Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2010/2767(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B7-0414/2010

Dibattiti :

PV 08/07/2010 - 11.2
CRE 08/07/2010 - 11.2

Votazzjonijiet :

PV 08/07/2010 - 12.2

Testi adottati :

P7_TA(2010)0289

Testi adottati
PDF 215kWORD 59k
Il-Ħamis, 8 ta' Lulju 2010 - Strasburgu
Il-Venezwela, b'mod partikolari l-każ ta' Maria Lourdes Afiuni
P7_TA(2010)0289RC-B7-0414/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Lulju 2010 dwar il-Venezwela, b'mod partikolari l-każ ta' Maria Lourdes Afiuni

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela, b'mod partikolari dawk tal-11 ta' Frar 2010, tas-7 ta' Mejju 2009, tat-23 ta' Ottubru 2008 u tal-24 ta' Mejju 2007,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi s-separazzjoni u l-indipendenza tas-setgħat jiffurmaw il-bażi ta' kull Stat demokratiku u kostituzzjonali,

B.  billi, fl-10 ta' Diċembru 2009, Maria Lourdes Afiuni, “Imħallef ta' Kontroll” ta' Karakas, hi u taġixxi skont il-liġijiet tal-Venezwela u ssegwi opinjoni tal-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar id-Detenzjoni Arbitrarja, tat il-libertà kondizzjonata (skont restrizzjonijiet stretti, fosthom it-tneħħija tal-passaport) lil Eligio Cedeño, li kien ilu detenut qabel il-proċess minn Frar tal-2007,

C.  billi l-perjodu ta' detenzjoni ta' qabel il-proċess huwa limitat għal sentejn skont il-liġi Venezwelana, u billi l-Imħallef Afiuni, meta ħarġet id-deċiżjoni, irrispettat id-drittijiet fundamentali, imħarsa mil-liġi internazzjonali u Venezwelana,

D.  billi l-Imħallef Afiuni kienet arrestata minnufih bla akkuża quddiem il-qorti minn uffiċjali tad-DISIP (Direttorat tal-Intelligence u l-Prevenzjoni) u kienet ittrasferita fit-12 ta' Diċembru 2009 lill-INOF (Instituto Nacional de Orientación Femenina), ħabs ta' sigurtà kbira, fejn għadha qed tinżamm aktar minn sitt xhur wara, f'kundizzjonijiet li għadhom qed jipperikolaw is-saħħa fiżika u mentali tagħha billi madwar 24 priġunier instabu ħatja minnha għal reati bħall-omiċidju, it-traffikar tad-drogi u l-ħtif; billi, waqt id-detenzjoni tagħha, kienet insultata, mhedda, attakkata verbalment u fiżikament u ppruvaw joqtluha,

E.  billi fil-11 ta' Diċembru 2009, il-President Hugo Chávez, f'diskors imxandar fuq it-televiżjoni, għajjarha brigant, filwaqt li talab lill-Avukat Ġenerali japplika l-piena massima u saħansitra ħeġġeġ lill-Assemblea Nazzjonali tgħaddi liġi ġdida li tħarrax il-pieni għal dan it-tip ta' mġiba, li għandhom ikunu infurzati b'mod retroattiv,

F.  billi l-Artikolu 26 tal-Kostituzzjoni Venezwelana jiddikjara li l-ġudikatura għandha tkun awtonoma u indipendenti u li l-President tar-Repubblika tal-Venezwela huwa responsabbli għall-iżgurar tal-indipendenza tal-ġudikatura,

G.  billi, wara d-dikjarazzjonijiet tal-President kontra l-Imħallef Afiuni, kienet akkużata b'abbuż tal-awtorità, korruzzjoni, kospirazzjoni u li għenet lil persuna taħrab, u billi, għalkemm il-prosekutur wera li ma ħaditx flus u li għalhekk ma kien hemm l-ebda evidenza ta' korruzzjoni, għadha l-ħabs,

H.  billi l-każ tal-Imħallef Afiuni wassal għal għadd ta' rapporti, riżoluzzjonijiet u dikjarazzjonijiet li jikkundannaw lill-awtoritajiet Venezwelani u li jesprimu s-solidarjetà magħha, billi avukati u maġistrati mid-dinja kollha, NGOs bħal Amnesty International u Human Rights Watch, u l-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem esprimew il-preokkupazzjoni tagħhom dwar is-sitwazzjoni tagħha, filwaqt li ddikjaraw li qiegħda l-ħabs minħabba l-integrità tagħha u minħabba li trid tiġġieled għall-indipendenza tal-ġudikatura, u l-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem talbet li jittieħdu miżuri ta' prekawzjoni biex tkun żgurata s-sikurezza personali tagħha,

I.  billi l-każ tal-Imħallef Afiuni mhuwiex attakk iżolat fuq il-ġudikatura min-naħa tal-awtoritajiet politiċi, filwaqt li xi mħallfin tkeċċew waqt li oħrajn għażlu li jitilqu mill-pajjiż,

J.  billi d-deterjorament tad-demokrazija fil-Venezwela hija ċara ħafna f'oqsma oħra wkoll, partikolarment fir-rigward tal-libertà tal-istampa, anke fl-internet, li kienet attakkata kostantement mill-gvern u li kontriha ttieħdu firxa wiesgħa ta' miżuri, fosthom l-għeluq ta' gazzetti, stazzjonijiet tar-radju, websajts u stazzjonijiet tat-televiżjoni,

K.  billi l-libertà tal-midja hija ta' importanza vitali għad-demokrazija u r-rispett għal-libertajiet bażiċi, meta jitqies ir-rwol fundamentali tal-midja fl-iżgurar tal-libertà li wieħed jesprimi l-fehmiet u l-ideat tiegħu, fir-rispett xieraq tad-drittijiet tal-minoranzi, inklużi l-gruppi tal-oppożizzjoni politika, u fil-kontribut lejn l-involviment effettiv tal-individwi fil-proċessi demokratiċi, u għaldaqstant ikunu jistgħu jsiru elezzjonijiet liberi u ġusti,

L.  billi, minħabba li l-elezzjonijiet parlamentari se jsiru fis-26 ta' Settembru 2010, il-Kunsill Elettorali Nazzjonali, fuq talba tal-gvern, immodifika il-konfini tal-kostitwenzi għall-elezzjoni tal-167 Membru tal-Assemblea Nazzjonali, bidliet li jaffettwaw sa 80 % tal-istati ggvernati mill-oppożizzjoni,

M.  billi miżuri bħall-konfiska u l-esproprjazzjoni arbitrarji, li jinvolvu aktar minn 760 impriża mill-2005 “l hawn, li wħud minnhom jaffettwaw l-interessi tal-UE, jipperikolaw id-drittijiet ekonomiċi u soċjali bażiċi taċ-ċittadini,

N.  wara li kkunsidra s-sitwazzjoni politika ta' tensjoni fil-Venezwela, li tidher fil-fastidju, it-theddid, l-intimidazzjoni u l-persekuzzjoni kriminali u politika kontra l-oppożizzjoni demokratika, ir-rappreżentanti tagħha, is-sindki u l-gvernaturi tagħha li ġew eletti demokratikament, il-moviment tal-istudenti, il-membri tal-armata u tal-ġudikatura, minn jopponi l-politika uffiċjali ta' Chávez, il-ġurnalisti u l-midja, sitwazzjoni li wasslet biex ħafna minnhom intbagħtu l-ħabs għal raġunijiet politiċi,

1.  Jiddeplora l-attakki fuq l-indipendenza tal-ġudikatura; jesprimi l-preokkupazzjoni tiegħu dwar l-arrest tal-Imħallef Afiuni u jqisu bħala ksur tad-drittijiet personali bażiċi tagħha, u theddida serja ħafna għall-indipendenza tal-ġudikatura, li hija l-pilastru ewlieni tal-istat tad-dritt;

2.  Jitlob li tinħeles u jistieden lill-Gvern Venezwelan jimpenja ruħu li jirrispetta l-valuri tal-istat tad-dritt, filwaqt li jiffaċilita proċess rapidu u ġust, bil-garanziji legali meħtieġa kollha;

3.  Jesprimi l-preokkupazzjoni tiegħu dwar il-kundizzjoniiet ta' detenzjoni tal-Imħallef Afiuni, li huma theddida għall-integrità fiżika u psikoloġika tagħha, u jistieden lill-awtoritajiet tal-ħabs biex japplikaw minnufih u b'mod strett il-miżuri u r-rakkomandazzjonijiet appoġġjati mill-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fil-11 ta' Jannar 2010 dwar il-kundizzjonijiet ta' detenzjoni tas-Sa Afiuni;

4.  Jikkundanna d-dikjarazzjonijiet pubbliċi tal-President tar-Repubblika tal-Venezwela, li insulta u mmalafama lill-Imħallef, u talab piena massima u emenda tal-liġi sabiex tkun tista' tiġi imposta piena eħrex; iqis li dawn id-dikjarazzjonijiet qed jaggravaw iċ-ċirkustanzi tad-detenzjoni tagħha u jikkostitwixxu attakk fuq l-indipendenza tal-ġudikatura mill-President ta' nazzjon, li għandu jkun l-ewwel wieħed li jiggarantixxi din l-indipendenza;

5.  Ifakkar lill-Gvern tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela fl-obbligu tiegħu li jirrispetta l-libertà tal-espressjoni u tal-opinjoni u l-liberta tal-istampa u li jirrispetta l-indipendenza tal-ġudikatura kif huwa marbut li jagħmel skont il-Kostituzzjoni tiegħu stess u skont id-diversi konvenzjonijiet u karti internazzjonali u reġjonali li l-Venezwela hija firmatarja tagħhom; jemmen li l-midja Venezwelana għandha tiggarantixxi kopertura pluralistika tal-ħajja politika u soċjali Venezwelana;

6.  Jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà jagħmel appell mal-awtoritajiet Venezwelani bil-għan li jfisser il-preokkupazzjoni tal-UE dwar ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt f'dan il-pajjiż tal-Amerika t'Isfel kif ukoll li jitħarsu b'mod sod l-interessi u l-proprjetà ta' ċittadini u kumpaniji mill-Istati Membri tal-UE;

7.  Jiġbed l-attenzjoni li, skont il-Karta Demokratika Inter-Amerikana tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani, f'demokrazija, barra mil-leġittimità ċara tal-oriġini, fondata u miksuba fl-elezzjonijiet, jeħtieġ ikun hemm ukoll konformità mal-leġittimità tal-eżerċizzju tal-poter, li għandha tkun imsejsa fuq ir-rispett tal-pluraliżmu, tar-regoli stabbiliti, tal-kostituzzjoni, tal-liġijiet u tal-istat tad-dritt bħala garanzija ta' demokrazija li tiffunzjona bis-sħiħ, u dan jeħtieġ li jinkludi r-rispett għal oppożizzjoni politika paċifika u demokratika, b'mod speċjali meta l-oppożizzjoni tkun ġiet eletta u għandha mandat popolari;

8.  Jistieden lill-Gvern Venezwelan, fil-prospettiva tal-elezzjonijiet parlamentari tas-26 ta' Settembru 2010, biex jirrispetta r-regoli tad-demokrazija u l-prinċipji tal-libertà tal-espressjoni, tal-għaqda, tal-assoċjazzjoni u tal-elezzjoni, kif ukoll biex jistieden lill-Unjoni Ewropea u lil korpi internazzjonali biex josservaw dawn l-elezzjonijiet;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana u lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani.

Avviż legali - Politika tal-privatezza