Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2009/2532(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

B7-0058/2009

Dibattiti :

PV 17/09/2009 - 3
CRE 17/09/2009 - 3

Votazzjonijiet :

PV 17/09/2009 - 4.8
CRE 17/09/2009 - 4.8

Testi adottati :

P7_TA(2009)0021

Testi adottati
PDF 98kDOC 63k
Il-Ħamis, 17 ta' Settembru 2009 - Strasburgu Verżjoni finali
Sigurtà tal-enerġija (Nabucco u Desertec)
P7_TA(2009)0021B7-0040, 0043, 0045, 0046 u 0058/2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Settembru 2009 dwar aspetti esterni tas-sigurtà tal-enerġija

Il-Parlament Ewropew ,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Settembru 2007, "Lejn politika barranija Ewropea komuni għall-enerġija"(1) ,

–   wara li kkunsidra l-Ftehima Intergovernattiv bejn l-Awstrija, il-Bulgarija, l-Ungerija, ir-Rumanija u t-Turkija dwar il-qafas legali għall-proġett tas-sistema ta' pajpijiet tal-gass Nabucco, li ġie ffirmat fit-13 ta" Lulju 2009, f'Ankara,

–   wara li kkunsidra l-akkwiżizzjoni mill-kumpanija Russa taż-żejt u l-gass Surgutneftegaz ta" sehem ta" minoranza kbir (21.2%) fil-kumpanija petrokimika Ungeriża MOL, li hija membru tal-konsorzju Nabucco,

–   wara li kkunsidra l-protokoll dwar il-koperazzjoni fil-qasam tal-gass bejn ir-Russja u t-Turkija, iffirmat fis-6 ta" Awwissu 2009 f'Ankara, skont liema t-Turkija tagħti kunsens preliminari għall-bini tas-sistema tal-pajpijiet tal-gass South Stream u tawtorizza lir-Russja biex twettaq ħidma ta" stħarriġ għas-sistema tal-pajpijiet fl-ibħra territorjali tat-Turkija,

–   wara li kkunsidra l-Memorandum ta" Ftehim iffirmat fit-13 ta" Lulju 2009 bejn 12-il kumpanija tal-UE għat-twaqqif ta" Inizjattiva Industrijali DESERTEC sabiex jiġi żviluppat il-potenzjal kbir ta" enerġija mix-xemx fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika ta" Fuq,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata t-Tieni Analiżi Strateġika dwar l-Enerġija - pjan ta' azzjoni tal-UE għas-sigurta' u s-solidarjeta' tal-enerġija (COM(2008)0781),

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri li jissalvagwardjaw is-sigurtà tal-provvista tal-gass u li jħassar id-Direttiva 2004/67/KE (COM(2009)0363),

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Kunsill dwar in-notifika lill-Kummissjoni ta' proġetti ta' investiment fl-infrastruttura tal-enerġija fil-Komunità Ewropea u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 736/96 (COM(2009)0361),

–   wara li kkunsidra l-ħmistax-il Konferenza tal-Partijiet (COP 15) għall-Konvenzjoni Qafas dwar il-Bidla fil-Klima tan-Nazzjonijiet Uniti (UNFCCC) li għad trid issir u l-ħames Konferenza tal-Partijiet li sservi bħala l-Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta' Kjoto (COP/MOP 5) li se jsiru f'Kopenħagen, fid-Danimarka, bejn is-7 u s-18 ta' Diċembru 2009,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.   billi s-sigurtà fl-enerġija hija komponent essenzjali tas-sigurtà, l-istabilità u l-prosperità ġenerali tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll element ewlieni għall-kisba ta' żvilupp ekonomiku u soċjali fl-Ewropa, li għalihom, madankollu, għad m'hemmx bażi fit-Trattati,

B.   billi n-nuqqas Politika Ewropea Barranija Komuni tal-Enerġija tfixkel il-koerenza u l-kredibilità tal-azzjoni esterna tal-UE,

C.   billi, fil-preżent, id-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjoni tal-enerġija hija sinifikanti u, fiċ-ċirkustanzi attwali, din hija mistennija li tiżdied,

D.   billi, minkejja t-tnaqqis fil-prezzijiet taż-żejt u tal-gass minħabba l-kriżi finanzjarja globali, il-progress li miexi bil-mod fil-bidla lejn fjuwils aktar sostenibbli, fimkien mal-produzzjoni li qed tonqos fl-inħawi tad-dinja fejn jinsabu ż-żejt u l-gass, minkejja li nstabu riżorsi ġodda, u d-domanda dejjem ikbar, bla dubju se jwasslu għal swieq tal-fjuwils fossilli iktar stretti u għal dipendenza dejjem ikbar fuq l-importazzjoni għall-pajjiżi li jikkunsmaw iż-żejt ladarba tintemm il-kriżi,

E.   billi diversi Stati Membri jiddependu ħafna fuq fornitur wieħed tal-gass naturali u billi t-tħarbit inġustifikat fil-provvisti jista' jikkawża problemi serji, kif uriet l-aħħar kriżi tal-gass bejn ir-Russja u l-Ukraina fil-bidu tal-2009,

F.   billi għadd ta' Stati Membri m'għandhomx biżżejjed riżervi naturali biex jaffrontaw il-kriżijiet,

G.   billi, minħabba d-dipendenza attwali li qed tiżdied tal-provvista tal-enerġija fuq reġjuni instabbli, intwera li l-isforzi biex tkun żgurata s-sigurtà tal-provvista fuq livell esklussivament nazzjonali mhumiex biżżejjed u ma jissalvagwardjawx l-interessi fit-tul tal-Istati Membri kollha,

H.   billi, irriżulta li l-istrumenti eżistenti ta' twissija bikrija kienu insuffiċjenti biex titbassar il-kriżi tal-gass ta' Jannar 2009,

I.   billi t-theddid prevedibbli għas-sigurtà tal-provvisti tal-enerġija se jkompli jeżisti sakemm il-pajjiżi li jipproduċu l-enerġija u l-pajjiżi ta' tranżitu tal-enerġija ma jikkonformawx ma' regoli komuni u trasparenti, kif definiti mit-Trattat dwar il-Karta tal-Enerġija u l-Protokoll ta' Tranżitu,

J.   billi, jekk ikun hemm impenn fir-rigward tal-effiċjenza tal-enerġija kemm domestikament kif ukoll esternament u ċaqliqa sinifikanti biex ikun hemm sehem ħafna akbar ta' enerġija li tiġġedded fit-taħlita enerġetika attwali tal-Unjoni Ewropea, din ikollha impatt ewlieni fuq it-tnaqqis tad-dipendenza tagħha fuq l-importazzjoni tal-enerġija u b'hekk tittejjeb is-sigurtà tal-enerġija tagħha minn naħa, u tgħinha biex tilħaq l-impenn tagħha biex l-emissjonijiet tal-gassijiet bl-effett ta' serra jitnaqqsu b'20% sal-2020 jew aktar fil-każ ta" qbil f'Kopenħagen, min-naħa l-oħra,

K.   billi soluzzjoni effettiva ħafna f'termini ta' spejjeż għat-tnaqqis tad-dipendenza tal-UE fir-rigward tal-enerġija hija li jitħeġġeġ it-tfaddil tal-enerġija, l-użu ta' enerġija sostenibbli u miżuri ta' effiċjenza tal-enerġija, li jikkontribwixxu wkoll għall-ġlieda kontra l-bidla fil-klima u għall-progress lejn ekonomija b'riżorsi effiċjenti,

L.   billi l-kooperazzjoni mill-qrib fil-qasam tal-provvista tal-enerġija tikkostitwixxi waħda mill-miżuri l-aktar effettivi u indispensabbli għall-bini ta' fiduċja fir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi ġirien,

M.   billi, minkejja li diġà ttieħdu xi passi, hemm bżonn li tinħoloq politika għall-enerġija tassew komuni fir-rigward tar-regolazzjoni tas-suq intern, iżda mhux fir-rigward tat-taħlita ta" enerġija tal-pajjiż, li tibqa" l-prerogattiva tal-Istati Membri, kif ukoll aspetti esterni, li tqis l-interessi politiċi u ekonomiċi tal-Istati Membri kollha,

N.   billi Politika Ewropea Barranija Komuni dwar l-Enerġija, ibbażata fuq solidarjetà, diversifikazzjoni, unità fid-difiża tal-interessi komuni, koperazzjoni msaħħa mal-pajjiżi ewlenin ta' produzzjoni, tranżitu u konsum tal-enerġija u l-promozzjoni tas-sostenibilità, joħolqu sinerġiji li jgħinu sabiex tkun żgurata s-sigurtà tal-provvista għall-Unjoni Ewropea u jżidu s-saħħa u l-kapaċità għal azzjoni tal-UE fi kwistjonijiet ta' politika barranija, u l-kredibilità tagħha bħala attur globali,

1.  Jistenna li il-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Istati Membri flimkien juru tmexxija strateġika iktar b'saħħitha fl-istabbiliment ta' politika barranija Ewropea komuni dwar l-enerġija li tkun ġenwina, kif mitlub fir-riżoluzzjoni tiegħu msemmija hawn fuq tas-26 ta" Settembru 2007;

2.  Jilqa' il-miżuri dwar id-diversifikazzjoni u t-titjib tas-sigurtà tal-enerġija tal-UE, kif propost mill-Kummissjoni fit-Tieni Analiżi Strateġika tal-Enerġija; jikkunsidra, madankollu, li hemm bżonn ta' prijoritajiet definiti b'mod ċar u ta' azzjoni rapida biex jiġu implimentati, filwaqt li l-Parlament jinżamm kompletament informat;

3.  Itenni li suq intern tal-enerġija li jiffunzjona tajjeb huwa ta" importanza vitali għall-prevenzjoni ta" kriżijiet u tħarbit fil-provvisti tal-gass fil-ġejjieni, bħal ma hija wkoll id-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija; jenfasizza, għaldaqstant, il-ħtieġa ta" iktar investiment fl-enerġija rinnovabbli u li tipproduċi emissjonijiet baxxi tal-karbonju u fl-effiċjenza tal-enerġija, u din għandha tkun parti ċentrali tal-Pjan ta" Azzjoni dwar l-Enerġija għal bejn l-2010 u l-2014;

4.  Jilqa" b'sodisfazzjon il-proposti l-ġodda għal regolamenti msemmija hawn fuq dwar miżuri għas-salvagwardja tas-sigurtà tal-provvista tal-gass u dwar proġetti ta" investiment fl-infrastruttura tal-enerġija fil-Komunità Ewropea, li se jikkontribwixxu għal sigurtà ikbar tal-provvista tal-gass fl-Unjoni Ewropea billi jiżguraw li l-Istati Membri jieħdu azzjoni preventiva u jtejbu l-mekkaniżmi għall-immaniġġjar ta" kriżi u billi jkun hemm iktar trasparenza u inqas burokrazija;

5.  Jitlob li jkun hemm aktar sforzi biex jiġu antiċipati l-problemi potenzjali fil-provvisti tal-enerġija sabiex jiġi evitat tħarbit fil-ġejjieni billi tiġi żviluppata, inter alia , l-effettività tan- Netwerk ta' Korrispondenti tas-Sigurtà tal-Enerġija (NESCO) u jistieden b'urġenza lill-Kummissjoni biex tirrevedi l-mekkaniżmi ta' twissija bikrija, in-NESCO u l-istrumenti l-oħra, li ntwera li kienu ineffiċjenti quddiem il-kriżi tal-enerġija tal-2009 bejn ir-Russja u l-Ukrajna;

6.  Jistieden lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jiżviluppaw ħażna ta' gass naturali bil-kapaċità ta' distribuzzjoni rapida;

7.  Iqis it-titjib tal-interkonnessjonijiet fl-Ewropa bħala xi ħaġa essenzjali, peress li l-għeluq tad-differenzi eżistenti huwa essenzjali għall-funzjonament effiċjenti tas-suq intern u s-solidarjetà tal-enerġija; jilqa" b'sodisfazzjon, f'dan ir-rigward, il-ftehim dwar il-finanzjament ta' proġetti ta' infrastruttura bħala parti mill-Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku (EUR 250 miljun) u l-idea li l-Ewropa tingħata supernetwerk Ewropew ġdid għall-elettriku u l-gass, iżda jinsisti li huwa indispensabbli li jkun hemm żieda ġenerali fl-iffinanzjar pubbliku fil-qasam tas-sigurtà tal-enerġija;

8.  Jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jitwettqu proġetti strateġiċi immirati lejn id-diversifikazzjoni tal-provvisti tal-enerġija, speċjalment fil-Kuritur tan-Nofsinhar; ifaħħar, f'dan il-kuntest li saru aktar indipendenti mill-provvista Russa, lill-gvernijiet tal-Awsrija, tal-Bulgarija, tal-Ungerija, tar-Rumanija u tat-Turkija rigward l-iffirmar tal-Ftehima Intergovernattiva fit-13 ta" Lulju 2009 dwar il-qafas legali tal-proġett tas-sistema ta" pajpijiet Nabucco li huwa pass importanti biex iseħħ dan il-proġett ta" prijorità tal-UE, iżda fl-istess ħin jenfasizza l-importanza ta" regoli ġenerali għall-iżvilupp tal-kuritur bil-ħsieb li l-UE tingħaqad ma" sorsi tal-gass ġodda mil-Lvant Nofsani u mir-reġjun tal-Kaspju, u tkun indipendenti minn kumpanija jew sistema tal-pajpijiet waħda u bil-għan primarju li din ir-rabta sseħħ bil-ħeffa; iħeġġeġ lill-kumpaniji u lill-Istati Membri involuti f'koperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni biex jiżguraw il-ftehimiet inizjali mal-fornituri prospettivi għall-alimentazzjoni tas-sistema tal-pajpijiet;

9.  Jenfasizza li l-UE għandha tipparteċipa fi djalogu mill-qrib mal-fornituri prinċipali tal-enerġija, bil-ħsieb li jissaħħew l-interdipendenza enerġetika u s-sigurtà tal-enerġija għall-UE kollha, b'attenzjoni partikulari fuq iż-żieda fl-effiċjenza, l-aċċess indaqs għas-suq, in-nondiskriminazzjoni u t-trasparenza;

10.  Jisħaq li d-djalogi dwar l-enerġija ma għandhomx b'ebda mod isiru a spejjeż tad-djalogi franki u orjentati lejn ir-riżultati dwar il-jeddijiet tal-bniedem u li l-ħarsien tal-jeddijiet tal-bniedem u s-sigurtà enerġetika għandhom ikunu prijorità fuq l-aġenda għas-samit li ġej bejn l-UE u r-Russja u jsiru parti integranti mill-ftehima l-ġdida bejn l-UE u r-Russja;

11.  Jissuġġerixxi l-iżvilupp ta' approċċ komuni tal-UE għan-negozjati dwar ir-regoli u l-miżati għat-tranżitu mal-imsieħba esterni u jistieden lill-Istati Membri biex jinformaw lil xulxin u lill-Kummissjoni dwar deċiżjonijiet u ftehimiet strateġiċi li jikkonċernaw lil proġetti ta' infrastruttura enerġetika;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni immedjata kontra manuvri ta' akkwiżizzjoni ostili minn entitajiet barranin mhux trasparenti fis-suq tal-enerġija tal-UE u biex tapplika b'mod strett ir-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni; jinsab allarmat, per eżempju, minħabba l-akkwiżizzjoni reċenti mill-kumpanija Surgutneftegaz ta' sehem fil-kumpanija tal-enerġija Ungeriża MOL, u minħabba l-inabilità tagħha li tiżvela l-istruttura tas-sjieda tagħha u l-identità tas-sidien benefiċjarji aħħarija tagħha, kif intalab leġittimament mir-regolatur Ungeriż tas-suq tal-enerġija; jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga l-attivitajiet ta' entitajiet barranin mhux trasparenti bħal CENTREX, li reċentement xtraw sehem ta' 20% fil-faċilità kummerċjali u ta' ħżin f'Baumgarten, l-Awstrija;

13.  Jistieden lill-UE biex tikkopera mal-pajjiżi fir-reġjun tal-Baħar tat-Tramuntana minħabba l-potenzjal sinifikanti tagħhom bħala sorsi ta' enerġija, b'mod partikulari permezz tal-produzzjoni tal-enerġija mir-riħ offshore;

14.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jikkoperaw mal-Istati Membri tar-reġjun tal-Mediterran u l-pajjiżi tal-Afrika ta" Fuq, minħabba l-potenzjal sinifikanti tagħhom fir-rigward tar-riżorsi tal-enerġija u l-opportunitajiet sustanzjali li jistgħu jinħolqu għall-żvilupp tagħhom stess, b'mod partikolari fi ħdan il-proċess ta' Barċellona; iħeġġeġ, b'mod partikulari, l-użu tal-enerġija mix-xemx u mir-riħ f'dawn ir-reġjuni; jilqa' b'sodisfazzjon il-progress li sar bl-Inizjattiva Industrijali DESERTEC sabiex jiġi żviluppat il-potenzjal ta" enerġija mix-xemx fuq skala vasta fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika ta" Fuq; jenfasizza li azzjoni tal-UE fir-rigward tal-proġett DESERTEC irid ikun koerenti u jagħti kontribut attiv lill-iżvilupp tal-pajjiżi tal-Afrika ta' Fuq u tal-Lvant Nofsani; għalhekk jistieden lill-kumpaniji u lill-Istati Membri involuti f'dan il-proġett biex - b'koperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni - jippromwovu l-iżvilupp permezz tat-trasferiment ġenwin tat-teknoloġija u tal-iżvilupp tal-ħiliet għal kumpaniji lokali u s-soċjetà ċivili sabiex tkun żgurata s-sjieda u tinbena sħubija dewwiema mal-pajjiżi tal-Mediterran li fihom se jkun żviluppat il-proġett DESERTEC;

15.  Jenfasizza l-importanza strateġika tar-reġjun tal-Artiku għall-UE, fir-rigward kemm tar-riżorsi tal-enerġija, kwistjonijiet tal-ambjent, tal-bijodiversità kemm tat-trasport bil-ftuħ tal-passaġġ bejn in-Nofsinhar u l-Lvant;

16.  Jenfasizza li l-progress fl-iżvilupp ta' politika Ewropea komuni rigward l-enerġija jiddependi fil-biċċa l-kbira fuq id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Liżbona; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri sabiex jieħdu passi biex jiżguraw bażi ta" Trattat li tkun vinkolanti, progressiva u li tkun tiġbor kollox fiha, għal politika Ewropea komuni rigward il-provvista u s-sigurtà tal-enerġija; jitlob ir-ratifika rapida tat-Trattat ta' Liżbona, li jinkludi klawżola dwar is-solidarjetà enerġetika u li jagħmel il-politika dwar l-enerġija responsabilità kondiviża bejn l-UE u l-Istati Membri, bħala pass fid-direzzjoni t-tajba;

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU C 219 E, 28.8.2008, p. 206.

Aġġornata l-aħħar: 28 ta' Ġunju 2010Avviż legali