Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2009/2632(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

B7-0029/2009

Dibattiti :

PV 16/09/2009 - 15
CRE 16/09/2009 - 15

Votazzjonijiet :

PV 17/09/2009 - 4.6

Testi adottati :

P7_TA(2009)0019

Testi adottati
PDF 79kDOC 43k
Il-Ħamis, 17 ta' Settembru 2009 - Strasburg Verżjoni finali
Is-Sitwazzjoni fil-Litwanja wara l-adozzjoni dwar il-ħarsien tal-minorenni
P7_TA(2009)0019B7-0026, 0027, 0029, 0030 u 0031/2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Settembru 2009 dwar il-Liġi Litwana dwar il-Ħarsien tal-Minorenni kontra l-Effetti Negattivi tal-Informazzjoni Pubblika

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-obbligi internazzjonali u dawk Ewropej marbuta mad-drittijiet tal-bniedem, inklużi dawk li jinsabu fil-konvenzjonijiet tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem u fil-Konvenzjoni Ewropea għall-protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali tal-4 ta' Novembru 1950, u fil-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-20 ta' Novembru 1989,

–   wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet tal-Unjoni Ewropea dwar id-drittijiet tal-bniedem, u, b'mod partikulari l-Artikolu 6 tat-Trattat UE, l-Artikolu 13 tat-Trattat KE u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 13(1) tat-Trattat KE, li tipprovdi li: 'mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet l-oħra ta" dan it-Trattat u fil-limiti tas-setgħat mogħtija minnu lill-Komunità, il-Kunsill, li jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni u wara li jikkonsulta mal-Parlament Ewropew, jista' jieħu l-azzjoni xierqa biex jiġġieled id-diskriminazzjoni li tkun ibbażata fuq is-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali',

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/43/KE(1) u d-Direttiva 2000/78/KE(2) tal-Kunsill li jipprojbixxu d-diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali, kif ukoll il-proposta tal-Kummissjoni tat-2 ta' Lulju 2008 għal direttiva tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta" trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali (COM(2008)0426) wara li kkunsidra l-Artikolu 21(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li tipprojbixxi "kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew xi opinjoni oħra, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-età, jew l-orjentazzjoni sesswali",

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.   billi l-UE hija komunità ta" valuri bbażati fuq id-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali, id-demokrazija u l-istat tad-dritt, l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni, u billi direttivi, inklużi dawk rigward il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali, ġew approvati u pproposi sabiex jintlaħaq dan l-għan,

B.   billi l-orjentazzjoni sesswali hija kwistjoni li taqa' fl-ambitu tad-dritt individwali għall-privatezza, garantit permezz tal-liġi internazzjonali, Ewropea u nazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, u billi l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni għandhom ikunu promossi mill-awtoritajiet pubbliċi, filwaqt li għandha tiġi garantita l-libertà tal-espressjoni għall-midja, għall-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) u għall-individwi,

C.   billi fl-14 ta" Lulju 2009, il-Parlament Litwan approva emendi għal-Liġi dwar il-Ħarsien tal-Minorenni kontra l-Effetti Negattivi tal-Informazzjoni Pubblika, li se tidħol fis-seħħ fl-1 ta" Marzu 2010, skont liema se jkun ipprojbit li "tiġi mxerrda b'mod dirett lill-minorenni" nformazzjoni pubblika "li tippromwovi r-relazzjonijiet omosesswali, bisesswali jew poligami" minħabba li "għandha effett negattiv fuq l-iżvilupp tal-minorenni",

D.   billi kif hija miktuba l-liġi, b' mod partikolari -Artikolu 4 tagħha, hija vaga u mhix ċara legalment u tista' twassal għal interpretazzjonijiet kontroversjali,

E.   billi, wara li ġie annullat il-veto tal-President tar-Reppublika tal-Litwanja, il- liġi issa tinsab għal reviżjoni mill-awtoritajiet nazzjonali Litwani,

F.   billi mhuwiex ċar liema tip ta' materjal jista' jaqa' fl-ambitu ta" din il-liġi u jekk il-ġurisdizzjoni tagħha testendix għall-kotba, l-arti, l-istampa, il-pubbliċità, il-mużika u r-rappreżentazzjonijiet pubbliċi bħat-teatru, l-esibizjonijiet jew id-demonstrazzjonijiet,

G.   billi l-Presidenza Svediża tal-UE ddiskutiet il-liġi emendata mal-awtoritajiet Litwani, filwaqt li l-President tar-Reppublika tal-Litwanja iddikjarat li se tieħu passi biex jiġi żgurat li l-liġi tinbidel f'konformità mar-rekwiżiti tal-UE u mar-rekwiżiti internazzjonali,

1.  Jitlob lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali tagħti opinjoni dwar din il-liġi u l-emendi għaliha fil-kuntest tat-Trattati tal-UE u l-liġi tal-UE;

2.  Itenni kemm hu importanti għall-UE li tiġġieled kontra kull forma ta' diskriminazzjoni, u b'mod partikulari d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentazzjonijiet sesswali;

3.  Jafferma mill-ġdid il-prinċipju stabbilit fil-preambolu tad-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-20 ta' Novembru 1959 li "it-tfal, minħabba l-immaturità fiżika u mentali tagħhom, għandhom bżonn ta' salvagwardji u attenzjoni speċjali, inkluża l-protezzjoni legali xierqa.";

4.  Jilqa' l-istqarrijiet li għamlet il-President il-ġdid tar-Repubblika tal-Litwanja u l-ħolqien ta' grupp ta' ħidma fil-Litwanja mqabbad biex jevalwa l-possibilità ta' bidliet għal-liġi, u jistieden lill-President tar-Reppublika tal-Litwanja u l-awtoritajiet Litwani biex jiżguraw li l-liġijiet nazzjonali tagħha huma kumpatibbli mad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kif imħaddna fil-liġi internazzjonali u Ewropea;

5.  Jinnota li l-Liġi dwar il-Ħarsien tal-Minorenni kontra l-Effetti Negattivi tal-Informazzjoni Pubblika li ġiet approvata mill-Parlament Litwan fl-14 ta' Lulju 2009 għadha ma daħlitx fis-seħħ u hemm bżonn li tiġi riveduta qabel tidħol fis-seħħ;

6.  Jagħti istruzzjonijiet lill-kumitat responsabbli sabiex isegwi l-kwistjoni lill-Kunsill;

7.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Gvernijiet u l-Parlamenti tal-Istati Membri u tal-pajjiżi kandidati, lill-President u l-Parlament tar-Repubblika tal-Litwanja, lill-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali u lill-Kunsill tal-Ewropa.

(1) ĠU L 180, 19.7.2000, p. 22.
(2) ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16.

Aġġornata l-aħħar: 28 ta' Ġunju 2010Avviż legali