Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2010/2594(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

B7-0182/2010

Dibattiti :

PV 09/03/2010 - 16
CRE 09/03/2010 - 16

Votazzjonijiet :

PV 10/03/2010 - 7.8
CRE 10/03/2010 - 7.8

Testi adottati :

P7_TA(2010)0059

Testi adottati
WORD 43k
L-Erbgħa, 10 ta' Marzu 2010 - Strasburgu Verżjoni finali
Regolament li japplika skema ta“ preferenzi tariffarji ġeneralizzati
P7_TA(2010)0059B7-0181 u 0182/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta“ Marzu 2010 dwar ir-Regolament li japplika skema ta” preferenzi ġeneralizzati ta“ tariffi

Il-Parlament Ewropew ,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT), b'mod partikolari l-klawsola awtorizzanti tal-1979,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tal-5 ta“ Ġunju 2008 dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill li japplika skema ta” preferenzi ġeneralizzati ta“ tariffi għall-perjodu mill-1 ta” Jannar 2009 sal-31 ta“ Diċembru 2011 (2007/0289(CNS)),

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 732/2008 tat-22 ta“ Lulju 2008,

–   wara li kkunsidra l-Kapitolu 1 tat-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta“ Proċedura tiegħu,

A.   billi l-“klawżola awtorizzanti” hija l-bażi legali tad-WTO għas-sistema ġeneralizzata ta“ preferenzi (GSP),

B.   billi sa mill-1971 il-Komunità kkonċediet preferenzi kummerċjali lill-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw, fi ħdan l-iskema tagħha ta“ preferenzi ġeneralizzati ta” tariffi,

C.   billi l-Parlament ġie kkonsultat dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal regolament tal-Kunsill dwar il-GSP għall-perjodu mill-1 ta“ Jannar 2009 sal-31 ta” Diċembru 2011 (COM(2007)0857),

D.   billi t-Trattat ta“ Lisbona daħal fis-seħħ fl-1 ta” Diċembru 2009,

E.   billi, skont il-Kapitolu 1 tat-Titolu V tat-TUE, l-azzjoni tal-UE fix-xena internazzjonali għandha tiġi ggwidata mill-prinċipji tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-universalità u l-indiviżibilità tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, u għandha trawwem l-iżvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali sostenibbli fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, bl-għan prinċipali li teqred il-faqar,

F.   billi, skont l-Artikolu 207 tat-TFUE, il-Parlament u l-Kunsill, li jaġixxu permezz ta“ regolamenti skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (OLP), għandhom jadottaw il-miżuri li jiddefinixxu l-qafas għall-implimentazzjoni tal-politika kummerċjali komuni,

1.  Jagħraf l-importanza tal-GSP, li tippermetti lill-pajjiżi żviluppati biex joffru trattament preferenzjali mhux reċiproku fir-rigward tal-prodotti ġejjin minn pajjiżi li qed jiżviluppaw;

2.  Jinnota li l-ħolqien tal-GSP mill-Komunità Ewoprea fl-1971 kien ġie ppreżentat bħala strument għas-sejba ta“ soluzzjoni tal-iżbilanċi tal-kummerċ bejn il-pajjiżi żviluppati u dawk li qed jiżviluppaw u kienet mistennija tikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli tagħhom; iqis li dan kien strument kummerċjali tal-KE u l-UE għall-assistenza tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw billi jiġġenera dħul permezz ta” kummerċ internazzjonali, biex b'hekk jikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli u l-governanza tajba tagħhom;

3.  Jinnota li r-regolament attwali tal-GSP se jiskadi fil-31 ta“ Diċembru 2011; għalhekk, filwaqt li jqis il-ħin meħtieġ għall-adozzjoni ta” regolament ġdid taħt l-OLP, jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi regolament tal-GSP rivedut lill-Parlament u lill-Kunsill sal-1 ta“ Ġunju 2010;

4.  Iqis li l-preferenzi mogħtija taħt il-GSP għandhom jiġu mmirati lejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw li l-iktar jeħtieġuhom, sabiex il-lista ġdida tal-pajjiżi benefiċjarji tkun tirrifletti s-sitwazzjoni ekonomika attwali tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

5.  Jenfasizza li l-pajjiżi kollha li jibbenefikaw mill-iskema tal-GSP+ għandhom, skont l-Artikolu 15(1), mhux biss jirratifikaw iżda jimplimentaw ukoll b'mod effettiv is-27 konvenzjoni tal-ILO kif ukoll tan-NU mniżżla fl-Anness III tar-Regolament tal-GSP;

6.  Jenfasizza l-ħtieġa għal iktar trasparenza u responsabbiltà demokratika għal kif jinbdew u jitwettqu l-proċessi ta“ investigazzjoni; għalhekk jitlob li jkun infurmat bi sħiħ u involut bix-xieraq mill-Kummissjoni fid-diversi stadji tal-proċeduri tal-GSP u l-GSP+, inkluż rigward il-proposta tal-Kunsill dwar il-listi tal-pajjiżi benefiċjarji;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni biex timmonitorja mill-qrib is-sitwazzjoni fis-Sri Lanka u jistieden lill-Gvern tas-Sri Lanka biex jirreaġixxi malajr biex iġib għan-normal is-sitwazzjoni fil-pajjiż qabel ma ssir l-implimentazzjoni attwali tas-sospensjoni tal-GSP+;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni biex timmonitorja mill-qrib is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kolombja u biex tirrapporta lill-Parlament;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni biex issegwi politika koerenti dwar il-GSP+ (Sistema ta“ Preferenzi Ġeneralizzati +), b'mod partikolari meta tkun qed tindirizza l-possibilità tas-sospensjoni tal-iskema fil-każ ta” vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, u biex tinvolvi għalkollox lill-Parlament Ewropew fil-proċess;

10.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill – qabel ma r-Regolament attwali ma jibqax japplika u qabel ma tibda d-diskussjoni dwar ir-Regolament il-ġdid – b'rapport dwar l-istat ta“ ratifikazzjoni u implimentazzjoni tas-27 konvenzjoni abbażi ta” kull pajjiż li jibbenefika mill-arranġamenti ta“ inċentiva speċjali; jistieden lill-Kummissjoni biex tiddefinixxi, fir-regolament tal-GSP rivedut tagħha, l-entitajiet ta” monitoraġġ li għandhom jirrakkomandaw jekk għandhomx jittieħdu passi addizzjonali għall-implimentazzjoni effettiva ta“ konvenzjoni minn pajjiż speċifiku; f'dak ir-rapport jiddikjara li l-Kummissjoni għandha tevalwa wkoll l-effikaċja tal-arranġamenti ta” inċentiv speċjali biex jilħqu l-għan tagħhom jirrakkomanda, fejn ikun xieraq, ir-reviżjoni tal-Anness III;

11.  Jitlob lill-Kummissjoni biex, fir-regolament tal-GSP rivedut tagħha, tipprovdi għal valutazzjoni regolari, minn kull pajjiż benefiċjarju, tal-konformità mal-impenji tiegħu skont il-GSP+ u b'hekk jiżgura li ma tapplika l-ebda raġuni stipulata fl-Artikolu 15(1) u (2) u l-Artikolu 16(1) u (2) għall-irtirar temporanju tal-arranġamenti preferenzjali; jitlob li r-rapport annwali jintbagħat lill-Parlament u lill-Kunsill;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, qabel ma tirrevedi s-sistema, twettaq valutazzjoni tal-impatt tal-effetti tal-GSP fil-perjodu bejn l-1 ta“ Jannar 2006 u l-31 ta” Diċembru 2009 u biex tevalwa kif l-għanijiet inizjali ntlaħqu fir-rigward tal-indikaturi soċjoekonomiċi speċifiċi rilevanti għal kull pajjiż u, b'mod partikolari, it-tnaqqis tal-faqar; jiddikjara li, sussegwentement, l-istudju għandu jiġi ppreżentat lill-Parlament u lill-Kunsill; jiddikjara li l-proposta l-ġdida għal regolament tal-GSP rivedut għandha tqis bix-xieraq ir-riżultati tal-valutazzjoni tal-impatt;

13.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill- Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

Aġġornata l-aħħar: 30 ta' Novembru 2010Avviż legali