Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2010/2003(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0036/2010

Testi mressqa :

A7-0036/2010

Dibattiti :

PV 24/03/2010 - 16
CRE 24/03/2010 - 16

Votazzjonijiet :

PV 25/03/2010 - 8.1
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2010)0087

Testi adottati
PDF 131kDOC 86k
Il-Ħamis, 25 ta' Marzu 2010 - Brussell Verżjoni finali
Linji gwida baġitarji: 2011 - Taqsima I, II u IV-IX
P7_TA(2010)0087A7-0036/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta“ Marzu 2010 dwar il-Linji gwida għall-proċedura baġitarja 2011, Taqsima I – Il-Parlament Ewropew, Taqsima II – Il-Kunsill, Taqsima IV – Il-Qorti tal-Ġustizzja, Taqsima V – Il-Qorti tal-Awdituri, Taqsima VI – Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, Taqsima VII – Il-Kumitat tar-Reġjuni, Taqsima VIII – L-Ombudsman Ewropew, Taqsima IX – Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (2010/2003(BUD))

Il-Parlament Ewropew ,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta“ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja solida(1) ,

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE, Euratom tas-7 ta“ Ġunju 2007 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej(2) ,

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta“ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(3) ,

–   wara li kkunsidra s-sitt rapport annwali mis-Segretarji Ġenerali tal-istituzzjonijiet dwar ix-xejriet fl-intestatura 5 tal-perspettiva finanzjarja, kif riveduta fil-ħarifa tal-2009,

–   wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit li jirrigwarda s-sena finanzjarja 2008, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet(4) ,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0036/2010),

A.   billi f'dan l-istadju tal-proċedura annwali, il-Parlament Ewropew qed jistenna l-estimi tal-istituzzjonijiet l-oħra u l-proposti tal-Bureau tiegħu għall-baġit tal-2011,

B.   billi jkun utli li jitkompla l-eżerċizzju pilota dwar il-kooperazzjoni mtejba u r-relazzjonijiet imsaħħa bejn il-Bureau u l-Kumitat għall-Baġits għat-tielet sena, matul il-proċedura baġitarja għall-2011,

C.   billi l-limitu massimu tal-intestatura 5 fl-2011 hu EUR 8 415 000 000 (li jirrappreżenta żieda ta“ EUR 327 000 000, jew 4%, meta mqabbel mal-2010, inklużi 2% għall-inflazzjoni),

D.   billi l-baġit tal-Parlament Ewropew għall-2010 jammonta għal EUR 1 607 363 235, li għal din is-sena jirrappreżenta 19.87% tal-intestatura 5, qabel ir-reviżjoni tal-MFF 2007-2013 (li naqqset il-limitu massimu tal-intestatura 5 b'EUR 126 000 000 biex jingħata kontribut għall-finanzjament tal-Pjan Ewropew ta“ Rkupru Ekonomiku), u 20.19% wara dik ir-reviżjoni,

E.   billi jeħtieġ jitqies kif żviluppaw l-ishma ta“ kull istituzzjoni fin-nefqa taħt l-intestatura 5, u d-diversi raġunijiet għat-tibdiliet sinifikanti, bħad-dħul fis-seħħ ta” trattati differenti (li wassal għal numri akbar ta“ Membri u/jew li żied il-kompiti u l-kompetenzi tal-istituzzjonijiet differenti), it-tkabbir u deċiżjonijiet oħrajn li jinvolvu żidiet sinifikanti fl-infiq li ma kinux previsti meta ġie adottat il-qafas finanzjarju,

F.   billi d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta“ Lisbona se jinvolvi konsegwenzi finanzjarji, bi gradi differenti, għall-istituzzjonijiet kollha, li l-livell globali tagħhom għadu mhux magħruf,

G.   billi huwa essenzjali li s-sitwazzjoni fir-rigward tal-intestatura 5 tiġi ssorveljata b'attenzjoni matul l-implimentazzjoni tal-baġit 2010 u fil-perjodu ta“ qabel l-adozzjoni tal-baġit 2011,

H.   billi għandhom jitqiesu b'mod partikulari l-impatt finanzjarju fir-rigward tas-sistemi tal-pensjonijiet, tax-xejriet tal-età u tal-irtirar, tar-reklutaġġ u ta“ oqsma oħrajn relatati mad-dispożizzjonijiet statutarji, u l-ħtieġa li tiġi żgurata sostenibilità fit-tul,

Il-qafas ġenerali

1.  Jirrimarka li d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta“ Lisbona, l-iktar il-qari uniku tal-baġit minn kull waħda miż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja, segwit minn laqgħa ta” konċiljazzjoni bil-għan li jintlaħaq il-baġit finali, ser jirrikjedi kooperazzjoni u djalogu aktar mill-qrib bejn l-istituzzjonijiet kollha, tul il-proċedura kollha kemm hi, inkluża l-preżentazzjoni ta“ estimi realistiċi fiż-żmien opportun;

2.  Jirrimarka li ċ-ċirkostanzi li fihom se jiġu adottati l-baġits 2010 u 2011 huma kemxejn straordinarji u jippreżentaw sfida peress li, minn naħa minnhom, implimentazzjoni b'suċċess tat-Trattat ta“ Lisbona hija prijorità ewlenija li se tkun ta” sfida finanzjarja, filwaqt li, min-naħa l-oħra, l-effetti tal-kriżi finanzjarja għadhom magħna f'ħafna Stati Membri, u qed iwasslu għal dilemma politika fil-livell tal-UE; ifakkar, f'dan il-kuntest, li l-baġit tal-UE jirrappreżenta anqas minn 2.5% tan-nefqa pubblika totali tal-UE; jinnota, barra minn hekk, li l-intestatura 5 tal-baġit tal-UE konsegwentament tikkorrispondi għal 0.14% tan-nefqa pubblika kollha tal-UE;

3.  Jenfasizza s-sitwazzjoni diffiċli fir-rigward tal-limitu massimu tan-nefqa tal-intestatura 5 għall-2011 u huwa konxju li l-istituzzjonijiet jista“ jkollhom problemi biex jirrikonċiljaw il-finanzjament tal-ħtiġiet kollha max-xewqa li tinżamm id-dixxiplina baġitarja u l-awtokontroll ħalli jkun hemm konformità mal-qafas finanzjarju pluriennali; jinnota li għadd ta” oqsma amministrattivi huma ffinanzjati barra mill-intestatura 5; jitlob li l-infiq amministrattiv kollu jkun inkluż f'dik l-intestatura, u li l-limitu massimu jiġi revedut f'dan is-sens;

4.  Jinsisti, għaldaqstant, li l-iżviluppi jkunu ssorveljati mill-qrib qabel ma jittieħdu d-deċiżjonijiet finali; itenni l-fehma tiegħu li jeħtieġ jiġu stabbiliti prijoritajiet u li għandhom jiġu prijoritizzati l-attivitajiet ewlenin;

5.  Itenni l-konvinzjoni tiegħu li l-kooperazzjoni interistituzzjonali hija essenzjali sabiex jiġu skambjati l-aħjar prattiki u biex tiġi esplorata aktar il-possibilità li jittejbu l-effikaċja u l-effiċjenza u, fejn ikun possibbli u xieraq, jiġi identifikat l-iffrankar u jinqasmu r-riżorsi aħjar; jemmen li jistgħu jsiru wkoll gwadanji utli billi dan il-kunċett jiġi estiż għal oqsma oħrajn li sa issa għadhom ma ġewx ikkunsidrati f'dan il-kuntest, bħall-EMAS, il-politiki tan-nondiskriminazzjoni u t-teleworking; jissuġġerixxi li għandhom ikomplu jiġu esplorati possibilitajiet għall-użu ta“ softwer miftuħ b'garanziji ta” sikurezza suffiċjenti, soġġetti għal kriterji ta“ fattibilità definiti b'mod ċar filwaqt li jitqiesu l-ispejjeż diretti u indiretti u l-benefiċċji; jirrimarka li għandhom ikomplu għaddejjin l-isforzi f'oqsma li diġà qed jiġu kkunsidrati, bħall-kapaċità tat-traduzzjoni u r-reklutaġġ (EPSO), fuq il-bażi ta” ħtiġijiet attwali jew ġustifikabbli;

6.  Itenni l-importanza tat-tisħiħ tal-kooperazzjoni interistituzzjonali fil-qasam tal-politika tal-bini; jistieden bl-istess mod lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE biex jiżviluppaw strateġiji għal żmien medju u fit-tul dwar il-politika tal-bini li jkunu jinkludu l-objettivi stipulati f'din ir-riżoluzzjoni; jenfasizza l-ħtieġa li jirċievi fil-ħin l-informazzjoni meħtieġa għat-teħid tad-deċiżjonijiet skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 179 tar-Regolament Finanzjarju, li “għandha tinkludi valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet u analiżijiet komprensivi tal-kost-benefiċċju għad-diversi alternattivi, b'indikazzjonijiet dwar l-opzjonijiet għall-kiri jew għax-xiri, kif ukoll informazzjoni trasparenti dwar il-possibbiltajiet alternattivi ta” finanzjament, il-konsegwenzi finanzjarji fit-tul, u l-kompatibbiltà mal-MFF“ (Anness 2 tar-riżoluzzjoni tal-PE tas-17 ta” Diċembru 2009 dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010 kif immodifikat mill-Kunsill)(5) ; huwa tal-fehma li, f'dan il-kuntest, il-kooperazzjoni ma“ istituzzjonijiet oħra fil-ħidma lejn l-armonizzazzjoni ta” din l-informazzjoni sabiex ikun jista“ jsir tqabbil bejn l-ispazju għall-bini u l-ispejjeż, għandha titqies bħala kwistjoni ewlenija; jinnota l-ħtieġa ta” rapport speċifiku u rakkomandazzjonijiet possibbli dwar l-ispejjeż għoljin bla bżonn għall-manutenzjonijiet, ir-rinnovazzjonijiet u x-xiri;

7.  Jirrimarka li, fir-rigward tal-aġġustament tas-salarji tal-persunal u l-każ pendenti fil-qorti, l-istima tal-ispejjeż addizzjonali għall-istituzzjonijiet kollha tlaħħaq il-EUR 135 miljun (għall-perjodu bejn Lulju 2009 sal-31 ta“ Diċembru 2010) jekk il-Qorti tiddeċiedi favur il-Kummissjoni; jinnota li minkejja li din is-sentenza mistennija tinqata” fl-2010, xorta waħda ma jeskludix il-possibilità li din tittawwal sal-2011;

Il-Parlament Ewropew

8.  Jenfasizza l-isfida fundamentali li jiġu ġestiti għadd ta“ inċertezzi – kif muri aktar ”l isfel – għall-baġit 2011, u dan se jagħmilha estremament diffiċli li jsiru previżjonijiet u bbaġitjar preċiżi sal-istadji aħħarija tal-proċedura, meta s-sitwazzjoni tkunu saret iktar ċara; jistieden lill-korpi rilevanti tal-PE u lill-amministrazzjoni jagħmlu disponibbli, meta jkun il-waqt, sett ta“ xenarji bażiċi li jistgħu jiffaċilitaw it-teħid ta” deċiżjonijiet politiċi finali permezz ta“ fehim aħjar tal-konsegwenzi finanzjarji korrispondenti;

9.  Ifakkar li l-għan tal-ittra ta“ emenda ppreżentata f'Settembru lill-Kumitat għall-Baġits mill-Bureau hu li jitqiesu l-ħtiġijiet li ma kinux previsti fiż-żmien li fih kienu tfasslu l-estimi, u jisħaq li dan m'għandux jitqies bħala opportunità biex jiġu riveduti l-estimi li dwarhom kien sar qbil qabel; jistenna li l-Bureau jippreżenta talbiet realistiċi meta jiġi biex jippreżenta l-estimi; jinsab lest biex jeżamina l-proposti tal-Bureau permezz ta” approċċ ibbażat għal kollox fuq il-ħtiġijiet u prudenti sabiex jiġi żgurat il-funzjonament xieraq u effiċjenti tal-istituzzjoni;

10.  Jenfasizza li l-eċċellenza leġiżlattiva hija prijorità tal-Parlament, u jenfasizza l-ħtieġa li l-istituzzjoni tingħata l-mezzi neċessarji biex din tintlaħaq;

11.  Jenfasizza l-ħtieġa ta“ sistema integrata bis-sħiħ tal-ġestjoni tal-għarfien; ifakkar il-ħtieġa li tiġi organizzata preżentazzjoni lill-Kumitat għall-Baġits dwar l-għadd kbir ta” sistemi/sorsi ta“ informazzjoni disponibbli għall-Membri, u li jirċievi l-informazzjoni mitluba dwar l-istat attwali tas-”sistema tal-ġestjoni tal-għarfien“, skont kif kien ġie miftiehem waqt il-konċiljazzjoni bejn il-Bureau u l-Kumitat għall-Baġits fil-15 ta” Settembru 2009; huwa tal-fehma li sistema bħal din għandha tkun faċilment aċċessibbli permezz tal-Internet; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi kkunsidrat kif din l-informazzjoni għandha tkun disponibbli għaċ-ċittadini Ewropej;

12.  Jilqa“ analiżi tal-istazzjon televiżiv tal-Parlament fuq l-Internet, il-Europarl TV; jitlob, b'mod partikolari, informazzjoni dwar iċ-ċifri ta” kemm isegwu dan l-istazzjon kif ukoll it-tixrid ġeografiku u l-firxa tal-età tat-telespettaturi, sabiex jiġi evalwat jekk din l-għodda ssodisfatx l-għanijiet tagħha fir-rigward tat-tixrid u tal-kwalità u l-kwantità tal-informazzjoni trażmessa;

13.  Iqis li l-miżuri biex it-Trattat ta“ Lisbona jkun jista” jaħdem b'mod effikaċi huma prijorità kruċjali għall-baġit 2011, u li dan ser jeħtieġ l-aqwa ġestjoni possibbli tar-riżorsi disponibbli biex l-eżerċizzju jkun suċċess;

14.  Jirrimarka li minkejja dan għandhom jiġu evalwati miżuri addizzjonali f'dan ir-rigward fil-baġit globali u fil-qafas usa“ tal-perspettiva finanzjarja; huwa tal-fehma li jista” jkun utli li ssir analiżi tal-ishma rispettivi tal-istituzzjonijiet tul iż-żmien, inklużi l-iżviluppi sinifikanti li setgħu iġġustifikaw tibdil f'dawk l-ishma;

15.  Jinnota li mill-2006 l-Parlament kellu jinkludi l-infiq mhux previst fid-dikjarazzjoni awtoimposta tal-1988, bħall-Istatut tal-Membri u l-infiq dirett u indirett relatat mar-rwol il-ġdid tiegħu bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta“ Lisbona; jenfasizza l-ħtieġa li ssir diskussjoni miftuħa u fil-fond dwar il-limitu awtoimpost attwali ta” 20%, li japplika għal-livell tal-baġit tal-Parlament Ewropew; huwa tal-fehma li l-Bureau u l-Kumitat għall-Baġits għandhom jaħdmu flimkien biex jivvalutaw mill-ġdid dan il-limitu qabel ma jiftħu djalogu interistituzzjonali dwar din il-kwistjoni; huwa tal-fehma li, abbażi tar-referenzi oriġinali tal-MFF nnegozjati fl-2006 u li daħlu fis-seħħ fl-2007, l-infiq tiegħu għandu jiġi stabbilit madwar il-limitu tradizzjonali ta“ 20%, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet tal-istituzzjonijiet l-oħrajn u l-marġni disponibbli;

16.  Ma jistax jenfasizza biżżejjed il-prinċipju fundamentali li l-Membri kollha għandhom jibbenefikaw minn aċċess ugwali għal servizzi komprensivi ta“ kwalità għolja li jippermettulhom jaħdmu, jesprimu ruħhom u jirċievu dokumenti fil-lingwa nativa tagħhom, sabiex ikunu jistgħu jaġixxu f'isem il-votanti tagħhom bl-aħjar mod possibbli;

17.  Jistenna risposta mill-korpi kompetenti dwar kif il-kunċett ta“ politika baġitarja b'bażi żero, li tiddistingwi wkoll bejn l-ispejjeż fissi u dawk varjabbli, jista” jiġi applikat fil-kuntest tal-proċedura tal-baġit tal-PE; jitlob lill-Bureau biex jippreżenta estimi annwali ta“ dawn l-ispejjeż fissi għas-snin li jikkorrispondu mal-MFF;

18.  Jirrimarka li l-“effett fuq is-salarji” għall-Parlament jammonta għal xi EUR 14-il miljun jekk ikun hemm sentenza favur il-Kummissjoni; ma jistax ikun ċert, f'dan l-istadju, jekk dan hux ser jaffettwa l-baġit 2010 jew il-baġit 2011;

19.  Jitlob li ssir evalwazzjoni tal-użu tal-allowances tal-assistenza segretarjali kif ukoll valutazzjoni tal-ispiża totali taż-żieda li bħalissa qed tistenna l-approvazzjoni miż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja, qabel ma titqies kwalunkwe żieda oħra possibbli fil-ġejjieni; ifakkar li l-implikazzjonijiet usa“ fuq l-ispejjeż għandhom dejjem jiġu vvalutati b'konnessjoni mal-miżuri ġodda introdotti, pereżempju meta jittieħdu deċiżjonijiet dwar skemi tal-persunal u tal-assistenti parlamentari akkreditati kemm għall-2010 u kemm għall-2011; jenfasizza b'mod speċjali li jekk jiġu rreklutati assistenti oħra fi Brussell, dan ikollu impatt fuq is-sitwazzjoni tal-ispazju tal-uffiċċji, fuq il-manutenzjoni u s-sigurtà tal-bini, fuq it-tagħmir tal-IT, fuq ir-riżorsi umani li jittrattaw kwistjonijiet amministrattivi u fuq il-faċilitajiet ġenerali; iqis li l-preżentazzjoni f'Marzu rigward l-istrateġija tal-bini għal perjodu ta” żmien medju għat-tliet postijiet tax-xogħol tiegħu hija kruċjali; jinsisti fuq il-ħtieġa li jsir ippjanar fit-tul dwar il-politika tal-bini tiegħu, sabiex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-baġit;

20.  Jitlob l-iżvilupp ta“ strateġija tal-bini għal żmien medju u fit-tul li tinkludi l-objettivi li ġejjin: l-iffissar ta” linji gwida għall-ippjanar u l-iżvilupp tal-bini; l-użu effikaċi tal-uffiċji eżistenti u spazji oħra; valutazzjoni preċiża tal-ħtiġijiet u l-provvediment ta“ kundizzjonijiet tax-xogħol xierqa għall-persunal tal-Parlament u għall-MEPs; strateġija effikaċi għaż-żamma, il-manutenzjoni u r-rinnovazzjoni tal-bini, sabiex ma jerġa” jkun hemm l-ebda inċident bħal dak tal-Parlament fi Strasburgu fl-2008 jew problemi relatati mal-asbestos; reviżjoni rigoruża tal-kwistjonijiet ta“ responsabilità, inkluż il-proċess ta” determinazzjoni tar-responsabilità, u t-twettiq ta“ talbiet għal kumpens fir-rigward ta” dannu li jkunu responsabbli għalih partijiet terzi, kif ukoll aderenza stretta u trasparenti mal-proċeduri tal-akkwist; jitlob ukoll li l-istrateġija tal-bini għal żmien medju u fit-tul tkun orjentata favur is-sostenibilità u li jitqiesu fatturi bħall-ħarsien ambjentali, l-effiċjenza tal-enerġija u s-saħħa; jinsisti, barra minn hekk, li l-aspetti relatati mal-mobilità, speċjalment fir-rigward tal-aċċess għall-persuni b'diżabilità motorja jew sensorja, għandhom ikunu inklużi fl-objettivi; jerġa“ jinnota li l-Kumitat tal-Baġits iqis l-akkwist tal-bini bħala prijorità fuq il-kiri jew it-twellija għolja;

21.  Ifakkar li l-Bureau, fl-abbozz tal-estimi tiegħu tal-Baġit ta“ Emenda 1/2010, ippropona 70 membru tal-persunal addizzjonali għas-segretarjat tal-kumitat; jenfasizza li dan il-persunal se jinqasam bejn tliet gruppi skont iż-żieda mistennija ta” volum tax-xogħol fl-attivitajiet leġiżlattivi tagħhom, wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta“ Lisbona; iqis li dan it-tqassim għandu jiġi soġġett għal valutazzjoni ta” nofs il-perjodu sa Lulju 2011, sabiex jiġi ċċarat jekk dawk is-servizzi li ġew allokati iktar persunal ġewx affettwati f'termini reali miż-żieda mbassra fil-volum tax-xogħol;

22.  Jenfasizza li d-dikjarazzjonijiet finanzjarji (fiches financières ) u tipi simili ta“ analiżi tal-ispejjeż huma tal-akbar importanza għat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-Parlament; jinsisti li dawn għandhom jintużaw b'mod sistematiku, u li għandhom jidentifikaw l-ispejjeż rikorrenti u dawk ta” darba li jkunu marbuta direttament mal-miżura kkonċernata u jindikaw ukoll jekk ikunx hemm xi impatt finanzjarju fuq partiti oħra ta“ nfiq;

23.  Huwa tal-fehma li s-segwitu u l-analiżi huma importanti minn diversi naħat b'rabtiet baġitarji ċari bħar-ristrutturar tad-direttorati ġenerali, ġestjoni effikaċi tar-riżorsi umani u politika tal-persunal professjonali, politika tal-bini effikaċi f'sens ta“ spejjeż u enerġija fir-rigward tal-post fejn ikunu jinsabu, in-nondiskriminazzjoni, l-EMAS, l-akkwist pubbliku u l-azzjonijiet li jittieħdu b'reazzjoni għar-rakkomandazzjonijiet ta” kwittanza tal-baġit; jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm segwitu u analiżi kontinwi tal-implimentazzjoni tal-baġit min-naħa tal-Parlament b'mod ġenerali; ifakkar, f'dan ir-rigward, fir-rappurtaġġ negattiv tal-midja li rriżulta minn sussidji li ngħataw lill-qraba tal-membri tal-persunal tal-Parlament, u jitlob lis-Segretarjat biex jeżamina bir-reqqa minn qabel is-sussidj kollha għal attivitajiet b'xejra ta“ avveniment u biex jgħaddihom għall-attenzjoni tal-kumitat responsabbli;

24.  Jieħu nota tal-verifika mwettqa diġà mid-DĠ INLO u r-ristrutturar konsegwenti tad-direttorat ġenerali; jemmen li r-riżultati ta“ din il-verifika jistgħu jservu bħala bażi biex jittieħdu passi ulterjuri, bħalma huma l-verifiki perjodiċi u sistematiċi minn korpi nazzjonali ċertifikati, sabiex tiġi vverifikata l-metodoloġija għall-politika tal-manutenzjoni u biex tiġi żgurata s-sikurezza tan-nies u tat-tagħmir fil-bini;

25.  Jenfasizza l-ħtieġa li jirċievi rendikont finanzjarju sħiħ dwar Dar l-Istorja Ewropea meta l-kompetizzjoni tal-periti tkun ikkompletata, minħabba li nkella ma jkun hemm l-ebda possibilità li ssir valutazzjoni fil-fond dwar l-ispejjeż fit-tul f'termini tal-istrateġija tal-bini u l-baġit tal-Parlament;

26.  Jinnota li għandhom isiru t-tħejjijiet meħtieġa biex ikunu jistgħu jiġu akkomodati l-osservaturi Kroati fid-dawl tat-tkabbir possibbli tal-UE;

Istituzzjonijiet oħrajn

27.  Jitlob li jitressqu fiż-żmien xieraq talbiet baġitarji realistiċi u bbażati fuq l-ispejjeż, li jqisu b'mod sħiħ il-ħtieġa li r-riżorsi skarsi jiġu ġestiti bl-aħjar mod possibbli; jilqa“ b'sodisfazzjon analiżi baġitarja ta” kif it-Trattat ta“ Lisbona jista” jaffettwa kull istituzzjoni fl-2010/2011 u, jekk ikun applikabbli, ta“ kif għandha tiġi ġustifikata kwalunkwe ħtieġa addizzjonali li tista” tintalab;

28.  Huwa tal-fehma li jkun għaqli li tintalab informazzjoni dwar is-sistemi li jużaw l-istituzzjonijiet l-oħrajn fid-diversi tipi ta“ remunerazzjoni, allowances u spejjeż tal-ivvjaġġar, u li dawn jitqabblu; jirrimarka li huwa ovvju li t-trasparenza u r-responsabilità demokratika huma kruċjali;

29.  Jixtieq isegwi l-prijorità tas-sena li għaddiet fir-rigward ta“ kondiviżjoni aħjar tar-riżorsi disponibbli bejn l-istituzzjonijiet kollha, inklużi l-miżuri konkreti meħuda fil-qasam tat-traduzzjoni, u jikkunsidra li l-qasam tal-interpretazzjoni wkoll jista” jerġa“ jitqies f'dan il-kuntest;

30.  Jistieden lir-rapporteur tiegħu għall-2010 biex jagħmel żjarat individwali lill-Kunsill, lill-Qorti tal-Ġustizzja, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-Ombudsman u lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, sabiex jismagħhom qabel l-istadju tal-estimi u jirrapporta lura lill-Kumitat għall-Baġits tiegħu;

o
o   o

31.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-Ombudsman Ewropew u lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

(1) ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.
(2) ĠU L 163, 23.6.2007, p. 17.
(3) ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.
(4) ĠU C 269, 10.11.2009, p. 1.
(5) Testi adottati, P7_TA(2009)0115.

Aġġornata l-aħħar: 30 ta' Novembru 2010Avviż legali