Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2008/2245(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0198/2009

Testi mressqa :

A6-0198/2009

Dibattiti :

PV 21/04/2009 - 28
CRE 21/04/2009 - 28

Votazzjonijiet :

PV 22/04/2009 - 6.24
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2009)0240

Testi adottati
PDF 274kWORD 51k
L-Erbgħa, 22 ta' April 2009 - Strasburgu
Approċċ integrat għat-trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fil-qafas tal-ħidma tal-kumitati u d-delegazzjonijiet
P6_TA(2009)0240A6-0198/2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' April 2009 dwar l-appoġġ integrat għat-trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fil-qafas tal-ħidma tal-kumitati u d-delegazzjonijiet (2008/2245(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3(2), 13 u 141(4) tat-Trattat tal-KE,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, il-Karta Soċjali Ewropea riveduta u l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–   wara li kkunsidra l-ħidma tad-Direttorat Ġenerali għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Affarijiet Legali tal-Kunsill tal-Ewropa, u b'mod partikolari tal-Kumitat ta" tmexxija tiegħu għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel,

   wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Settembru 2002 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju tat-trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x'jaqsam mal-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kundizzjonijiet tax-xogħol(1),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta" Marzu 2003 dwar approċċ integrat għall-ugwaljanza tan-nisa u l-irġiel (integrazzjoni sistematika) fil-Parlament Ewropew(2),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta'Jannar 2007 dwar l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fix-xogħol tal-Kumitati(3),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta" Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A6-0198/2009),

A.   billi t-trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa huwa prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju u li skont l-Artikolu 2 tat-Trattat, dan jagħmel parti mill-missjonijiet tal-Komunità,

B.   billi l-Artikolu 3(2) tat-Trattat jistabbilixxi l-prinċipju tal-approċċ integrat għat-trattament indaqs filwaqt li jistipula, li fl-azzjonijiet kollha tagħha, il-Komunità tfittex li telimina l-inugwaljanzi u tippromwovi t-trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa,

C.   billi l-perċentwal ta" Membri nisa fil-Parlament żdied b'mod kostanti minn 17,5% fl-1979 għal 31,8% fl-2009,

D.   billi hemm numru żgħir ta" Membri li għandhom karigi għolja fl-organi tal-Parlament (Presidenza jew membri tal-kumitati jew ta" delegazzjonijiet, pereżempju),

E.   billi fid-Direttorati Ġenerali tal-politiki interni u tal-politiki esterni tal-Parlament, in-nisa għandhom rappreżentanza għolja u jiffurmaw rispettivament is-66,5% u s-66% tal-persunal, filwaqt li jinnota l-progress konsiderevoli miksub dan l-aħħar fid-Direttorat Ġenerali tal-politiki interni, li wassal għall-għoti tal-"prempju għall-ugwaljanza 2007 – l-aħjar prassi" kemm għall-ħolqien ta" ambjent ta" xogħol favur l-ugwaljanza u għall-approċċ integrat tal-ugwaljanza kif ukoll għaż-żieda konsiderevoli tan-numru ta" nisa li jokkupaw karigi għolja ta" tmexxija ( in-numru ta" nisa li huma kapijiet ta" unità pereżempju, żdied minn 5% għal 30% wara l-2005),

F.   billi l-maġġoranza tal-Kumitati parlamentari b'mod ġenerali tagħti ċerta importanza għall-approċċ integrat għat-trattament ugwali bejn in-nisa u l-irġiel (pereżempju fil-qafas tal-ħidmiet leġiżlattivi tagħhom, tar-relazzjonijiet uffiċjali mal-kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi jew l-iżvilupp ta" pjan ta" Azzjoni għall-Ugwaljanza) filwaqt li minoranza tal-Kumitati dan jinteressahom rarament jew qatt,

G.  Jenfasizza l-fatt li l-użu ta" netwerk inkarigat mill-approċċ integrat tal-ugwaljanza fil-kumitati u li jkun magħmul minn Membri u minn membri tal-persunal tas-segretarjat, sa issa għadu ma ħalliex riżultati,

H.  Jenfasizza l-fatt li l-Grupp ta' Livell Għoli dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u d-Diversità ppropona l-ħolqien ta' netwerk simili ta' delegazzjonijiet interparlamentari bil-għan li l-kwistjonijiet dwar l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa jkunu integrati fir-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni Ewropea,

1.  Jenfasizza li t-talba għat-trattament ugwali bejn in-nisa u l-irġiel għandha tissarraf f'approċċ prattiku li ma jpoġġix lin-nisa kontra l-irġiel;

2.  Jenfasizza li l-approċċ integrat għat-trattament ugwali jikkostitwixxi żvilupp pożittiv għan-nisa kif ukoll għall-irġiel;

3.  Jenfasizza li l-approċċ integrat għat-trattament ugwali jipprevedi r-riorganizzazzjoni, it-titjib, l-iżvilupp u l-evalwazzjoni tal-politiki biex fil-livelli u l-istadji kollha, l-atturi li normalment ikunu marbuta mad-deċiżjonijiet politiċi jinkludu l-perspettiva tat-trattament ugwali fil-politiki kollha;

4.  Ifakkar fil-ħtieġa li tiġi adottata u applikata strateġija adegwata b'miri konkreti għal approċċ integrat għat-trattament ugwali bejn in-nisa u l-irġiel fil-politiki tal-Komunità rigward il-kumitati u d-delegazzjonijiet parlamentari;

5.  Jenfasizza l-importanza tal-mandat tal-Grupp ta" Livell Għoli dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u d-Diversità u jistiednu biex ikompli jħeġġeġ u jippromwovi dan il-proċess fil-Parlament kollu, kif ukoll fir-relazzjonijiet u l-kollaborazzjoni mal-Kummissjoni, mal-Kunsill u mal-istituzzjonijiet l-oħra;

6.  Jifraħ lill-kumitati parlamentari li fil-ħidma tagħhom l-approċċ integrat tat-trattament ugwali għamluh operattiv, u jitlob lill-kumitati l-oħra u lid-delegazzjonijiet biex jagħmlu l-istess;

7.  Jitlob li r-rikors għal netwerk inkarigat mill-approċċ integrat tal-ugwaljanza jkun imsaħħaħ f'dak li jirrigwarda d-delegazzjonijiet interparlamentari u l-missjonijiet ta' osservazzjoni tal-elezzjonijiet;

8.  Iħeġġeġ lis-Segretarju Ġenerali biex jagħti prijorità lit-taħriġ għall-approċċ integrat għat-trattament ugwali tal-uffiċjali fil-livelli kollha tal-kumitati u d-delegazzjonijiet parlamentari; itenni t-talba tiegħu biex jingħata taħriġ dwar it-trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa lill-Membri kollha tal-Parlament, u dan sa mill-bidu tal-leġiżlatura li jmiss;

9.  Jissokta jħeġġeġ in-netwerking tal-uffiċjali tas-Segretarjati tal-kumitati tal-Parlament u tad-delegazzjonijiet interparlamentari tad-Direttorati Ġenerali tal-politiki interni u l-politiki esterni mħarrġa b'mod speċjali dwar l-approċċ integrat tal-ugwaljanza tal-ġeneri sabiex ikun hemm skambju regolari ta" prattiki tajba;

10.  Jenfasizza l-ħtieġa li, fil-kumitati u d-delegazzjonijiet tal-Parlament, jkun hemm disponibbli l-għodod adegwati għall-għarfien tajjeb tal-approċċ integrat għat-trattament ugwali, bħalma huma indikaturi, data u statistika maqsuma skont il-ġeneru, kif ukoll it-taqsim tar-riżorsi tal-baġit mill-aspett tat-trattament ugwali bejn in-nisa u l-irġiel;

11.  Jenfasizza li l-implimentazzjoni tal-approċċ integrat għat-trattament ugwali għandu jikkunsidra l-ispeċifiċità ta" kull kumitat jew delegazzjoni tal-Parlament; jitlob li l-kumitati u d-delegazzjonjiet jipparteċipaw b'mod attiv fl-evalwazzjonijiet li regolarment jitwettqu taħt il-patroċinju tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, fuq il-bażi tal-kwestjonarju li jitressaq lill-Presidenti u lill-Viċi Presidenti responsabbli tal-approċċ integrat għat-trattament ugwali bejn in-nisa u l-irġiel, filwaqt li jiġu inklużi n-nuqqasijiet f'dan il-kuntest fil-ħidma tal-kumitati u d-delegazzjonijiet kif ukoll il-progress tal-istabbiliment tal-approċċ integrat għat-trattament ugwali f'kull Kumitat;

12.  Jenfasizza l-importanza għall-kumitati u d-delegazzjonijiet tal-Parlament li l-irwol u r-responsabbiltajiet tagħhom fil-qasam tal-approċċ integrat għat-trattament ugwali bejn ġeneri jkunu speċifikati tajjeb;

13.  Jenfasizza l-importanza ta" kollaborazzjoni effikaċi u koordinata bejn il-Grupp ta" Livell Għoli dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u d-Diversità u n-netwerk inkarigat mill-approċċ integrat tal-ugwaljanza fil-kumitati parlamentari u d-delegazzjonijiet interparlamentari kif ukoll mal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi;

14.  Jistieden lis-Segretarju Ġenerali biex isegwi l-implimentazzjoni tal-istrateġija integrata li għandha l-għan li tikkonċilja l-ħajja familjali mal-ħajja professjonali u li tiffaċilita l-iżvilupp tal-karriera tal-uffiċjali nisa;

15.  Jistieden lill-gruppi politiċi biex jikkunsidraw l-objettiv ta" parteċipazzjoni bilanċjata bejn l-irġiel u n-nisa meta jinħatru l-persuni f'karigi għoljin u ta' responsabilità;

16.  Jistieden lill-Bureau tal-Parlament biex jenfasizza, fil-kuntatti tiegħu mal-Parlamenti tal-Istati Membri, l-esperjenza pożittiva tal-Grupp ta" Livell Għoli dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u d-Diversità;

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Kunsill tal-Ewropa.

(1) ĠU L 269, 5.10.2002, p. 15.
(2) ĠU C 61 E, 10.3.2004, p. 384.
(3) ĠU C 244 E, 18.10.2007, p. 225.

Avviż legali - Politika tal-privatezza