Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2009/2057(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0023/2010

Testi mressqa :

A7-0023/2010

Dibattiti :

PV 10/03/2010 - 6
CRE 10/03/2010 - 6

Votazzjonijiet :

PV 10/03/2010 - 7.9
CRE 10/03/2010 - 7.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2010)0060

Testi adottati
PDF 479kWORD 154k
L-Erbgħa, 10 ta' Marzu 2010 - Strasburgu
Rapport annwali 2008 dwar il-PESK
P7_TA(2010)0060A7-0023/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta“ Marzu 2010 dwar ir-rapport annwali mill-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar l-aspetti prinċipali u l-għażliet bażiċi tal-Politika Estera u ta” Sigurtà Komuni (PESK) fl-2008, ippreżentat lill-Parlament Ewropew b'applikazzjoni tal-Parti II, Taqsima G, paragrafu 43 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta“ Mejju 2006 (2009/2057(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-rapport annwali mill-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar l-aspetti prinċipali u l-għażliet bażiċi tal-Politika Estera u ta“ Sigurtà Komuni (PESK) fl-2008, ippreżentat lill-Parlament Ewropew b'applikazzjoni tal-Parti II, Taqsima G, Paragrafu 43 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta” Mejju 2006(1),

–   wara li kkunsidra t-Trattat ta“ Lisbona li jemenda t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, b'mod partikolari t-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea kif emendat, bit-titolu ”Dispożizzjonijiet Ġenerali dwar l-Azzjoni Esterna tal-Unjoni u Dispożizzjonijiet Speċifiċi dwar il-Politika Estera u ta“ Sigurtà Komuni”,

–   wara li kkunsidra l-Istrateġija Ewropea tas-Sigurtà (ESS) adottata mill-Kunsill Ewropew fit-12 ta“ Diċembru 2003 u r-Rapport dwar l-Implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea tas-Sigurtà adottat fil-11 ta” Diċembru 2008,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali msemmi hawn fuq, tas-17 ta“ Mejju 2006, bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja fis-sod,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar ir-rapporti annwali tal-PESK tal-2006 u tal-2007, tal-5 ta“ Ġunju 2008(2) u d-19 ta“ Frar 2009(3) rispettivament,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta“ Ottubru 2009 dwar l-aspetti istituzzjonali tal-ħolqien tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Barranija(4),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 119(1) tar-Regoli ta“ Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0023/2010),

A.   billi r-rwol tal-Unjoni Ewropea bħala attur globali żdied tul dawn l-aħħar deċennji u billi jinħtieġu approċċ ġdid u aktar mezzi finanzjarji jekk l-UE għandha taġixxi b'mod kollettiv u taffronta l-isfidi globali b'mod demokratiku, koerenti, konsistenti u effiċjenti,

B.   billi l-Unjoni Ewropea, fir-relazzjonijiet tagħha fid-dinja usa“, għandha tiżviluppa aktar l-għanijiet tagħha tal-politika barranija, issostni u tippromwovi l-valuri u l-interessi tagħha, tikkontribwixxi għall-protezzjoni taċ-ċittadini tagħha u tavvanza dawn il-valuri madwar id-dinja bil-għan li jikkontribwixxu għall-paċi, is-sigurtà, l-iżvilupp sostenibbli tal-pjaneta, is-solidarjetà u r-rispett reċiproku bejn il-popli, il-kummerċ ħieles u ġust, il-qerda tal-faqar u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari d-drittijiet tat-tfal, kif ukoll l-osservanza stretta u l-iżvilupp tal-liġi internazzjonali, inkluż ir-rispett tal-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, billi l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, għandha tkun fiċ-ċentru tal-azzjoni esterna tal-UE u billi l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali issa hija vinkolanti fuq l-attivitajiet esterni tal-UE,

C.   billi t-Trattat ta“ Lisbona jintroduċi dimensjoni ġdida għall-azzjoni esterna tal-Unjoni kollha kemm hi, inkluża l-PESK, li flimkien mal-personalità legali tal-UE u l-innovazzjonijiet istituzzjonali relevanti, b'mod partikolari l-ħolqien tal-uffiċċju tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta” Sigurtà (“il-Viċi President/Rappreżentant Għoli”) u t-twaqqif tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), jista“ jkun fattur deċiżiv fil-koerenza, konsistenza u effikaċja tal-azzjoni esterna tal-Unjoni u jista” jtejjeb b'mod sinifikanti s-setgħa ta“ tiswir tagħha fix-xena internazzjonali,

D.   billi jinħtieġu aktar sforzi sabiex titjieb it-tempestività tar-reazzjoni tal-UE għal kriżijiet politiċi u kunflitti reġjonali; billi l-mekkaniżmi attwali ta“ finanzjament u ta” teħid ta“ deċiżjonijiet jistgħu jfixklu reazzjonijiet komprensivi u tempestivi u billi jridu jinstabu modi kif tkun limitata aktar u kif tingħeleb ir-regola tal-unanimità,

E.   billi huwa essenzjali li jiġu identifikati korrettement, u li ssir azzjoni skont, l-interessi Ewropej komuni biex jintlaħqu l-objettivi tal-azzjonijiet esterni tal-Unjoni u b'mod partikolari dawk tal-Politika Estera u ta“ Sigurtà Komuni (PESK); billi huwa essenzjali li jiġi żgurat li l-politiki kollha deċiżi u l-azzjonijiet meħuda jkunu skont il-liġi internazzjonali, inklużi l-prinċipji stipulati fil-Karta tan-NU,

F.   billi l-promozzjoni tal-paċi, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt fid-dinja kollha hija l-għan ċentrali tal-politiki esterni tal-UE,

G.   billi t-Trattat ta“ Lisbona jagħti mandat lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli sabiex tassisti lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jiżguraw il-konsistenza bejn l-oqsma differenti ta” azzjoni esterna u bejn dawn u l-oqsma l-oħra tal-politika tal-Unjoni,

H.   billi sa mid-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta“ Lisbona, l-Unjoni Ewropea teżerċita l-istess drittijiet u tassumi l-istess obbligi tal-Komunità Ewropea filwaqt li tkompli teżerċita d-drittijiet eżistenti u tassumi l-obbligi tal-UE,

I.   billi l-isfidi ġodda relatati mas-sigurtà jirrikjedu li ssir enfasi aktar b'saħħitha fuq it-tisħiħ, it-taħlit u l-ibbilanċjar ta“ strumenti differenti ċivili u militari fl-ispektrum kollu tal-prevenzjoni tal-kunflitti, tas-soluzzjoni tal-kunflitti, tal-ġestjoni tal-kriżijiet u tal-attivitajiet għall-bini tal-paċi,

J.   billi xi 10 snin wara t-tnedija tal-Politika Ewropea ta“ Sigurtà u Difiża (PESD), li matulhom madwar 23 missjoni ntbagħtu f'żoni ta” kriżi, jeħtieġ li jitjiebu l-kapaċitajiet militari u ċivili u jiġu kkonsolidati l-istrutturi sabiex b'mod adegwat jirriflettu r-rwol tal-Politika Komuni ta“ Difiża u Sigurtà(PSDK) fl-appoġġ għall-PESK u għall-għoti tas-sigurtà internazzjonali,

Prinċipji tal-azzjoni esterna Ewropea

1.   Jistieden lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli u lis-servizzi tagħha sabiex jiżviluppaw – bil-għan li japprofondixxu l-ħsieb strateġiku kollettiv tal-Unjoni – strateġija koerenti għall-politika estera tal-UE msejsa fuq l-objettivi u l-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat UE; huwa tal-fehma li strateġija bħal din għandha tidentifika b'mod ċar l-interessi tas-sigurtà komuni tal-UE u b'hekk isservi bħala qafas ta“ referenza għat-tfassil tal-politika kif ukoll għall-formulazzjoni, il-finanzjament, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-azzjoni esterna tal-UE; jistieden lill-Viċi President/Rappreżentant Għolja biex tassoċja b'mod sħiħ korpi rilevanti tal-Parlament Ewropew fi sforzi ta” dan it-tip; jemmen li l-kunċetti tas-Sigurtà tal-Bniedem kif definiti mir-Rapport Madrid tal-2007 tal-Grupp ta“ Studju dwar is-Sigurtà tal-Bniedem, u r-Responsabbiltà tal-Ħarsien, kif definita mid-Dokument ta” Eżitu tas-Samit Dinji tal-2005, għandhom isiru tnejn mill-prinċipji li jiggwidawha;

Ir-Rapport Annwali tal-Kunsill tal-2008 dwar il-PESK

2.  Jilqa“ b'sodisfazzjon l-ambizzjoni tal-Kunsill li jadotta approċċ aktar strateġiku, imsejjes fuq temi u razzjonalizzat għal kwistjonijiet ta” PESK meta jkun qed ifassal ir-rapport annwali tiegħu għall-2008; ifaħħar ukoll l-introduzzjoni mill-Kunsill ta“ struttura aktar trasparenti, b'kapitoli ewlenin dwar l-attivitajiet tal-passat u, b'mod partikolari, il-prospettivi ġejjiena fil-qasam tal-PESK; jinnota wkoll it-titjib fir-rapport rigward l-elaborazzjoni tal-kuntest reġjonali tal-azzjoni esterni;

3.   Jenfasizza għal darba oħra li l-kamp ta“ applikazzjoni tar-rapport m'għandux ikun limitat sempliċiment għal deskrizzjoni tal-attivitajiet tal-PESK iżda għandu jipprovdi l-opportunità li jiġi stabbilit djalogu mal-Parlament Ewropew bil għan li jkun żviluppat approċċ aktar strateġiku għall-PESK; jirrakkomanda li r-rapport annwali tal-PESK għandu jinbidel f'rapport annwali li jiddiskuti l-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-politika estera tal-UE, filwaqt li jevalwa l-effikaċja tagħha u jagħti stampa ġenerali tad-direzzjoni ġejjiena tagħha; jirrakkomanda barra minn hekk, li ssir aktar referenza għall-ħtiġijiet baġitarji u l-impatt finanzjarji tal-azzjoni esterni f'rappurtar ta” dan it-tip;

4.  Jemmen fil-valur miżjud ta“ strateġija aktar estensiva u komprensiva fil-kuntest tar-rapporti annwali tal-PESK u speċifikament il-kapitoli tagħhom dwar il-gruppi u l-imsieħba reġjonali kif ukoll dwar l-interkonnessjonijiet bejn il-missjonijiet tal-PESK/PSDK u strumenti oħra li jippromwovu r-rwol tal-UE bħala parteċipant globali; perspettiva bħal din għandha, fost affarijiet oħra, tagħti ħarsa ġenerali aħjar tal-kontribuzzjoni totali mill-baġit tal-UE f'reġjun partikolari;

5.  Itenni l-pożizzjoni tiegħu li, sabiex titjieb il-leġittimità demokratika tal-PESK, il-korpi kompetenti tal-Parlament għandhom jiġu kkonsultati dwar it-tnedija ta“ missjonijiet tal-PSDK u li d-deċiżjonijiet fejn ikun xieraq għandhom iqisu l-pożizzjonijiet adottati mill-Parlament u jinkludu referenzi għalihom; iqis li konsultazzjoni tali għandha tinkludi tagħrif dwar ir-raġunijiet tal-azzjonijiet meħuda u spjegazzjoni dwar kif il-missjoni tirrelata mal-azzjonijiet relevanti tal-UE u dawk internazzjonali, l-implikazzjonijiet finanzjarji tagħha u l-mod ta” kif tinteraġixxi mal-istrumenti l-oħra tal-UE;

Implikazzjonijiet tat-Trattat ta“ Lisbona

6.  Jilqa“ b'sodisfazzjon ir-ratifika u d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta” Lisbona, li jagħti lill-UE l-għodda sabiex tkompli ttejjeb l-irwol u l-viżibilità tagħha fix-xena internazzjonali; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-irwol fundamentali ta“ kull Stat Membru, tal-Kunsill u tal-Viċi President/Rappreżentant Għoli l-ġdida biex id-dispożizzjonijiet bil-miktub tat-Trattat jissarrfu f'fatti reali u azzjoni sostanzjali permezz tat-tisħiħ tar-relazzjonijiet tal-UE mal-imsieħba strateġiċi tagħha u l-konsolidazzjoni tat-tmexxija tagħha fil-fora multilaterali; jenfasizza l-importanza tad-dispożizzjoni tat-Trattat li tgħid li l-kompetenza tal-Unjoni fil-qasam tal-PESK issa se jkopri l-oqsma kollha tal-politika barranija u l-kwistjonijiet kollha relatati mas-sigurtà tal-Unjoni, inkluż it-tfassil progressiv ta” politika tad-difiża komuni, li tista“ twassal għal difiża komuni;

7.  Jinnota li l-President tal-Kunsill Ewropew “fil-livell tiegħu u f'dik il-kapaċità, għandu jiżgura r-rappreżentanza esterna tal-Unjoni dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-politika barranija u ta” sigurtà tagħha“; madankollu, iwissi li dan għandu jsir bla ħsara għas-setgħat tal-Viċi President/Rappreżentant Għoli, u b'rikonoxximent sħiħ tal-irwol ewlieni tal-Kummissjoni, mhux biss fl-istabbiliment u ż-żamma tal-acquis communautaire fir-rigward tar-relazzjonijiet esterni, iżda anke fl-iżgurar tar-rappreżentanza esterna tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni tal-PESK;

8.  Jilqa“ b'sodisfazzjon ir-rwol tal-Viċi President/tar-Rappreżentant Għoli li tippresiedi l-Kunsill tal-Affarijiet Barranin u l-fatt li r-rappreżnetant tagħha se jippresiedi l-Kumitat Politiku u ta” Sigurtà (KPS); jistenna li dawn il-funzjoniiet ġodda jikkonsolidaw il-kuntatti interkostituzzjonali u jrawmu djalogu aktar stabbli bejn l-istituzzjonijiet; jistieden lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli sabiex tibni fuq l-esperjenza tal-preżenza perjodika tar-Rappreżentant Għoli u tal-Kummissarju għar-Relazzjonijiet Esterni fil-Parlament waqt il-plenarja u fil-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, u fuq il-prattika ta“ laqgħat informali, sabiex jiżdiedu u jiġu żviluppati konsultazzjonijiet regolari, sistematiċi u sostantivi mal-Parlament u mal-korpi kompetenti tiegħu;

9.  Hu tal-fehma li l-fużjoni tal-pilastri intergovernattivi u dawk Komunitarji fil-kariga waħdanija tal-Viċi President/Rappreżentant Għoli, li hu suġġett għal vot ta“ kunsens kollettiv mill-Parlament Ewropew, tista” żżid il-leġittimità tal-attivitajiet tal-PESK sakemm jinħoloq djalogu strateġiku kontinwu bl-istess kundizzjonijiet bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni fil-livelli kollha;

10.  Jisħaq fuq il-fatt li l-Istati Membri għandhom jaħdmu fi spirtu ta“ solidarjetà politika reċiproka sabiex jinkiseb livell ta” konverġenza dejjem akbar tal-azzjonijiet fil-qasam tal-PESK;

11.  Itenni li, sabiex ikun possibbli għall-UE li jkollha sehem attiv fid-dinja, jeħtieġ li jkunu allokati biżżejjed fondi fil-baġit tal-UE; jiddispjaċih li l-baġit relevanti għad m'għandux fondi biżżejjed u jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-konsegwenzi tal-finanzjament insuffiċjenti għall-ħila tal-Unjoni li twettaq politika barranija kredibbli u proattiva; jenfasizza l-ħtieġa li l-Unjoni tingħata l-mezzi finanzjarji meħtieġa għal reazzjoni konsistenti u adegwata għal sfidi dinjija mhux previsti u, f'dan is-sens, jistenna b'ħerqa li jiġi kkonsultat dwar il-proċeduri u li jiġi involut bis-sħiħ fil-proċeduri għall-għoti ta“ aċċess rapidu għal approprjazzjonijiet fil-baġit tal-Unjoni għal finanzjament urġenti tal-inizjattivi tal-PESK; jistieden lill-Viċi President/Rappreżentant Gholi biex fl-istess ħin tiżviluppa strateġija ta” komunikazzjoni effettiva li tinforma aħjar liċ-ċittadini tal-UE dwar l-iskopijiet u l-merti tal-PESK u, f'dan ir-rigward, itenni bil-qawwa l-importanza tal-leġittimità demokratika u l-iskrutinju tal-politika barranija u ta“ sigurtà tal-Unjoni Ewropea;

12.  Itenni t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta“ trasparenza u informazzjoni fir-rigward tal-finanzjament tal-ispejjeż komuni tal-operazzjonijiet tal-UE li jkollhom implikazzjonijiet militari jew ta” difiża, peress li l-mekkaniżmu Athena ma jippermettix, evidentement, li tinkiseb perspettiva ġenerali tal-implikazzjonijiet finanzjarji kollha tal-missjonijiet imwettqa taħt il-PESK; jilqa“ b'sodisfazzjon, għalhekk, it-twaqqif tal-fond ta” tnedija skont l-Artikolu 41(3) tat-Trattat UE u jitlob li jiġi kkonsultat dwar il-ġestjoni tiegħu, f'konformità mal-prerogattivi ġenerali tal-PE dwar il-PESK u l-PSDK kif definiti fl-Artikolu 36 tat-Trattat UE; jirrimarka li parteċipazzjoni akbar mill-Parlament fid-definizzjoni, il-monitoraġġ u s-segwitu tal-PESK tirriżulta kemm mill-interkonnessjoni bejn il-PESK u l-PSDK, kif enfasizzat fl-Artikolu 42 tat-Trattat UE, kif ukoll mill-iskrutinju parlamentari msaħħaħ fil-livell nazzjonali u Ewropew kif imniżżel fil-Protokoll Nru 1 tiegħu;

13.  Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli biex jaħtfu l-opportunità offruta mit-twaqqif tal-SEAE biex tinħoloq politika barranija aktar koerenti, konsistenti u effettiva; f'dan ir-rigward, jistenna li l-valuri u l-objettivi bażiċi tal-politika barranija tal-Unjoni bħar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-promozzjoni ta“ dawn id-drittijiet, kif imħaddna fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali li issa hija legalment vinkolanti, kif ukoll il-prijoritajiet tal-politika barranija tal-Unjoni bħall-immaniġġjar ta” kriżi u l-iżvilupp tal-paċi, jiġu riflessi kif xieraq fl-istruttura tal-SEAE, anke fil-qasam tar-riżorsi umani; itenni li t-twaqqif u l-operat tal-SEAE jrid jippreserva d-drittijiet ta“ skrutinju demokratiku u baġitarju tal-Parlament Ewropew;

14.  Jinnota li t-Trattat ta“ Lisbona għandu implikazzjonijiet sostanzjali għall-PESK billi jorganizza mill-ġdid ir-responsabbiltajiet amministrattivi, u għaldaqstant jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jiżguraw li l-ekonomiji ta” skala f'termini ta“ strutturi ta” appoġġ iwasslu għal tnaqqis fl-ispejjeż amministrattivi;

15.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi stabbilita aktar ċarezza dwar il-kriterji għall-ħatra u l-evalwazzjoni tar-Rappreżentanti Speċjali tal-UE (RSUE), filwaqt li wieħed iżomm f'moħħu wkoll il-ħtieġa għal rappreżentanza biżżejjed taż-żewġ sessi; ifakkar li bħalissa l-Parlament m'għandu l-ebda mezz kif jikkontesta mandat individwali ta“ RSUE, peress li l-approprjazzjonijiet għall-eżerċizzju ta” mandat bħal dan huma inklużi fl-Artikolu 19 03 06, li jkopri l-mandati kollha tar-RSUE; jitlob, għalhekk, li jkun hemm skrutinju parlamentari akbar u kontroll fuq il-ħatriet tar-RSUE; iqis li r-RSUE relevanti għandhom b'mod gradwali jitneħħew filwaqt li l-funzjonijiet tagħhom jistgħu jitwettqu mill-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-UE bbażati fil-pajjiżi filwaqt li r-RSUE b'responsabilitajiet reġjonali jridu jikkoordinaw u jipprovdu gwida politika lill-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-UE taħt l-awtorità tal-Viċi President/Rappreżentant Għoli fil-pajjiżi konċernati sabiex tkun żgurata azzjoni esterna Ewropea koerenti u konsistenti; jinnota li mandat doppju (double-hatting) huwa, f'dan ir-rigward, l-ewwel – iżda mhux l-uniku – pass li hemm bżonn jittieħed sabiex jinħolqu ekonomiji ta“ skala u l-PESK issir aktar effiċjenti; jistieden lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli sabiex tieħu passi bil-għan li tagħti lir-RSUE l-kompitu li jikkoordinaw u jipprovdu gwida politika anke rigward il-missjoni tal-PSDK fil-mandat tagħhom;

16.  Jitlob lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli sabiex tikkonsulta l-kumitat relevanti tal-Parlament dwar ħatriet li tagħmel għal karigi għolja fis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), inklużi r-RSUE; huwa determinat li jistieden lil ċerti RSUE u Kapijiet ta“ Delegazzjoni jidhru quddiem il-kumitat wara li jinħatru;

17.  Jinnota li t-Trattat ta“ Lisbona jinkludi proċeduri finanzjarji ġodda għall-PESK, isaħħaħ id-djalogu bejn il-Kunsill u l-Parlament dwar il-PESK billi jintroduċi żewġ dibattiti annwali li għandhom isiru mal-Viċi President/Rappreżentant Għoli, u jiddeskrivi r-rwol u r-responsabilitajiet tal-Parlament f'relazzjoni mal-PSDK; jitlob, għaldaqstant, li jkun hemm reviżjoni tal-ftehimiet interistituzzjonali eżistenti, bl-involviment tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tiegħu, sabiex tkun żgurata l-implimentazzjoni bla skossi u effiċjenti tal-proċeduri baġitarji, konsultattivi u ta” sorveljanza għall-PESK u l-PSDK u sabiex jitjieb l-aċċess għal informazzjoni sensittiva; jiġbed attenzjoni partikulari, f'dan ir-rigward, għall-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta“ Mejju 2006, imsemmi hawn fuq, u għall-Ftehim Interistituzzjonali tal-20 ta” Novembru 2002 bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-aċċess mill-Parlament Ewropew għal Informazzjoni Sensittiva tal-Kunsill fil-qasam tal-politika tas-sigurtà u tad-difiża(5); ifisser id-determinazzjoni tiegħu li jeżerċita s-setgħa baġitarja u l-iskrutinju demokratiku tiegħu fir-rigward tal-PESK b'rabta mal-innovazzjonijiet istituzzjonali kollha, inklużi l-arranġamenti ta“ finanzjament għall-SEAE;

18.  Jinnota li t-Trattat ta“ Lisbona jestendi l-proċedura ta” kunsens għall-ftehimiet kollha marbuta mal-oqsma li għalihom tapplika l-proċedura leġiżlattiva ordinarja u jsaħħaħ id-dritt tal-Parlament li jinżamm informat kif xieraq mill-Kummissjoni dwar il-progress tan-negozjati ta“ ftehimiet internazzjonali kif imsemmi fl-Artikolu 218 tat-Trattat FUE; għalhekk jikkunsidra li n-negozjar ta” Ftehim Interistituzzjonali ġdid mal-Parlament għandu jitqies sabiex il-Parlament jingħata definizzjoni sostantiva tal-involviment tiegħu f'kull stadju tan-negozjati li jwasslu għall-konklużjoni ta“ ftehim internazzjonali;

19.  Iħeġġeġ lill-Kunsill tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin biex jaġixxi permezz ta“ votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata (QMV) kull meta t-Trattat jistipula li għandu jsir hekk;

20.  Hu tal-fehma li l-Artikoli 42(2) u (7) tat-Trattat UE flimkien mal-Artikolu 10 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, jinvalida l-funzjonijiet residwi tal-Unjoni Ewropea tal-Punent; għaldaqstant jistieden lill-Istati Membri konċernati tal-UE sabiex jaġixxu skont l-Artikolu XII tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea tal-Punent u sabiex jagħtu preavviż ta“ sena tal-intenzjoni tagħhom li joħorġu mit-Trattat; ifakkar li d-dritt ta” skrutinju parlamentari fuq attivitajiet tal-PESK u tal-PSDK hu tal-Parlament Ewropew u tal-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri tal-UE;

Kwistjonijiet tal-PESK ta“ natura tematika

21.  Għadu mħasseb dwar is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u l-kriżijiet ripetuti tal-gass bħall-kriżi Russja-Ukraina ta“ Jannar 2009, li enfasizzat id-dipendenza dejjem akbar tal-UE f'termini ta” enerġija fuq is-sorsi tal-provvista u r-rotot ta“ tranżitu; jenfasizza wkoll il-ħtieġa li tiġi evitata d-dipendenza enerġetika tal-UE fuq pajjiżi terżi, li ddgħajjef l-indipendenza tal-politika barranija tal-UE; ifakkar fil-ħtieġa urġenti li jiġu indirizzati l-isfidi enerġetiċi permezz tal-implimentazzjoni ta” politika tal-enerġija esterna Ewropea komuni; f'dan ir-rigward, jistieden lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli sabiex issegwi b'determinazzjoni r-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Parlament għall-iżvilupp ta“ politika koerenti u koordinata, b'mod partikolari billi tippromwovi l-koeżjoni tal-UE fi djalogu kostruttiv mal-fornituri tal-enerġija, b'mod speċjali r-Russja u l-pajjiżi ta” tranżitu, tappoġġja l-prijoritajiet tal-UE rigward l-enerġija u tiddefendi l-interessi komuni tal-Istati Membri, billi tiżviluppa diplomazija enerġetika effettiva u mekkaniżmi aktar effiċjenti biex jirrispondu għal sitwazzjonijiet ta“ kriżi, u, fl-aħħar nett, billi tippromwovi d-diversifikazzjoni tal-provvisti tal-enerġija, l-użu sostenibbli tal-enerġija u l-iżvilupp tas-sorsi ta” enerġija li tiġġedded; jisħaq fuq il-fatt li huwa biss approċċ komuni tal-UE li jista“ jipprevjeni kull nuqqas fil-ġejjieni fil-provvisti taż-żejt u tal-gass tal-Istati Membri u li jista” jżid is-sigurtà tal-UE kollha fir-rigward tal-enerġija;

22.  Jilqa“ b'sodisfazzjon l-iffirmar tal-ftehim dwar il-proġett Nabucco; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jagħmlu ħilithom sabiex dak il-ftehim ikun implimentat b'suċċess; jenfasizza l-importanza li tkun garantita s-sigurtà enerġetika tal-UE billi jiġi promoss passaġġ fin-Nofsinhar għall-provvista ta” żejt mhux raffinat lill-Ewropa, anke via l-pipeline taż-żejt pan-Ewropew Constanţa–Trieste;

23.  Jemmen li theddidiet u kunflitti potenzjali sinifikanti joħorġu mill-kompetizzjoni intensifikata għall-aċċess għar-riżorsi naturali u enerġetiċi u l-kontroll tagħhom, u konsegwentement li l-UE għandha tiżviluppa b'mod ulterjuri politiki ta“ mitigazzjoni, adattament konservazzjoni tal-enerġija bil-għan li jiġu indirizzati r-riskji għas-sigurtà li joħolqu d-degradazzjoni ambjentali u t-tibdil fil-klima; jenfasizza f'dan is-sens li l-UE trid issaħħaħ il-pożizzjoni mexxejja tagħha fil-governanza globali tal-klima u tiżviluppa aktar djalogu ma” atturi ewlenin oħra bħall-ekonomiji emerġenti (iċ-Ċina, il-Brażil, ir-Russja, l-Indja), l-Istati Uniti u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw, minħabba li t-tibdil fil-klima sar element kruċjali tar-relazzjonijiet internazzjonali;

24.  Jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-fatt li l-Unjoni tibqa“ tikkontribwixxi b'mod attiv u effikaċi sabiex jinstab tarf ta” kwistjonijiet globali, anke permezz tat-tisħiħ tas-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti u billi tingħata importanza speċjali lill-konsolidament tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem u lill-abolizzjoni tal-piena tal-mewt;

25.  Jikkummenta dwar l-importanza tal-prevenzjoni u l-immaniġġjar tal-kunflitti, inklużi r-riabilitazzjoni u r-rikostruzzjoni ta“ wara l-kunflitti; jenfasizza l-ħtieġa li l-UE tiżviluppa aktar l-istrateġiji preventivi, ittejjeb it-twissija bikrija u ssaħħaħ il-kooperazzjoni ma” organizzazzjonijiet reġjonali skont il-Karta tan-NU;

26.  Jenfasizza li d-dimensjoni esterna hija kruċjali għall-kisba b'suċċess ta“ Żona Ewropea ta” Libertà, Sigurtà u Ġustizzja; itenni l-importanza ta“ mmaniġġjar tal-immigrazzjoni b'ordni; meta jitqies dan kollu, jilqa” b'sodisfazzjon l-adozzjoni tal-Programm ta“ Stokkolma mill-Kunsill Ewropew ta” Diċembru 2009; iqis li huwa essenzjali li tkun żgurata l-kooperazzjoni kemm tal-pajjiżi tal-oriġini kif ukoll tal-pajjiżi tat-tranżitu, kif ukoll li titħeġġeġ attitudni ta“ kooperazzjoni soċjali bl-applikazzjoni ta” politika ta“ kundizzjonalità pożittiva; isemmi l-ħtieġa li tiġi evitata l-immigrazzjoni illegali billi jiġi promoss l-iżvilupp lokali fil-pajjiżi ta” oriġini u jiġu miġġielda l-organizzazzjonijiet kriminali li jittraffikaw fil-persuni; jinsisti li d-dimensjoni esterna taż-Żona Ewropea ta“ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja trid titqies għalkollox fil-politika barranija Ewropea;

27.  Jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu l-kapaċitajiet għal monitoraġġ aħjar tal-missjonijiet ċivili u militari tal-Unjoni u sabiex tippermetti li jinstiltu lezzjonijiet mill-mod ta“ kif jitwettqu, sabiex jitjieb l-ippjanar u l-ġestjoni ta” missjonijiet ġejjiena; f'dan ir-rigward, jenfasizza wkoll il-ħtieġa ta“ approċċ aktar strateġiku għall-missjonijiet tal-PSDK; jissuġġerixxi li l-Laqgħat ta” Konsultazzjoni Konġunta regolari jkollhom ukoll l-għan li jevalwaw is-suċċessi u n-nuqqasijiet ta“ missjonijiet kompluti sabiex jgħinu biex tiġi żviluppata approċċ li jħares ”il quddiem għall-ħtiġijiet tal-futur u li jħaddan l-aspetti kollha (il-finanzi, l-implimentazzjoni, l-organizzazzjoni amministrattiva);

28.  Jistieden lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli, lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex jirranġaw l-iżbilanċ fil-kapaċitajiet ta“ ppjanar ċivili u militari fis-Segretarjat tal-Kunsill u biex jipprovdu għadd xieraq ta” staff fl-oqsma tal-ġustizzja, l-amministrazzjoni ċivili, id-dwana u l-medjazzjoni sabiex ikun żgurat li l-missjonijiet tal-PSDK jingħataw għarfien tekniku suffiċjenti u xieraq;

29.  F'dan ir-rigward, jitlob li l-komponent ċivili jkollu staff adegwat u jħeġġeġ lill-Istati Membri jużaw l-opportunità kbira mogħtija mill-SEAE biex jiġbru flimkien ir-riżorsi disponibbli attwalment sabiex tinkiseb kapaċità ta“ ppjanar tal-immaniġġjar tal-kriżijiet li tkun effikaċi u effiċjenti;

30.  Jistieden lill-Istati Membri sabiex jirduppjaw l-isforzi tagħhom sabiex isibu u jiskjeraw għadd suffiċjenti ta“ persunal adattat, kwalifikat u bbilanċjat mil-lat ta” sessi biex jieħdu sehem fi sforzi ċivili u militari tal-PSDK fid-dinja kollha f'qafas koerenti u kkoordinat sew, anke f'żoni b'ħafna riskju, minħabba li s-suċċess tal-missjonijiet tal-PSDK jiddependi ħafna mill-ħiliet u mill-għarfien ta“ persunal imħarreġ tajjeb; f'dan ir-rigward, jitlob taħriġ komuni tal-persunal tal-missjonijiet tal-PSDK; jappoġġja bis-sħiħ l-isforzi li diġà saru f'termini tal-iżvilupp ta” linji gwida u l-iskambju tal-aħjar prattiki bil-ħsieb li jittejjeb it-taħriġ komuni għall-persunal; hu konvint li iżjed koerenza u koeżjoni fuq il-post fir-rigward tal-persunal se jsaħħu t-tmexxija tal-missjonijiet u jiffaċilitaw ukoll l-issekondar ta“ ċittadini tal-UE, li, minn perspettiva purament baġitarja, aħjar milli jintuża persunal internazzjonali b'kuntratt;

31.  Jistieden lill-Kunsill Ewropew u lill-Kummissjoni jintensifikaw sehem l-UE f'negozjati multilaterali sabiex titnaqqas l-importanza tal-armi nukleari;

32.  Itenni l-ħtieġa għad-diżarm u għal garanziji internazzjonali msaħħa ta“ nonproliferazzjoni; f'dan ir-rigward, jilqa” b'sodisfazzjon id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-4 ta“ Diċembru 2009 li biha l-President tal-Istati Uniti tal-Amerika u l-President tal-Federazzjoni Russa impenjaw ruħhom li jibqgħu jaħdmu flimkien wara li ma jibqax jgħodd it-Trattat dwar it-Tnaqqis tal-Armi Strateġiċi (START) u jistenna b'ħerqa li mill-aktar fis possibbli jiġi ffirmat u jidħol fis-seħħ patt ġdid dwar l-armi strateġiċi; fl-istess żmien, jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex isaħħu l-isforzi diplomatiċi tagħhom sabiex issir reviżjoni b'suċċess tat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari f'Mejju 2010;

33.  Jenfasizza l-importanza tal-fatt li l-objettivi tal-ugwaljanza bejn is-sessi, id-drittijiet tal-bniedem u l-governanza tajba jkunu integrati b'mod sħiħ mal-ippjanar u mat-twettiq tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet kollha tal-PSDK, inklużi missjonijiet ta“ sejbien ta” fatti, għax il-kuxjenza u s-sensittività tas-sessi jikkontribwixxu għall-effikaċja operattiva u l-kuxjenza tas-sitwazzjoni; f'dan il-kuntest, jilqa“ l-ħatra ta” konsulent dwar kwistjonijiet tas-sessi fi kważi l-missjonijiet kollha tal-PSDK; jiddispjaċih li m'hemmx nisa fost il-11-ir RSUE; jistieden lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli sabiex fid-djalogu politiku tal-UE u fid-diskussjonijiet ta“ politika mal-pajjiżi msieħba tinkludi sistematikament l-ugwaljanza bejn is-sessi u t-tisħiħ tar-rwol tan-nisa;

34.  Ifaħħar ir-rwol importanti tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fid-dinja kollha; jilqa“ b'sodisfazzjon kbir il-fatt li l-Kunsill tal-Affarijiet Barranin, fil-laqgħa tiegħu tat-8 ta” Diċembru 2009, fisser l-impenn tiegħu li jappoġġja lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, permezz ta“ laqgħat pubbliċi magħhom u billi jippubbliċizzaw l-attivitajiet tagħhom;

35.  Jistieden lill-Kunsill sabiex jinkludi l-aspetti tad-drittijiet tal-bniedem u tal-governanza tajba fil-mandati tar-RSUE u sabiex jaħtru konsulenti dwar id-drittijiet tal-bniedem u dwar il-governanza tajba għal pożizzjonijiet tal-persunal tar-RSUE;

Prijoritajiet ewlenin fiż-żoni ġeografiċi

36.  Jirrakkomanda li l-UE għandha ssaħħaħ id-djalogu politiku tagħha ma“ pajjiżi u reġjuni terzi, b'mod partikulari ma” msieħba strateġiċi li magħhom tista“ tikkoordina pożizzjonijiet fl-organizzazzjonijiet internazzjonali u tippromwovi d-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem; f'dan ir-rigward, itenni r-rwol importanti tad-diplomazija parlamentari bħala għodda supplimentari fir-relazzjonijiet tal-Unjoni ma” pajjiżi u reġjuni terzi; għaldaqstant hu tal-fehma li l-Viċi President/Rappreżentant Għoli u s-servizzi tagħha inklużi r-RSUE għandhom jaħdmu mal-Parlament sabiex ifasslu strateġiji komuni lejn pajjiżi u reġjuni msieħba u għandhom ikunu disponibbli sabiex jassistu l-Parlament bil-fomm u bil-miktub rigward kwistjonijiet u żjajjar speċifiċi;

37.  Jitlob lill-Kunsill, l-Istati Membri u l-Viċi President/Rappreżentant Għoli biex b'mod attiv ifittxu soluzzjonijiet paċifiċi għal kunflitti internazzjonali u biex isaħħu l-mekkaniżmi tal-prevenzjoni tal-kunflitti tal-UE;

Organizzazzjonijiet internazzjonali

38.  Jenfasizza li n-Nazzjonijiet Uniti hi l-garanti prinċipali tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali u l-aktar qafas komprensiv għall-kooperazzjoni multilaterali; huwa tal-fehma li t-tisħiħ tal-governanza globali, l-istituzzjonijiet internazzjonali u r-rispett għal-liġi internazzjonali huma ta“ importanza kbira għall-multilateraliżmu effettiv, u li għalhekk għandhom ikunu prijorità strateġika importanti għall-Unjoni; iqis li l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri għandhom ikomplu bl-isforzi tagħhom biex japprofondixxu l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni ma” msieħba strateġiċi b'influwenza dinjija, b'mod partikolari fin-Nazzjonijiet Uniti; f'dan is-sens, jisħaq fuq l-urġenza li jiġu indirizzati kwistjonijiet globali ta“ tħassib komuni għall-istabilità tal-UE u tad-dinja, bħalma huma t-terroriżmu, il-kriminalità organizzata, is-sigurtà enerġetika, it-tibdil fil-klima, il-kisba b'suċċess tal-Għanijiet ta” Żvilupp tal-Millennju u l-qerda tal-faqar, l-immaniġġjar tal-kriżijiet, il-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti, in-nonproliferazzjoni tal-armi għall-qerda tal-massa u d-diżarm, l-immaniġġjar tal-migrazzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet ċivili;

39.  Iqis li hu essenzjali li d-delegazzjonijiet relevanti tal-UE fil-kwartieri ġenerali fi New York u f'Ġinevra jingħataw l-għodda adekwati, f'termini ta“ mezzi u ta” persunal, sabiex ikunu jistgħu b'mod kredibbli u effettiv joffru fil-prattika l-arranġamenti istituzzjonali ġodda skont it-Trattat ta“ Lisbona; jinnota bi tħassib, għaldaqstant, li approċċ ta” newtralità baġitarja jmur kontra din il-ħtieġa urġenti li b'ħeffa u effiċjenza tiġi stabbilita l-preżenza tal-UE fin-NU waqt il-fażi inizjali tal-implimentazzjoni tat-Trattat ta“ Lisbona;

40.  Jemmen li l-OSKE tipprovdi qafas importanti biex terġa“ tinkiseb il-fiduċja u tiżdied il-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi tal-Ewropa, tal-Asja Ċentrali u tal-Amerika ta” Fuq fuq għadd ta“ kwistjonijiet, inklużi n-nonproliferazzjoni, id-diżarm, il-kooperazzjoni ekonomika u l-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt; għalhekk jappoġġja t-tisħiħ tal-OSKE anke fis-sens li tinfetaħ id-diskussjoni biex tingħata personalità legali;

41.  Bla ħsara għall-obbligi internazzjonali tal-UE skont il-Karta tan-NU, hu tal-fehma li l-UE u n-NATO għandhom jiżviluppaw sħubija aktar intensa u effettiva, li tqis l-iżvilupp progressiv tal-politika barranija, tas-sigurtà u tad-difiża tal-UE filwaqt li tirrispetta l-awtonomija tat-teħid tad-deċiżjonijiet taż-żewġ organizzazzjonijiet; għal dan il-għan, jirrakkomanda reviżjoni tal-hekk imsejħa arranġamenti Berlin-Plus u l-iżvilupp ta“ djalogu aktar strateġiku dwar l-interessi strateġiċi komuni u l-ippjanar ta” kontinġenza; iħeġġeġ il-faċilitazzjoni ta“ kooperazzjoni prattika aktar wiesgħa fil-post fil-livell militari u ċivili, b'mod partikulari meta ż-żewġ organizzazzjonijiet joperaw fl-istess teatru ta” missjonijiet; jikkundanna f'dan ir-rigward il-ġlieda kontinwa bejn it-Turkija u Ċipru li qed tfixkel iżjed u iżjed l-effikaċja u l-kredibilità kemm tal-UE kif ukoll tan-NATO;

Relazzjonijiet Transatlantiċi

42.  Itenni l-impenn tiegħu għas-sħubija transatlantika bħala element importanti u wieħed mill-pilastri ewlenin tal-azzjoni esterna tal-UE; iħeġġeġ lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli sabiex tiżgura li l-UE taġixxi ta“ sieħba koerenti, attiva, ugwali u madankollu awtonoma tal-Istati Uniti fit-tisħiħ tas-sigurtà u tal-istabilità dinjija, fil-promozzjoni tal-paċi u tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u s-suċċess tal-Għanijiet ta” Żvilupp tal-Millennju, u fl-adozzjoni ta“ approċċ magħqud fl-iffaċċjar ta” sfidi dinjija bħall-proliferazzjoni nukleari, it-terroriżmu, it-tibdil fil-klima u s-sigurtà tal-enerġija; hu tal-fehma li t-Trattat ta“ Lisbona joffri opportunità propizja għal titjib u tiġdid tal-qafas tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Istati Uniti; iħeġġeġ lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli sabiex taħdem lejn it-tisħiħ tal-mekkaniżmi istituzzjonali tal-UE u tal-Istati Uniti skont ir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament; jenfasizza li x-xogħol tal-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku għandu bżonn jissaħħaħ biex jintlaħaq l-għan ta” suq transatlantiku ġenwin u integrat, u li suq bħal dan għandu jipprovdi l-bażi għal sħubija transatlantika rinfurzata; jappoġġja bil-qawwa d-Djalogu Tranżatlantiku tal-Leġiżlaturi fl-isforz wiesa“ tiegħu biex joħloq relazzjonijiet effettivi tat-tip leġiżlatur lil leġiżlatur bejn il-PE u l-Kungress tal-Istati Uniti;

43.  Jistieden liż-żewġ imsieħba, l-UE u l-Istati Uniti, sabiex jinkoraġġixxu liċ-Ċina, l-Indja, ir-Russja, il-Brażil u setgħat emerġenti oħra sabiex jaqsmu bejniethom ir-responsabilità għall-ordni dinji u għall-prevenzjoni u għas-sejba paċifika ta“ soluzzjoni għall-kunflitti b'konformità mal-liġi internazzjonali; jinsisti li, filwaqt li l-UE u l-Istati Uniti għandhom joffru appoġġ sħiħ għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali ta” dawn il-pajjiżi fuq il-bażi ta“ kooperazzjoni ġusta, dawn il-pajjiżi għandhom ukoll jaċċettaw ir-responsabilitajiet globali tagħhom speċjalment għall-ġlieda kontra l-bidla fil-klima u għall-iżvilupp sostenibbli;

Il-Balkani tal-Punent

44.  Jenfasizza li l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent huma parti mill-proċess ta“ tkabbir; iqis li l-istabilità fil-Balkani tal-Punent ibbażata fuq l-istat ta” dritt għandha tibqa“ prijorità ewlenija tal-azzjoni esterna tal-Unjoni, u għaldaqstant jorbot l-akbar importanza mal-isforzi biex il-pajjiżi ta” dak ir-reġjun joqorbu lejn l-UE, bl-għan komuni ta“ integrazzjoni Ewropea inter alia permezz tal-promozzjoni ta” riformi u titjib fil-kooperazzjoni reġjonali u r-rikonċiljazzjoni interetnika sabiex jiġu ssodisfati l-kriterji ta“ Kopenħagen u jkunu ppreparati għall-adeżjoni; jirrakkomanda li għandha ssir konferenza internazzjonali dwar il-futur tal-Balkani tal-Punent, li tgħaqqad il-pajjiżi fir-reġjun u l-atturi reġjunali u globali relevanti sabiex jiġu identifikati u indirizzati l-isfidi attwali li jaffaċċja r-reġjun;

45.  Jinnota b'sodisfazzjon li s-sitwazzjoni fil-Kosovo b'mod ġenerali hi dejjem aktar paċifika u stabbli, kif ukoll l-isforzi għall-bini ta“ soċjetà multietnika, kif muri permezz tal-elezzjonijiet lokali li saru fil-15 ta” Novembru 2009, b'mod kalm u bl-ordni; huwa konxju li mhux l-Istati Membri kollha rrikonoxxew l-indipendenza tal-Kosovo; jilqa“ b'sodisfazzjon il-fatt li l-missjoni EULEX għall-istat tad-dritt fil-Kosovo, li hi l-akbar missjoni ċivili tal-PSDK imnedija s'issa fl-UE, qed taħdem b'kapaċità operattiva sħiħa fuq il-bażi tal-approċċ ta” status newtrali tan-Nazzjonijiet Uniti; jenfasizza l-importanza tal-missjoni fil-promozzjoni tar-rikonċiljazzjoni interetnika, l-istat tad-dritt, l-ordni pubbliku u s-sigurtà fil-Kosovo kollu kemm hu, permezz ta“ assistenza lill-istituzzjonijiet, l-awtoritajiet ġudizzjarji u l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi tal-Kosovo fil-progress tagħhom lejn is-sostenibilità u r-responsabbilizzazzjoni; f'dan ir-rigward, jilqa” b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-ftuħ ta“ uffiċċju ieħor tal-UE fit-Tramuntana; madankollu, jinnota l-ħtieġa li jiżdied l-għadd ta” prosekuturi li jaħdmu mal-EULEX, u jistieden lill-Istati Membri sabiex jipprovdu persunal addizzjonali;

46.  Iħeġġeġ lill-Kunsill jissokta bl-isforzi tiegħu, bl-appoġġ tal-komunità internazzjonali, biex jissokta d-djalogu mal-mexxejja politiċi fil-Bosnja-Ħerzegovina biex dak il-pajjiż u l-popli tiegħu jiġu megħjuna jibqgħu fit-triq li twassal għall-integrazzjoni Ewropea; konsegwentement jinnota l-isforzi diplomatiċi konġunti mill-Presidenza tal-UE, il-Kummissjoni Ewropea u l-amministrazzjoni tal-Istati Uniti, u jirrakkomanda aktar negozjati li jqisu arranġamenti preċedenti bejn il-politiċi fil-Bosnja-Ħerzegovina; ifakkar fil-ħtieġa li d-deputati u s-soċjetà ċivili jkunu involuti aktar mill-qrib fl-appoġġ għal pajjiż vijabbli;

Sħubija tal-Lvant, kooperazzjoni tal-Baħar l-Iswed

47.  Ikompli jappoġġa l-iżvilupp tas-Sħubija tal-Lvant mal-ġirien Ewropej tal-Unjoni, filwaqt li jintegrahom ekonomikament fis-suq intern u jintensifika l-kooperazzjoni politika, ekonomika u kulturali; jenfasizza l-importanza li din is-sħubija tiġi pprovduta bi proġetti kredibbli u l-importanza ta“ inċentivi tanġibbli għal riforma fuq medda ta” żmien medja u twila, li ssaħħaħ l-impenn tas-soċjetajiet fil-pajjiżi msieħba għall-proċess ta“ modernizzazzjoni u integrazzjoni mal-UE; b'mod partikolari, isemmi l-ħtieġa, li filwaqt li tinżamm is-sigurtà għaċ-ċittadini kollha tal-UE, jitneħħew b'mod progressiv l-ostakoli kollha għall-moviment ħieles tal-persuni (anke, eventwalment, l-ivvjaġġar mingħajr viża) u sabiex titjieb il-kooperazzjoni fl-aspetti kollha tas-sigurtà, b'mod speċjali s-sigurtà enerġetika; itenni l-fehma tiegħu li s-sħubija jeħtieġ tingħata riżorsi finanzjarji adegwati; jenfasizza l-bżonn li jiġi żgurat li s-Sħubija tkun kumplimentari mal-inizjattivi reġjonali, b'mod partikolari s-Sinerġija tal-Baħar l-Iswed;

48.  Jerġa“ jafferma l-importanza għall-UE ta” kooperazzjoni reġjonali iżjed effettiva fil-Viċinat tal-Lvant, li fl-ispirtu tagħha l-UE se tappoġġa l-implimentazzjoni ta“ proġetti mitfugħa fuq ir-riżultati kemm skont is-Sħubija tal-Lvant kif ukoll is-Sinerġija tal-Baħar l-Iswed, b'kumplimentarjetà sħiħa;

49.  Jistieden lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli biex iżżid l-isforzi biex jiġu implimentati proġetti taħt is-Sinerġija tal-Baħar l-Iswed; iħeġġeġ ukoll lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli biex tiżviluppa ideat ġodda għal Strateġija ta“ Kooperazzjoni effettiva tal-Baħar l-Iswed;

50.  Jilqa“ l-pożizzjoni pro-Ewropea tal-gvern il-ġdid tar-Repubblika tal-Moldova u jesprimi t-tama tiegħu li r-riformi interni tal-pajjiż jitħaffu b'tali mod li jinkisbu l-integrazzjoni ekonomika, l-assoċjazzjoni politika u l-approssimazzjoni istituzzjonali bejn ir-Repubblika tal-Moldova u l-UE; iħeġġeġ lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli biex jidentifika s-soluzzjonijiet multilaterali biex titranġa s-sitwazzjoni fit-Transnistrija;

51.  Jinnota li saru l-elezzjonijiet presidenzjali fl-Ukraina, u r-riżultat taħghom; jistieden lill-partijiet kollha biex jikkontribwixxu għall-istabbiltà politika, ekonomika u soċjali meħtieġa fl-Ukraina billi jsaħħu l-isforzi ta“ riforma; jinkoraġġixxi lill-pajjiż biex jikseb interoperabilità akbar mal-Unjoni Ewropea, biex b'hekk tiġi kkonsolidata l-prospettiva Ewropea tagħha;

Russja

52.  Jistieden lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli sabiex tiżgura li l-approċċ tal-UE lejn ir-Russja, inklużi n-negozjati ta“ Ftehim ta” Sħubija u Kooperazzjoni ġdid, ikun koerenti u mmexxi minn impenn lejn il-valuri tad-demokrazija, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, inkluż id-dritt internazzjonali; jenfasizza fl-istess ħin il-ħtieġa għal sħubija bi spinta ġdida mar-Russja, ibbażata fuq ir-rispett reċiproku u r-reċiproċità, dwar il-kwistjonijiet tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, is-sigurtà u l-provvista tal-enerġija, it-tibdil fil-klima, id-diżarm, il-prevenzjoni tal-kunflitti u nonproliferazzjoni nukleari kif ukoll fir-rigward tal-Iran, l-Afganistan u l-Lvant Nofsani, bil-għan li jissaħħu s-sigurtà u l-istabilità dinjija; huwa tal-fehma li l-kooperazzjoni dwar tali kwistjonijiet għandha tifforma l-bażi għal ftehim ġdid bejn l-UE u r-Russja, u għalhekk jistenna bil-ħerqa progress mgħaġġel fin-negozjati attwali dwar ftehim komprensiv ġdid li hu mistenni li jkabbar sostanzjalment ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja; iħeġġeġ lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli biex tikkoordina l-azzjonijiet, tiffaċilita l-konsultazzjoni u ttejjeb il-komunikazzjoni bejn l-Istati Membri fir-rigward ta“ kwistjonijiet bilaterali ta” interess komuni mal-Federazzjoni Russa; jenfasizza l-ħtieġa għall-Istati Membri biex jikkoordinaw ir-relazzjonijiet tagħhom mal-Federazzjoni Russa fuq il-bażi tal-interessi ġenerali tal-Unjoni u b'tali mod li jirriflettu u jippromwovu dawn l-interessi b'mod adegwat u konsistenti;

Kawkasu tan-Nofsinhar

53.  Iħeġġeġ lill-Kunsill sabiex jinsisti dwar l-implimentazzjoni sħiħa tal-ftehim ta“ waqfien mill-ġlied bejn il-Federazzjoni Russja u l-Ġeorġja u jistieden lill-UE sabiex tħares il-prinċipju tal-integrità territorjali tal-Ġeorġja u r-rispett tal-minoranzi; jilqa” b'sodisfazzon it-tiġdid tal-mandat tal-Missjoni ta“ Monitoraġġ tal-UE u jħeġġeġ lill-Kunsill sabiex jiżgura li s-superviżuri tal-UE jingħataw aċċess sħiħ għaż-żoni kollha milquta mill-kunflitt inklużi r-reġjuni tal-Abkażja u tal-Ossezja tan-Nofsinhar li nqatgħu mill-bqija tal-pajjiż, u għal dan il-għan, biex jużaw l-istrumenti finanzjarji tal-UE biex jgħinu l-popolazzjonijiet fiż-żona kollha li tinsab f'kunflitt; jistieden lill-UE, b'referenza għar-rapport tal-Missjoni Internazzjonali Indipedenti għat-Tiftix tal-Fatti dwar il-Kunflitt fil-Ġeorġja, sabiex jużaw il-lezzjonijiet tal-passat sabiex jiżviluppaw mekkaniżmi effettivi ta” prevenzjoni tal-kunflitti inkluża l-promozzjoni ta“ kuntatti interpersonali;

54.  Iħeġġeġ lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli sabiex tintensifika l-isforzi tal-UE f'ħidma għal prevenzjoni effettiva tal-kunflitti u riżoluzzjoni paċifika skont id-dritt internazzjonali tal-kunflitti f'Nagorno-Karabakh u fi Transnistria u fuq kollox, il-kunflitt bejn ir-Russja u l-Ġeorġja u r-reġjuni tal-Ossezja tan-Nofsinhar u tal-Abkażja li nqatgħu minn mal-pajjiż billi tingħata spinta ġdida lit-taħditiet ta“ Ġinevra; jisħaq fuq il-potenzjal perikoluż ta” tixrid ta“ kunflitti ffriżati fir-reġjun; f'dan il-kuntest, jirrakkomanda t-twaqqif ta” Konferenza dwar is-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fil-Kawkasu tan-Nofsinhar, li tiġbor il-pajjiżi kkonċernati u l-atturi reġjonali u globali relevanti, bil-għan li jiġi żviluppat Patt ta“ Stabilità għall-Kawkasu tan-Nofsinhar; jilqa” b'sodisfazzjon l-avviċinament reċenti bejn il-gvernijiet tat-Turkija u tal-Armenja, u jħeġġeġ ir-ratifika tal-ftehimiet mill-parlamenti rispettivi tagħhom;

Lvant Nofsani

55.  Jenfasizza l-ħtieġa li n-negozjati għall-Proċess tal-Paċi jitwettqu fi żmien limitat u fi klima ta“ fiduċja reċiproka; iqis li l-għan tagħhom għandu jkun il-ħolqien ta” Stat Palestinjan indipendenti, demokratiku u vijabbli fi ħdan il-fruntieri tal-1967, li jgħix bieb ma“ bieb mal-Istat ta” Iżrael fil-paċi u s-sigurtà bi fruntieri rikonoxxuti internazzjonalment b'konformità mar-riżoluzzjonijiet kollha relevanti tan-NU;

56.  Jistieden lill-UE, b'konformità mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta“ Diċembru 2009, biex tassumi rwol politiku aktar b'saħħtu fl-isforzi internazzjonali li għaddejjin bħalissa għat-tnedija tal-Proċess ta” Paċi, proporzjonali mal-impenn finanzjarju tagħha li tappoġġja l-irkupru ekonomiku Palestinjan u li tindirizza l-kriżi umanitarja drammatika f'Gaża; jistieden lill-Viċi-President/Rappreżentant Għoli sabiex tikkunsidra l-mezzi kollha għall-promozzjoni ta“ paċi dejjiema fir-reġjun;

57.  Jilqa“ b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Kunsill li jestendi l-mandat tal-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea għat-Territorji Palestinjani (EUPOL COPPS) sa Diċembru 2010; jemmen li jinħtieġ appoġġ aktar robust għall-iżvilupp tal-istat tad-dritt u tal-kapaċitajiet tal-pulizija, u jitlob li jkun hemm sforzi intensifikati f'dan ir-rigward; jieħu nota tad-deċiżjoni tal-Kunsill li jestendi l-mandat tal-Missjoni tal-UE ta” Assistenza fil-Fruntiera tal-UE f'Rafah (EUBAM Rafah) u d-determinazzjoni u d-dispożizzjoni tiegħu li jerġa“ jattiva dik il-missjoni; jemmen li din id-determinazzjoni għandha tirriżulta f'inizjattivi konkreti sabiex jerġa” jiġi stabbilit il-moviment ħieles fit-Territorji Palestinjani u sabiex jerġa“ jiġi attivat il-Ftehim dwar l-Aċċess u l-Moviment, innegozjat fl-2005, li kienu ffirmaw il-partijiet;

Unjoni għall-Mediterran

58.  Iqis li hu importanti li jiġi intensifikat id-djalogu politiku bejn il-membri tal-Unjoni għall-Mediterran fil-livelli kollha sabiex jintrebħu t-tensjonijiet li ħolqu dewmien fit-twaqqif tas-Segretarjat ibbażat f'Barċellona u l-promozzjoni ta“ proġetti konkreti ta” interess soċjali, ekonomiku u ekoloġiku reċiproku; jittama li l-Unjoni għall-Mediterran tista“ tikkontribwixxi b'mod pożittiv għar-riżoluzzjoni tal-kunflitti fil-Lvant Nofsani, l-avviċinament bejn it-Turkija u Ċipru, u l-iżvilupp demokratiku tal-istati Għarab;

59.  Jemmen li l-Unjoni għall-Mediterran tista“ tikkontribwixxi biex jitnaqqsu t-tensjonijiet fil-Lvant Nofsani billi jiġu promossi proġetti ta” koperazzjoni konkreti għar-reġjun kollu; fl-istess ħin, jenfasizza li l-miżuri għall-bini tal-fiduċja bejn il-Palestinjani u l-Iżraeljani bil-għan li tinkiseb paċi ġusta u dejjiema fil-Lvant Nofsani huma tal-akbar importanza biex jiġi ffaċilitat il-funzjonament xieraq ta“ din l-istituzzjoni ġdida;

60.  Jenfasizza li, minn perspettiva tal-UE, il-kopresidenza trid tkun kumpatibbli mar-rappreżentanza esterna tal-UE skont it-Trattat ta“ Lisbona; ifakkar li t-Trattat ta” Lisbona jipprovdi opportunità għall-UE li tiżgura konsistenza, koerenza u kontinwità fir-rappreżentanza tagħha fl-istituzzjonijiet il-ġodda tal-Unjoni għall-Mediterran;

Asja

61.  Jinnota li l-Afganistan wara l-elezzjonijiet issa dieħel f'perjodu deċiżiv u kritiku, bil-formazzjoni ta“ gvern ġdid f'Kabul li jipprovdi l-opportunità li tinħoloq aġenda ġdida u kuntratt ġdida mal-poplu Afgan;

62.  Jilqa“ b'sodisfazzjon il-Pjan ta” Azzjoni tal-Kunsill għal azzjoni msaħħa tal-UE fl-Afganistan u fil-Pakistan, adottat fil-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni ta“ Ottubru 2009, u fid-dikjarazzjoni tiegħu tad-dispożizzjoni mġedda tiegħu li jgħin sabiex jintlaqgħu l-isfidi tar-reġjun, f'kooperazzjoni mal-pajjiżi konċernati u l-imsieħba internazzjonali, iżda jenfasizza li l-Pjan se jibqa” biss pjan sakemm ma jkunx hemm impenn ċar mill-Istati Membri tal-UE li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tiegħu; jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Presidenza sabiex jagħmlu sforz għalenija biex jimplimentaw il-Pjan mingħajr dewmien; iħeġġeġ lill-Kunsill sabiex jagħmel aktar progress lejn l-iskjerar sħiħ ta“ persunal fil-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea sabiex jiġu stabbiliti arranġamenti sostenibbli u effettivi tal-pulizija ċivili li jkunu kapaċi jtejbu l-ambjent tas-sigurtà;

63.  Jirrikonoxxi li l-Pakistan għadu qed jiffaċċja sfidi serji ħafna, u japprova l-appoġġ sod tal-UE għal gvern tal-Pakistan b'saħħtu, sekulari u ċivili; jenfasizza r-rwol ewlieni tal-Pakistan fir-reġjun u jtenni li Pakistan stabbli, demokratiku u għani huwa wkoll ċentrali għall-indirizzar ta“ kwistjonijiet globali bħall-ġlieda kontra t-terroriżmu, in-nonproliferazzjoni nukleari, il-ġlieda kontra d-drogi u d-drittijiet tal-bniedem, u jħeġġu bis-sħiħ li jadotta strateġija komprensiva sabiex jiġi miġġieled it-terroriżmu u jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tiegħu;

64.  Japprova l-impenn tal-UE li tappoġġa d-demokrazija f'Iraq federali, magħqud; jenfasizza l-appoġġ tiegħu għall-impenn b'saħħtu u kontinwu tal-UE għall-iżvilupp tal-istat tad-dritt fl-Iraq, u jilqa“ b'sodisfazzjon l-estensjoni tal-mandat tal-missjoni EUJUST LEX għal sena u l-attivitajiet pilota tagħha fit-territorju tal-Iraq; jistenna b'ħerqa x-xogħol ulterjuri maħsub f'dan il-kuntest, kif imwiegħed mill-Kunsill; jitlob interazzjoni istituzzjonali miżjuda, b'mod partikolari fi kwistjonijiet ekonomiċi mal-awtoritajiet tal-Gvern Reġjonali Kurd; jitlob lill-Kummissjoni biex tgħaġġel il-ftuħ tal-bini tagħha stess f'Baghdad;

65.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-iżviluppi politiċi fl-Iran u l-frodi elettorali massiva rrappurtata matul l-elezzjonijiet presidenzjali ta“ Ġunju 2009, li qajmet l-ikbar moviment ta” protesta fit-30 sena ta“ storja tar-Repubblika Iżlamika, b'dimostrazzjonijiet u ripressjoni vjolenti mill-forzi tas-sigurtà li għadhom għaddejjin; jinsab imħasseb sew mhux biss dwar l-arresti, it-tortura u l-qtil ta” avversarji politiċi imma wkoll dwar il-qagħda wieqfa kontinwa fin-negozjati dwar il-programm nukleari tal-Iran, u jitlob lill-Gvern Iranjan biex jieħu sehem f'negozjati serji dwar il-kwistjoni nukleari; jisgħobbih li ż-żjara mid-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew għall-Iran f'Jannar 2010 ġiet ikkanċellata mill-awtoritajiet Iranjani u esprima s-solidarjetà tiegħu ma“ dawk l-Iranjani li, filwaqt li qed jirriskjaw ħajjithom, ikomplu jeżiġu b'mod pubbliku li jkun hemm rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem u libertajiet demokratiċi ikbar fl-Iran; jikkundanna l-isforzi tal-Iran biex jibblokka l-libertà tal-informazzjoni billi jwaqqaf ix-xandir barrani u l-Internet; jitlob lill-Kunsill u l-Kummissjoni biex iqisu sanzjonijiet kontra membri individwali tal-amministrazzjoni u s-servizzi tas-sigurtà responsabbli għall-ksur kbir tad-drittijiet tal-bniedem u biex joħolqu miżuri ħalli jappoġġjaw lil dawk il-parteċipanti fil-”Moviment Aħdar“ li jsofru l-persekuzzjoni u/jew l-eżilju;

66.  Jinnota l-fatt li r-relazzjonijiet ekonomiċi UE-Ċina għaddew minn tkabbir gradwali u li l-kuntatti bejn il-popli kibru fl-iskop u l-iskala; fl-istess ħin, jibqa“ mħasseb sew dwar in-nuqqas ta” rieda min-naħa tal-awtoritajiet Ċiniżi li jittrattaw każijiet numerużi ta“ ksur tad-drittijiet tal-bniedem u li jiżguraw li l-poplu jgawdi minn drittijiet u libertajiet bażiċi;

67.  Jesprimi l-istennija li se tiġi żviluppata relazzjoni strateġika bejn l-UE u ċ-Ċina, u jiddikjara x-xewqa tiegħu li jesplora modi li bihom tiġi msaħħa r-relazzjoni fir-rigward ta“ kwistjonijiet ta” interess reċiproku li jmorru lil hinn mis-setturi ekonomiċi u kummerċjali;

68.  Jilqa“ b'sodisfazzjon l-isforzi li saru minn Taipei kif ukoll minn Pekin biex jitjiebu r-relazzjonijiet bejn iċ-Ċina kontinentali u t-Tajwan, li jgħinu biex tissaħħaħ l-istabilità u s-sigurtà fl-Asja tal-Lvant, u jħeġġeġ liż-żewġ naħat biex ikomplu jtejbu d-djalogu, il-kooperazzjoni prattika u l-bini tal-fiduċja; ifaħħar id-dikjarazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta” Mejju 2009, li ttenni l-appoġġ tiegħu għall-parteċipazzjoni ta“ Taiwan fil-WHO; jappoġġja bis-sħiħ il-parteċipazzjoni tat-Tajwan bħala osservatur fl-organizzazzjonijiet u l-attivitajiet internazzjonali relevanti bħall-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili u l-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima, fejn il-parteċipazzjoni tat-Tajwan hija importanti għall-UE u l-interessi globali;

69.  Jerġa“ jafferma l-appoġġ qawwi tiegħu għat-tisħiħ tar-relazzjoni strateġika bejn l-UE u l-Indja, u biex jinstabu mezzi oħra biex titjieb ir-relazzjoni f'oqsma ta” interess reċiproku fis-setturi ekonomiċi, politiċi, tas-sigurtà u tal-kummerċ;

70.  Jirrikonoxxi r-rwol dejjem jikber tal-ASEAN bħala qawwa għall-istabilità u l-prosperità reġjonali; jemmen li l-Unjoni u l-ASEAN, li t-tnejn għandhom impenn għall-integrazzjoni reġjonali, għandhom potenzjal kbir għall-kooperazzjoni; jinnota li hemm bżonn ta“ miżuri biex jiżdiedu r-relazzjonijiet ekonomiċi u tal-kummerċ bejn l-Unjoni u l-ASEAN sabiex jgħinu ħalli jikkonsolidaw ir-relazzjonijiet globali bejn iż-żewġ reġjuni u jħeġġu iżjed progress rigward il-kooperazzjoni u s-sigurtà politika, it-titjib tad-drittijiet tad-demokrazija u tal-bniedem u iżjed progress fil-qasam tal-enerġija u tal-ambjent, fil-qasam soċjokulturali u fil-qasam ta” kooperazzjoni u żvilupp;

Afrika

71.  Josserva b'sodisfazzjon li l-operazzjoni EUNAVFOR Atalanta għadha tikkontribwixxi b'suċċess għas-sigurtà marittima “l barra mill-kosta tas-Somalja billi tħares il-bastimenti mikrija lill-Programm Dinji tal-Ikel li jwasslu l-għajnuna lis-Somalja, il-bastimenti li jipprovdu merkanzija kritika għall-operazzjoni tal-Unjoni Afrikana għall-appoġġ tal-paċi fis-Somalja, u bastimenti vulnerabbli oħrajn; jilqa” b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Kunsill li jestendi l-mandat tal-operazzjoni sat-12 ta“ Diċembru 2010; jesprimi l-appoġġ tiegħu għat-tnedija ta” operazzjoni tal-ġestjoni tal-kriżijiet biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-Forzi tas-Sigurtà Nazzjonali tal-Gvern Federali Tranżitorju tas-Somalja; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-forzi tas-sigurtà mħarrġa jiġu integrati fl-istrutturi tal-istat u tal-kmand biex ġaladarba jmorru lura, ma jdurux kontra l-gvern li suppost ikunu qed jipproteġu;

Amerika Latina

72.  Ifakkar għal darba oħra fil-proposta magħmula fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta“ Novembru 2001 dwar is-sħubija globali u l-istrateġija komuni għar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Amerika Latina(6), sussegwentement imtennija fir-riżoluzzjonijiet tas-27 ta“ April 2006(7) u l-24 ta“ April 2008(8) rispettivament adottati fl-isfond tas-Samits bejn l-UE u l-Amerika Latina u l-Karibew fi Vjenna u f'Lima, biex issir Karta għall-Paċi u s-Sigurtà Ewro-Latino-Amerikana li, fuq il-bażi tal-Karta tan-NU, tippermetti azzjonijiet u inizjattivi konġunti relatati mal-politika, l-istrateġija u s-sigurtà; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jieħdu passi attivi biex iwettqu dan l-għan ambizzjuż u biex jappoġġjaw din il-proposta fis-Samit li jmiss bejn l-UE u l-Amerika Latina u l-Karibew, li se jsir f'Mejju 2010 f'Madrid;

73.  Iqis li n-negozjati dwar il-Ftehim ta“ Assoċjazzjoni mal-pajjiżi tal-Amerika Ċentrali kif ukoll progress lejn neġozjati mġedda dwar il-Ftehim ta” Assoċjazzjoni mal-MERCOSUR huma kwistjonijiet ta“ prijorità; jinnota li n-negozjati dwar il-Ftehim Multilaterali mal-pajjiżi tal-Komunità Andina ġew konklużi; se jagħmel ħiltu biex iwettaq bl-eżattezza dovuta l-proċedura ta” ratifika parlamentari fuq dawn il-ftehimiet bil-għan li jiżgura li jkollhom impatt pożittiv fuq l-aspetti kollha ta“ interess reċiproku;;

o
o   o

74.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lis-Segretarju Ġenerali tan-NATO, lill-President tal-Assemblea Parlamentari tan-NATO, lill-President fil-kariga tal-OSKE, lill-President tal-Assemblea Parlamentari tal-OSKE, lill-President tal-Assemblea Parlamentari tal-Unjoni Ewropea tal-Punent, lill-President tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa u lill-President tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa.

(1) ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.
(2) Testi adotatti, P6_TA(2008)0254.
(3) Testi adottati, P6_TA(2009)0074.
(4) Testi adottati, P7_TA(2009)0057.
(5) ĠU C 298, 30.11.2002, p.1.
(6) ĠU C 140 E, 13.6.2002, p. 569
(7) ĠU C 296 E, 6.12.2006, p. 123.
(8) Testi adotatti, P6_TA(2008)0177.

Avviż legali - Politika tal-privatezza