Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2009/2070(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0096/2010

Testi mressqa :

A7-0096/2010

Dibattiti :

PV 21/04/2010 - 3
CRE 21/04/2010 - 3

Votazzjonijiet :

PV 19/05/2010 - 6.6
CRE 19/05/2010 - 6.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
PV 16/06/2010 - 8.8
CRE 16/06/2010 - 8.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2010)0180
P7_TA(2010)0219

Testi adottati
PDF 122kWORD 70k
L-Erbgħa, 16 ta' Ġunju 2010 - Strasburgu Verżjoni finali
Kwittanza 2008: Il-Kunsill
P7_TA(2010)0219A7-0096/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Ġunju 2010 li tinkludi osservazzjonijiet li jagħmlu parti integrali mid-Deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2008, Taqsima II – Il-Kunsill (1) (C7-0174/2009 – 2009/2070(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2008(2) ,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Komunitajiet Ewropej għas-sena finanzjarja 2008 – Volum I (C7-0174/2009)(3) ,

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Kunsill għall-awtorità ta' kwittanza dwar il-verifiki interni mwettqa fis-sena 2008,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2008, flimkien mar-risposti tal-istituzzjonijiet(4) ,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni dwar l-affidabilità tal-kontijiet, kif ukoll il-legalità u r-regolarità tal-operazzjonijiet li jaqgħu taħthom, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri skont l-Artikolu 248 tat-Trattat KE(5) ,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 272(10) u l-Artikoli 274, 275 u 276 tat-Trattat KE u l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(6) , u b'mod partikulari l-Artikoli 50, 86, 145, 146 u 147 tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 190/2003 tas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill/ir-Rappreżentant Għoli għall-Politika Barranija u tas-Sigurtà Komuni dwar ir-rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar tad-delegati tal-Membri tal-Kunsill(7) ,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni tas-17 ta' Mejju 2006 dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda(8) (IIA),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2009 bl-osservazzjonijiet li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2007, Taqsima II – Il-Kunsill(9) ,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 77 u l-Anness VI tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A7-0096/2010),

A.  billi l-Kunsill, irrappreżentat mill-Presidenza Spanjola, qabel li jagħmel valutazzjoni mill-ġdid tal-allegat Ftehim Mhux Uffiċjali tal-1970 li jmur lura għall-1970,

B.  billi ’iċ-ċittadini għandhom id-dritt li jkunu jafu kif it-taxxi tagħhom qed jintefqu u kif qed tiġi mmaniġġjata s-setgħa fdata f'idejn il-korpi politiċi’(10) ,

C.  billi l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Kolonja tat-3 u l-4 ta' Ġunju 1999 għandhom il-ħsieb li jagħtu kapaċitajiet operattivi lill-Kunsill fil-qasam ta' politika Ewropea msaħħa għas-sigurtà u d-difiża komuni (PSDK),

D.  billi d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/197/PESK(11) tat-23 ta' Frar 2004 stabbiliet mekkaniżmu għall-ġestjoni tal-finanzi tal-ispejjeż komuni ta' operazzjonijiet tal-UE b'implikazzjonijiet militari jew ta' difiża, bl-isem ATHENA, u billi dik id-Deċiżjoni, flimkien mad-Deċiżjoni 2004/582/KE tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri f'laqgħa fi ħdan il-Kunsill tat-28 ta' April 2004 dwar il-privileġġi u l-immunitajiet mogħtija lil ATHENA(12) , tagħti privileġġi u immunitajiet lil ATHENA kif ukoll setgħa operattiva lill-Kunsill,

E.  billi d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/178/PESK tat-28 ta' Frar 2000 dwar ir-regoli applikabbli għall-esperti nazzjonali fil-qasam militari ssekondati mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill fil-perjodu interim(13) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/80/PESK tat-22 ta' Jannar 2001 dwar l-istabbiliment tal-Persunal Militari tal-Unjoni Ewropea(14) jispeċifikaw li l-ispiża marbuta mal-issekondar tal-esperti militari għandha tinġarr mill-baġit tal-Kunsill,

1.  Jinnota li fl-2008 l-Kunsill kellu disponibbli approprjazzjonijiet għall-impenji li kienu jammontaw għal total ta' EUR 743 miljun (2007: EUR 650 miljun), b'rata ta' utilizzazzjoni ta' 93.31 %, konsiderevolment ogħla mill-2007 (81.89%), iżda xorta taħt il-medja tal-istituzzjonijiet l-oħrajn (95,67 %);

2.  Fid-dawl tal-problemi li nqalgħu fil-proċeduri ta' kwittanza tal-2007 u l-2008, jafferma mill-ġdid il-pożizzjoni tiegħu meħuda fid-deċiżjoni tiegħu tal-25 ta' April 2002 dwar il-kwittanza għas-sena finanzjarja 2000(15) li ’[...] il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ma eżaminawx, fl-imgħoddi, l-implimentazzjoni tat-taqsimiet rispettivi tagħhom tal-baġit; iqis li minħabba n-natura aktar operattiva tan-nefqa, iffinanzjata mill-baġit amministrattiv tal-Kunsill, fl-oqsma tal-affarijiet barranin, is-sigurtà u l-politika ta' difiża, kif ukoll tal-ġustizzja u l-affarijiet interni, l-ambitu ta' dan l-arranġament għandu jiġi ċċarat bil-ħsieb li ssir distinzjoni bejn in-nefqa amministrattiva tradizzjonali u l-operazzjonijiet f'dawn l-oqsma ta' politika ġodda’ ;

3.  Iqis li minħabba ż-żidiet fin-nefqa amministrattiva u b'mod speċjali minħabba l-preżenza possibbli ta' nfiq ta' natura operattiva, in-nefqa tal-Kunsill għandha tiġi eżaminata bl-istess mod bħal dak ta' istituzzjonijiet oħrajn tal-UE bħala parti mill-proċedura ta' kwittanza prevista mill-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

4.  Iqis li dan l-iskrutinju jissejjes fuq dawn id-dokumenti bil-miktub ippreżentati mill-istituzzjonijiet kollha:

   il-kontijiet tas-snin finanzjarji preċedenti relatati mal-implimentazzjoni tal-baġit,
   dikjarazzjoni finanzjarja tas-sitwazzjoni attiva u passiva,
   ir-rapport dwar l-attività annwali rigward il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja tagħhom,
   rapport annwali tal-awditur intern,
kif ukoll preżentazzjoni orali mogħtija waqt il-laqgħa tal-Kumitat responsabbli għall-proċedura tal-kwittanza;

5.  Jistenna l-preżenza futura tal-istituzzjonijiet kollha, rappreżentati fil-livell xieraq, waqt id-dibattitu dwar il-kwittanza fis-seduta plenarja;

6.  Jirrifjuta s-suġġeriment tal-Kunsill li l-fatt li l-Parlament u l-Kunsill ma eżaminawx, fl-imgħoddi, l-implimentazzjoni tat-taqsimiet rispettivi tagħhom tal-baġit kien ir-riżultat ta' Ftehim Mhux Uffiċjali (Riżoluzzjoni mniżżla fil-minuti tal-Laqgħa tal-Kunsill tat-22 ta' April 1970); iqis li l-Ftehim Mhux Uffiċjali mhuwiex dokument vinkolanti, u li l-interpretazzjoni attribwita lilu mill-Kunsill hi wiesgħa żżejjed;

7.  Hu tal-fehma li t-tħejjija tal-baġit u l-kwittanza tal-baġit huma żewġ proċeduri separati u li l-Ftehim Mhux Uffiċjali bejn il-Parlament u l-Kunsill dwar it-tħejjija tat-taqsimiet rispettivi tagħhom tal-baġit m'għandux jassolvi l-Kunsill mir-responsabilità tiegħu li għandu jagħti kont sħiħ lill-pubbliku tal-fondi mqiegħda għad-dispożizzjoni tiegħu;

8.  Jemmen li l-kwittanza għall-2008 qed issir fi żmien kruċjali, meta ftehim formali dwar il-proċess tal-kwittanza għas-Servizz Ewropew ta' Azzjoni Esterna (EEAS) il-ġdid għandu jiġi stabbilit b'mod ċar sabiex tiġi żgurata l-kredibilità permezz ta' trasparenza sħiħa, u jistieden lill-Kunsill biex jiżgura li jissottometti lill-Parlament il-proċedura tal-kwittanza qabel l-aħħar tal-2008, bi pjanijiet konkreti, iddettaljati u li jinkorporaw kollox dwar l-istrutturi tal-persunal, l-organizzazzjoni u l-kontroll tal-EEAS, inkluż il-persunal militari tal-UE, iċ-Ċentru tas-Sitwazzjonijiet, id-Direttorat għall-Immaniġġjar tal-Kriżijiet u l-Ippjanar tal-GSC, il-Kapaċità Ċivili għall-Ippjanar u l-Imġiba, kif ukoll il-persunal kollu fis-Segretarjat Ġenerali li qed jaħdem fuq il-Politika Barranija u tas-Sigurtà, filwaqt li juri b'mod partikulari ż-żieda u l-allokazzjoni tal-persunal u l-implikazzjonijiet baġitarji li huma pprovduti u sabiex jieħdu sehem minnufih fin-negozjati mal-awtorità baġitarja fuq il-bażi tal-proposti sottomessi;

9.  Jisħaq li l-għoti tal-kwittanza ta' din is-sena ma jistax jitqies għall-għoti tal-kwittanza tas-snin li ġejjin sakemm il-Kunsill ma jagħmilx progress konsiderevoli fl-oqsma ta' tħassib li hemm riferiment għalihom fil-paragrafu 5 tar-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-25 ta' Novembru 2009;

10.  Itenni li l-Kunsill għandu jkun preżenti fil-Parlament kull sena għall-preżentazzjoni tar-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri u għad-diskussjoni dwar il-kwittanza tal-baġit;

11.  Jistieden lill-Kunsill flimkien mal-Parlament Ewropew, fil-kapaċità tagħhom bħala awtoritajiet konġunti tal-baġit, biex jistabbilixxu, bil-għan li jitjieb l-iskambju ta' informazzjoni dwar il-baġits rispettivi tagħhom, proċedura annwali fil-proċedura tal-kwittanza; skont din il-proċedura, il-President tal-Kunsill, akkumpanjat mis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, għandhom jiltaqgħu b'mod uffiċjali mal-Kumitat għall-Kontroll Baġitarju jew ma' delegazzjoni tiegħu magħmul mill-president tiegħu, il-koordinaturi u r-rapporteur, bil-għan li tiġi pprovduta l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-eżekuzzjoni tal-baġit tal-Kunsill; jissuġġerixxi wkoll li l-President tal-kumitat kompetenti għandu b'mod regolari u kif xieraq jipprovdi lil dan il-kumitat l-informazzjoni rigward dawn id-diskussjonijiet;

12.  Jinkoraġġixxi lill-Presidenza Spanjola tirrevedi l-arranġament informali li jkopri l-kwittanza tal-baġit tal-Kunsill u jitlob għal impenn biex dan jiġi inkluż fir-reviżjoni tar-Regolamenti Finanzjarji u biex jiġi implimentat sal-bidu tal-perjodu finanzjarju l-ġdid wara l-2013, u jitlob biex id-diskussjonijiet jintemmu qabel il-15 ta' Ottubru 2010;

13.  Ifakkar lill-Kunsill fil-pożizzjoni tiegħu kif espressa fil-paragrafu 12 tar-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' April 2007(16) dwar il-kwittanza għas-sena finanzjarja 2005, kif ġej: ’Jitlob li jkun hemm trasparenza massima fil-qasam tal-Politika Komuni tal-Affarijiet Barranin u tas-Sigurtà (CFSP); jitlob lill-Kunsill biex jiżgura, bi qbil mal-punt 42 tal-Ftehima Interistituzzjonali [...], li l-ebda spiża tas-CFSP li topera ma tkun tidher fil-baġit tal-Kunsill; iżomm id-dritt li, fejn hu xieraq, jieħu passi neċessarji jekk ikun hemm ksur tal-ftehima’ ;

14.  Jirrikonoxxi l-fatt li l-Kunsill ipprovda diversi formati biex jikkonsulta mal-Parlament u biex iżommu infurmat bl-iżvilupp tal-PESK; iqis, madankollu, li r-rapport annwali mill-Kunsill dwar l-aspetti ewlenin u l-għażliet bażiċi tal-PESK, ippreżentat lill-Parlament b'applikazzjoni tal-punt 43 tat-IIA, huwa ristrett fl-ambitu tiegħu għal deskrizzjoni tal-pożizzjonijiet komuni tal-PESK, azzjonijiet konġunti u deċiżjonijiet implimentattivi u li għandha tingħata informazzjoni aktar estensiva fis-snin futuri għall-eżerċizzju ta' kwittanza;

15.  Itenni t-talba tiegħu lill-Kunsill biex jagħti informazzjoni dettaljata dwar in-natura tan-nefqa, fi ħdan it-Titolu 3 tiegħu (Nefqa ġejja mit-twettiq min-naħa tal-istituzzjoni tal-missjonijiet speċifiċi tagħha) biex il-Parlament ikun jista’ jivverifika li n-nefqa kollha tkun konformi mat-IIA u li xejn minn dik in-nefqa ma jkun ta' natura operattiva;

16.  Huwa mħasseb dwar in-nuqqas ta' trasparenza dwar l-ispejjez li saru għall-attivitajiet, b'mod partikulari l-missjonijiet li saru mir-rappreżentanti speċjali u jitlob għal analiżi ddettaljata tan-nefqa li saret għar-rappreżentanti speċjali u l-baġit tal-missjonijiet tagħhom tiġi ppubblikata fuq l-Internet;

17.  Jitlob lill-Qorti tal-Awdituri għaliex il-problemi li ma nstabitilhomx soluzzjoni ma ssemmewx fir-Rapport Annwali tagħha tal-2008 rigward il-Kunsill, kif hemm irrimarkat fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-25 ta' Novembru 2009 msemmija aktar ’il fuq;

18.  Jinnota l-kumment li sar mill-Qorti tal-Awdituri f'paragrafu 11.10 tar-rapport Annwali tagħha għall-2008 dwar in-nuqqas ta' konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Finanzjarju rigward l-ibbaġitjar żejjed (bejn l-2005 u l-2008) għas-Sistema Ewropea Protetta għall-Messaġġi Awtomatiċi (SESAME); jieħu nota tat-tweġiba tal-Kunsill u tal-intenzjoni tiegħu li jtejjeb il-koordinament dwar l-istrutturi għall-governanza ta' proġetti ewlenin tal-IT;

19.  Jilqa’ l-verifiki li saru mis-servizz ta' verifika intern tal-Kunsill fl-2008 (tmien verifiki finanzjarji u verifika mħallta), kif ukoll il-proporzjon konsiderevoli ta' rakkomandazzjonijiet tagħhom li ġew aċċettati; jirrimarka, madankollu, li n-nota dwar din il-kwistjoni li ġiet sottomessa lill-awtoritajiet ta' kwittanza kienet waħda aktarx ta' natura ġenerali, u jitlob aktar informazzjoni dettaljata dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-verifika;

20.  Jilqa’ s-sistema ġdida integrata għall-kontroll tal-ġestjoni u tal-finanzi (SAP), li bdiet taħdem mill-1 ta' Jannar 2008, li ppermettiet li jsir iffrankar fil-baġit u titjib fl-effiċjenza fit-tliet istituzzjonijiet involuti (il-Kunsill, il-Qorti tal-Awdituri u l-Qorti tal-Ġustizzja);

21.  Jilqa’ l-kisbiet dwar il-konsolidament tal-organizzazzjoni wara t-tkabbir tal-2004 u l-2007 tal-UE, b'mod partikolari ċ-ċentralizzazzjoni tal-unitajiet tat-traduzzjoni u r-reklutaġġ tal-uffiċjali mill-Istati Membri l-ġodda; jilqa’ wkoll l-introduzzjoni tas-sistema flessibbli tal-ħinijiet, li tikkontribwixxi għal bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata; jinnota, madankollu, ir-rata ta' okkupanza baxxa tal-karigi fl-organigramma (medja ta' 90%; fl-2007 – 86%);

22.  Jinnota li ż-żieda konsiderevoli fi ħlasijiet bil-quddiem għar-Résidence Palace (EUR 70 miljun minflok EUR 15-il miljun kif maħsub, bil-għan ta' tnaqqis sussegwenti tan-nefqa globali għall-akkwist) kienet possibbli minħabba n-nefqa globali mnaqqsa tal-baġit (85.7% tar-rata ta' implimentazzjoni), u jitlob biex il-politika dwar il-bini tidher b'aktar dettalji fir-rapporti annwali futuri biex ikun jista’ jsir skrutinju xieraq fil-proċess ta' kwittanza;

23.  Huwa tal-opinjoni li l-baġit annwali għall-President permanenti tal-Kunsill Ewropew għandu jiġi sseparat mill-baġit tal-Kunsill u ppreżentat bħala sezzjoni ġdida tal-baġit mill-2012;

24.  Jilqa’ b'sodisfazzjon l-impenji tal-Presidenza Spanjola dwar il-kjarifika tal-proċedura tal-kwittanza biex tintwera r-responsabilità tal-baġit amministrattiv tal-Kunsill fil-konfront tal-Parlament, u jitlob impenn sod min-naħa tal-presidenzi sussegwenti biex ikomplu f'din il-ħidma bl-istess spirtu.

(1) Testi adottati tad-19.5.2010, P7_TA(2010)0180.
(2) ĠU L 71, 14.3.2008.
(3) ĠU C 273, 13.11.2009, p. 1.
(4) ĠU C 269, 10.11.2009, p. 1.
(5) ĠU C 273, 13.11.2009, p. 122.
(6) OJ L 248, 16.9.2002, p. 1.
(7) Deċiżjoni li toħroġ mir-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill tat-22 ta' Lulju 2002 (ĠU L 230, 28.8.2002, p. 7).
(8) ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.
(9) ĠU L 19, 23.1.2010, p. 9.
(10) L-Inizjattiva Ewropea Favur it-Trasparenza.
(11) ĠU L 63, 28.2.2004, p. 68.
(12) ĠU L 261, 6.8.2004, p. 125.
(13) ĠU L 57, 2.3.2000, p. 1.
(14) ĠU L 27, 30.1.2001, p. 7.
(15) ĠU L 158, 17.6.2002, p. 66.
(16) ĠU L 187, 15.7.2008, p. 21.

Aġġornata l-aħħar: 14 ta' Ġunju 2011Avviż legali