Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-20 ta' Mejju 2010 dwar it-Tajlandja
Il-Parlament Ewropew
,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) tal-1966,
– wara li kkunsidra l-Prinċipji Bażiċi tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Użu tas-Saħħa u tal-Armi tan-Nar mill-Uffiċjali tal-Infurzar tal-Liġi tal-1990,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tar-Rappreżentant Għoli Catherine Ashton tat-8 u t-13 ta' April 2010 dwar is-sitwazzjoni politika fit-Tajlandja,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-ASEAN tat-12 ta' April 2010 dwar is-sitwazzjoni fit-Tajlandja,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi t-Tajlandja rat taqtigħ vjolenti bejn “l hekk imsejħa dimostranti tal-”'Qomos Ħomor'' u l-gvern, flimkien mal-armata bl-appoġġ tal-moviment tal-“'Qomos Sofor'”, taqtigħ fejn diġà tilfu ħajjithom “il fuq minn 60 persuna u ndarbu iktar minn 1700 persuna,
B. billi ġie ddikjarat stat ta' emerġenza f'iktar minn 20 provinċja madwar il-pajjiż,
C. billi fl-10 ta' April 2010 faqqgħet il-vjolenza bejn id-dimostranti u l-forzi tas-sigurtà f'Bangkok,
D. billi fit-3 ta' Mejju 2010, il-Prim Ministru Abhisit Vejjajiva ressaq pjan direzzjonali bi pjan b'ħames punti li għandu jwassal għal elezzjonijiet ġenerali fl-14 ta' Novembru 2010,
E. billi mit-13 ta' Mejju 2010, kien hemm iktar ġlied vjolenti bejn id-dimostranti militanti u l-forzi tas-sigurtà f'Bangkok,
F. billi l-istat ta' emerġenza ddikjarat mill-Gvern Tajlandiż wassal għal ċensura ta' stazzjon tat-televiżjoni satellitari, ta' bosta stazzjonijiet tar-radju u tat-televiżjoni u ta' siti tal-internet; billi l-Unjoni Ewropea esprimiet tħassib kbir dwar it-theddida fir-rigward tal-libertà tal-istampa, u affermat mill-ġdid li l-libertà tal-espressjoni tikkostitwixxi dritt fundamentali, kif imħaddan fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,
G. billi waqt operazzjoni tal-armata mibdija fid-19 ta' Mejju 2010 biex iċċekken il-kuritur ta' sigurtà madwar il-kamp ewlieni ta' dimostranti, nqatlubosta persuni, inkluż ġurnalista Taljan, u għexieren ta' persuni sfaw midruba,
H. billi s-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, Ban Ki-Moon, esprima tħassib dwar il-vjolenza u appella kemm lid-dimostranti kif ukoll lill-awtoritajiet Tajlandiżi biex jagħmlu kull ma hu fis-setgħa tagħhom biex jevitaw vjolenza u mwiet ulterjuri; billi l-Vjetnam, li għandu l-presidenza tal-ASEAN, esprima tħassib dwar is-sitwazzjoni fit-Tajlandja li sejra għall-agħar u stieden lill-partijiet kollha biex jevitaw il-vjolenza u jfittxu r-rikonċiljazzjoni,
1. Jesprimi tħassib kbir fir-rigward tal-kunflitt vjolenti bejn id-dimostranti u l-forzi tas-sigurtà fit-Tajlandja, li joħloq theddida għad-demokrazija fil-pajjiż, u jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-poplu Tajlandiż u mal-familji kollha li tilfu lil dawk qrib tagħhom fil-ġimgħat li għaddew;
2. Ifakkar li l-Prinċipji Bażiċi tan-NU dwar l-Użu tas-Saħħa u tal-Armi tan-Nar mill-Uffiċjali tal-Infurzar tal-Liġi jipprevedu li l-awtoritajiet, sakemm ikun possibbli, għandhom japplikaw mezzi mhux vjolenti qabel ma jagħmlu użu mis-saħħa u mill-armi tan-nar, u kull meta l-użu legali ta' dawn tal-aħħar ikun inevitabbli, l-awtoritajiet għandhom jillimitaw dan l-użu u jaġixxu b'mod proporzjonali għas-serjetà tal-reat;
3. Jistieden lill-partijiet kollha biex jagħmlu l-ikbar sforz possibbli sabiex irażżnu lilhom infushom u jwaqqfu l-vjolenza politika;
4. Jilqa' d-deċiżjoni tal-Gvern Tajlandiż li jistabbilixxi kumitat, magħmul minn esperti forensiċi u rappreżentanti ta' istituzzjonijiet akkademiċi, biex jistħarreġ l-imwiet marbuta mal-avvenimenti tal-10 ta' April 2010, u jistieden lill-gvern biex jestendi dan l-istħarriġ għall-każijiet reċenti ta' mwiet; jappoġġa l-inizjattiva biex il-Ministeru għall-Iżvilupp Soċjali u s-Sigurtà tal-Bnedmin iniedi ċentru li jgħin lill-persuni midruba u lill-qraba tal-persuni li nqatlu fil-ġlied ta' bejn l-uffiċjali tal-istat u d-dimostranti tal-Front Magħqud għad-Demokrazija Kontra d-Dittatorjat;
5. Jirrikonoxxi l-pjan direzzjonali ppreżentat mill-Prim Ministru Abhisit Vejjajiva fit-3 ta' Mejju 2010;
6. Jistieden lill-Gvern Tajlandiż biex jiżgura li d-dikjarazzjoni ta' stat ta' emerġenza ma twassalx għal restrizzjoni sproporzjonata tad-drittijiet fundamentali u tal-libertajiet individwali; jistieden lill-Gvern Tajlandiż biex itemm iċ-ċensura u r-restrizzjonijiet fuq id-dritt għal-libertà tal-espressjoni;
7. Iħeġġeġ lill-partijiet kollha biex minnufih jagħtu bidu għal djalogu kostruttiv sabiex jintlaħaq malajr ftehim dwar soluzzjoni u biex il-kriżi attwali tissolva b'mezzi paċifiċi u demokratiċi;
8. Jilqa' l-inizjattiva tal-Kumitat Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem li jorganizza laqgħa konsultattiva li tlaqqa' intellettwali, rappreżentanti tal-movimenti soċjali, mexxejja reliġjużi u l-4 ex-Prim Ministri, Anand Panyarachun, Banharn Silapa-acha, Chavalit Yongchaiyudh u Chuan Leekpai, biex tinstab u titressaq soluzzjoni ħalli tintemm din il-kriżi;
9. Jenfasizza r-rieda tiegħu li jappoġġa d-demokrazija fit-Tajlandja, billi jqis ir-rabtiet eċċellenti bejn l-UE u t-Tajlandja u r-rwol tat-Tajlandja bħala sors ta' prosperità u ta' stabilità fir-reġjun;
10. Iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali biex tagħmel l-isforzi kollha possibbli ħalli tintemm il-vjolenza; iħeġġeġ lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà biex issegwi s-sitwazzjoni politika mill-qrib u tikkoordina l-azzjoni mal-ASEAN sabiex jitrawwem id-djalogu u tissaħħaħ id-demokrazija fit-Tajlandja;
11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvern tat-Tajlandja, lis-Segretarju Ġenerali tal-ASEAN u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.