Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2010/2559(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B7-0222/2010

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 25/03/2010 - 6.17
CRE 25/03/2010 - 6.17
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2010)0085

Testi adottati
PDF 101kDOC 73k
Il-Ħamis, 25 ta' Marzu 2010 - Brussell Verżjoni finali
It-Tieni Samit Ewropew dwar ir-Roma
P7_TA(2010)0085B7-0222, 0223, 0224 u 0225/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta“ Marzu 2010 dwar it-Tieni Samit Ewropew dwar ir-Roma

Il-Parlament Ewropew ,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 8, 9, 10, 18, 19, 20, 21, 151, 153 u 157 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea li jobbligaw lill-Istati Membri biex jiżguraw opportunitajiet indaqs għaċ-ċittadini kollha u biex itejbu l-kundizzjonijiet ta“ għajxien u ta” ħidma tagħhom,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea li jippermettu li l-UE tieħu l-azzjoni xierqa biex tiġġieled id-diskriminazzjoni kontra ċ-ċittadini kollha u tippromwovi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta“ April 2005 dwar is-sitwazzjoni tar-Rom fl-Unjoni Ewropea(1) , ir-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta“ Ġunju 2006 dwar is-sitwazzjoni tan-nisa Rom fl-Unjoni Ewropea(2) , ir-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta“ Novembru 2007 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38/KE dwar id-drittijiet tal-libertà tal-moviment u tar-residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familji tagħhom fit-territorju tal-Istati Membri(3) , ir-riżoluzzjoni tiegħu tal-31 ta“ Jannar 2008 dwar Strateġija Ewropea għar-Rom(4) , ir-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta“ Lulju 2008 dwar iċ-ċensiment tar-Rom fuq bażi tal-etniċità fl-Italja(5) , u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta“ Marzu 2009 dwar is-sitwazzjoni soċjali tar-Rom u t-titjib tal-aċċess tagħhom għas-suq tax-xogħol fl-UE(6) ,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta“ Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità(7) , id-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta“ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol(8) , u d-Deċiżjoni Qafas 2008/913/ĠAI tat-28 ta“ Novembru 2008 dwar il-ġlieda b'mezzi legali kontra ċerti forom u espressjonijiet ta” razziżmu u ksenofobija(9) , li tipprevedi l-approssimazzjoni tal-liġijiet u r-regolament li l-Istati Membri għandhom isegwu għal reati li jinvolvu r-razziżmu u l-ksenofobija, u d-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/38/KE tad-29 ta“ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri(10) , li ġiet adottata fl-2004 u li tiggarantixxi li ċ-ċittadini kollha jkollhom id-dritt li jiċċaqalqu b'mod liberu fl-UE kollha kemm hi, sakemm ikunu qed jaħdmu jew ifittxu impjieg, ikunu qed jistudjaw, jew ikunu awtosuffiċjenti jew irtirati,

–   wara li kkunsidra r-Rapporti dwar ir-Rom, ir-razziżmu u l-ksenofobija fl-Istati Membri tal-UE fl-2009, ippubblikat mill-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali(11) , u r-rapporti tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa, Thomas Hammarberg,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsilli Ewropew ta“ Diċembru 2007 u Ġunju 2008, il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali ta” Diċembru 2008 u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Impjiegi, il-Politika Soċjali, is-Saħħa u l-Affarijiet tal-Konsumatur dwar l-Inklużjoni tar-Rom, li ġew adottati fil-Lussembugu nhar it-8 ta“ Ġunju 2009,

–   wara li kkunsidra l-proklamazzjoni tal-2005 tad-Deċennju ta'Inklużjoni tar-Rom u tat-twaqqif tal-Fond għall-Edukazzjoni tar-Rom, minn għadd ta“ Stati Membri tal-UE, ta” pajjiżi kandidati għall-UE u ta“ pajjiżi oħra fejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom preżenza sinifikanti,

–   wara li kkunsidra l-Ewwel Samit dwar ir-Rom, li sar fi Brussell fis-16 ta“ Settembru 2008, u t-Tieni Samit Ewropew dwar ir-Rom li se jsir f'Córdoba (Spanja) fit-8 ta” April 2010, li huwa avveniment kruċjali tal-Presidenza Spanjola tal-Kunsill,

–   wara li kkunsidra r-rapport li daqt se joħroġ il-Kumitat tiegħu għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern dwar “Strateġija tal-UE dwar l-Inklużjoni tar-Rom”, li għandu joħroġ tard fl-2010,

–   wara li kkunsidra l-Għaxar Prinċipji Bażiċi Komuni dwar l-Inklużjoni tar-Rom,

–   wara li kkunsidra l-mistoqsijiet tat-12 ta“ Frar 2010 (O-0017/2010 – B7-0013/2010, O-0018/2010 – B7-0014/2010) u tal-24 ta” Frar 2010 (O-0028/2010 – B7-0202/2010, O-0029 – B7-0203/2010) li saru lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar it-Tieni Samit Ewropew dwar ir-Rom,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta“ Proċedura tiegħu,

A.   billi l-10-12-il miljun ta“ Rom Ewropej għadhom ibatu minn diskriminazzjoni sistematika serja, u f'ħafna każi huma suġġetti għal faqar estrem u esklużjoni soċjali, billi maġġoranza ta” Rom Ewropej saru ċittadini tal-UE wara t-tkabbir tal-2004 u tal-2007, biex b'hekk bdew igawdu mid-dritt li għandhom iċ-ċittadini tal-UE u l-familji tagħhom li jiċċaqalqu u jgħixu b'mod liberu fit-territorju tal-Istati Membri,

B.   billi s-sitwazzjoni tar-Rom Ewropej, li ilhom preżenti f'ħafna pajjiżi Ewropej għal ħafna żmien, hija distinta minn dik tal-minoranzi nazzjonali Ewropej, u tiġġustifika miżuri speċifiċi fil-livell Ewropew,

C.   billi ħafna individwi u komunitajiet Rom li ddeċidew li jgħixu fi Stat Membru differenti tal-UE minn dak tac-cittadinanza nazzjonali taghhom jinsabu f'qagħda partikularment vulnerabbli,

D.   billi l-UE għandha bosta strumenti li jistgħu jintużaw biex jikkumbattu l-esklużjoni tar-Rom, bħall-opportunità l-ġdida prevista fil-Fondi Strutturali li tippermetti li jiġu allokati sa 2% tal-allokazzjoni totali tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) għal nefqa fuq l-akkomodazzjoni b'riżq il-komunitajiet emarġinati, li għandha tidħol fis-seħħ matul l-2010, jew il-possibbiltajiet eżistenti tal-Fond Soċjali Ewropew,

E.   billi d-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE għadha ma ġietx ittrasponuta b'mod adegwat jew implimentata bis-sħiħ mill-Istati Membri kollha,

F.   billi l-Unjoni Ewropea impenjat ruħha bosta drabi biex tippromwovi b'mod attiv il-prinċipji ta“ opportunitajiet indaqs u inklużjoni soċjali fir-rigward tal-popolazzjoni tar-Rom fl-Ewropa kollha,

G.   billi fis-sena li għaddiet kien hemm żieda sinifikanti f'antiżingariżmu fil-midja tal-massa u fit-taħdit politiku f'xi Stati Membri tal-UE, kif ukoll inċidenza li qed tiżdied ta“ vjolenza kontra r-Rom b'motivazzjonijiet razzjali,

H.   billi l-progress fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni kontra r-Rom fir-rigward tal-garanzija tar-rispett tad-drittijiet tagħhom għall-edukazzjoni, għax-xogħol, għas-saħħa u għall-akkomodazzjoni kemm fl-Istati Membri u kemm fil-pajjiżi kandidati kien diskontinwu u kajman,

I.   billi għandha tingħata attenzjoni speċjali lil dawk li qed jiffaċċjaw diskriminazzjonijiet multipla,

J.   billi għandha tiżdied ir-rappreżentazzjoni tar-Rom fl-istrutturi governattivi u fl-amministrazzjoni pubblika fl-Istati Membri,

1.  Jikkundanna ż-żieda ta“ dan l-aħħar fis-sentimenti kontra ż-żingari (fobija mir-Rom) f'bosta Stati Membri tal-UE fil-forma ta” ġrajjiet regolari ta“ inċitament għall-mibegħda u attakki kontra r-Rom;

2.  Iqis li l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni kontra r-Rom, li huma komunità pan-Ewropea, tirrikjedi approċċ komprensiv fil-livell Ewropew;

3.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar id-diskriminazzjoni li r-Rom ibatu minnha fl-edukazzjoni (b'mod partikulari, is-segregazzjoni), fl-akkomodazzjoni (b'mod partikulari, żgumbramenti mġiegħla u kundizzjonijiet ta“ għajxien inferjuri, ta” spiss f'getti), fix-xogħol (ir-rata ta“ impjieg partikolarment baxxa tagħhom) u fl-aċċess ugwali għas-sistemi tal-kura tas-saħħa u tas-servizzi pubbliċi l-oħra, kif ukoll il-livell tabilħaqq baxx tal-parteċipazzjoni politika tagħhom, jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li waqt l-implimentazzjoni tal-Programmi Operattivi jkun hemm konformità stretta mad-dispożizzjonijiet dwar l-opportunitajiet indaqs, sabiex il-proġetti ma jsaħħux b'mod dirett jew indirett is-segregazzjoni u l-esklużjoni tar-Rom; jenfasizza li fl-10 Frar 2010 l-Parlament adotta rapport dwar l-eliġibilità ta” interventi favur l-akkomodazzjoni ta“ komunitajiet marġinalizzati, li jippermetti li jsiru interventi fl-akkomodazzjoni f'isem gruppi vulnerabbli fi ħdan il-qafas tal-FEŻR, u jitlob li ssir implimentazzjoni rapida tar-regolament irrivedut, sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħmlu użu attiv minn din l-opportunità; iqis, f'dan il-kuntest, li l-akkomodazzjoni hija prekundizzjoni fl-iżgurar ta” inklużjoni soċjali effettiva; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-Faċilità dwar il-Mikrofinanza li ġiet adottata dan l-aħħar tkun aċċessibbli għar-Rom sabiex tiġi appoġġata l-integrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol;

4.  Jirrikonoxxi li l-kwistjonijiet taċ-ċittadinanza u l-parteċipazzjoni soċjoekonomika sħaħ tar-Rom huma kkundizzjonati minn storja ta“ diskriminazzjoni u stigmatizzazzjoni soċjali; iqis li jeħtieġ li l-approċċ integrattiv għall-inklużjoni tar-Rom jiġi kkumplimentat minn miżuri proattivi biex tingħeleb id-diskriminazzjoni tal-imgħoddi u ta” llum; jistieden lill-Kummissjoni tagħti l-attenzjoni dovuta għal dan l-aspett fl-approċċ tagħha għall-inklużjoni tar-Rom;

5.  Iqis li l-UE u l-Istati Membri jaqsmu responsabilità biex jippromwovu l-inklużjoni tar-Rom u biex jiddefendu d-drittijiet fundamentali tagħhom bħala ċittadini Ewropej, u li f'dan il-qasam hemm bżonn urġenti li jżidu l-isforzi tagħhom ħalli jinkisbu riżultati viżibbli; jistieden lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE jappoġġaw il-miżuri meħtieġa sabiex jinħoloq ambjent soċjali u politiku xieraq għall-implimentazzjoni tal-inklużjoni tar-Rom, pereżempju billi jiġu appoġġati kampanji edukattivi għall-pubbliku biex tiżdied it-tolleranza fost il-popolazzjoni li mhijiex Rom għall-kultura u l-integrazzjoni tar-Rom, kemm fil-pajjiż ta“ ċittadinanza u kemm fil-pajjiż ta” residenza Ewropea;

6.  Jilqa“ l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Impjiegi, il-Politika Soċjali, is-Saħħa u l-Affarijiet tal-Konsumatur dwar l-inklużjoni tar-Rom, li ġew adottati fil-Lussembugu nhar it-8 ta” Ġunju 2009, li jinkorporaw il-Prinċipji Bażiċi Komuni dwar l-Inklużjoni tar-Rom, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iqisuhom “fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta” politiki għad-difiża tad-drittijiet fundamentali, ir-rispett tal-ugwaljanza bejn is-sessi, fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, il-faqar u l-esklużjoni soċjali, u biex jiżguraw l-aċċess għall-edukazzjoni, id-djar, is-saħħa, ix-xogħol, is-servizzi soċjali, il-ġustizzja, l-isports u l-kultura, u wkoll fir-relazzjonijiet tal-UE ma“ pajjiżi terzi”; jilqa“ t-talba lill-Kummissjoni biex ”tieħu passi konkreti biex l-istrumenti u politiki Komunitarji rilevanti għall-inklużjoni tar-Rom isiru aktar effettivi“;

7.  Jesprimi tħassib fil-fond dwar il-fatt li, meta wieħed iqis l-urġenza tal-kwistjoni, il-Kummissjoni Ewropea sa issa għadha ma weġbitx it-talba tiegħu tal-31 ta“ Jannar 2008 biex b'koperazzjoni mal-Istati Membri tħejji Strateġija Ewropea dwar ir-Rom, li tkun maħsuba biex ittejjeb il-koordinazzjoni u l-promozzjoni tal-isforzi favur it-titjib tal-qagħda tal-popolazzjoni Rom;

8.  Għaldaqstant, isejjaħ mill-ġdid lill-Kummissjoni Ewropea biex tiżviluppa Strateġija Ewropea għall-Inklużjoni tar-Rom li tkun komprensiva bħala strument għall-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali tar-Rom u d-diskriminazzjoni kontrihom fl-Ewropa;

9.  Jistenna bil-ħerqa li l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni li ser titressaq wara s-Samit Ewropew li jmiss dwar l-inklużjoni tar-Rom, teżamina l-politiki u l-istrumenti eżistenti għat-titjib tal-inklużjoni tar-Rom u l-fatturi li kkaġunaw il-progress insodisfaċenti li sar sa issa; jitlob li fil-ġejjieni l-komunikazzjoni tkun tinkludi objettivi u mekkaniżmi ċari għat-tfassil ta“ politiki dwar ir-Rom;

10.  Jistieden lill-Kummissarji Ewropej il-ġodda jagħtu prijorità lill-kwistjonijiet relatati mar-Rom li jkunu koperti mill-portafolli tagħhom, waqt li jistabbilixxu bħala prijorità sistemi effettiva ta“ koordinament bejnhom u bejn id-direttorati ġenerali ħalli l-kwistjonijiet dwar ir-Rom jiġu affrontati fil-livell tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni taħtar wieħed mill-Kummissarji tagħha biex ikun responsabbli għall-koordinazzjoni tal-politika dwar ir-Rom;

11.  Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE jinvolvu lill-komunitajiet tar-Rom, mil-livell l-aktar bażiku sa dak tal-organizzazzjonijiet nongovernattivi li jieħdu sehem f'konsultazzjoni internazzjonali, fil-proċess tal-iżvilupp ta“ politika komprensiva tal-UE dwar ir-Rom, fl-aspetti kollha tal-ippjanar, tal-implimentazzjoni u tas-superviżjoni, u biex jintużaw ukoll l-esperjenzi tad-Deċennju ta” Inklużjoni tar-Rom 2002–2015, il-Pjan ta“ Azzjoni tal-OSKE, u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa, tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-Parlament Ewropew; jitlob li jiġu mmobilizzati l-komunità Rom sabiex il-politiki ta” inklużjoni jkunu jistgħu jiġu implimentati b'mod konġunt, għax dawn jistgħu jkunu biss suċċess jekk jieħdu sehem fihom il-partijiet kollha involuti;

12.  Jitlob lill-Kummissjoni tadotta approċċ orizzontali fil-kwistjonijiet dwar ir-Rom u tiżviluppa proposti addizzjonali biex ikun hemm koerenza politika fil-livell Ewropew f'dak li għandu x'jaqsam mal-inklużjoni soċjali tar-Rom, biex l-Istati Membri jitqanqlu jagħmlu sforzi akbar ħalli jinkisbu riżultati viżibbli, biex titħeġġeġ analiżi kritika tal-fallimenti politiċi, biex jiġi ffaċilitat l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri u biex jintużaw it-tagħlimiet kollha li nsiltu mill-proġett pilota dwar ir-Rom, li għandhom jalimentaw il-politiki ġenerali;

13.  Iħeġġeġ lill-organizzatur tas-Samit u lill-UE biex jiddefinixxu segwitu politiku ċar għall-konklużjonijiet tas-Samit, sabiex jiġu evitati s-sitwazzjonijiet preċedenti fejn la ġew adottati konklużjonijiet politiċi u lanqas proposti konkreti; iqis li s-Samit ma għandux ikollu natura deklarattiva imma għandu jiffoka fuq impenji ta“ politika strateġika li juru rieda politika biex jitnaqqas id-distakk bejn il-komunitajiet Rom u l-popolazzjonijiet maġġoritarji;

14.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jużaw l-inizjattivi eżistenti bħad-Deċennju ta“ Inklużjoni tar-Rom sabiex jintensifikaw l-effikaċja tal-isforzi f'dan il-qasam;

15.  Iqis li huwa essenzjali li jitwaqqaf programm ta“ żvilupp kumpless li jiffoka b'mod simultanju fuq l-oqsma politiċi relatati kollha u jippermetti li jkun hemm intervent immedjat fl-inħawi tal-getti li qed jissieltu kontra żvantaġġi strutturali serji;

16.  Jisħaq fuq il-fatt li l-miżuri antidiskriminatorji waħedhom mhumiex biżżejjed biex tiġi ffaċilitata l-inklużjoni soċjali tar-Rom, u li għaldaqstant jeħtieġ li jsir sforz Komunitarju li jkun imsejjes fuq bażi legali soda sabiex jiġu kkoordinati l-miżuri li jittieħdu mill-partijiet istituzzjonali u soċjatali li għandhom sehem fil-qasam u sabiex il-partijiet ikkonċernati jiġu mġiegħla jissodisfaw il-wegħdiet tagħhom; waqt li jaċċettaw ukoll, għaldaqstant, il-ħtieġa ta“ impenn leġiżlattiv ċar u ta” approprjazzjonijiet baġitarji kredibbli;

17.  Jirrakkomanda li l-Kunsill jadotta pożizzjoni komuni dwar il-fondi strutturali u l-fondi ta“ qabel l-adeżjoni, li tkun tirrifletti l-impenn politiku Ewropew dwar l-użu sħiħ tal-opportunitajiet ipprovduti minn dawn il-fondi sabiex tiġi promossa l-inklużjoni tar-Rom u sabiex ikun żgurat li jitqiesu l-Prinċipji Bażiċi Komuni dwar l-Inklużjoni tar-Rom waqt kwalunkwe reviżjoni tal-Programm Operattivi rilevanti, b'antiċipazzjoni tal-perjodu ta” programmazzjoni li jkun imiss; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tanalizza u tivvaluta l-impatt soċjali li kellhom sa issa l-investimenti tal-fondi għal qabel l-adeżjoni u l-fondi strutturali li ffukaw fuq l-inklużjoni tar-Rom, biex ikunu possibbli li jinsiltu konklużjonijiet u jitfasslu strateġiji u regoli ġodda kemm-il darba jitqiesu meħtieġa f'dan il-qasam;

18.  Jisħaq fuq il-fatt li l-pajjiżi kandidati għandhom jiġu involuti fit-tfittxija fil-livell Ewropew tal-integrazzjoni tar-Rom malajr kemm jista“ jkun, peress li n-negozjati dwar l-adeżjoni jipprovdu l-aqwa opportunità biex titqanqal bidla sostanzjali fl-attitudnijiet governattivi lejn ir-Rom;

19.  Jinsisti li l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu li kwalunkwe miżura li tħalli impatt dirett jew indirett fuq iċ-ċittadini Rom tal-UE tkun koerenti mal-prinċipji stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u mad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali li tipprojbixxi b'mod espliċitu d-diskriminazzjoni diretta u indiretta; jesprimi t-tħassib tiegħu fir-rigward tal-ripatrijazzjoni furzata tar-Rom lejn il-pajjiżi Balkani tal-Punent fejn huma jistgħu isibu ruħhom bla saqaf u ddiskriminati fl-oqsma tal-edukazzjoni, l-ħarsien soċjali u l-impjiegi, u jitlob lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri jiżguraw li d-drittijiet fundamentali jiġu rrispettati, inkluż billi tiġi jiġu pprovduti l-assistenza u s-superviżjoni xierqa;

20.  Jenfasizza l-qagħda prekarja ta“ ħafna Rom, illi, permezz tal-eżerċizzju tal-libertà tagħhom li jiċċaqalqu fl-Unjoni, emigraw fl-UE; jisħaq fuq il-fatt li kwalunkwe miżura li tittieħed fir-rigward ta” dawn il-gruppi għandha tkun konsistenti mal-istandards u l-leġiżlazzjoni Ewropej, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jistabbilixxu jekk hemmx il-bżonn għal approċċ Ewropew ikkoordinat;

21.  Jisħaq fuq l-importanza li jiġu involuti l-awtoritajiet lokali sabiex tkun żgurata l- implimentazzjoni effettiva tal-isforzi biex tiġi promossa l-inklużjoni tar-Rom u biex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tiżviluppa rakkomandazzjonijiet għall-Istati Membri bil-ħsieb li l-awtoritajiet lokali jitħeġġu jagħmlu użu aħjar mill-opportunitajiet permezz tal-fondi strutturali għall-promozzjoni tal-inklużjoni tar-Rom, anke permezz tal-monitoraġġ objettiv tal-implimentazzjoni tal-proġetti,

22.  Jenfasizza l-importanza tal-organizzazzjoni fil-livell Komunitarju tar-Rom bħala mezz fundamentali għall-iżgurar tas-suċċess tal-politiki dwar l-inklużjoni soċjali, kif ukoll il-bżonn li r-rappreżentanti tar-Rom jiġu involuti fl-inizjattivi kollha mmirati lejn il-promozzjoni tad-drittijiet tagħhom u l-inklużjoni tal-komunitajiet tagħhom; iqis li jeħtieġ jittieħdu strateġiji fit-tul għall-bini tal-kapaċità professjonali u organizzattiva tar-Rom u għall-iżvilupp tar-riżorsi umani tar-Rom bħala prijorità orizzontali; jisħaq fuq il-fatt li l-indipendenza u r-responsabilizzazzjoni politiċi tal-awtoorganizzazzjoni tar-Rom f'dak li għandu x'jaqsam mar-riżorsi finanzjarji, akkademiċi u umani huma vitali fit-tħaffif tal-inklużjoni soċjali tar-Rom;

23.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-pajjiżi kandidati, lill-Kunsill ta“ l-Ewropa u lill-OSCE.

(1) Testi adottati, P6_TA(2005)0151.
(2) Testi adottati, P6_TA(2006)0244.
(3) Testi adottati, P6_TA(2007)0534..
(4) Testi adottati, P6_TA(2008)0035.
(5) Testi adottati, P6_TA(2008)0361.
(6) Testi adottati, P6_TA(2009)0117.
(7) ĠU L 180, 19.7.2000, p. 22.
(8) ĠU L 303, , 2.12.2000, p. 16.
(9) ĠU L 328, 6.12.2008, p. 55.
(10) ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77.
(11) Rapport dwar ir-Razziżmu u l-Ksenofonija fl-Istati Membri tal-UE fl-2009, Stħarriġ tal-Unjoni Ewropea dwar il-Minoranzi u d-Diskriminazzjoni, Rapport li Jiffoka fuq id-Data: Ir-Rom fl-2009, Il-Qagħda taċ-Ċittadini Rom tal-UE li Jmorru u Jgħixu fi Stati Membri oħra tal-UE; u l-Kundizzjonijiet tal-Akkomodazzjoni tar-Rom u tat-Travellers fl-Unjoni Ewropea: Rapport Komparattiv.

Aġġornata l-aħħar: 30 ta' Novembru 2010Avviż legali