Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2009/2812(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B7-0031/2010

Dibattiti :

PV 20/01/2010 - 15
CRE 20/01/2010 - 15

Votazzjonijiet :

PV 21/01/2010 - 7.4

Testi adottati :

P7_TA(2010)0008

Testi adottati
PDF 97kDOC 62k
Il-Ħamis, 21 ta' Jannar 2010 - Strasburgu Verżjoni finali
Strateġija Ewropea għar-reġjun ta' Danubju
P7_TA(2010)0008B7-0031, 0032, 0033, 0034 u 0036/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Jannar 2010 dwar l-istrateġija Ewropea għar-Reġjun tad-Danubju

Il-Parlament Ewropew ,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 192 u 265(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-mistoqsija orali tat-3 ta' Diċembru 2009, tal-Kummissjoni, dwar Strateġija Ewropea għar-Reġjun tad-Danubju (O-0150/09 – B7-0240/2009),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-18 u d-19 ta' Ġunju 2009, li talbu lill-Kummissjoni biex tfassal strateġija Ewropea għar-reġjun tad-Danubju qabel l-għeluq tal-2010,

–   wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku,

–   wara li kkunsidra l-programm tal-Kunsill, imħejji mill-Presidenza Spanjola, dik Belġjana, u dik Ungeriża;

–   wara li kkunsidra l-Forum tad-Danubju stabbilit fi ħdan il-Parlament Ewropew, u l-ħidma tal-Forum,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Marzu 2009 dwar il-Green Paper dwar il-Koeżjoni Territorjali u l-istat tad-dibattitu dwar ir-riforma ġejjiena tal-politika ta' koeżjoni,

–   wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni bit-titlu "Strateġija tal-UE għaż-Żona tad-Danubju", ta' Ottubru 2009,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Espoo, Aarhus, u Berna dwar il-ħarsien tal-ambjent,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva ta' Qafas dwar l-Ilma u l-Konvenzjoni ta' Ħelsinki,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta" Belgrad li tirregola n-navigazzjoni tul id-Danubju,

–   wara li kkunsidra l-istqarrija konġunta dwar "L-iżvilupp tan-Navigazzjoni u l-Ħarsien tal-Ambjent fil-Baċin tax-Xmara Danubju" adottata mill-Kummissjoni tad-Danubju, il-Kummissjoni Internazzjonali għall-Ħarsien tax-Xmara Danubju (ICPDR) u l-Kummissjoni Internazzjonali tal-Baċin tax-Xmara Sava (ISRBC),

–   wara li kkunsidra l-Konferenza ta' Stokkolma dwar strateġija makroreġjonali li saret mill-Presidenza Svediża,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.   billi t-Trattat ta' Lisbona jirrikonoxxi l-koeżjoni territorjali bħala objettiv tal-Unjoni Ewropea (l-Artikolu 3 tat-Trattat UE),

B.   billi l-istrateġiji makroreġjonali huma mmirati sabiex jagħmlu użu aħjar mir-riżorsi eżistenti biex jittrattaw kwistjonijiet ta' żvilupp territorjali u jidentifikaw risposti konġunti għall-isfidi komuni,

C.   billi l-Istrateġija tal-Baħar Baltiku diġà pprovdiet mudell għall-koordinazzjoni tal-politiki u l-iffinanzjar tal-UE f'unitajiet territorjali ġeopolitiċi - makroreġjuni - definiti fuq il-bażi ta' kriterji speċifiċi u billi Strateġija tal-UE għad-Danubju, li tkun issegwi l-mudell tal-Istrateġija tal-Baħar Baltiku, għandha l-potenzjal li tippromwovi l-koperazzjoni reġjonali u transkonfinali għal aktar tkabbir ekonomiku u sabiex tidentifika risponsi konġunti għal sfidi komuni,

D.   billi x-Xmara Danubju tgħaqqad għaxar pajjiżi Ewropej – il-Ġermanja, l-Awstrija, is-Slovakkja, l-Ungerija, il-Kroazja, is-Serbja, ir-Rumanija, il-Bulgarija, il-Moldova, u l-Ukraina, li sitta minnhom huma Stati Membri tal-UE, u f'kuntest territorjali akbar, ir-reġjun jinkludi wkoll lir-Repubblika Ċeka, is-Slovenja, il-Bosnja-Ħerzegovina u l-Montenegro,

E.   billi r-reġjun tad-Danubju hija punt importanti fejn jiltaqgħu il-programmi tal-Politika ta" Koeżjoni tal-UE, il-programmi għall-pajjiżi koperti mill-Politika Ewropea tal-Viċinat u l-kandidati potenzjali għal adeżjoni, u għaldaqstant tirrappreżenta qasam fejn is-sinerġiji mtejba bejn il-politiki differenti tal-UE jistgħu jiġu żviluppati: il-koeżjoni, it-trasport, it-turiżmu, l-agrikultura, is-sajd, l-iżvilupp ekonomiku u soċjali, l-enerġija, l-ambjent, it-tkabbir u l-politika tal-viċinat,

F.   billi l-Istrateġija għar-Reġjun tad-Danubju tal-UE għandha tiġi żviluppata f'dawn l-oqsma ta" kooperazzjoni li ġejjin: l-iżvilupp u l-ħarsien soċjali, l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli, l-infrastruttura tat-trasport u l-enerġija, il-ħarsien tal-ambjent, il-kultura u l-edukazzjoni,

G.   billi l-Istrateġija tal-UE għad-Danubju tista' tagħti kontribut importanti għall-kisba ta' koordinazzjoni aħjar bejn l-awtoritajiet u l-organizzazzjoni reġjonali u lokali li jaħdmu fir-reġjun tad-Danubju u tista' tiżgura l-prosperità, l-iżvilupp sostenibbli, il-ħolqien tal-impjiegi u s-sigurtà fiż-żona,

H.   billi hemm storja twila ta' kooperazzjoni fir-reġjun tad-Danubju: il-Kummissjoni Ewropea għad-Danubju, li twaqqfet fit-30 ta' Marzu 1856 u li kellha s-sede oriġinarja tagħha f'Galaţi (ir-Rumanija), kienet waħda mill-ewwel istituzzjonijiet Ewropej, u l-lum għandha s-sede tagħha f'Budapest,

I.   billi x-Xmara Danubju għoddha saret passaġġ intern navigabbli tal-Unjoni Ewropea wara t-tkabbir tal-2007, u billi r-Reġjun tad-Danubju jista' jagħti kontribut sostanzjali biex irawwem l-iżviluppi li seħħew mit-tkabbir "l hawn,

J.   billi x-Xmara Danubju hi passaġġ intern navigabbli effettiv anke lil hinn mill-Istati Membri l-ġodda u flimkien mal-Kanal tal-Main u max-Xmara Renu, tgħaqqad il-Baħar tat-Tramuntana mal-Baħar l-Iswed u għandha l-potenzjal li ttejjeb il-qagħda ġeostrateġika tar-reġjun tal-Baħar l-Iswed,

K.   billi r-Reġjun tad-Danubju jirrappreżenta żona interkonnessa b'kapaċitajiet ekonomiċi eteroġeniċi u billi jekk iż-żona tad-Danubju titqies bħala makroreġjun wieħed, dan jista' jgħin biex jintgħelbu d-differenzi reġjonali fil-prestazzjoni ekonomika u jsostni żvilupp integrat,

L.   billi d-Delta tad-Danubju hija Sit ta" Wirt Dinji tal-UNESCO, u dan ir-reġjun tad-Danubju jinkludi bosta Żoni ta" Protezzjoni Speċjali u Żoni Speċjali għall-Konservazzjoni fi ħdan il-qafas Natura 2000; billi d-Danubju u d-Delta tad-Danubju għandhom ekosistema unika u fraġli, li fiha jgħixu speċijiet ta" pjanti rari li jinsabu mhedda minħabba t-tniġġis,

1.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tniedi, kemm jista" jkun malajr, konsultazzjonijiet wiesgħa mal-pajjiżi kollha matul ix-xtut tax-Xmara Danubju sabiex tkopri aspetti varji tal-koperazzjoni reġjonali u li tippreżenta l-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tad-Danubju sa mhux aktar tard minn tmiem l-2010;

2.  Iqis li Strateġija Ewropea għar-Reġjun tad-Danubju tirrappreżenta strument xieraq għal titjib fl-iżvilupp territorjali permezz ta' kooperazzjoni intensifikata f'oqsma ta' politika definiti b'mod ċar, fejn l-imsieħba governattivi kollha identifikaw valur miżjud Ewropew ġenwin, u jitlob li din l-istrateġija tiġi żviluppata bħala parti mill-objettiv tal-Koperazzjoni Territorjali Ewropea;

3.  Jenfasizza li huwa essenzjali li kwalunkwe strateġija makro-reġjonali għandha tiġi inkorporata fil-politika reġjonali tal-UE, bħala politika koordinata għat-territorju kollu tal-UE; barra minn hekk, jenfasizza l-ħtieġa li jiġi analizzat il-valur miżjud ta' din l-istrateġija għall-implimentazzjoni tal-objettiv tal-koeżjoni territorjali fi ħdan it-territorju tal-Unjoni;

4.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-atturi relevanti reġjonali u lokali fir-reġjun tad-Danubju jiġu involuti fil-proċess ta' tħejjija, sabiex b'mod ċar jiġu identifikati l-ħtiġijiet, kemm mil-lat tal-iżvilupp territorjali bilanċjat u sostenibbli tat-territorji kif ukoll għall-bini tal-kapaċitajiet, sabiex jinstabu soluzzjonijiet għall-isfidi komuni, il-proġetti prattiċi jiġu implimentati b'mod effiċjenti u jiġi pprovdut mekkaniżmu ta' governanza tajba u jħeġġeġ lill-gvernijiet biex jappoġġaw u jiffaċilitaw miżuri għall-informar u l-konsultazzjoni tal-NGOs, l-assoċjazzjonijiet tal-kummerċ u s-soċjetà ċivili kemm fl-istabbiliment tal-istrateġija kif ukoll fl-implimentazzjoni tagħha fil-ġejjieni;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni biex b'mod ċar tidentifika l-"istruttura ta' governanza" ta' politika ġejjiena għar-reġjun tad-Danubju; hu tal-fehma li l-implimentazzjoni ta' din l-istrateġija ma tridx tirfes fuq ir-responsabilitajiet tal-gvern reġjonali u lokali;

6.  Jappoġġa l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tar-reġjun tad-Danubju bħala qasam ta" priorità tal-UE u l-promozzjoni ta" integrazzjoni reġjonali aktar profonda fir-reġjun tad-Danubju bħala komponent dinamiku ta" żona ekonomika u politika Ewropea usa";

7.  Jitlob li jkun hemm it-titjib tal-istatus ekoloġiku tax-xmara Danubju, li bħalissa hija xmara mniġġsa, li jitnaqqas it-tniġġis u li ma jibqax jintrema aktar żejt u aktar sustanzi tossiċi u dannużi fiha;

8.  Jinnota li r-responsabiltà għat-tniġġis tar-Reġjun tad-Danubju hija kemm tal-Istati Membri kif ukoll tal-pajjiżi l-oħra li minnhom tgħaddi x-xmara Danubju; jisħaq li l-ħarsien tal-ambjent fil-baċin tax-xmara Danubju huwa aspett importanti li se jolqot l-iżvilupp agrikolu u rurali tar-reġjun u jħeġġeġ lill-Istati li minnhom tgħaddi x-xmara Danubju biex jistabbilixxu faċilitajiet idroloġiċi u tal-ittestjar tal-kwalità tal-ilma konġunti;

9.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, fid-dawl tal-ġlieda kontra t-tibdil tal-klima, biex jagħtu attenzjoni speċjali u jikkoperaw għall-protezzjoni tal-ekosistemi lokali u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tappoġġa r-riċerka u l-iżvilupp li jiffoka fuq teknoloġiji ġodda mmirati sabiex itejbu l-kapaċitajiet ta' tbassir u ta' azzjoni f'konnessjoni ma' għargħar, nixfa estrema u tniġġis aċċidentali;

10.  Jisħaq fuq il-ħtieġa tal-protezzjoni u t-tisħiħ tal-istokkijiet tal-ħut fid-Danubju; jitlob lill-Kummissjoni biex tipprepara pjan komprensiv għall-konservazzjoni u r-restawr tal-istokkijiet naturali tal-istorjuni fid-Danubju;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tuża l-esperjenza tal-Istrateġija tal-Baħar Baltiku fir-rigward tan-natura operattiva tagħha; konsegwentement, jitlob għal Pjan ta' Azzjoni biex jikkomplimenta d-dokument; hu tal-opinjoni li l-Pjan ta' Azzjoni għandu jinkludi fih l-elementi li ġejjin: użu b'kuxjenza ambjentali tax-xmara Danubju għan-navigazzjoni, intermodalità ma' modi oħra tat-trasport tul id-Danubju permezz ta' titjib tal-infrastrutturi kollha (bi prijorità għall-użu aħjar tal-infrastruttura eżistenti) u bil-ħolqien ta' sistema tat-trasport multimodali tul ix-xmara kollha, użu b'kuxjenza ambjentali tal-enerġija mill-ilma tul id-Danubju, il-konservazzjoni u t-titjib tal-kwalità tal-ilma tad-Danubju skont id-Direttiva ta' Qafas dwar l-Ilma, rekwiżiti tas-sikurezza stretti għall-bastimenti, l-iżvilupp ta' turiżmu b'kuxjenza ambjentali u titjib fl-oqsma tal-edukazzjoni, ir-riċerka u l-koeżjoni soċjali;

12.  Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' diversifikazzjoni tal-għejun tal-enerġija u jistieden lill-Kummissjoni u lill-pajjiżi kollha li minnhom tgħaddi x-xmara biex iżidu l-kooperazzjoni fil-qasam tal-enerġija, jippromwovu u jimplimentaw proġetti konġunti dwar l-effiċjenza enerġetika u dwar riżorsi enerġetiċi rinovabbli, fid-dawl tal-potenzjal tar-reġjun bħala sors ta' bijoenerġija, u biex jinkoraġġixxu l-użu ta' enerġija mill-bijomassa, mix-xemx, mir-riħ u mill-ilma;

13.  Jisħaq li l-evalwazzjonijiet strateġiċi adegwati tal-impatt fuq l-ambjent, inklużi l-evalwazzjonijiet tal-effetti fuq l-ekosistema kollha tax-xmara, għandhom ikunu prerekwiżit għall-proġetti kollha ta' infrastruttura relatati mal-enerġija, sabiex jiġi garantit li jintlaħqu l-istandards internazzjonali tal-ħarsien tal-ambjent, wara li jiġu kkonsultati l-imsieħba li jistgħu jiġu affettwati b'dawn id-deċiżjonijiet;

14.  Jiġbed l-attenzjoni dwar l-interdipendenza ekonomika eċċezzjonali tal-istati fir-reġjun tad-Danubju u jappoġġa t-twaqqif ta' netwerks għall-iżvilupp tan-negozju u korpi mhux governattivi li jippromwovu l-kummerċ li jistgħu jikkoordinaw u jippromwovu l-opportunitajiet ta' żvilupp fil-ġejjieni, speċjalment għall-SMEs, biex jiġi żgurat tkabbir sostenibbli u effiċjenti u tkun stimolata l-ekonomija l-ħadra fil-makroreġjun kollu tad-Danubju;

15.  Jipproponi l-integrazzjoni tas-sistema tat-trasport tal-UE ma" dawk tal-pajjiżi ġirien tal-UE fir-reġjun tad-Danubju u jisħaq fuq l-importanza li jsir proviżjon għal proġetti intermodali;

16.  Iqis is-sistema ta" navigazzjoni tal-passaġġi interni navigabbli bħala aspett importanti tal-iżvilupp tat-trasport tar-reġjun, filwaqt li jiġi rikonoxxut it-tnaqqis tan-navigazzjoni fil-passaġġi interni navigabbli, l-aktar minħabba t-tnaqqis kbir fir-ritmu ekonomiku, u jisħaq fuq l-importanza tal-eliminazzjoni tal-konġestjonijiet fl-assi tal-passaġġ Renu/Meuse-Main-Danubju u t-titjib tas-sistema intermodali kollha tat-trasport tul id-Danubju, filwaqt li wieħed jiffoka fuq it-taħlita bejn portijiet interni u loġistika, navigazzjoni interna u trasport ferrovjarju mtejba u jitqiesu l-possibilitajiet addizzjonali ta' trasport marittimu fuq distanzi qosra;

17.  Jipproponi li n-Netwerk Trans-Ewropew għandu jissaħħaħ biex titjieb l-intermodalità fir-reġjun kollu u tiżdied il-konnettività mal-Baħar l-Iswed permezz tar-rotot stradali u ferrovjarji (il-kuriduri tal-merkanzija u l-linji ferrovijarji ta" veloċità qawwija);

18.  Jistieden lill-Kummissjoni biex trawwem użu aktar ġeneralizzat ta' teknoloġiji moderni ta' komunikazzjoni u informazzjoni u sabiex tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex malajr kemm jista' jkun tikseb sistema unifikata effiċjenti tar-regoli għan-navigazzjoni tul id-Danubju;

19.  Iqis it-turiżmu sostenibbli bħala strument importanti għall-promozzjoni tat-tkabbir ekonomiku tar-reġjun, u jinnota per eżempju l-opportunitajiet li joffri l-ekoturiżmu u l-potenzjal ekonomiku tar-rotot għaċ-ċikliżmu kważi tul id-Danubju kollu;

20.  Jappoġġa l-programmi mmirati lejn it-titjib tal-ambjent multikulturali tad-Danubju billi tkun ikkoltivata l-mobilità multinazzjonali, ikun promoss id-djalogu kulturali, jiġu ġġenerati forom ta" arti u komunikazzjoni kif ukoll ta" taħriġ u jiġu stabbiliti inkubaturi kummerċjali f'dawn is-setturi, u jitħares il-wirt kulturali u storiku kif ukoll jiġu stimolati industriji kulturali ġodda;

21.  Jappoġġa l-programmi ta" skambji universitarji fi ħdan ir-reġjun u jipproponi li l-universitajiet fir-reġjun jikkostitwixxu netwerks biex jikkoltivaw ċentri ta" eċċellenza kapaċi li jikkompetu f'livell internazzjonali;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex itejbu l-arranġamenti amministrattivi biex inaqqsu l-piż amministrattiv inerenti fl-iżvilupp aktar effettiv u l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tad-Danubju;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni biex taħdem mill-qrib mal-Parlament Ewropew biex jiġu ddefiniti l-prijoritajiet għall-iżvilupp tal-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tad-Danubju, u jistieden lill-Kummissjoni biex tinformah u tikkonsulta miegħu regolarment dwar l-istatus tal-implimentazzjoni ta" din l-istrateġija;

24.  Jisħaq fuq il-ħtieġa għal approċċ ikkoordinat immirat lejn użu aktar effiċjenti u assorbiment aħjar tal-fondi disponibbli kollha tal-UE fl-Istati tul id-Danubju, biex ikunu jistgħu jintlaħqu l-objettivi tal-Istrateġija;

25.  Iħeġġeġ l-użu tal-Programmi Operattivi eżistenti għall-finanzjament ta' proġetti f'din l-istrateġija; iħeġġeġ lill-partijiet ikkonċernati biex jesploraw ukoll strumenti oħra ta' natura mhux finanzjarja li jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tal-istrateġija u li jkollhom effett pożittiv immedjat fil-post;

26.  Jipproponi li, wara konsultazzjoni mal-atturi lokali u reġjonali, isir Samit tal-UE għad-Danubju darba kull sentejn u li l-konklużjonijiet tiegħu jiġu ppreżentati lill-Kunsill Ewropew u lill-Parlament;

27.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-istituzzjonijiet relevanti l-oħra.

Aġġornata l-aħħar: 30 ta' Settembru 2010Avviż legali