Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2010/2771(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B7-0412/2010

Dibattiti :

PV 07/07/2010 - 18
CRE 07/07/2010 - 18

Votazzjonijiet :

PV 08/07/2010 - 6.6
CRE 08/07/2010 - 6.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2010)0284

Testi adottati
PDF 248kWORD 78k
Il-Ħamis, 8 ta' Lulju 2010 - Strasburgu
L-HIV/AIDS fil-perspettiva tat-XVIII-il Konferenza Internazzjonali dwar l-AIDS (Vjenna, 18-23 ta' Lulju 2010)
P7_TA(2010)0284RC-B7-0412/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Lulju 2010 dwar approċċ ibbażat fuq id-drittijiet għar-reazzjoni tal-UE għall-HIV/AIDS

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-XVIII-il Konferenza Internazzjonali dwar l-AIDS: “Right Here, Right Now” li ser tinżamm fi Vjenna bejn it-18 u t-23 ta' Lulju 2010,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Impenn tan-NU dwar l-HIV/AIDS, “Kriżi Globali – Azzjoni Globali” adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fis-27 ta' Ġunju 2001, waqt is-26 Sessjoni Speċjali tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Laqgħa ta' Livell Għoli tas-Sessjoni Speċjali tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (UNGASS) dwar l-HIV/AIDS tat-2 ta' Ġunju 2006 u d-dikjarazzjoni politika adottata f'dik il-laqgħa,

–  wara li kkunsidra l-Linji gwida Internazzjonali tal-UNAIDS dwar l-HIV/AIDS u d-Drittijiet tal-Bniedem ,tal-2006, imsejsa fuq it-Tieni Konsultazzjoni Internazzjonali dwar l-HIV/AIDS u d-Drittijiet tal-Bniedem, li saret f'Ġinevra bejn it-23 u l-25 ta' Settembru 1996 u t-Tielet Konsultazzjoni Internazzjonali dwar l-HIV/AIDS u d-Drittijiet tal-Bniedem, li saret f'Ġinevra bejn il-25 u s-26 ta' Lulju 2002,

–  wara li kkunsidra r-rapport tad-WHO, “Lejn Aċċess Universali: Inżidu l-Interventi ta' Prijorità dwar l-HIV/AIDS fis-Settur tas-Saħħa”,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Abuja tas-27 ta' April 2001 dwar l-HIV/AIDS, it-Tuberkulożi u Mard Infettiv Ieħor Relatat, il-Pożizzjoni Komuni tal-Afrika dwar il-Laqgħa ta' Livell Għoli tal-UNGASS tal-2006 u l-Appell għal Azzjoni Aċċellerata lejn l-Aċċess Universali għas-Servizzi li jirrigwardaw l-HIV u l-AIDS, it-Tuberkulożi u l-Malarja fl-Afrika, iffirmata f'Abuja fl-4 ta' Mejju 2006 mill-Unjoni Afrikana,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-6 ta' Lulju 2006 dwar l-HIV/AIDS: Żmien ta' Azzjoni, tal-24 ta' April 2007 dwar il-ġlieda kontra l-HIV/AIDS fl-Unjoni Ewropea u fil-pajjiżi ġirien, 2006-2009, u tal-20 ta' Novembru 2008 dwar l-HIV/AIDS: dijanjożi bikrija u kura bikrija,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Progress fil-Programm Ewropew għal Azzjoni kontra l-HIV/AIDS, il-Malarja u t-Tuberkulożi permezz tal-Azzjoni Esterna (2007-2011), Novembru 2009,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar “Il-ġlieda kontra l-HIV/AIDS fl-Unjoni Ewropea u fil-pajjiżi tal-madwar” u l-istrateġija għall-ġlieda kontra l-HIV/AIDS fl-UE u fil-pajjiżi tal-madwar 2009-2013,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-2009 tal-UNAIDS dwar l-Epidemija Dinjija tal-AIDS,

–  wara li kkunsidra l-Qafas ta' Riżultati tal-UNAIDS għall-perjodu 2009-2011,

–  wara li kkunsidra r-Rapport 2010 tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Ġunju 2010 dwar il-progress li sar biex jintlaħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju: reviżjoni ta' nofs it-terminu bi tħejjija għal-laqgħa ta' livell għoli tan-NU f'Settembru 2010,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-għadd ta' persuni li għandhom l-HIV għadu qed jikber, b'madwar 33.4 miljun ruħ li għandhom l-HIV fid-dinja u, billi fatt partikolarment inkwetanti huwa t-2.7 miljun ruħ li ġew infettati fl-2008, li jfisser li l-HIV/AIDS tikkostitwixxi emerġenza dinjija li tirrikjedi reazzjoni dinjija straordinarja u komprensiva,

B.  billi l-HIV/AIDS għadha waħda mill-kawżi ewlenin ta' mewt fid-dinja, u kienet il-kawża tal-mewt ta' 2 miljun ruħ fl-2008, u huwa mistenni li tibqa' kawża dinjija sinifikanti ta' mortalità prematura fid-deċennji li ġejjin,

C.  billi, sal-aħħar tal-2009, hu stmat li 5 miljun ruħ f'pajjiżi bi dħul ta' livell baxx jew medju kienu qegħdin jirċievu terapija antiretrovirali – li jfisser żieda ta' għaxar darbiet fuq ħames snin u żieda f'daqqa bla preċedent fl-istorja tas-saħħa pubblika,

D.  billi n-numru ta' infezzjonjiet ġodda għadu jiżboq l-espansjoni tat-trattament, u madwar żewġ terzi tan-nies fi bżonn ta' trattament fl-2009 għad mhumiex qegħdin jirċevuh, li jfisser li 10 miljun ruħ fil-bżonn ma kellhomx aċċess għat-trattament effettiv meħtieġ,

E.  billi l-Africa sub-Saħarjana, bi 22.4 miljun ruħ li għandhom l-HIV/AIDS, għadha l-aktar reġjun milqut ħażin, b'71 % tat-total ta' infezzjonijiet ġodda bl-HIV/AIDS fl-2008,

F.  billi hemm evidenza qawwija li turi li l-miżuri ta' prevenzjoni tal-HIV/AIDS huma mezz effettiv għat-tnaqqis ta' infezzjonijiet ġodda,

G.  billi hemm differenza kbira fil-programmazzjoni fir-rigward tal-involviment ta' persuni li għandhom l-HIV/AIDS fl-isforzi ta' prevenzjoni – partikolarment dawk maħsuba għall-persuni li għandhom l-HIV/AIDS - u fl-isforzi biex jitnaqqsu l-istigmatizzazzjoni u d-diskriminazzjoni,

H.  billi n-nisa u t-tfajliet għadhom jiġu affettwati sproporzjonatament mill-HIV/AIDS, u n-nisa jirrappreżentaw madwar 60 % tal-infezzjonijiet bl-HIV/AIDS fl-Afrika sub-Saħarjana u l-HIV/AIDS għadha l-kawża ewlenija ta' mewt u mard fin-nisa fl-età riproduttiva,

I.  billi l-għażliet attwali rigward il-prevenzjoni tal-HIV mhumiex effettivi biżżejjed biex jipproteġu lin-nisa, u metodi ta' prevenzjoni bħall-kondoms u l-astinenza mhumiex għażliet realistiċi għal ħafna nisa, speċjalment għan-nisa miżżewġin, li jrid ikollhom it-tfal jew li jkunu f'riskju ta' vjolenza sesswali, u billi tilqima jew mikrobiċida sikuri u effikaċi jistgħu jagħtu lin-nisa għodda ġdida b'saħħitha biex jipproteġu lilhom infushom mill-HIV bla ma tiġi limitata l-għażla riproduttiva,

J.  billi hemm evidenza li kulma jmur qed tiżdied ta' livelli ogħla ta' infezzjonijiet u riskju fost popolazzjonijiet ewlenin, inklużi l-ħaddiema sesswali, l-irġiel li jkollhom x'jaqsmu sesswalment ma' rġiel oħra, il-persuni transgender, il-priġunieri, dawk li jinjettaw id-droga, il-popolazzjonijiet migranti, ir-refuġjati u l-ħaddiema mobbli kważi fir-reġjuni kollha, u anke f'pajjiżi b'epidemiji ġeneralizzati, u l-programmi ta' prevenzjoni tal-HIV/AIDS għal dawk il-popolazzjonijiet spiss ma jingħatawx biżżejjed prijorità u finanzjament,

K.  billi, minħabba l-istigma assoċjata mal-HIV/AIDS, madwar 30 % tan-nies fl-UE li huma infettati mhumiex konxji li huma pożittivi għall-HIV/AIDS, u l-istudji jissuġġerixxu li l-infezzjoni mingħajr dijanjożi tiffaċilità t-trażmissjoni kontinwa tal-HIV/AIDS u tkabbar is-suxxettibilità għal mortalità bikrija fost in-nies li għandhom l-HIV/AIDS,

L.  billi, skont ir-rapport 2009 tad-WHO, “Lejn Aċċess Universali Aħjar: Inżidu l-Interventi ta' Prijorità dwar l-HIV/AIDS fis-Settur tas-Saħħa”, huwa stmat li l-livell ta' kopertura b'mediċini antiretrovirali huwa biss 23 % fl-Ewropea u fl-Asja Ċentrali, livell li jitqies bħala baxx ħafna, meta titqies is-sitwazzjoni fir-Russja u fl-Ukraina,

M.  billi l-imġiba omosesswali għadha stigmatizzata bil-qawwa, l-aktar fl-Afrika sub-Saħarjana, fejn 31 pajjiż jikkriminalizzaw l-attività omosesswali bejn adulti konsenswali, erba' pajjiżi jikkundannawha permezz tal-piena kapitali, u oħrajn għandhom pieni kriminali ta' aktar minn 10 snin ħabs, u din l-istigmatizzazzjoni xxekkel il-ħidma preventiva kontra l-HIV/AIDS,

N.  billi f'ħafna pajjiżi l-kriminalizzazzjoni ta' dawk li jużaw id-drogi illegali twaqqafhom milli jaċċedu għall-prevenzjoni tal-HIV/AIDS, it-trattament, il-kura u l-appoġġ, u għandha l-effett li żżid it-trażmissjoni tal-HIV/AIDS permezz tal-użu ta' drogi li jiġu injettati,

O.  billi 106 pajjiż jirraportaw li għad għandhom liġijiet u politiki li jostakolaw b'mod sinifikanti r-reazzjonijiet effettivi kontra l-HIV/AIDS,

P.  billi huwa stmat li fl-2008, 17.5 miljun tifel u tifla tilfu ġenitur wieħed jew it-tnejn li huma minħabba l-HIV/AIDS – bil-maġġoranza l-kbira ta' dawn it-tfal jgħixu fl-Afrika sub-Saħarjana – u dawn it-tfal spiss ibatu minn stigmatizzazzjoni u diskriminazzjoni u jistgħu jiġu miċħuda l-aċċess għal servizzi bażiċi bħall-edukazzjoni u l-kenn, filwaqt li jiżdied ukoll il-livell ta' vulnerabbiltà tagħhom għall-infezzjoni bl-HIV/AIDS,

Q.  billi r-relazzjoni bejn l-HIV/AIDS u d-diżabbiltà ma ngħatatx attenzjoni biżżejjed, għalkemm instab li l-persuni b'diżabbiltajiet jinstabu fil-popolazzjonijiet ewlenin kollha li għandhom riskju ogħla ta' esponiment għall-HIV/AIDS, u jaffaċċjaw żvantaġġi fir-rigward tal-aċċess għal servizzi ta' prevenzjoni, trattament u kura,

R.  billi approċċ bbażat fuq id-drittijiet b'reazzjoni għall-HIV/AIDS huwa kruċjali fl-isforzi biex l-epidemija tintemm,

1.  Jafferma mill-ġdid li l-aċċess għall-kura tas-saħħa huwa parti mid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u li l-gvernijiet għandhom id-dmir li jissodisfaw l-obbligu tagħhom billi jipprovdu servizz tas-saħħa pubblika lil kulħadd;

2.  Iqis, fl-istess ħin, li l-UE trid tagħti prijorità għolja lill-ħarsien u l-promozzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, kemm fl-UE kif ukoll lil hinn minnha, fosthom dawk li jiffokaw l-azzjoni tagħhom l-aktar fuq l-edukazzjoni ta-komunitajiet dwar l-HIV/AIDS; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà biex tiżgura li l-azzjonijiet u l-miżuri prattiċi kollha previsti fil-Linji gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem jiġu implimentati kif xieraq fir-rigward tar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili li jaħdmu fil-qasam tal-HIV/AIDS;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jirrispettaw l-impenji tagħhom u jżidu l-isforzi tagħhom biex l-HIV/AIDS titqies bħala prijorità għas-saħħa pubblika dinjija bl-għoti ta' prominenza lid-drittijiet tal-bniedem fil-prevenzjoni, it-trattament, il-kura u l-appoġġ għall-HIV/AIDS, anke fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp fl-UE;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jippromwovu d-dekriminalizzazzjoni tat-trażmissjoni u l-espożizzjoni(1) għall-HIV/AIDS fl-isforzi ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp fl-UE, fosthom billi jitħeġġeġ r-rikonoxximent tal-HIV/AIDS bħala diżabilità għal raġunijiet ta' leġiżlazzjoni mhux diskriminatorja attwali u futura;

5.  Jistieden lill-Istati Baltiċi, ir-Russja u l-Ukraina biex idaħħlu fis-seħħ politiki li jiġġieldu vigorożament kontra l-HIV/AIDS fil-pajjiżi rispettivi tagħhom;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jippromwovu l-aħjar politiki u prattiki fid-djalogu politiku fil-livell dinji u nazzjonali dwar ir-reazzjonijiet ibbażati fuq id-drittijiet għall-HIV/AIDS:

   billi jiżguraw il-promozzjoni, il-protezzjoni u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem– inklużi d-drittijiet ta' saħħa sesswali u riproduttiva(2) – tal-persuni li għandhom l-HIV/AIDS u tal-popolazzjonijiet oħrajn ewlenin,
   billi jindirizzaw l-ostakoli ekonomiċi, legali, soċjali u tekniċi ewlenin, kif ukoll il-liġijiet u prattiki punittivi, li jxekklu r-reazzjonijiet effettivi kontra l-HIV, b'mod partikolari fir-rigward tal-popolazzjonijiet ewlenin,
   billi jappoġġjaw ir-reviżjoni u l-emendar tal-leġiżlazzjonijiet li jostakolaw il-programmi u s-servizzi għall-HIV/AIDS, ibbażati fuq l-evidenza, b'mod partikolari fir-rigward tal-popolazzjonijiet ewlenin,
   billi jiġġieldu kontra kull leġiżlazzjoni jew deċiżjoni li tikkriminalizza t-trażmissjoni tal-HIV mingħajr intenzjoni, jew li ssaħħaħ id-diskriminazzjoni kontra n-nies li għandhom l-HIV/AIDS u billi jikkundannaw u jieħdu azzjoni kontra l-ostakli legali li jxekklu l-miżuri effettivi kontra l-HIV għan-nisa u t-tfajliet, bħal-liġijiet u politiki ta' saħħa sesswali u riproduttiva, liġijiet ta' wirt u proprjetà, liġijiet ta' żwieġ ta' minorenni, eċċ.,
   billi jqiegħdu id-drittijiet tal-bniedem fil-qalba tad-deċiżjonijiet dwar l-allokazzjoni ta' finanzjament għal reazzjonijiet għall-HIV/AIDS fl-UE u barra l-UE,
   b'ipprogrammar immirat dwar l-HIV/AIDS għall-persuni li għandhom l-HIV/AIDS u għall-popolazzjonijiet oħrajn ewlenin u mmirati għat-tisħiħ tal-inividwi u l-komunitajiet biex iwieġbu għall-HIV/AIDS, għat-tnaqqis tar-riskju u tal-vulnerabilità għall-infezzjoni mill-HIV/AIDS u għall-mitigazzjoni tal-impatt negattiv tal-HIV/AIDS,
   billi jiffaċilitaw u jippromwovu l-parteċipazzjoni sinifikanti tal-popolazzjonijiet ewlenin fit-tfassil, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-prevenzjoni, it-trattament, il-kura u l-ipprogrammar ta' appoġġ, u billi jnaqqsu l-istigmatizzazzjoni u d-diskriminazzjoni,
   billi jiffaċilitaw l-aċċess universali għall-kura tas-saħħa, kemm jekk fir-rigward tal-prevenzjoni, it-trattament, il-kura u l-appoġġ għall-HIV/AIDS jew għal dispożizzjonijiet mediċi oħrajn li mhux relatati mal-HIV/AIDS,
   billi jiffaċilitaw l-aċċess għall-edukazzjoni u l-impjieg għall-persuni li għandhom l-HIV/AIDS u għal popolazzjonijiet oħrajn ewlenin,
   billi jiżguraw li l-monitoraġġ tal-progress fil-ġlieda kontra l-HIV/AIDS fil-ġejjieni jinkludi indikaturi li jindirizzaw u jivvalutaw b'mod dirett il-kwistjonijiet ta' drittijiet tal-bniedem fir-rigward tal-HIV/AIDS,
   billi jirrispettaw il-prinċipju tat-3C (kunsens infurmat, kunfidenzjalità u konsulenza) fl-ittestjar tal-HIV/AIDS u f'servizzi oħrajn relatati mal-HIV/AIDS,
   billi jiġġieldu kontra l-istigmatizzazzjoni u d-diskriminazzjoni ta' nies li għandhom l-HIV/AIDS u ta' popolazzjonijiet oħrajn ewlenin u billi jipproteġu d-drittijiet tagħhom għas-sikurezza u l-protezzjoni mill-abbuż u mill-vjolenza,
   billi jippromwovu u jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni akbar tan-nies li għandhom l-HIV/AIDS u tal-popolazzjonijiet oħrajn ewlenin fir-reazzjonijiet għall-HIV/AIDS,
   billi joffru informazzjoni oġġettiva u imparzjali dwar il-marda,
   billi jagħtu s-setgħa, il-ħiliet, l-għarfien u r-riżorsi lin-nies biex jipproteġu lilhom infushom mill-HIV/AIDS;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jindirizzaw il-ħtiġijiet tan-nisa fil-prevenzjoni, it-trattament u l-kura tal-HIV/AIDS bħala miżura essenzjali għat-trażżin tal-epidemija, b'mod partikolari bl-espansjoni tal-aċċess għall-programmi ta' kura tas-saħħa sesswali u riproduttiva, bl-ittestjar għall-HIV/AIDS, bl-integrazzjoni sħiħa tas-servizzi ta' konsulenza u prevenzjoni, u billi jitreġġgħu lura l-fatturi soċjoekonomiċi sottostanti li jikkontribwixxu għar-riskju tan-nisa għall-HIV/AIDS, bħall-inugwaljanza tal-ġeneru, il-faqar, in-nuqqas ta' opportunità ekonomika u ta' edukazzjoni, u n-nuqqas ta' protezzjoni legali u tad-drittijiet tal-bniedem;

8.  Jistieden lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri jipprovdu finanzjament ġust u flessibbli għar-riċerka f'teknoloġiji preventivi ġodda, inklużi l-vaċċini u l-mikrobiċidi;

9.  Jesprimi tħassib serju għall-fatt li nofs l-infezzjonijiet tal-HIV l-ġodda jseħħu fit-tfal u ż-żgħażagħ; għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jindirizzaw il-ħtiġijiet tat-tfal u taż-żgħażagħ għall-prevenzjoni, it-trattament, il-kura u l-appoġġ għall-HIV/AIDS u biex jiżguraw li dawn ikollhom aċċess għas-servizzi tal-HIV/AIDS, b'mod partikolari d-dijanjożi bikrija tat-tfal ta' età żgħira, formulazzjonijiet xierqa u li jistgħu jaffordjaw ta' antiretrovirali, appoġġ psikosoċjali, protezzjoni soċjali u protezzjoni legali;

10.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw il-parteċipazzjoni ta' persuni b'diżabilità fir-reazzjoni għall-HIV/AIDS u jinkludu d-drittijiet tal-bniedem tagħhom fil-pjanijiet u l-politiki strateġiċi nazzjonali għall-HIV/AIDS, u jiżguraw li jkollhom aċċess għas-servizzi ta' HIV/AIDS imfasslin skont il-bżonnijiet u li huma ekwivalenti għal servizzi oħrajn disponibbli għall-komunitajiet l-oħra;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġjaw programmi ta' tnaqqis ta' ħsara għall-priġunieri u għal dawk jużaw id-drogi li jiġu injettati;

12.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jħeġġu lill-pajjiżi milquta l-aktar bl-HIV u bl-AIDS biex jistabbilixxu oqfsa politiċi dwar l-HIV li jkunu koordinati, trasparenti u bbażati fuq ir-responsabbiltà, u li jiggarantixxu l-aċċessibilità u l-effikaċja tal-miżuri marbuta mal-HIV għall-prevenzjoni u l-kura; f'dan il-kuntest jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja lill-gvernijiet nazzjonali u tinkludi lis-soċjetà ċivili biex tindirizza l-kopertura baxxa tal-programmi għat-tnaqqis tal-istigmatizzazzjoni u d-diskriminazzjoni u biex tkabbar l-aċċess għall-ġustizzja fir-reazzjonijiet nazzjonali għall-HIV/AIDS;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jaħdmu flimkien mal-UNAIDS u ma' msieħba oħrajn biex itejbu l-indikaturi għall-kejl tal-progress u l-qsim tal-għarfien f'livell dinji, nazzjonali u programmatiku biex jitnaqqsu l-istigmatizzazzjoni u d-diskriminazzjoni marbutin mal-HIV/AIDS, inklużi l-indikaturi speċifiċi għal popolazzjonijiet ewlenin u kwistjonijiet dwar drittijiet tal-bniedem marbuta mal-HIV u mekkaniżmi ta' protezzjoni f'livell internazzjonali;

14.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jappoġġjaw il-ħidma tal-Kummissjoni Dinjija dwar l-HIV li twaqqfet reċentement u l-Liġi li tiżgura li l-leġiżlazzjoni taħdem għal reazzjoni effettiva għall-HIV/AIDS;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill iħeġġu l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali biex tiġbor aktar evidenza dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem ta' persuni li għandhom l-HIV/AIDS u ta' popolazzjonijiet oħrajn ewlenin fl-Ewropa, b'kunsiderazzjoni speċjali tal-vulnerabilità tagħhom għal diskriminazzjoni multipla u intersettorjali;

16.  Jistieden lill-Istati Membri kollha u lill-Kummissjoni biex jallokaw tal-inqas 20 % tan-nefqa totali għall-iżvilupp għas-saħħa bażika u għall-edukazzjoni, biex iżidu l-kontribuzzjonijiet tagħhom għall-Fond Globali għall-ġlieda kontra l-AIDS, it-Tuberkulożi u l-Malarja, u biex iżidu l-iffinanzjar tagħhom ta' programmi oħra maħsuba biex isaħħu s-sistemi tas-saħħa u s-sistemi tal-Komunità; jistieden ukoll, lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw biex b'mod ġenerali, jagħtu prijorità lill-infiq għas-saħħa u b'mod partikolari lill-ġlieda kontra l-HIV/AIDS; u jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi inċentivi lill-pajjiżi msieħba biex tħeġġeġ l-għoti ta' prijorità lis-saħħa bħala settur ewlieni fil-Karti ta' Strateġija tal-Pajjiż;

17.  Jistieden lill-Istati Membri kollha u lill-Kummissjoni jsibu rimedju għat-tnaqqis allarmanti fil-finanzjament tas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u biex jappoġġjaw politiki dwar it-trattament ta' infezzjonijiet trażmessi b'mod sesswali u l-forniment ta' provvisti tas-saħħa riproduttiva li jikkonsistu f'mediċini li jsalvaw il-ħajja u kontraċettivi, inklużi l-kondoms;

18.  Jistieden lill-UE biex tkompli il-ħidma tagħha b'taħlita ta' strumenti finanzjarji fil-livelli globali u nazzjonali flimkien ma' appoġġ baġitarju u permezz ta' organizzazzjonijiet u mekkaniżmi partikolari li kienu ta' suċċess fl-indirizzar tad-dimensjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-HIV/AIDS, b'mod partikolari l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet bbażati fuq il-komunità;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Istati Membri u lill-komunità internazzjonali jimplimentaw leġiżlazzjoni li twassal għal mediċini effikaċi kontra l-HIV għall–but ta' kulħadd, inklużi mediċini antiretrovirali u mediċini, dijanjostika u teknoloġiji relatati oħra sikuri u effikaċi, għat-trattament preventiv, kurattiv u paljattiv tal-HIV u ta' infezzjonijiet opportunistiċi u kundizzjonijiet relatati;

20.  Jikkritika l-ftehimiet kummerċjali bilaterali u reġjonali li jinkludu dispożizzjonijiet li jmorru lil hinn mill-Ftehim TRIPS tad-WTO (“TRIPS-plus”) u li fil-fatt jostakolaw jekk mhux de facto jirrestrinġu s-salvagwardji stabbiliti mid-Dikjarazzjoni ta' Doha sabiex tkun żgurata l-prijorità tas-saħħa fuq l-interessi kummerċjali; jiġbed l-attenzjoni għar-responsabbiltà ta' dawk il-pajjiżi li jqiegħdu pressjoni fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jiffirmaw tali ftehimiet ta' kummerċ ħieles;

21.  Jisħaq li l-ħruġ obbligatorju ta' liċenzji u prezzijiet differenzjali ma solvewx il-problema għalkollox, u jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi soluzzjonijiet ġodda biex ikun żgurat aċċess ġenwin għat-trattamenti tal-HIV/AIDS bi prezzijiet għall-but ta' kulħadd;

22.  Jirrakkomanda l-adozzjoni tat-Toolkit to Promote and Protect the Enjoyment of all Human Rights by Lesbian, Gay, Bisexual and Transgender People maħruġ mill-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill dwar id-drittijiet tal-bniedem u jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tagħhom;

23.  Jistieden lil dawk l-istituzzjonijiet tal-UE li skont it-termini ta' referenza tagħhom, iħejju r-rapporti annwali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, biex jinkludu f'dawn ir-rapporti attenzjoni partikolari fuq drittijiet tal-bniedem relatati mal-HIV, b'tali mod li tingħata vuċi lill-persuni li għandhom l-HIV u lil dawk li huma vulnerabbli għall-infezzjoni;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jtennu l-appoġġ tagħhom għall-Paragrafu 16 tal-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Azzjoni ta' Novembru 2009: biex iniedu proċess konsultattiv wiesa' ma' Stati Membri u ma' parteċipanti interessati għat-tħejjija ta' Programm ta' Azzjoni Ewropew għall-Ġlieda Kontra l-HIV/AIDS, il-Malarja u t-Tuberkulożi permezz ta' Azzjoni Esterna għall-2012 u “l quddiem; u biex jagħtu spinta lill-ħolqien ta' Skwadri għall-Azzjoni tal-UE bħala mezz għal azzjoni konġunta mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri f'oqsma prijoritarji stabbiliti;

25.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Programm Konġunt tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-HIV/AIDS, lill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa u lill-organizzaturi tat-XVIII-il Konferenza Internazzjali dwar l-AIDS.

(1) Skont it-Taqsira Politika tal-UNAIDS dwar il-Kriminalizzazzjoni tat-Trażmissjoni tal-HIV, il-gvernijiet għandhom jillimitaw il-kriminalizzazzjoni għal każijiet ta' trażmissjoni b'intenzjoni, jiġifieri meta persuna tkun konxja mill-pożittività għall-HIV tagħha u taġixxi bl-intenzjoni li tittrażmetti l-HIV, u fil-fatt tittrażmettiha.
(2) Il-promozzjoni u l-indirizzar tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet ta' persuni li jgħixu bl- HIV/AIDS huwa element ċentrali f'approċċ għall-HIV ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem. Tali approċċ għandu jirrifletti d-dritt tal-persuni li jgħixu bl-HIV/AIDS li jkollhom ħajja sesswali sħiħa u sodisfaċenti, u jirrispetta l-għażliet ta' fertilita' u x-xewqat tal-persuni li huma pożittivi għall-HIV.

Avviż legali - Politika tal-privatezza