Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2010/2601(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

B7-0185/2010

Dibattiti :

PV 11/03/2010 - 12.1
CRE 11/03/2010 - 12.1

Votazzjonijiet :

PV 11/03/2010 - 13.1

Testi adottati :

P7_TA(2010)0066

Testi adottati
DOC 36k
Il-Ħamis, 11 ta' Marzu 2010 - Strasburgu Verżjoni finali
Il-każ ta“ Gilad Shalit
P7_TA(2010)0066B7-0171, 0172, 0183, 0184 u 0185/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta“ Marzu 2010 dwar Gilad Shalit

Il-Parlament Ewropew,

–   war li kkunsidra t-Tielet Konvenzjoni ta“ Ġinevra tal-1949 u l-Artikolu Komuni 3 tal-Konvenzjonijiet ta” Ġinevra tal-1949,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali Kontra l-Ħtif tal-Ostaġġi tal-1979,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Presidenza tat-18 ta“ Novembru 2009, f'isem l-Unjoni Ewropea, dwar is-sitwazzjoni umanitarja f'Gaża, li ”tistieden lil dawk li qed iżommu lis-suldat Iżraeljan maħtuf Gilad Shalit biex jeħilsuh bla dewmien“,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 921 tal-Kungress tal-Istati Uniti tat-18 ta“ Lulju 2006,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani, li inkludew sejħa biex Gilad Shalit jinħeles,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) tar-Regoli ta“ Proċedura tiegħu,

A.   billi l-Kapural (illum is-Surġent) Gilad Shalit inħataf mill-Ħamas fuq it-territorju tal-Iżrael fil-25 ta“ Ġunju 2006,

B.   billi s-Surġent Sħalit huwa ċittadin Ewropew (Franċiż) u Iżraeljan,

C.   billi, mindu nħataf bħala ostaġġ, is-Surġent Shalit inżamm iżolat f'Gaża u ċċaħħad mid-drittijiet bażiċi skont l-Artikolu Komuni 3 tal-Konvenzjonijiet ta“ Ġinevra tal-1949 u tat-Tielet Konvenzjoni ta” Ġinevra tal-1949,

D.   billi l-Ħamas ħadet ir-responsabbiltà għall-issuktar taż-żamma tas-Surġent Shalit u ddikjarat li qiegħed jinżamm skont it-Tielet Konvenzjoni ta“ Ġinevra tal-1949,

E.   billi jeħtieġ li l-liġi internazzjonali umanitarja u l-liġi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem jkunu rrispettati mill-partijiet kollha fil-kunflitt fil-Lvant Nofsani u fiċ-ċirkustanzi kollha,

F.   billi l-bini tal-fiduċja bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani huwa parti essenzjali minn proċess tal-paċi li jwassal għal sitwazzjoni fejn żewġ stati jistgħu jgħixu maġenb xulxin fil-paċi u s-sigurtà,

G.   billi vidjo, li wasal f'Ottubru 2009, juri lis-suldat maħtuf iżomm f'idejh gazzetta ta“ Gaża li ġġib id-data tat-Tnejn 14 ta” Settembru 2009, huwa l-aktar prova konklużiva li s-Surġent Shalit huwa ħaj,

1.  Isejjaħ biex is-Surġent Gilad Shalit jinħeles immedjatament;

2.  Jistieden lll-Ħamas iżżomm kelmitha u lis-Surġent Shalit tagħtih id-drittijiet u l-privileġġi skont it-Tielet Konvenzjoni ta“ Ġinevra tal-1949;

3.  Jiddeplora li komplew jiġu skartati d-drittijiet umani bażiċi tas-Surġent Shalit u l-fatt li l-familja tiegħu u l-awtoritajiet Iżraeljani u Franċiżi ma tħallewx jiksbu informazzjoni dwar il-benessri tiegħu; għaldaqstant iħeġġeġ lill-Ħamas biex bla dewmien tħalli lill-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar iżżur lis-Surġent Shalit, u biex tippermettilu jikkomunika mal-familja tiegħu skont it-Tielet Konvenzjoni ta“ Ġinevra tal-1949;

4.  Jisħaq fuq l-importanza ta“ progress lejn soluzzjoni ta” żewġ stati u jilqa“ l-varar mill-ġdid ta” negozjati ta“ prossimità bejn l-Iżrael u l-Awtorità Palestinjana;

5.  Jenfasizza li miżuri għall-bini tal-fiduċja min-naħat kollha, inkluż ir-rilaxx ta“ għadd sinifikanti ta” priġunieri Palestinjani, jistgħu jgħinu biex tinħoloq atmosfera kostruttiva li twassal biex jinħeles is-Surġent Shalit;

6.  Jagħti istruzzjonjiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta“ Sigurtà, lill-Gvern Iżraeljan, lill-Awtorità Palestinjana u lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Mediterranja.

Aġġornata l-aħħar: 30 ta' Novembru 2010Avviż legali