,

E.   billi bi tweġiba għall-passi pożittivi magħmula mill-Belarus, il-Kummissjoni diġà nediet djalogu intensiv ma' dan il-pajjiż f'oqsma bħalma huma dawk tal-enerġija, l-ambjent, id-dwana, it-trasport u s-sikureza tal-ikel u kkonfermat li hi lesta li tkompli tespandi l-ambitu ta' dawk it-taħdidiet tekniċi li huma ta' benefiċju għaż-żewġ naħat, bil-kundizzjoni li kwalunkwe pjan għall-bini ta' ċentrali ġdida tal-elettriku nukleari fuq il-fruntiera mal-UE li ma tkunx ibbażata fuq mudell tal-Punent m'għandux ikun inkluż f'dawk it-taħdidiet,

F.   billi l-Kunsill tal-UE inkluda lill-Belarus fl-"Inizjattiva ta' Sħubija tal-Lvant" tiegħu li l-Kummissjoni nediet fil-komunikazzjoni msemmija hawn fuq tat-3 ta' Diċembru 2008 sabiex tagħti spinta lill-koperazzjoni ma' għadd ta' pajjiżi Ewropej tal-Lvant,

G.   billi l-Ministru tal-Belarus għall-Affarijiet Barranin iddikjara li "il-Belarus għandu fehma favorevoli għall-parteċipazzjoni fl-"Inizjattiva ta' Sħubija tal-Lvant" u kompla żied li l-Belarus għandu l-intenzjoni li jipparteċipa f'dik l-inizjattiva,

H.   billi l-Kumitat għall-Protezzjoni tal-Ġurnalisti talab lill-awtoritajiet tal-Belarus sabiex jerġgħu jġeddu l-kwalifikazzjoni ta' Gazeta Wyborcza, u sabiex jinvestigaw il-persekuzzjoni reċenti tiegħu u tal-familja tiegħu fil-belt tal-Belarus tal-Punent ta' Hrodna minħabba l-kritika tiegħu tal-politika tal-gvern, billi fis-17 ta' Marzu 2009Andrej Poczobur ġie mmultat EUR 148 minħabba li rrapporta dwar il-laqgħa tal-Unjoni tal-Pollakki fil-Belarus,

1.  Jappoġġja d-deċiżjoni tal-Kunsill li jestendi għal sena l-miżuri restrittivi kontra ċerti uffiċjali tal-Belarus u fl-istess waqt ikompli jżomm is-sospensjoni tal-applikazzjoni ta' restrizzjoni fuq l-ivvjaġġar imposta fuq ċerti uffiċjali tal-Belarus għal perjodu ta' disa' xhur;

2.  Ikomplu jħossu preokkupat dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarus u l-każijiet reċenti ta' vjolazzjonijiet f''dan il-qasam; jixtieq jara u jistenna t-tnedija tad-Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem mal-Belarus fil-futur qarib;

3.  Jilqa' d-djalogu UE-Belarus f'livell aktar għoli, inklużi kuntatti bilaterali, u l-koperazzjoni teknika intensifikata mibdija mill-Kummissjoni bħala mezz sabiex jissawwar fehim reċiproku u tingħata opportunità biex jiġi indirizzat l-inkwiet bejn il-partijiet u kwistjonijiet ta' interess reċiproku;

4.  Jemmen li l-intesifikazzjoni tad-djalogu politiku bejn l-UE u l-Belarus irid ikun ikkondizzjonat fuq t-tneħħija ta' restrizzjonijiet tal-libertà u l-waqfien tal-vjolenza kontra parteċipanti fi protesti tal-oppożizzjoni u kontra attivisti għad-drittijiet tal-bniedem; jitlob, f'dan il-kuntest għall-ħelsien immedjat tal-intraprendituri Mikalai Autukhovich, Yury Liavonau u Uladzimir Asipenka u l-attivist tal-oppożizzjoni zgħażugħa, Artsiom Dubski kif ukoll ir-reviżjoni tas-sentenzi ta' "liberta' ristretta" imposti fuq 11-il persuna li pparteċipaw fid-dimostrazzjoni ta'Jannar 2008;

5.  Jilqa' u jkompli jinkuraġġixxi t-tkomplija tal-koperazzjoni tal-Belarus mal-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem fl-Organizzazzjoni għas-Sigurta' u l-Kooperazzjoni fl-Ewropea (OSCE/ODIHR) dwar leġiżlazzjoni elettorali;

6.  Jinsisti li l-oppożizzjoni demokratika tal-Belarus u s-soċjetà ċivili jridu jkunu inklużi fid-djalogu bejn l-UE u l-Belarus;

7.  Jistieden lill-Gvern tal-Belarus biex juża d-disa' xhur li ġejjin sabiex juri progress sostanzjali f'dawn l-oqsma :

   - riforma tal-leġiżlazzjoni elettorali sabiex tipprovdi rappreżentanza garantita lill-membri tal-oppożizzjoni f'kummissjonijiet elettorali fil-livelli kollha u sabiex tiġi żgurata t-trasparenza u r-responsabilizzazzjoni tal-għadd tal-voti;
   - l-għoti ta' drittijiet ugwali lill-mezzi kollha tal-midja billi titneħħa l-projbizzjoni tad-tqassim tal-midja tal-istampa permezz tan-netwerks ta' distribuzzjoni 'Sayuzdruk' (sistema ta' kjoskijiet) li huma proprjetà tal-Istat, u permezz tas-servizz postali tal-Istat tal-Belarus, 'Belposhta'; it-tħassir tal-Artikoli 367, 368, 369 u 369-1 tal-Kodiċi Kriminali tal-Belarus li bosta drabi jintużaw ħażin sabiex jippersegwitaw ġurnalisti minħabba l-attività professjonali tagħhom; is-simplifikazzjoni tal-proċedura sabiex tinkiseb akkreditazzjoni ta' kull ġurnalist, inklużi rappreżentanti uffiċjali ta' mezzi tal-midja barranin;
   - garanzija għal-libertà ta' assoċjazzjoni u tal-assemblea bl-abolizjoni tal-Artikolu 193-1 tal-Kodiċi Kriminali li jkopri responsabbiltà kriminali għal attività favur assoċjazzjonijiet pubbliċi, partiti politiċi u fondazzjonijiet mhux reġistrati; ħarsien tal-libertà tar-reliġjon;
   - garanzija għad-drittijiet u libertajiet politiċi billi ma titkompliex il-prattika ta' liċenzjar minn impjiegi u minn universitajiet għal motivi politiċi, titwaqqaf il-persekuzzjoni ta' studenti, li għaliex evitaw is-servizz militari, jiġu mkeċċija minn universitajiet minħabba l-pożizzjoni ċivika li jieħdu; reviżjoni tal-każi reċenti ta' lieva militari furzata ta' bosta attivisti żgħażagħ, bħal Franak Viačorka, Ivan Šyla u Zmiter Fedaruk, li huwa simili għal teħid ta' ostaġġi mill-istati;

8.  Jistieden lill-Gvern tal-Belarus biex jistabbilixxi immedjatament moratorju tas-sentenzi ta' mewt u l-esekuzzjonijiet kollha bil-għan li titwaqqaf il-piena tal-mewt (kif stipulat mir-Riżoluzzjoni tan-NU 62/149 tat-18 ta' Diċembru 2007 dwar moratorju dwar l-użu tal-piena tal-mewt), jinbidlu bla dewmien is-sentenzi kollha ta' priġunieri li qed jistennew is-sentenza tal-mewt għal sentenza ta' priġunerija, tiġi aġġornata l-leġiżlazzjoni domestika mal-obbligi tal-pajjiż skont trattati internazzjonali għad-drittijiet tal-bniedem u jiġi żgurat li l-istandards rikonoxxuti internazzjonalment għal proċessi ġusti jkunu rispettati b'mod rigoruż;

9.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Belarus biex jirrikonoxxu l-Unjoni tal-Polakki fil-Belarus immexxija minn Angelika Borys li reġgħet ġiet eletta bħala Chairperson fil-Kungress tal-Unjoni tal-Pollakki fil-15 ta' Marzu 2009;

10.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, jekk il-Belarus tissodisfa dawn il-kriterji msemmija hawn fuq tul il-perjodu ta' disa' xhur, sabiex jikkunsidraw li jneħħu l-projbizzjoni b'mod permanenti, kif ukoll biex jieħdu passi biex jiffaċiltaw il-progress ekonomiku u soċjali u jħaffu l-proċess ta' integrazzjoni mill-ġdid tal-Belarus fil-familja Ewropea ta' pajjiżi demokratiċi;

11.  Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jieħdu aktar passi biex jilliberalizzaw il-proċeduri għall-viżi għal ċittadini tal-Belarus billi azzjoni bħal din hija kruċjali biex jitwettaq l-għan prinċipali tal-politika Ewropea għall-Belarus, jiġifieri li l-Belarus jagħmel sehem mill-proċessi Ewropej u reġjonali u li l-proċess ta' demokratizzazzjoni jsir irriversibbli; f'dan il-kuntest, iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jikkunsidraw il-possibilità li titnaqqas l-ispiża għall-viżi għaċ-ċittadini tal-Belarus li jidħlu fiż-Żona Schengen u sabiex tiġi simplifikata l-proċedura biex jinkisbu l-viżi;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel użu sħiħ u effettiv mill-possibiltajiet li hemm biex jingħata appoġġ lis-soċjetà ċivili u lill-iżviluppi demokratiċi fil-Belarus permezz tal-Istrument Ewropew għad-Drittijiet tad-Demokrazija u tal-Bniedem(3) , EIDHR; iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tinforma lill-Parlament b'mod regolari u sħiħ dwar kif il-finazjamenti tal-EIDHR jintefqu;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti appoġġ finanzjarju lill-Belsat, l-istazzjoni tat-televiżjoni indipendenti tal-Belarus, u jħeġġeġ lill-Gvern tal-Belarus biex jirreġistra lill-Belsat uffiċjalment fil-Belarus; jistieden lill-Gvern tal-Belarus biex bħala sinjal ta' rieda tajba u bidla pożittiva jippermetti li l-Università tal-Istudji Umanistiċi Ewropej f'Vilnius (il-Litwanja) tmur lura legalment fil-Belarus taħt garanziji ġenwini li tkun tista' taħdem b'mod ħieles u terġa tistabbilixxi ruħha f'kondizzjonijiet xierqa għall-iżvilupp futur f'Minsk, b'mod partikolari biex din l-Università jingħatalha permess biex matul l-2009 terġa' jkollha l-liberija tagħha f'Minsk billi jingħatalha lokal u jinħolqu l-kondizzjonijiet biex jinfethu l-kollezzjonijiet estensivi bil-Belarussu, ir-Russu, l-Ingliż, il-Ġermaniż u l-Franċiż u jkunu aċċessibbli għal kulħadd;

14.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jikkunsidraw miżuri biex tittejjeb il-klima tal-kummerċ, in-neġozju, l-investiment, l-infrastruttura tal-enerġija u t-trasport u l-koperazzjoni transkonfinali bejn l-UE u l-Belarus sabiex tingħata kontribuzzjoni għall-benessri u l-prosperità taċ-ċittadini tal-Belarus u tisseddaq l-abiltà tagħhom li jikkomunikaw mal-UE u jivvjaġġjaw fiha bil-libertà;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti u l-gvernijiet tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Assemblei Parlamentari tal-OSCE u tal-Kunsill tal-Ewropea, lis-Segretarjat tal-Commonwealth tal-Istati Indipendenti u lill-Parlament u l-Gvern tal-Belarus.

(1) P6_TA(2009)0027.
(2) Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/844/PESK tal-10 ta' Novembru 2008 li temenda l-Pożizzjoni Komuni 2006/276/PESK dwar miżuri restrittivi kontra ċerti uffiċjali tal-Belarus (ĠU L 300, 11.11.2008, p. 56).
(3) Regolament (KE) Nru 1889/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 dwar l-istabbiliment ta' strument finanzjarju għall-promozzjoni tad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja kollha (ĠU L 386, 29.12.2006, p. 1.)

Aġġornata l-aħħar: 8 ta' Diċembru 2009Avviż legali