Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Lulju 2010 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-Immaniġġjar Transkonfinali tal-Kriżijiet fis-Settur Bankarju (2010/2006(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 225 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-qafas ta' azzjoni għas-servizzi finanzjarji: Pjan ta' Azzjoni(1)
, tat-13 ta' April 2000,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Ottubru 2009 bl-isem “Qafas tal-UE għall-Immaniġġjar Transkonfinali tal-Kriżijiet fis-Settur Bankarju (COM (2009)0561),
– wara li kkunsidra l-proposta tat-23 ta' Settembru 2009 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-sorveljanza makroprudenzjali Komunitarja tas-sistema finanzjarja u li jistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (COM(2009)0499),
– wara li kkunsidra l-proposta tat-23 ta' Settembru 2009 għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tinkariga lill-Bank Ċentrali Ewropew b'kompiti speċifiċi rigward il-funzjonament tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (COM(2009)0500),
– wara li kkunsidra l-proposta tat-23 ta' Settembru 2009 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Awtorità Bankarja Ewropea (COM(2009)0501),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Ġunju 2006 dwar l-istabbiliment u l-eżerċizzju ta' l-attività ta' istituzzjonijiet ta' kreditu(2)
,
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Ġunju 2006 dwar l-adegwatezza tal-kapital tal-kumpaniji tal-investiment u l-istituzzjonijiet tal-kreditu(3)
,
– wara li kkunsidra d-Direttiva 94/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 1994 dwar skemi ta' garanzija għal depożiti(4)
,
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2001/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' April 2001 fuq ir-riorganizzazzjoni u l-istralċ ta' istituzzjonijiet ta' kreditu(5)
,
– wara li kkunsidra t-Tieni Direttiva tal-Kunsill 77/91/KEE tat-13 ta' Diċembru 1976 dwar il-koordinazzjoni ta' salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi tal-membri u oħrajn, l-Istati Membri jeħtiġuhom mill-kumpaniji fis-sens tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 58 tat-Trattat, dwar il-formazzjoni ta' kumpaniji pubbliċi ta' responsabbiltà limitata u ż-żamma u t-tibdil tal-kapital tagħhom, bil-għan li jagħmlu dawn is-salvagwardji ekwivalenti(6)
, it-Tielet Direttiva tal- Kunsill 78/855/KEE tad-9 ta' Ottubru 1978 dwar l-għaqda ta' kumpaniji b'responsabbiltà pubblika limitatata(7)
[kumpaniji pubbliċi b'responsabbiltà limitata] u s-Sitt Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE tas-17 ta' Diċembru 1982 dwar id-diviżjoni ta' kumpaniji b`responsabbiltà pubblika limitata(8)
,
– wara li kkunsidra l-Memorandum ta' Intiża tal-1 ta' Ġunju 2008 dwar il-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet ta' sorveljanza finanzjarja, il-banek ċentrali u l-ministeri għall-finanzi tal-Unjoni dwar l-istabilità finanzjarja transkonfinali,
– wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni 13 tar-rapport tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar is-Sorveljanza Finanzjarja presedut minn Jacques de Larosière u preżentata lill-President Barroso fil-25 ta' Frar 2009, li tgħid, “[i]l-Grupp jappella biex fl-UE jkun implimentat qafas regolatorju koerenti u operattiv għall-ġestjoni tal-kriżijiet”,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 42 u 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7-0213/2010),
A. billi jeżisti suq intern għas-servizzi bankarji fl-UE, aktar milli ġabra ta' servizzi indipendenti minn xulxin, u billi dan is-suq intern huwa importanti ħafna għall-kompetittività globali tal-Unjoni,
B. billi fil-preżent ma hemmx biżżejjed regolamentazzjoni internazzjonali għall-ġestjoni tal-kriżijiet fis-settur bankarju,
C. billi l-mekkaniżmi ta' superviżjoni eżistenti kemm tal-UE u kemm internazzjonali għas-settur finanzjarju wrew li ma kinux effettivi fil-prevenzjoni tal-kontaġju jew biex irażżnuh suffiċjentement,
D. billi l-kost tal-ġestjoni tal-kriżijiet intefa' wisq b'saħħa fuq min iħallas it-taxxi, fuq it-tkabbir u fuq l-impjiegi,
E. billi l-parteċipazzjoni tal-azzjonisti fil-qsim tal-piż u mbagħad tal-kredituri hija kruċjali biex titnaqqas għal minimu l-ispiża għal dawk li jħallsu t-taxxa li tirriżulta minn kwalunkwe kriżi tas-swieq u tal-istituzzjonijiet finanzjarji,
F. billi n-nuqqas jew id-dgħufija tar-regolamenti u s-superviżjoni tal-Unjoni irriżultaw f'azzjonijiet mhux ikkoordinati li saru min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali u kattru r-riskju ta' mġiba protezzjonista u ta' distorsjoni tal-kompetizzjoni inkluż permezz tal-għajnuna mill-Istat u heddew il-kostruzzjoni ta' suq intern għas-servizzi finanzjarji,
G. billi approċċ uniformi għall-prevenzjoni tal-falliment tal-gruppi bankarji jkun aktar konformi mal-kunċett ta' suq intern,
H. billi suq intern f'saħħtu għas-servizzi finanzjarji huwa kritiku għall-kompetittività globali tal-Unjoni,
I. billi l-partijiet influwenti fis-settur bankarju għandhom jinġiebu responsabilizzati u billi dik ir- responsabilizzazzjoni għandha tikkontribwixxi għall-objettiv kruċjali tar-rikostruzzjoni tas-swieq finanzjarji għas-servizz tal-finanzjament tal-ekonomija,
J. billi, bħala riżultat tal-kriżi, hemm il-ħtieġa, u ċ-ċittadini jistennew, li l-istituzzjonijiet tal-UE, filwaqt li jaħdmu fi djalogu mal-G-20 u ma' fora internazzjonali oħra, b'mod urġenti joħolqu qafas adegwat illi, f'każ ta' kriżi, jippreserva l-istabilità finanzjarja, jimminimizza l-kost għal min iħallas it-taxxi, jippreserva s-servizzi bankarji bażiċi u jipproteġi lid-depożitanti,
K. billi l-istabilità finanzjarja u s-swieq finanzjarji integrati jeħtieġu sorveljanza transkonfinali ta' istituzzjonijiet finanzjarji transkonfinali u sistematiċi,
L. billi l-għan ta' qafas tal-UE għall-immaniġġjar ta' kriżijiet transkonfinali huwa li l-awtoritajiet jingħataw is-setgħa li jadottaw miżuri li jinkludu l-intervent fil-ġestjoni tal-gruppi bankarji, meta dan ikun meħtieġ (u b'mod speċjali, iżda mhux b'mod esklussiv, fil-banek li jieħdu depożiti, fejn ikun hemm il-possibilità ta' riskju sistemiku),
M. billi l-għan ta' qafas tal-UE għall-immaniġġjar tal-kriżijiet transkonfinali hu wkoll li jiġu regolati kemm il-gruppi bankarji transkonfinali kif ukoll il-banek individwali li jwettqu operazzjonijiet transkonfinali esklussivament permezz tal-fergħat; billi għandu jkun hemm ukoll regolamentazzjoni uniformi fir-rigward tal-gruppi bankarji transkonfinali,
N. billi respons f'saħħtu għall-kriżi jirrikjedi approċċ koerenti u komprensiv li jkun jikkomprendi superviżjoni aħjar (l-implimentazzjoni ta' arkitettura ġdida tal-UE għas-superviżjoni), regolamenti aħjar (inizjattivi li jibqgħu għaddejjin mingħajr ma jaqtgħu bħalma huma dawk relatati mad-Direttiva 2006/48/KE, id-Direttiva 2006/49/KE, id-Direttiva 94/19/KE u r-remunerazzjoni eżekuttiva) u qafas tal-UE effettiv għall-ġestjoni tal-kriżijiet għall-istituzzjonijiet finanzjarji,
O. billi l-prinċipju li min iħammeġ iħallas għandu jiġu estiż għas-settur finanzjarju minħabba fl-impatt qerriedi tal-falliment li mess lil bosta pajjiżi, setturi u l-ekonomija kollha kemm hi inġenerali,
P. billi l-intervent bikri fi kriżijiet bankarji, u s-soluzzjoni tagħhom, għandhom jiġu mnedija skont kriterji definiti b'mod ċar, inklużi s-subkapitalizzazzjoni, likwidità imnaqqsa u d-deterjorament tal-kwalità u l-valur tal-beni; billi l-intervent għandu jkun marbut ma' skemi ta' garanzija għad-depożiti;
Q. billi jinħtieġ kodiċi strett tal-kondotta tal-UE għall-ġestjoni, kif ukoll mekkaniżmi li jiswew ta' deterrent għall-imġiba mhux xierqa, huma meħtieġa u għandhom jiġu żviluppati f'allinjament ma' inizjattivi internazzjonali simili,
R. billi huwa importanti li l-Kummissjoni twettaq valutazzjonijiet tal-impatt sħaħ fi kwalunkwe konsiderazzjoni tal-kwistjoni jekk il-linji gwida l-ġodda għall-ġestjoni tal-kumpaniji jkunux xierqa,
S. billi fi żmien tliet snin minn meta Awtorità Bankarja Ewropea (ABE), reġim ta' riżoluzzjoni bankarja tal-UE, fond ta' stabilità finanzjarja tal-UE u unità ta' riżoluzzjoni jsiru operazzjonali, il-Kummissjoni għandha tistudja kemm hi adattata l-possibilità li l-ambitu tal-qafas tal-immaniġġjar tal-kriżijiet jiġi mwessa' biex jinkludi istituzzjonijiet finanzjarji oħra mhux bankarji inklużi, imma mhux limitat għal, kumpaniji tal-assikurazzjoni u maniġers tal-assi u tal-fondi u għandha tistudja wkoll kemm huwa fattibbli u kemm hu adattat li jiġi stabbilit netwerk ta' fondi nazzjonali ta' stabilità għall-istituzzjonijiet kollha li ma jipparteċipawx fil-fond ta' stabilità finanzjarja tal-UE, kif propost fir-rakkomandazzjoni 3 fl-Anness,
T. billi l-periklu morali għandu jiġi evitat ħalli ssir prevenzjoni tat-teħid eċċessiv ta' riskji, u qed jintalab li jkun hemm qafas li jipproteġi s-sistema, mhux lill-parteċipanti delinkwenti f'dik is-sistema, b'mod partikolari m'għandu jintuża l-ebda fond ta' riżoluzzjoni biex jinfdew l-azzjonisti tal-banek jew biex jiġi ppremjat il-maniġment għall-falliment tiegħu stess; billi, l-istituzzjonijiet li jagħmlu użu minn reġim ta' riżoluzzjoni bankarja tal-UE f'dan il-kuntest u għandhom jiffaċċjaw il-konsegwenzi bħalma huma miżuri amministrattivi u ta' riparazzjoni; billi l-eliminazzjoni tal-periklu morali għandha għalhekk issir prinċipju li jiggwida fis-sorveljanza finanzjarja tal-futur,
U. billi l-problemi ekonomiċi, finanzjarji, u soċjali preżenti u t-talbiet ġodda u multipli ta' natura regolatorja fuq il-banek, jirrikjedu approċċ gradat u maħsub imma li ma għandux ikun ta' deterrent għal aġenda ambizzjuża u urġenti,
V. billi t-trasferiment tal-assi fi ħdan grupp bankarju ma għandu, fl-ebda każ, jipperikola l-istabilità finanzjarja u ta' likwidità taċ-ċedent u għandu jiġi rrealizzat b'valwazzjoni jew prezz tas-suq ġusti; billi għandhom jiġu żviluppati prinċipji ċari għall-valwazzjoni tal-assi mgħarrqa u għat-trattament tas-sussidjarji u tal-fergħat domiċiljati f'pajjiżi ospitanti,
W. billi l-Unjoni għandha tibni kuxjenza komuni dwar min għandu jagħmel xiex, fejn u kif fil-każ ta' kriżi fl-istituzzjonijiet finanzjarji,
X. billi l-miżuri applikabbli fis-settur bankarju għandhom jippromwovu l-ekonomija reali fil-ħtiġijiet ta' finanzjament u ta' investiment tagħha kemm għall-ġejjieni qarib u kemm għal dak imbiegħed,
Y. billi l-lakuni kbar bejn ir-reġimi nazzjonali ta' regolamentazzjoni u ta' insolvenza għandhom jiġu kolmati permezz ta' qafas armonizzat u djalogu msaħħaħ bejn is-superviżuri u l-awtoritajiet nazzjonali fi ħdan il-Gruppi ta' Stabilità Transkonfinali,
Z. billi d-daqs, il-kumplessità u l-interkonnettività li qed dejjem jikbru kemm fuq il-livell reġjonali u kemm fuq dak globali urew li l-falliment tal-istituzzjonijiet, irrispettivament mid-daqs tagħhom, jista' jkollu effetti li jixterdu aktar milli jkun mistenni madwar is-sistema finanzjarja kollha, u għalhekk dan il-każ jitlob li jiġi stabbilit qafas effettiv għar-riżoluzzjoni tal-kriżijiet għall-banek kollha, fi proċess gradwali u li jimxi fażi fażi, filwaqt li hu rrakkomandat li l-attenzjoni inizjali tiġi ffukata fuq l-istituzzjonijiet li għandhom l-akbar konċentrazzjoni ta' riskji; billi dan il-qafas għar-riżoluzzjoni tal-kriżijiet għandu jqis kemm jista' jkun sal-aktar punt possibbli sforzi simili min-naħa ta' fora internazzjonali,
AA. billi għadd limitat ta' banek (banek sistemiċi transkonfinali) jirrappreżentaw livell estremament għoli ta' riskju sistemiku minħabba fid-daqs, fil-kumplessità u fl-interkonnettività tagħhom madwar l-Unjoni kollha, bil-konsegwenza li hemm il-ħtieġa ta' sistema speċjali, urġenti u mmirata, b'mod iktar ġenerali huma meħtieġa sistemi ekwi ta' riżoluzzjoni għal istituzzjonijiet finanzjarji transkonfinali oħra,
AB. billi biex ikun effettiv fl-interventi ta' appoġġ, qafas tal-UE għar-riżoluzzjoni tal-kriżijiet jeħtieġ ġabra komuni ta' regoli, perizja adegwata u riżorsi finanzjarji, li għandhom għalhekk ikunu l-pilastri ewlenin tar-reġim prijoritarju propost għall-banek sistemiċi transkonfinali,
AC. billi s-superviżjoni, is-setgħat ta' intervent bikri u l-miżuri relatati mar-riżoluzzjoni għandhom jitqiesu bħala tliet passi marbuta ma' xulxin ta' qafas komuni,
AD. billi r-reġim speċjali fast-track għall-banek sistemiċi transkonfinali għandu jevolvi kemm fuq perjodu medju u kemm fuq perjodu fit-tul lejn reġim universali li jkun ikopri l-istituzzjonijiet finanzjarji transkonfinali kollha fl-Unjoni u dan għandu jinkludi reġim ta' insolvenza armonizzata tal-UE,
AE. billi kwalunkwe fond ta' stabilità żviluppat fuq bażi pan-Unjoni għandu jkun limitat biss għall-finijiet tar-riżoluzzjoni tal-kriżijiet futuri u m'għandux jintuża għall-ħlas lura ta' interventi imgħoddija jew problemi li jirriżultaw mill-kriżi finanzjarja tal-2007/2008,
1. Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta lill-Parlament sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2010, fuq il-bażi tal-Artikoli 50 u 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, proposta leġiżlattiva waħda jew aktar dwar qafas tal-UE għall-ġestjoni tal-kriżijiet, fond tal-UE ta' stabilità finanzjarja (Fond), u unità ta' riżoluzzjoni insegwitu għar-rakkomandazzjonijiet dettaljati li jidhru fl-Anness li jakkumpanja lil dan id-dokument, b'kunsiderazzjoni tal-inizjattivi meħuda minn korpi internazzjonali, bħall-G-20 u l-Fond Monetarju Internazzjonali, bi-għan li jkunu żgurati kundizzjonijiet ugwali fil-livell dinji u bbażati fuq analiżi profonda tal-alternattivi kollha disponibbli, inkluża evalwazzjoni tal-impatt;
2. Jikkonferma li r-rakkomandazzjonijiet jirrispettaw il-prinċipju tas-sussidjarjetà u d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini;
3. Jikkunsidra li l-implikazzjonijiet finanzjarji tal-proposta mitluba għandhom ikunu koperti b'allokazzjonijiet baġitarji xierqa (li jkunu jeskludu l-kontributi għall-Fond li huma mistennija jkunu responsabbiltà tal-banek parteċipanti);
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u r-rakkomandazzjonijiet dettaljati annessi magħha lill-Kummissjoni u lill-Kunsill kif ukoll lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.
RAKKOMANDAZZJONIJIET DETTALJATI U L-KONTENTUT TAL-PROSPOSTA MRESSQA
Rakkomandazzjoni 1 dwar qafas komuni tal-UE għall-ġestjoni tal-kriżijiet
Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-att leġiżlattiv li għandu jiġi adottat għandu jkollu l-għan li jirregola kif ġej:
1. Joħloq qafas Ewropew għall-ġestjoni tal-kriżijiet b'ġabra minima ta' regoli komuni u fl-aħħar liġi komuni ta' xoljiment u insolvenza, applikabbli għall-istituzzjonijiet bankarji kollha li joperaw fl-Unjoni u bl-objettivi li ġejjin:
il-limitazzjoni jew il-prevenzjoni tal-kontaġju finanzjarju;
–
il-limitazzjoni tal-kost pubbliku tal-interventi;
–
l-ottimizzazzjoni tal-pożizzjoni tad-depożitanti u l-garanzija li jkunu trattatai bl-istess mod fl-Unjoni kollha;
–
il-preservazzjoni tal-għoti tas-servizzi bankarji l-aktar essenzjali;
–
l-evitar tal-periklu morali, l-iċċarġjar tal-kosti lill-industrija u lill-azzjonisti u l-internalizzazzjoni tal-esternalitajiet moħluqa minn swieq u istituzzjonijiet finanzjarji;
–
l-iżgurar tat-trattament indaqs ta' kull klassi ta' kredituri fl-Unjoni inkluż it-trattament ġust tas-sussidjarji u l-fergħat kollha tal-istess istituzzjoni transkonfinali fl'Istati Membri kollha;
it-tisħiħ tas-suq intern għas-servizzi finanzjarji u l-kompetittività tiegħu.
2. Progressivament iġib konverġenza fil-liġijiet nazzjonali eżistenti ta' xoljiment u insolvenza u s-setgħat nazzjonali eżistenti ta' superviżjoni u, fi żmien kalendarju raġonevoli, jistabbilixxi reġim wieħed għall-UE li jkun effettiv.
3. Malli jitlesta l-proċess relatat mal-armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' insolvenza u ta' superviżjoni fi tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni jistabbilixxi awtorità unika ta' xoljiment tal-UE bħala korp separat jew bħala unità fi ħdan l-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE).
4. Sabiex jittejbu l-kooperazzjoni u t-trasparenza, jitwettqu reviżjonijiet minn superviżur fuq ieħor fuq bażi regolari taħt it-tmexxija tal-Awtorità Bankarja Ewropea u din għandha tinbena fuq awtoevalwazzjoni preċedenti.
5. Fejn ikun hemm il-ħtieġa ta' xoljiment jew l-istralċ ta' istituzzjoni transkonfinali, għandha titwettaq investigazzjoni profonda (permezz ta' esperti indipendenti maħtura mill-Awtorità Bankarja Ewropea) sabiex jiġu enfasizzati l-kawżi u r-responsabilitajiet involuti. Jiżgura li l-Parlament ikun mgħarraf bir-riżultati ta' dawk l-investigazzjonijiet.
6. Jattribwixxi lis-superviżur relevanti r-responsabbiltà għall-immaniġġjar tal-kriżijiet (inklużi is-setgħat tal-intervent bikri) u l-approvazzjoni tal-pjan ta' kontinġenza ta' kull bank, kif ġej:
–
għall-banek sistemiċi transkonfinali: l-ABE, f'kollaborazzjoni stretta mal-kulleġġ tas-superviżuri nazzjonali u l-Gruppita' Stabilità Transkonfinali (kif definit fil-Memorandum ta' Intiża tal-1 ta' Ġunju 2008);
–
għall-banek transkonfinali mhux-sistemiċi l-oħrajn kollha: is-superviżur konsolidat fi ħdan il-kulleġġ (taħt il-governanza miftiehma tiegħu), taħt il-koordinament tal-ABE u f'konsultazzjoni mal-Gruppi ta' Stabilità Transkonfinali;
–
għall-banek lokali: is-superviżur lokali.
7. Ifassal ġabra ta' regoli komuni għall-ġestjoni tal-kriżijiet inklużi l-metodoloġiji, id-definizzjonijiet u terminoloġija komuni, u ġabra ta' kriterji relevanti għat-testijiet ta' stresss għall-banek transkonfinali.
8. Jiżgura li l-pjanijiet ta' xoljiment jsiru rekwiżit regolatorju obbligatorju; il-pjanijiet ta' xoljiment għandhom jinkludu dettalji awtovalutazzjoni profonda tal-istituzzjoni u dettalji ta' tqassim ġust tal-assi u tal-kapital, bi rkupru xieraq tat-trasferimenti mis-sussidjarji u l-fergħat għal unitajiet oħra, u l-identifikazzjoni ta' postijiet fejn hemm ċans kbir ta' qsim li jippermettu s-separazzjoni ta' moduli indipendenti, speċjalment dawk li jipprovdu infrastruttura vitali bħas-servizzi ta' pagament. Ir-rekwiżit għall-kontenut ta' dawk il-pjanijiet għandu jkun proporzjonat mad-daqs, l-attivitajiet u l-firxa ġeografika tal-bank. Jiżgura li dawk il-pjanijiet ta' xoljiment huma aġġornati regolarment.
9. Ifassal, qabel Diċembru 2011, klassifikazzjoni superviżorja Ewropea għall-banek (“Risk Dashboard”- Dashboard tar-Riskji) imsejsa fuq ġabra ta' indikaturi komuni tal-kwantità u l-kwalità. L-indikaturi tad-Dashboard tar-Riskji għandhom ikunu evalwati skont in-natura, l-iskala u l-kumplessità tal-istituzzjoni kkonċernata filwaqt li tiġi ppriservata l-kunfidenzjalità. Id-Dashboard tar-Riskji għandu jinkludi mill-anqas dan li ġej:
–
kapital;
–
ingranaġġ;
–
likwidità;
–
nuqqas ta' korrispondenza fil-maturità, fir-rata tal-imgħax u fil-valuti;
–
likwidità tal-beni;
–
espożizzjonijiet kbar u konċentrazzjonijiet ta' riskji;
–
telf mistenni;
–
sensibilità għall-prezzijiet tas-suq, għar-rati tal-imgħax u tal-kambju;
–
aċċess għall-finanzjament;
–
eżiti tat-testijiet tal-istress;
–
effikaċja tal-kontrolli interni;
–
kwalità tal-ġestjoni u l-governanza korporattiva;
–
komplessità u opaċità;
–
prospettiva tar-riskju;
–
ottemperanza mal-liġi jew mar-rekwiżiti regolatorji.
10. Jagħti s-setgħa lis-superviżuri li jintervjenu fuq il-bażi tal-limiti superjuri tal-klassifikazzjoni superviżorja, b'konformità sħiħa mal-prinċipju tal-proporzjonalità, u jipprovdi għal perjodi ta' rimedju raġonevoli biex l-istituzzjonijiet jindirizzaw in-nuqqasijiet waħedhom.
11. Jipprovdi lis-superviżuri għodod legali ta' invervent xierqa billi tiġi emendata l-leġiżlazzjoni settorjali relevanti jew tiddaħħal leġiżlazzjoni settorjali ġdida biex:
–
jiġu rekwiżiti aġġustamenti tal-kapital (“il fuq mir-rekwiżiti regolatorji minimi) jew likwidità u bidliet fit-taħlita ta' negozji u l-proċess intern;
–
jiġu rakkomandati jew imposti bidliet fil-ġestjoni;
–
jiġu imposti ż-żamma tad-dividendi u restrizzjonijiet bil-għan li jkunu kkonsolidati r-rekwiżiti tal-kapital; jiġu limitati t-termini tal-liċenzji bankarji;
–
is-superviżuri jkunu jistgħu jqajmu s-separazzjoni ta' moduli indipendenti, kemm dawk li jkunu qed ifallu kif ukoll dawk li jkollhom suċċess, mill-istituzzjoni biex ikun żgurat li l-funzjonijiet prinċipali jkunu jistgħu jkomplu joperaw;
–
jiġi impost ribass totali jew parzjali;
–
jiġu trasferiti l-attiv u l-passiv għal istituzzjonijiet oħra bl-objettiv li tkun żgurata l-kontinwità tal-operazzjonijiet sistematikament importanti;
–
jinħoloq bridge bank jew good bank/bad bank;
–
jiġu rikjesti skambji ta' dejn f'ekwità, jew kapital ieħor konvertibbli, skont in-natura tal-istituzzjoni, b'haircuts xierqa;
–
jittieħed kontroll pubbliku temporanju;
–
tiġi imposta sospensjoni temporanja (moratorju) ta' ċerti tipi ta' rivendikazzjonijiet kontra l-bank;
–
jiġi kkontrollat il-proċess ta' trasferimenti ta' assi fi ħdan l-istess grupp;
–
jinħatar amministratur speċjali fil-livell tal-grupp;
–
jiġi regolat l-istralċ;
–
l-ABE titħalla tawtorizza l-intervent tal-fond ta' stabilità finanzjarja tal-UE inkluż għad-dispożizzjoni ta' finanzjament ta' emerġenza fuq perjodu medju, injezzjonijiet ta' kapital u garanziji;
–
jiġu imposti miżuri amministrattivi u ta' tiswija għal dawk l-istituzzjonijiet li jużaw il-Fond.
12. Il-għodod kollha msemmijin fil-punt 11 għandhom jiġu applikati b'konformità sħiħa mar-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni u għandu jiġi żgurat it-trattament l-istess tal-kredituri u d-depożitanti fl-Istati Membri kollha.
Rakkomandazzjoni 2 dwar il-banek sistemiċi transkonfinali
Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-att leġiżlattiv li għandu jiġi adottat għandu jkollu l-għan li jirregola dan li ġej:
1. Minħabba fir-rwol speċjali tagħhom fis-suq intern tal-UE tas-servizzi finanzjarji, il-banek sistemiċi transkonfinali jeħtieġu li jkunu indirizzati urġentement permezz ta' reġim speċjali ġdid li għandu jissejjaħ id-Dritt Soċjetarju Bankarju Ewropew, li għandu jitfassal sa tmiem l-2011. Għandha tkun proposta wkoll sistema iktar ġenerali għall-banek transkonfinali l-oħra kollha.
2. Il-banek sistemiċi transkonfinali għandhom jottemperaw ruħhom mar-reġim speċjali l-ġdid imsaħħaħ; dak ir-reġim għandu jegħleb l-impedimenti legali li jxekklu l-azzjoni transkonfinali effettiva filwaqt li għandu jiżgura t-trattament ċar, ugwali u prevedibbli tal-azzjonisti, id-depożitanti, il-kredituri u l-partijiet interessati l-oħra, b'mod partikolari wara li sjiru trasferimenti tal-assi fi ħdan l-istess grupp. Dan għandu jinkludi “t-28” reġim speċjali għall-proċeduri ta' insolvenza għall-banek sistemiċi transkonfinali, li aktar tard jista' jiġi estiż għall-banek transkonfinali kollha.
3. Il-Kummissjoni għandha tadotta miżura li tistabbilixxi, qabel April 2011, il-kriterji għad-definizzjoni tal-banek sistemiċi transkonfinali. Fuq il-bażi ta' dawn il-kriterji, banek bħal dawn se jkunu identifikati fuq bażi regolari mill-bord tas-superviżuri, wara konsultazzjoni tal-Bord Ewropew għar-Riskji Sistemiċi, (Artikolu 12b tar-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tas-17 ta' Mejju 2010 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Awtorità Bankarja Ewropea (ir-“Rapport tal-ABE”);
4. Għal kull wieħed mill-banek sistemiċi transkonfinali, l-ABE għandha teżerċita superviżjoni u taġixxi permezz tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (skont ir-rapport tal-ABE);
5. Il-Kummissjoni għandha tadotta miżura li tipproponi mekkaniżmu ta' trasferimenti tal-assi fi ħdan Banek Sistemiċi Transkonfinali b'kunsiderazzjoni dovuta tal-bżonn li jiġu protetti d-drittijiet tal-pajjiżi ospitanti.
6. Fond għall-istabilità finanzjarja tal-UE u unità ta' xoljiment għandhom jappoġġjaw l-interventi tal-ABE rigward il-ġestjoni tal-kriżijiet, tax-xoljiment jew l-insolvenza, f'dak li għandu x'jaqsam mal-banek sistemiċi transkonfinali.
Rakkomandazzjoni 3 dwar il-fond ta' stabilità finanzjarja tal-UE
Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-att leġiżlattiv li għandu jiġi adottat għandu jkollu l-għan li jirregola dan li ġej:
1. Għandu jinħoloq Fond ta' Stabilità Finanzjarja tal-UE (Fond), taħt ir-responsabbiltà tal-ABE, biex jiffinanzja l-interventi (riabilitazzjoni jew stralċ ordinat) li jkollhom it-tir li jippreservaw l-istabilità tas-sistema u jillimitaw il-kontaġju minn banek fallimentari. Il-Kummissjoni għandha tgħaddi lill-Parlament, sa mhux aktar tard minn April 2011, proposta li jkun fiha id-dettalji ta' dan li ġej b'relazzjoni mal-Fond: il-karta, l-istruttura, il-governanza, id-daqs, il-mudell ta' ħidma kif ukoll terminu preċiż għall-implimentazzjoni (skont it-termini tal-punti 2 u 3 aktar “l isfel).
2. Il-Fond għandu jkun:
–
pan-Ewropew;
–
finanzjat ex-ante minn banek sistemiċi transkonfinali fuq il-bażi ta' kriterji msejsin fuq ir-riskju u kontroċikliċi u filwaqt li jitqies ir-riskju sistemiku li jirriżulta minn bank individwali; Il-banek li jikkontribwixxu għall-Fond m'għandhomx ikunu obbligati li jikkontribwixxu għal fondi ta' stabilità simili jew għal unitajiet ta' xoljiment simili f'pajjiżhom stess;
–
separat u indipendenti mill-iskemi ta' garanzija tad-depożiti;
–
ta' daqs adegwat li jiflaħ għal interventi temporanji (bħalma huma selfiet, xiri ta' beni u injezzjonijiet ta' kapital) u ħalli jkopri l-kostijiet tal-proċedimenti ta' xoljiment u insolvenza;
–
mibni ftit ftit, b'mod li jippermetti sensibilità għall-ambjent ekonomiku preżenti.
–
iddisinjat b'tali mod li ma joħloqx periklu morali, il-Fond ma għandux jintuża biex jinfdew l-azzjonisti ta' bank u lanqas biex jiġi ppremjat il-maniġment għall-falliment tiegħu stess;
kriterji ta' selezzjoni għall-ġestur tal-beni tal-Fond (intern jew permezz ta' terz privat jew pubbliku bħalma hu l-Bank Ewropew għall-Investiment);
–
il-possibilità ta' kontributi li jkunu jikkwalifikaw għall-kalkolu tal-proporzjonijiet regolatorji tal-kapital;
–
miżuri amministrattivi (penali jew skemi ta' kumpens) għal dawk il-banek sistemiċi transkonfinali li jagħmlu użu mill-Fond;
–
kondizzjonijiet għat-twessigħ aktar “il quddiem tal-ambitu tal-Fond ħalli jkun jinkludi l-banek transkonfinali kollha oltre l-banek sistemiċi.
–
l-ambitu tal-ħolqien ta' netwerk ta' fondi nazzjonali (u kemm hu adattat) biex jaħseb għall-istituzzjonijiet kollha li ma jipparteċipawx fil-Fond. Imbagħad għandu jiġi stabbilit qafas tal-UE biex jirregola l-fondi nazzjonali eżistenti u ġejjiena li se jikkonformaw ma' ġabra uniformi u vinkolanti ta' regoli komuni.
Rakkomandazzjoni 4 dwar unità ta' xoljiment
Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li l-att leġiżlattiv li għandu jiġi adottat għandu jkollu l-għan li jirregola dan li ġej:
Għanda titwaqqaf unità ta' xoljiment indipendenti fi ħdan l-ABE ħalli tmexxi l-proċedimenti ta' xoljiment u insolvenza għall-banek sistemiċi transkonfinali. Din l-unità għandha:
–
topera f'konfini stretti definiti mill-qafas legali u mill-kompetenzi tal-EBA;
–
tikkonsisti f'ġabra ta' perizja legali u finanzjarja b'ħiliet speċjali fir-ristrutturar, turnarounds u likwidazzjonijiet tal-banek;
–
tikkoopera mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali fuq l-implimentazzjoni, l-assistenza teknika u l-qsim tal-persunal;
–
tipproponi ħruġ ta' flejjes mill-Fond.
–
fejn tinqala' l-ħtieġa ta' xoljiment jew ta' stralċ ta' istituzzjoni transkonfinali, twettaq investigazzjoni profonda minn esperti indipendenti maħtura mill-Awtorità Bankarja Ewropea sabiex jiġu analizzati u enfasizzati l-kawżi u r-responsabilitajiet involuti. Il-Parlament għandu jkun mgħarraf bir-riżultati tal-investigazzjonijiet.