Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2009/2608(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

B7-0082/2009

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 08/10/2009 - 7.4
CRE 08/10/2009 - 7.4

Testi adottati :

P7_TA(2009)0028

Testi adottati
PDF 123kDOC 72k
Il-Ħamis, 8 t'Ottubru 2009 - Brussell Verżjoni finali
Is-Samit tal-G20 f'Pittsburgh (24-25 ta' Settembru)
P7_TA(2009)0028B7-0082, 0083 u 0086/2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ottubru 2009 dwar il-Laqgħa Għolja tal-G20 f'Pittsburgh tal-24 u l-25 ta' Settembru 2009

Il-Parlament Ewropew ,

–   wara li kkunsidra l-Istqarrija tal-Mexxejja maħruġa wara l-Laqgħa Għolja ta' Pittsburgh tal-Grupp tal-Għoxrin (G20) tal-24 u l-25 ta' Settembru 2009,

–   wara li kkunsidra l-Istqarrija tal-Mexxejja (Pjan Dinji għall-Irkupru u r-Riforma) maħruġ wara l-Laqgħa Għolja ta' Londra tal-Grupp tal-Għoxrin (G20) u d-dikjarazzjonijiet tagħhom dwar "It-Tisħiħ tas-Sistema Finanzjarja" u dwar "It-twassil ta' riżorsi permezz tal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali" tat-2 ta' April 2009,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' April 2009 dwar il-Laqgħa Għolja tal-G20 ta' Londra tat-2 ta' April 2009(1) ,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni wara l-Laqgħa Għolja tal-G20 ta' Washington dwar is-swieq finanzjarji u l-ekonomija dinjija, maħruġa fil-15 ta" Novembru 2008,

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta" April 2009 bl-isem "L-appoġġ għall-pajjiżi qed jiżviluppaw biex ilaħħqu mal-kriżi"(COM(2009)0160),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta" Awissu 2009 bl-isem "Il-PDG u lil hinn : inkejlu l-progress f'dinja li dejjem tinbidel" (COM(2009)0433),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar il-bidla klimatika, u in partikolari dawk tal-4 ta" Frar 2009 dwar "l-2050: Il-futur jibda l-lum – Rakkomandazzjonijiet għal politika futura integrata tal-UE dwar il-bidla klimatika"(2) u tal-11 ta" Marzu 2009 dwar "Stateġija tal-UE għal ftehima komprensiva dwar il-bidla klimatika f'Kopenħagen u l-għoti adegwat ta' finanzjament għall-politika tal-bidla klimatika"(3) ,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) tad-19 ta' Ġunju 2009 bl-isem "l-Irkupru mill-kriżi: Patt Globali għall-Impjiegi",

–   wara li kkunsidra l-Objettivi għall-Iżvilupp tal-Millennju tan-Nazzjonijiet Uniti u l-impennji għall-għajnuna tal-Istati Membri tal-UE biex jittrattaw il-ġuħ u l-faqar,

–   wara li kkunsidra l-istqarrija maħruġa wara l-laqgħa informali tal-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern tal-Istati Membri fi Brussell fis-17 ta' Settembru 2009 bl-isem "il-lingwaġġ miftiehem għal-Laqgħa Għolja tal-G20 ta" Pittsburgh",

   wara li kkunsidra r-rapport aħħari tal-Kummissjoni dwar il-Kejl tal-Prestazzjoni Ekonomika u l-Progress Soċjali dwar indikaturi alternattivi,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.   billi l-proċess tal-irpiljar ekonomiku għadu mhux mitmum; billi t-trattament tal-qgħad dejjem jiżdied għadu materja ta" l-akbar importanza u urġenza; billi l-qgħad ta' 9,5% fl-Unjoni Ewropea f' Lulju 2009 kien l-ogħla f'għaxar snin u billi hu mistenni li jissokta jogħla,

B.   billi l-akbar sfida li għandha tintlaħaq hi dik li jiġi żgurat ritorn għat-tkabbir ekonomiku biex b'hekk tiġi ripristinata d-domanda privata; billi huwa essenzjali li jkun hemm progress deċiżiv fuq ir-riformi biex jinkiseb tkabbir ekonomiku b'saħħtu li jkun ekwilibrat u sostenibbli,

C.   billi d-diffikultajiet ekonomiċi preżenti għandhom jintużaw bħala opportunità biex jiġu promossi l-objettivi ta" Liżbona-Göteborg, sabiex jittenna l-impenn għat-taqbida kontra l-qgħad u l-bidla klimatika, sabiex jitnaqqas il-konsum enerġetiku u sabiex tinħoloq strateġija tal-UE li tippermetti t-tranżizzjoni mill-ġestjoni ta' kriżi urġenti għall-irpiljar ekonomiku sostenibbli fit-tul,

D.   billi l-fallimenti maġġuri tar-regolamentazzjoni u s-supervizjoni, t-teħid ta" riskji bla ħsieb u irresponsabbli minn xi istituzzjonijiet finanzjarji, u l-fornitura eċċessiva ta' likwidità minħabba politika monertarja laxka f'ċerti partijiet tad-dinja kkontribwew b'mod sinifikanti għall-kriżi ta" bħalissa,

E.   billi l-koordinazzjoni internazjzonali mtejba hija essenzjali għall-ekonomija, hija meħtieġa kooperazzjoni multilaterali f'saħħitha biex jiġu evitati t-tendenzi protezzjonisti, u l-inazzjoni politika tista" tittanta lill-istituzzjonijiet finanzjarji jmorru lura għall-mod ta" qabel kif imexxu ħwejjiġhom,

F.   billi l-mexxejja tal-G20 għandu responsabilità kollettiva li jimmitiga l-impatt soċjali tal-kriżi, l-aktar fil-pajjiżi qed jiżviluppaw, li ntlaqtu bil-goff mill-effetti kollaterali tal-kriżi,

G.   billi l-ġurisdizzjonijiet offshore imminaw r-regolamentazzjoni finanzjarja u jikkostitwixxu ostaklu għall-ksib tal-Objettivi tal-Millennju,

Rimarki ġenerali: jinġieb lura t-tkabbir

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-ftehimiet milħuqa fil-Laqgħa Għolja tal-G20, inkluż l-impenn biex jiġi evitat kwalunkwe rtirar prematur tal-istimolu; jinnota bi tħassib, madankollu, iż-żidiet mgħaġġla li kien hemm fid-dejn pubbliku u fid-defiċits baġitarji; jenfasizza l-importanza li jiġu stabbiliti finanzi pubbliċi sodi u li tiġi żgurata s-sostenibilità fiskali fit-tul biex jiġi evitat li jiġi impost piż tqil iżżejjed fuq ġenerazzjonijiet futuri; iħeġġeġ sabiex tibda ssir ħidma issa fir-rigward ta' strateġiji ta' ħruġ effettivi, biex jiġu implimentati hekk kif l-irkupru jippermetti li jsir hekk;

2.  Jikkunsidra li hemm bżonn ta" indikaturi u oqfsa ta" kontabilità ġodda għal żvilupp sostenibbli li jmorru lil hinn mill-Prodott Gross Domestiku (PGD) sabiex jitkejlu l-benessri u l-impatt ambjentali tal-attivitajiet tal-bniedem u, għaldaqstant, biex iservu ta" linji gwida għall-orjentament u l-evalwazzjoni tal-irkupru globali;

3.  Jenfasizza li l-prijoritajiet immedjati jridu jkunu li jintlaħaq tkabbir qawwi fl-ekonomija reali, li jiġi żgurat li s-swieq kapitali u s-self jaħdmu tajjeb, li jiġu sostnuti u promossi l-impjiegi u li l-persuni jiġu mħarsa mill-impatt negattiv tal-kriżi, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari lil min hu l-aktar fqir u vulnerabbli;

4.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Laqgħa Għolja tal-G20 iffukat fuq l-iżbilanċi globali, li huma l-kawża tal-kriżi finanzjarja; jirrimarka li, jekk għandhom jiġu evitati kriżijiet finanzjarji oħra fil-ġejjieni, għandhom jiġu indirizzati l-kawżi li huma fil-bażi (inkluż id-defiċit jew surplus eċċessiv) li għandhom implikazzjonijiet li jmorru lil hinn ħafna mill-qasam tar-regolamentazzjoni bankarja u finanzjarja u mit-tmexxija istituzzjonali; iqis li reazzjoni multilaterali effettiva għall-kriżi għandha tinvolvi li jiġu indirizzati l-kawżi tal-iżbilanċi fir-rati tal-iskambju u l-volatilità tal-prezzijiet tal-prodotti bażiċi f'oqsfa multilaterali;

5.   jsgħobbih li l-mexxejja tal-G-20 ma vvalutawx in-nuqqasijiet prinċipali tar-regolamentazzjoni u superviżjoni li wasslu għall-kriżi finanzjarja, sabiex tiġi evitata repetizzjoni tal-istess żbalji regolatorji u superviżorji u għaldaqstant kriżi tal-istess xorta; jisgħobbih li ma sar l-mexxejja tal-G20 ma għamlu l-ebda progress fir-rigward tal-finanzjament tal-ġlieda dinjija kontra l-bidla fil-klima;

6.  Jilqa" l-impenn riaffermat li jintlaħqu l-Objettivi tal-Izvilupp tal-Millennju u li jinkisbu impennji tal-assistenza għall-iżvilupp uffiċjali (ODA), inkluża l-għajnuna għall-kummerċ, it-tnaqqis tad-djun u l-impennji Gleneagles,

7.  Jilqa" l-ftehima tal-mexxejja tal-G20 li jaħdmu lejn qafas internazzjonali għal tassa ta" transazzjoni finanzjarja u jitlob għal progress mgħaġġel, biex jiġi żgurat li s-settur finanzjarju jikkontribwixxi b'mod ġust għall-irpiljar u l-iżvilupp ekonomiċi, billi l-ispiża tal-kriżi s'issa iġġarbet minn min iħallas it-taxxa, minn ċittadini oħra u mis-servizzi pubbliċi;

Impjiegi, impjiegi, u aktar impjiegi

8.  Jilqa" d-deċiżjoni tal-mexxejja tal-G20 sabiex fil-qalba tal-irkupru u tar-riforma jpoġġu l-ħolqien ta" impjiegi diċenti, u speċjalment jilqa" b'sodisfazzjon l-irwol li ġie maqbul li jingħata lill-ILO;

9.  Jilqa" b'sodisfazzjon l-impenn tal-mexxejja tal-G20 li tiġi indirizzata l-kriżi ambjentali fuq livell internazzjonali u li jsaħħaħ l-appoġġ għal dawk l-aktar vulnerabbli, peress li huma dawk l-aktar milquta mill-kriżi u l-aktar li jeħtieġu azzjoni komuni; jilqa" f'dan ir-rigward it-twaqqif ta" Sistema ta" Twissija Globali dwar il-Vulnerabilità għall-Impatt;

10.  Jitlob li l-impenn tal-komunità internazzjonali tissawwar f'azzjoni konkreta u li tiġi implimentata, partikolarment billi tappoġġja aġenda b'saħħitha dwar 'impjiegi ekoloġiċi';

11.  Jaqbel dwar l-importanza li jinbena qafas maħsub għall-impjiegi għat-tkabbir ekonomiku fil-ġejjieni u li l-promozzjoni ta" xogħol diċenti tkun fil-qofol tal-pjanijiet ta" rkupru;

12.  Jilqa" l-Patt Dinji għall-Impjiegi tal-ILO u jappella sabiex jiġi implimentat b'urġenza; b'mod partikolari, isejjaħ għall-ħolqien ta" fond antiċikliku għall-impjieg fuq livell internazzjonali u pakketti ta" stimolu fiskali ambizzjużi li jkunu favur il-ħolqien u ż-żamma tal-impjiegi, bis-saħħa ta" servizzi effiċjenti ta" impjieg u politiki soċjali b'saħħithom biex ikunu ta" appoġġ għal gruppi vulnerabbli u jiżguraw il-kapaċità ta" xiri bil-pagi minimi;

13.  Jinsisti li r-ratifika u l-implimentazzjoni tal-Konvenzjonijiet tal-ILO huma kruċjali f'dan ir-rigward u jitlob li dawn ikunu inkorporati fil-ftehimiet kummerċjali tad-WTO; jappella wkoll sabiex tissaħħaħ aktar il-koperazzjoni fost l-organizzazzjonijiet internazzjonali ewlenin;

14.  Jappoġġja l-inizjattivi marbutin ma" forom ġodda ta" servizzi finanzjarji bħall-mikrofinanzjar, li jkollhom l-għan li jittejjeb l-aċċess għas-servizzi finanzjarji għal dawk li huma l-ifqar;

15.  Jinsisti dwar l-importanza li jiġi appoġġjat id-djalogu soċjali fil-livelli kollha sabiex tiġi evitata d-diflazzjoni tal-pagi u sabiex jiġi żgurat li ż-żieda fil-pagi tkun konformi maż-żieda fil-produzzjoni;

It-tisħiħ tas-superviżjoni u r-regolamentazzjoni finanzjarji

16.  Jilqa' b'sodisfazzjon s-sejħa sabiex il-Ministri tal-Finanzi u l-Gvernaturi tal-Banek Ċentrali tal-G20 jaslu għal ftehim dwar qafas internazzjonali ta' riforma fl-oqsma kritiċi li ġejjin tas-settur finanzjarju:

   l-iżvilupp ta' kapital ta' kwalità għolja u l-mitigazzjoni tal-proċikliċità,
   ir-riforma tal-prattiċi ta' kumpens biex tiġi appoġġjata l-istabilità finanzjarja,
   it-titjib tas-swieq tad-derivattivi li huma 'over-the-counter',
   l-indirizzar tal-problemi ta' regolamentazzjoni transkonfinali u l-istituzzjonijiet finanzjarji li huma sistemikament importanti;
   ir-riforma fis-superviżjoni tas-settur finanzjarju, konsistenti mal-qafas globali;

17.  Japprova r-rieda li tiġi trasformata s-sistema ta" regolamentazzjoni finanzjarja dinjija u jaqbel li sar progress sostanzjali, iżda jemmen li ħafna mill-bidliet miftehma għadhom ma ġewx implimentati bis-sħiħ u li baqa" ħafna aktar x'isir;

18.  Jinnota li l-wegħda tal-mexxejja tal-G20 ta' superviżjoni kompleta tal-istituzzjonijiet u l-istrumenti kollha li huma sistematikament importanti; jemmen li hemm bżonn ta" approċċ aktar ċentralizzat għas-superviżjoni tas-suq finanzjarju sabiex jiġu evitati kriżijiet ulterjuri, u huwa tal-fehma li l-Unjoni Ewropea teħtieġ taħdem għal arkitettura ta" superviżjoni finanzjarja isħaħ bl-objettiv li tinħoloq awtorità ta" superviżjoni finanzjarja waħda;

19.  Huwa tal-fehma li l-koordinament internazzjonali għandu jwassal għal titjib progressiv tar-rwoli prudenzjali biex fuq bażi globali jiġi evitat l-arbitrat regolatorju; jissottolinea li l-progress magħmul fil-kuntest usa" tal-G20 jikkonsisti f'approċċ ta" "armonizzazzjoni minima" li ma għandux jipprevjeni lill-Unjoni Ewropea milli tapplika standards ogħla; jilqa" f'dan l-ambitu l-fatt li l-Unjoni Ewropea hija aktar ambizzjużi f'dak li għandu x'jaqsam mal-ambitu u r-rekwiżiti tar-regolamentazzjoni u s-superviżjoni, kif turi l-leġiżlazzjoni li ġiet adottati reċentement jew għadha qed diskussa;

20.  Jilqa" b'sodisfazzjon l-impenn imġedded għal istituzzjonijiet finanzjarji b'regoli aktar stretti fuq it-teħid tar-riskji, governanza li tadatta l-kumpens skont il-prestazzjoni tajba fuq medda ta" żmien u aktar trasparenza ġenerali; jilqa" b'ħafna sodisfazzjon l-impenn għall-adozzjoni tal-qafas Basel II sal-2011 u għall-introduzzjoni ta" proporzjon b'effett ta" lieva li jkun armonizzat fil-livell internazzjonali; iqis li dawn il-prinċipji u objettivi ġenerali għandhom jiġu rispettati mill-parteċipanti kollha tas-swieq kull fejn ikun hemm fin-nofs il-ħarsien tal-investituri, ta" min iħallas it-taxxa jew tal-konsumaturi;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tittrasponi malajr l-impenji li ttieħdu fil-Laqgħa Għolja tal-G20 fir-rigward tal-bonuses f'leġiżlazzjoni tal-KE li torbot; għaldaqstant jistieden lill-mexxejja tal-G20 biex jagħmlu l-proposti tagħhom aktar inċiżivi mil-lat tal-bini tal-kapital u tar-riforma tal-prattiki ta" kumpens u biex jiżguraw strateġija konsistenti min-naħa tas-superviżuri madwar id-dinja meta jiġu għas-sanzjonijiet;

22.  Huwa tal-fehma li l-prinċipji għall-koperazzjoni transkonfinali fir-rigward tal-ġestjoni tal-kriżi jeħtieġ li jiġu implimentati b'urġenza; jitlob lill-Bord għall-Istabilità Finanzjarja biex jikkonsulta mal-Parlament qabel ma japprova l-proposti li għandhom jiġu adottati sal-aħħar ta' Ottubru 2010 għal istituzzjonijiet finanzjarji li huma sistemikament importanti;

23.   jirrikonoxxi li l-kisbiet fil-ġlieda kontra ġurisdizzjonijiet li ma jikkoperawx ('tax havens') kienu sostanzjali, iżda għadhom mhux biżżejjed; jinkoraġġixxi lill-Forum Globali dwar it-Trasparenza u l-Iskambju tal-Informazzjoni biex itejjeb it-trasparenza fiskali u l-iskambju tal-informazzjoni biex il-pajjiżi jkunu jistgħu jinfurzaw b'mod sħiħ il-liġi tat-taxxa tagħhom biex jipproteġu l-bażi tat-taxxa tagħhom; jappoġġja lill-G20 fl-użu tagħha ta' miżuri kontra l-pajjiżi li joffru kenn mit-taxxa minn Marzu 2010 f'każijiet ta' nuqqas ta' koperazzjoni;

24.  Jilqa" b'sodisfazzjon il-passi "l quddiem li saru fir-rigward tas-segretezza tal-baneku, b'mod partikoari: l-espansjoni tal-Forum Globali tal-OECD dwar it-Trasparenza u l-Iskambju ta" Informazzjoni; jinnota, madankollu, li diversi ġurisdizzjonijiet li kienu wegħdu li jimplimentaw l-istandards għadhom m'għamlux dan; jappella sabiex ikun hemm sistema effettiva li tipprevjeni, tikxef u tressaq il-qorti "l min jevadi t-taxxa; jenfasizza dwar l-importanza li tinħoloq sistema standardizzata ta" rappurtaġġ;

25.  Jisgħobbih li l-mexxejja tal-G20 ma indirizzawx il-kwistjoni tal-azzard morali mhix indirizzat u li r-rabta bejn l-istandards prudenzjali għall-istituzzjonijiet sistemiċi u l-kwestjoni tal-kostijiet tal-falliment ta" tali istituzzjonijiet ġiet posposta għal Ottubru 2010; jitlob li jkun hemm proposti kif tiġi ttrattata r-ristrutturazzjoni u r-reviżjoni tal-mudell ta" negozju tas-settur finanzjarju, biex tiġi indirizzata l-kwestjoni tal-"kbir wisq biex ifalli";

It-tisħiħ tal-istituzzjonijiet finanzjarji globali tagħna

26.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-pjan tal-mexxejja tal-G20 li jiġu rriformati l-IMF u l-Bank Dinji u jitlob li dawn ir-riformi jibdew malajr kemm jista' jkun; isejjaħ biex issir riforma estensiva tat-tmexxija ekonomika u finanzjarja globali; jappoġġja t-titjib tal-IMF u tal-Bank Dinji bħala element ċentrali tal-isforz biex jittejbu l-kredibilità, il-leġittimità u l-effikaċja ta' dawk l-istituzzjonijiet; isejjaħ għat-titjib tar-rappreżentazzjoni tal-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw fl-istituzzjonijiet finanzjarji; jilqa' b'sodisfazzjon l-impenn fir-rigward taċ-ċaqliq fis-sehem tal-kwoti lejn il-pajjiżi bi swieq emerġenti dinamiċi u li għadhom qed jiżviluppaw; ifakkar li hu importanti li jiġu evitati politiki proċikliki sabiex tinstab it-triq lejn l-irkupru;

27.  Isejjaħ għall-ħolqien ta" mekkaniżmu għat-trasferiment ta" wħud mill-allokazzjonijiet ġodda tal-Istati Membri tal-IMF għad-Drittijiet ta" Ġbid Speċjali ta" Flus tal-IMF (SDRs) għal Pajjiżi bi Dħul Baxx, li jista" jirdoppja l-kapaċità ta" self konċessjonarju tal-IMF fuq medda nofsana ta" żmien;

28.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-impenji tal-mexxejja tal-G20 fir-rigward ta' ekonomija globali miftuħa; iqis li l-qawmien mill-ġdid tal-kummerċ dinji huwa essenzjali biex jerġa' jkun hemm tkabbir globali; f'dan ir-rigward itenni l-pożizzjoni tiegħu kontra kull forma ta' protezzjoniżmu u jibqa' jagħfas għall-progress fl-iżgurar tal-aċċess għas-suq li ma jqigħedx lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fi żvantaġġ, u dan billi jiġi eliminat ix-xkiel tariffarju u non-tariffarju indiskriminat, kif ukoll ir-rispett għar-regoli tal-kummerċ ħieles u ġust; jibqa" ddeterminat li jfittex konklużjoni globali, ambizzjuża u ekwilibrata għar-Rawnd ta" Żvilupp ta" Doħa, li tkun konsistenti mal-mandat mogħti, u jistieden lill-mexxejja ma jinsewx l-objettiv aħħari favur l-iżvilupp f'dan ir-Rawnd;

29.  Jilqa' b'sodisfazzjon ir-rikonoxximent mill-mexxejja tal-G20 tal-importanza ta" ekonomija dinjija aktar sostenibbli; jenfasizza li ftehima li torbot dwar il-bidla fil-klima fil-konferenza li ġejja dwar il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Bidla fil-Klima ta" Kopenħagen (il-Konferenza UNFCCC) hija ta" importanza kruċjali; jenfasizza, madankollu, li l-mexxejja tal-G20 għandhom jirrikonoxxu n-natura wiesgħa tal-isfidi għas-sostenibilità globali; jistieden lill-Ministri tal-Finanzi tal-G20 jimmobilizzaw ir-riżorsi li jsostnu l-azzjoni klimatika near-term fil-pajjiżi qed jiżviluppaw bħala komponent fundamentali tar-respons kollettiv għall-kriżi ekonomika globali;

30.  Jenfasizza l-fatt li l-impenji kollha li ttieħdu mill-mexxejja tal-G20 jridu jiġu rrispettati b'mod sħiħ, implimentati malajr u żviluppati, fil-livell nazzjonali u internazzjonali, biex jerġa' jkun hemm il-fiduċja u jiġi mmassimizzat l-irkupru ekonomiku;

31.  Iqis li r-rappreżentanza tal-UE fil-laqgħat tal-G20 għandha tkun is-suġġett ta' diskussjoni dettaljata bejn it-tliet istituzzjonijiet ewlenin tal-UE u l-Istati Membri; jinsab konvint li l-Unjoni Ewropea għandha taqbel dwar pożizzjoni komuni fil-fora internazzjonali, b'mod partikulari fir-rigward tal-laqgħat tal-G20, u jinsisti li għandu jkun hemm rappreżentanza aktar koerenti tal-Unjoni Ewropea fin-negozjati internazzjonali;

32.  Jaċċentwa l-importanza ta" ftehima dwar il-fondi biex ikunu assistiti l-pajjiżi foqra ħalli jadattaw għall-bidla klimatika fil-Konferenza UNFCCC ta' Kopenħagen u għall-għoti ta' mekkaniżmu ta' finanzjament f'saħħtu u prevedibbli oltre l-ODA; jisgħobbih li din il-kwistjoni ġiet posposta għall-Konferenza UNFCCC, u jtenni li l-Unjoni Ewropea għandha tikkontribwixxi s-sehem ġust tagħha fil-finanzjament għall-mitigazzjoni u l-adattament, korrispondenti għas-sejbiet ta' riċerka xjentifika dwar is-severità tal-bidla klimatika u l-iskala tal-kostijiet tagħha;

33.  Jiġbed l-attenzjoni għall-kriżi persistenti tal-ikel u jilqa" d-deċiżjoni li tkun approvata uffiċjalment inizjattiva tal-ikel tal-Bank Dinji; jitlob lill-pajjiżi donaturi jiżguraw it-trasparenza u l-accountability f'dak li għandu x'jaqsam mad-distribuzzjoni tal-assistenza għall-ikel;

o
o   o

34.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Bank Ċentrali Ewrope, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati tal-G20 u lill-Fond Monetarju Internazzjonali.

(1) Testi adottati, P6_TA(2009)0330.
(2) Testi adottati, P6_TA(2009)0042.
(3) Testi adottati, P6_TA(2009)0121.

Aġġornata l-aħħar: 28 ta' Ġunju 2010Avviż legali