Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2009/2237(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0225/2010

Testi mressqa :

A7-0225/2010

Dibattiti :

PV 06/09/2010 - 17
CRE 06/09/2010 - 17

Votazzjonijiet :

PV 07/09/2010 - 6.12
CRE 07/09/2010 - 6.12
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2010)0302

Testi adottati
PDF 149kDOC 102k
It-Tlieta, 7 ta' Settembru 2010 - Strasburg Verżjoni finali
Dħul ġust għall-bdiewa: Katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa li taħdem aħjar
P7_TA(2010)0302A7-0225/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Settembru 2010 dwar id-dħul ġust għall-bdiewa: Katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa li taħdem aħjar (2009/2237(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni bl-isem “Katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa li taħdem aħjar” (COM(2009)0591) u d-diversi dokumenti ta' ħidma annessi ma' din il-komunikazzjoni,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet finali tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar il-Kompetittività tal-Industrija Agroalimentari tas-17 ta' Marzu 2009(1) ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Marzu 2009 dwar “il-prezzijiet tal-ikel fl-Ewropa”(2) ,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tiegħu tad-19 ta' Frar 2008 dwar “l-investigazzjoni u r-rimedji tal-abbuż ta' poter mis-supermarkets kbar li joperaw fl-Unjoni Ewropea”(3) ,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet adottati mill-Kunsill fid-29 ta' Marzu 2010 dwar il-katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa li taħdem aħjar(4) ,

–  wara li kkunsidra r-rapport “Agribusiness and the right to food”, tar-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt għall-Ikel,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A7-0225/2010),

A.  billi l-volatilità tal-prezzijiet tal-ikel u tal-prodotti bażiċi qajmet tħassib kbir dwar il-funzjonament tal-katini tal-provvista alimentari Ewropea u dinjija,

B.  billi mill-1996 il-prezzijiet tal-ikel għolew bi 3,3 % kull sena filwaqt il-prezzijiet imħallsa lill-bdiewa għolew biss bi 2,1 %, u l-ispejjeż operattivi żdiedu bi 3,6 %, fatt li juri li l-katina tal-provvista alimentari mhix qed taħdem kif suppost,

C.  billi l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tirrikonoxxi li “[d]awn il-bidliet ikkawżaw tbatija konsiderevoli għall-produtturi agrikoli u jimplikaw li l-konsumaturi mhumiex qed jirċievu trattament ġust”(5) ,

D.  billi l-prezzijiet għall-konsumatur finali baqgħu bħala medja kostanti jew saħansitra naqsu minkejja t-tnaqqis qawwi fil-prezzijiet tal-prodotti agrikoli bażiċi fl-2008,

E.  billi ir-relazzjonijiet kummerċjali bbilanċjati mhux biss itejbu l-funzjonament tal-katina tal-provvista alimentari imma jkunu wkoll ta' benefiċċju għall-konsumatur,

F.  billi l-proliferazzjoni ta' prattiki kummerċjali inġusti llum qiegħda ddgħajjef il-kapaċità ta' investiment u ta' innovazzjoni tal-bdiewa (speċjalment fil-qasam tat-teknoloġiji ħodor, il-mitigazzjoni tal-klima u s-sorsi rinnovabbli tal-enerġija, filwaqt li l-bdiewa huma meħtieġa jirrispettaw standards ambjentali għolja, u dawn ir-rekwiżiti se jkomplu jissaħħew fil-Politika Agrikola Komuni wara l-2013),

G.  billi s-sehem tal-valur miżjud agrikolu mill-katina tal-provvista alimentari niżel minn 31 % fl-1995 għal 24 % fl-2005 fl-UE-25, u billi ċ-ċifri preliminari għas-snin sussegwenti juru tnaqqis ulterjuri tal-gwadann li jmur għand il-bdiewa, fil-konfront ta' żieda kostanti tal-marġnijiet għall-proċessuri, il-kummerċjanti bl-ingrossa u/jew il-bejjiegħa bl-imnut u l-operaturi ekonomiċi li jinsabu barra mill-katina tal-provvista alimentari,

H.  billi d-dħul medju ta' bidwi niżel b'aktar minn 12 % fl-UE-27 fl-2009, li jfisser li l-bdiewa ma jistgħux jibqgħu jiġġeneraw dħul ġust minn xogħolhom u billi, minkejja dan, il-bdiewa u s-settur agroalimentari għad għandhom jipproduċu prodotti tal-ikel li jirrispettaw standards ta' kwalità estremament eżiġenti bi prezzijiet aċċessibbli għall-konsumatur, b'konformità mal-objettivi ddefiniti mill-PAK,

I.  billi l-katina tal-provvista alimentari tinvolvi l-bdiewa, il-kooperattivi tal-“bdiewa”, l-organizzazzjonijiet tal-produtturi, l-industriji tal-ipproċessar tal-ikel, il-bejjiegħa bl-ingrossa u bl-imnut, il-katini tas-supermarkets, is-settur tal-kejtering, ir-ristoranti, il-provvista diretta mill-produzzjoni ta' sussistenza u privata u l-konsumaturi iżda wkoll operaturi ekonomiċi li jinsabu barra mill-katina tal-provvista alimentari, bħalma huma l-kumpaniji tal-komunikazzjonijiet u tal-promozzjoni, il-fornituri ta' trasport u loġistika, ta' enerġija u utilitajiet, ta' ppakkjar, ta' riżorsi tekniċi, ta' addittivi, ta' teknoloġiji u s-servizzi ta' konsulenza; billi din il-kumplessità u d-diversità għolja għandha titqies sabiex titjieb is-sostenibilità tal-katina kollha,

J.  billi l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tidentifika problemi gravi bħall-abbuż tas-saħħa tax-xerrej li tkun dominanti, prattiki kuntrattwali inġusti (inklużi ħlasijiet li jsiru tard), modifiki kuntrattwali unilaterali, ħlasijiet bil-quddiem għall-aċċess għan-negozjati, aċċess limitat għas-suq, nuqqas ta' informazzjoni dwar il-formazzjoni tal-prezzijiet u d-distribuzzjoni tal-marġnijiet tal-qligħ matul il-katina alimentari, marbutin mill-qrib maż-żieda fil-konċentrazzjoni osservata fis-setturi tal-produzzjoni, tal-bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut,

K.  billi l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Ottubru 2009 tirrakkomanda l-promozzjoni u l-iffaċilitar tar-ristrutturar u l-konsolidament tas-settur agrikolu billi jiġi inkoraġġit il-ħolqien volontarju ta' orgnizzazzjonijiet ta' produtturi agrikoli,

L.  billi l-globalizzazzjoni u l-proċessi ta' konċentrazzjoni, speċjalment fil-livell ta' kummerċ bl-imnut, ħolqu sitwazzjoni ta' żbilanċ bħalma hemm bejn il-partijiet differenti fil-katina alimentari, u r-realtà tal-lum hija waħda ta' għadd ċkejken ta' bejjiegħa bl-imnut, influwenti ħafna, li jinnegozjaw direttament jew indirettament ma' 13.4 miljun bidwi u ma' 310 000 impriża agroalimentari fl-Unjoni kollha,

M.  billi konċentrazzjoni eċċessiva tissarraf fit-telfien tad-diversità tal-prodotti, tal-wirt kulturali, tal-ħwienet, tal-impjiegi u tal-mezzi tas-sussistenza,

N.  billi l-Kummissjoni tiddikjara li l-iżbilanċi kuntrattwali assoċjati mas-setgħa inugwali tan-negozjar għandhom impatt negattiv fuq il-kompetittività tal-katina tal-provvista alimentari peress li operaturi li jkunu iżgħar iżda effiċjenti jistgħu jkunu obbligati joperaw f'kundizzjonijiet ta' qligħ imnaqqas, li jillimitaw il-ħila u l-inċentivi tagħhom li jinvestu fil-kwalità mtejba tal-prodotti u fl-innovazzjoni tal-proċessi ta' produzzjoni,

O.  billi l-prodotti tal-ikel huma kkummerċjalizzati liberament fis-suq intern u l-eżitu tan-negozjati tariffarji bejn il-produtturi (organizzazzjonijiet), il-proċessuri, il-kummerċjanti u l-bejjiegħa bl-imnut spiss huwa ddeterminat mill-andament tal-prezzijiet fis-suq dinji,

P.  billi d-differenza numerika enormi u fis-setgħa ekonomika bejn il-bdiewa u l-bejjiegħa bl-imnut hija indikazzjoni ċara ta' katina tal-provvista alimentari żbilanċjata u li bil-għan li jintlaħaq bilanċ numeriku, jeħtieġ li jiġi promoss l-iżvilupp ta' organizzazzjonijiet ekonomiċi tal-bdiewa; billi l-kooperattivi jiżvolġu rwol ċentrali billi jżidu l-influwenza tagħhom u s-setgħa tagħhom ta' nnegozjar,

Q.  billi l-Unjoni Ewropea hija integrata fil-kummerċ dinji u marbuta miegħu bi trattat,

R.  billi l-Unjoni Ewropea hija l-akbar importatriċi u esportatriċi agrikola fid-dinja, bl-importazzjonijiet agrikoli tal-UE fl-2008 jiżdiedu b'madwar 10 % għal EUR 98 600 miljun u bl-esportazzjonijiet jogħlew bi kważi 11 % għal EUR 75 200 miljun,

S.  billi l-Unjoni Ewropea diġà tagħti ħafna konċessjonijiet skont il-politika tagħha tal-għajnuna għall-iżvilupp, u billi l-ftehimiet bilaterali ma għandhomx isiru unilateralment askapitu tal-agrikoltura Ewropea,

1.  Jilqa' l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat-28 ta' Ottubru 2009 intitolata “Katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa li taħdem aħjar” (COM(2009)0591), li tirrikonoxxi l-eżistenza ta' żbilanċi tal-poter kbar bejn l-operaturi differenti, iżda jqis li l-miżuri suġġeriti fil-Komunikazzjoni msemmija biex jindirizzaw din il-problema mhumiex biżżejjed;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jittrattaw il-problema tad-distribuzzjoni inġusta tal-profitti fil-katina alimentari b'urġenza, speċjalment fir-rigward tad-dħul adegwat għall-bdiewa; jirrikonoxxi l-fatt li biex jiġu stimulati sistemi ta' produzzjoni sostenibbli u etiċi l-bdiewa jeħtieġ li jkunu kkumpensati għall-investimenti u l-impenji tagħhom f'dawn l-oqsma; jenfasizza li l-ġlieda għall-poter għandha tkun sostitwita b'relazzjonijiet ta' kooperazzjoni;

3 Jinnota li l-objettivi kollha relatati mal-agrikoltura msemmija fit-Trattati ta' Ruma (produttività akbar, provvista adegwata ta' ikel, prezzijiet raġonevoli għall-konsumaturi, stabbilizzazzjoni tas-suq) intlaħqu, bl-eċċezzjoni tal-objettiv tad-dħul ġust fl-agrikoltura; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni biex dan tqisu kif dovut fil-proposti baġitarji kollha;

4.  Jagħraf il-ħtieġa għal settur produttiv stabbli, sikur u li jirrendi bħala fattur deċiżiv fil-katina alimentari; jinnota wkoll, madankollu, li l-katina alimentari hija magħmula minn diversi atturi – bdiewa, proċessuri, manifatturi, fornituri u bejjiegħa bl-imnut – li lkoll jipproduċu valur miżjud u li bl-istess mod jeħtieġu ċertu grad ta' sigurtà;

Trasparenza fil-prezzijiet

5.  Jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb l-għodda Ewropea li tissorvelja l-prezzijiet tal-ikel bil-għan li ssir iktar faċli li tintuża billi tiġi inkluża interface multilingwi li tkopri numru akbar ta' prodotti tal-ikel u billi tintlaħaq paragunabilità aħjar tal-prezzijiet fuq kull ħolqa tal-katina tal-provvista alimentari fi ħdan u fost l-Istati Membri, biex b'hekk jiġi sodisfatt il-bżonn tal-konsumaturi u tal-bdiewa għal iktar trasparenza fil-formazzjoni tal-prezzijiet tal-ikel;

6.  Jiddeplora r-riluttanza tal-Kummissjoni Ewropea li twettaq studju tad-distribuzzjoni tal-marġni tal-profitt tul il-katini tal-provvista kollha kif miftiehem fir-rigward tal-proċedura tal-baġit tal-2009;

7.  Jirrimarka li żbilanċ fit-trasparenza tan-negozju bejn l-impriżi agrikoli u l-atturi kemm “il fuq u kemm ”l isfel fil-katina alimentari jista' jkollha konsegwenzi negattivi għall-pożizzjoni ta' negozjar tal-gruppi tal-bdiewa u tal-produtturi;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni twettaq malajr il-proġett pilota relatat mal-ħolqien ta' osservatorju Ewropew tal-prezzijiet u marġnijiet agrikoli (issupplementat b'data dwar il-prezzijiet, il-marġnijiet u l-volumi), li għalih il-Parlament u l-Kunsill adottaw approprjazzjoni li tammonta għal EUR 1.5 miljun skont l-baġit tal-2010;

9.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni żżomm il-grupp ta' livell għoli tal-katina tad-distribuzzjoni alimentari bħala forum permanenti għad-diskussjoni, peress li wera ruħu strument sinifikanti għall-identifikazzjoni tal-problemi, għall-formulazzjoni ta' rakkomandazzjonijiet u għall-adozzjoni ta' strateġiji bil-għan li jirrimedja s-sitwazzjoni attwali ta' żbilanċ;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi rapportar annwali obbligatorju mill-akbar kummerċjanti, proċessuri, bejjiegħa bl-ingrossa u bl-imnut tal-Ewropa dwar sehemhom tas-suq (flimkien ma' data dwar il-marki privati) għall-oġġetti alimentari ewlenin u dwar il-volumi ta' bejgħ li jkollhom kull xahar sabiex is-sħab kollha tas-suq ikunu jistgħu jistmaw xi jkunu t-tendenzi fl-iżviluppi tad-domanda, tal-offerta u tal-prezzijiet fil-katina alimentari;

11.  Jinnota li f'xi pajjiżi l-industrija tal-ipproċessar tal-ikel għandha l-akbar marġni fil-katina alimentari, kif ġie kkonfermat ukoll mill-Kummissjoni; jitlob għalhekk li l-industrija tal-ipproċessar b'mod partikolari tiġi mmonitorjata u investigata sabiex tiġi ggarantita t-trasparenza tal-prezzijiet;

12.  Iqis li jeħtieġ li tiżdied it-trasparenza tas-suq u li jiżdied it-tagħrif fornut lill-konsumaturi bħala prerekwiżit biex jingħata riljev akbar lill-identità tal-prodotti u tkun iggarantita l-varjetà fl-ikel u fil-prodotti agrikoli u agroalimentari, li huma espressjoni tal-istorja u tal-kultura ta' bosta pajjiżi u reġjuni u jirriflettu n-natura “distintiva” tal-agrikoltura f'kull Stat Membru;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-impatt dwar il-benefiċċji li jkun hemm qafas ġuridiku mtejjeb li jkopri marki privati ta' kwalità u tad-distributuri, bil-għan li tiġi evitata l-multiplikazzjoni tagħhom u ħalli jkun hemm trasparenza akbar għall-konsumatur u aċċess għas-suq akbar għall-produttur;

14.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi promossa żieda fil-valur miżjud fil-produzzjoni Ewropea tal-ikel agrikolu u li jiġu mnedija kampanji ta' tagħrif għall-konsumaturi dwar l-isforzi li jsiru mill-bdiewa u mill-industrija fir-rigward tal-ambjent, is-sikurezza tal-ikel u l-benesseri tal-bhejjem;

Kompetizzjoni

15.  Jistieden lill-awtoritajiet kemm nazzjonali kif ukoll Ewropej inkarigati mill-kompetizzjoni, u awtoritajiet ta' regolamentazzjoni oħra involuti fil-produzzjoni u fil-kummerċ, biex b'mod robust jindirizzaw il-pożizzjoni dominanti u s-sehem sinifikanti tas-suq li għandhom il-kummerċjanti, il-proċessuri u l-bejjiegħa bl-imnut tal-industrija agroalimentari li joperaw fil-katina tal-provvista alimentari; iħeġġeġ lil dawn l-awtoritajiet jieħdu azzjoni kontra prattiki abbużivi tax-xerrejja min-naħa tal-atturi kollha li jpoġġu lill-bdiewa f'pożizzjoni estremament inugwali ta' negozjar;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi relazzjoni ġdida bejn ir-regoli tal-kompetizzjoni u l-PAK, bil-għan li lill-bdiewa u lill-organizzazzjonijiet interprofessjonali tagħhom jingħatawlhom l-għodod li jippermettulhom jtejbu l-pożizzjoni tagħhom fin-negozjati;

17.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni teżamina l-konsegwenzi tal-penetrazzjoni sinifikanti tas-suq minn bejjiegħ bl-imnut waħdieni jew minn għadd żgħir ta' bejjiegħa bl-imnut fi Stat Membru partikolari; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tqis il-possibilità li tintroduċi miżuri korrettivi - għall-ġid tal-produtturi u tal-konsumaturi - fejn il-prattika tal-bejjiegħa bl-imnut jew is-sehem tagħhom mis-suq jinstab li jkollu effett antikompetittiv;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta, sa tmiem l-2010, rapport lill-Parlament li fih tagħti d-data dwar l-abbuż tas-setgħa tax-xerrej fl-UE, l-imġiba antikompetittiva u prattiki kuntrattwali inġusti tul il-katina alimentari mis-settur li jipprovdi l-prodotti intermedji sal-konsumatur, u tipproponi tweġibiet idonei;

19.  Jistieden lill-Istati Membri jagħtu, fejn xieraq, lill-awtoritajiet nazzjonali tagħhom inkarigati mill-kompetizzjoni ambitu akbar għall-azzjoni billi joħolqu mekkaniżmi sempliċi għall-ġbir ta' provi fir-rigward ta' tgħawwiġ tal-kompetizzjoni permezz ta' prattiki kuntrattwali inġusti;

20.  Iqis li hemm il-ħtieġa li fil-livell tal-Unjoni pprojbit li jsir bejgħ ta' prodotti agrikoli bi prezz aktar baxx minn dak tax-xiri;

21.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħti bidu għal inkjesta dettaljata għalkollox tas-settur tul il-katina tal-provvista alimentari biex jiġi ddeterminat il-livell tal-abbużi tas-setgħa tax-xerrej fis-settur; jiġbed l-attenzjoni lejn is-suċċess tal-inkjesta dwar il-kompetizzjoni fi ħdan is-settur farmaċewtiku fl-2009;

22.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrevedi l-kriterji użati attwalment biex tiġi vvalutata l-imġiba antikompetittiva (Indiċi Herfindahl); dan l-indiċi, li huwa utli biex jiġu vvalutati r-riskji tal-monopolju, ma jistax ikejjel il-kobor veru tal-prattiki antikompetittivi li huma ta' natura kollużiva jew oligopolistika, kif jidher li qed jiġri, tal-anqas parzjalment, fil-bejgħ bl-imnut fuq skala kbira;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni tiggarantixxi applikazzjoni mmirata aħjar tar-regoli fil-katina alimentari u tqis il-proposti leġiżlattivi lill-Parlament u lill-Kunsill f'dan ir-rigward, biex jiġi limitat b'mod effikaċi l-iżvilupp ta' pożizzjonijiet dominanti fis-suq fi ħdan is-setturi tal-prodotti intermedji, l-industrija tal-ipproċessar tal-ikel u s-settur tal-bejgħ bl-imnut u tissaħħaħ is-setgħa ta' negozjar li jkollhom il-bdiewa biex ikunu jistgħu jieħdu azzjoni koordinata kontra atturi dominanti permezz ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi u impriżi żgħar u ta' daqs medju effiċjenti;

24.  Huwa tal-fehma li tintħieġ reviżjoni urġenti tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq (OKS) biex dawn l-organizzazzjonijiet jissaħħew, u li l-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-regolament għandu jitwessa' biex jinkludi prattiki ta' produzzjoni sostenibbli bħala kundizzjoni għal eżenzjoni mill-Artikolu 101 TFUE;

25.  Iqis li, fuq livell tal-UE, se jkun jinħtieġ ċertu grad ta' koordinament u ta' armonizzazzjoni tal-miżuri nazzjonali kontra l-prattiki kummerċjali inġusti;

26.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprovdi għal diversifikazzjoni leġiżlattiva għal prodotti li jkollhom bażi territorjali qawwija, li jkunu kkaratterizzati min-natura speċifika, distintiva, lokali jew reġjonali tagħhom, apparagun mal-prodotti standardizzati;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq miżuri biex tkun żgurata s-sopravivenza ta' diversi karatteristiċi nutrizzjonali, ambjentali u marbuta mas-saħħa u biex ikun żgurat li diversità bħal din tkun tikkorrispondi għal prezzijiet xierqa; essenzjalment, il-kompetizzjoni għandha tiġi żviluppata wkoll fuq il-bażi ta' diversi karatteristiċi ta' kwalità li għandhom ikunu jistgħu jitkejlu kif dovut;

Abbuż tas-setgħa tax-xerrej u tal-kuntrattar

28.  Jistieden lill-Kummissjoni tiggarantixxi li l-liġi tal-UE dwar il-kompetizzjoni ma tkunx injorata mill-abbuż (mhux tfixkil) tas-setgħa tax-xerrej fil-katina alimentari li spiss jiġri fil-forma ta' arretrati lill-bdiewa jew lill-proċessuri ż-żgħar, alterazzjonijiet sussegwenti tat-termini tal-kuntratti, skontijiet furzati, bejgħ mill-ġdid b'telf, rekwiżiti ta' volum eċċessivament kbir u ħlasijiet inġustifikati ta' inklużjoni fil-listi, u tagħmel proposti leġiżlattivi adegwati jekk dan ikun meħtieġ;

29.  Jitlob partikolarment li l-perjodi ta' ħlas tul il-katina tal-provvista alimentari jiqsaru għal massimu ta' 30 ġurnata għall-prodotti tal-ikel u inqas għall-prodotti agrikoli li jistgħu jitħassru malajr, bħala parti mir-reviżjoni li għaddejja bħalissa tad-Dirattiva 2000/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra ħlasijiet tard fi transazzjonijiet kummerċjali (għandhom jitqiesu bħala eċċezzjonijiet fil-każ ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi u kooperattivi);

30.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi espansjoni tal-liġi Ewropea tal-kompetizzjoni lil hinn mill-ambitu dejjaq attwali tagħha li jiffokalizza fuq il-benesseri tal-konsumatur u fuq it-tħassib rigward prezzijiet baxxi tal-ikel;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni teżamina jekk il-kundizzjonijiet fil-qasam tal-prattiki agrikoli għall-produzzjoni ta' frott u ħaxix u ta' residwi ta' pestiċidi meħtieġa mill-katini individwali tad-distribuzzjoni, b'ambitu usa' meta mqabbel mad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi fis-seħħ, jistgħux jillimitaw il-kummerċ ħieles u jsaħħu inġustament il-pożizzjoni tal-distributuri fil-katina tal-provvista alimentari;

32.  Jitlob li titfassal lista tal-prattiki abbużivi tas-suq, bħalma huma l-bejgħ b'kost u l-kummissjonijiet tal-bejgħ, u l-projbizzjoni espliċitu tagħhom mill-UE; Jitlob li tixxandar lista pubblika tal-kumpaniji li ma jirrispettawx ir-regoli u li tiddaħħal sistemi ta' sanzjonijiet;

33.  Jistieden lill-Kummissjoni teżamina jekk u sa liema punt l-użu ħażin ta' marki privati (prodotti ta' “marka proprja”) u l-prattiki ta' xiri ta' alleanzi mill-katini ta' supermarkets iwasslu kompetizzjoni u pressjoni inġusta fuq il-bdiewa u t-tnaqqis sistematiku tal-prezzijiet tal-produtturi; jisħaq li l-użu ħażin ta' marki privati għandu impatt avvers fuq il-kapaċità ta' innovazzjoni tal-produtturi (speċjalment il-produtturi ż-żgħar); Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu azzjoni f'dan ir-rigward ħalli l-bdiewa u l-gruppi ta' produtturi jiġu ttrattati b'mod ġust fil-proċess ta' formazzjoni tal-prezzijiet;

34.  Hu tal-fehma li r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni li tiżdied l-integrazzjoni vertikali tal-industrija alimentari mhux dejjem jirriflettu l-ħtieġa għal bilanċjament mill-ġdid tas-setgħa tan-negozjar bejn il-bdiewa, id-distributuri u l-industrija alimentari, u li dawk l-istrateġiji għalhekk għandhom ikunu akkumpanjati minn miżuri ħalli l-prattiki abbużivi jiġu skuraġġiti;

35.  Iwissi li l-biedja kuntrattwali imposta mix-xerrejja, l-integrazzjoni vertikali u l-futures, li qed jiżvolġu rwol dejjem aktar importanti, aktarx idgħajfu l-kompetizzjoni u l-pożizzjonijiet ta' negozjar tal-bdiewa; jistieden għaldaqstant il-Kummissjoni teżamina l-effetti tal-arranġamenti kuntrattwali ta' dan it-tip u tieħu azzjoni xierqa jekk din tkun meħtieġa;

36.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu kuntrattar ġust bejn l-operaturi kollha tal-katina tal-provvista alimentari bbażat fuq kundizzjonijiet innegozjati mal-organizzazzjonijiet tal-bdiewa u tal-produtturi, fosthom organizzazzjonijiet settorjali u interprofessjonali, ħalli jissaħħew prattiki agrikoli sostenibbli u tiġi ggarantita l-aħjar kwalità possibbli, jitnaqqsu l-prezzijiet tax-xiri għall-prodotti intermedji u jiġu garantiti prezzijiet ġusti, u ħalli jipprovdu sistema ta' viġilanza faċilment aċċessibbli tal-ksur tal-kuntratti mix-xerrejja; hu tal-fehma li l-kuntratti standard jafu jkunu strumenti siewja u f'xi setturi l-implimentazzjoni tagħhom għandha ssir obbligatoria; jappoġġa l-iskambju tal-aħjar prattiki relatati man-notifika tal-prattika kuntrattwali bejn l-Istati Membri, inkluż l-għoti ta' informazzjoni lill-Kummissjoni;

37.  Jilqa' favorevolment u jinkoraġġixxi l-istabbiliment ta' ombudsmen għas-settur alimentari bl-imnut u mekkaniżmi oħra ta' arbitraġġ immirati li jiggarantixxu r-rispett tal-ftehimiet kuntrattwali; jistieden lill-Kummissjoni teżamina esperjenzi f'dan ir-rigward bil-għan li jiġi stabbilit ombudsman għas-settur tal-bjegħ bl-imnut ta' prodotti alimentari li jkollu l-kompitu li jiggarantixxi l-esegwibilità tal-kodiċijiet tal-kondotta, tal-aħjar prattiki u tal-kuntratti fit-transazzjonijiet fost operaturi ta' Stati Membri differenti;

38.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżvela prattiki inġusti fir-rigward tal-ħlasijiet għall-inklużjoni fil-listi u ħlasijiet oħra għat-tqegħid fis-suq u teżaminahom skont il-liġi tal-kompetizzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi regoli uniformi dwar l-użu tal-ħlasijiet għall-inklużjoni fil-listi u ħlasijiet oħra għat-tqegħid fis-suq u, b'mod partikolari, tieħu azzjoni kontra l-ħlasijiet eċċessivi mitluba mid-distributuri;

39.  Jemmen li l-Kummissjoni jeħtieġ li tippromwovi kampanja ta' tagħrif fuq skala kbira f'livell Ewropew li tissensiblizza lill-bdiewa rigward drittijiethom, il-prattiki abbużivi li tagħhom jistgħu jkunu d-destinatarji, u l-mezzi li għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom biex jiddenunzjaw l-abbużi;

Spekulazzjoni

40.  Jistieden lill-Unjoni Ewropea teżerċita pressjoni favur il-ħolqien ta' aġenzija dinjija indipendenti ta' regolamentazzjoni li tistabbilixxi r-regoli dwar futures fuq prodotti bażiċi u fuq skambju ta' għażliet u li timplimenta miżuri ta' regolamentazzjoni rigorużi kontra l-ispekulazzjoni globali fuq prodotti alimentari bażiċi;

41.  Jitlob li, fid-dawl tal-orjentament tas-suq li kulma jmur qed jiżdied, jittieħdu miżuri biex jilqgħu kontra l-volatilità estrema tal-prezzijiet, peress li xi operaturi fil-katina alimentari qed jieħdu vantaġġ minn dak il-fenomenu filwaqt li oħrajn huwa ċar li qed iġarrbu l-ħsara minnu; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tipproponi leġiżlazzjoni li permezz tagħha l-istrumenti jrażżnu l-volatilità tal-prezzijiet ħalli b'hekk tonqos il-vulnerabilità tal-produtturi;

42.  Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-kompetenzi tal-awtoritajiet Ewropej fil-qasam tal-iskambju tal-materja prima bil-għan li tiġi evitata l-ispekulazzjoni fuq il-prodotti alimentari bażiċi u ħalli taħdem favur l-implimentazzjoni ta' miżuri adegwati fuq il-livell tal-UE li jevitaw li l-ispekulazzjoni fuq prodotti bażiċi mhux agrikoli tinfluwenza l-futures agrikoli;

43.  Jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb is-sorveljanza u t-trasparenza ġenerali tas-swieq tad-derivati mill-prodotti agrikoli bażiċi kif ukoll biex issaħħaħ it-trasparenza għall-attivitajiet barra l-Borża fil-kuntest tar-reviżjoni tal-MiFID li se ssir dalwaqt u leġiżlazzjoni rilevanti oħra;

Awtoregolamentazzjoni

44.  Iħeġġeġ lill-Kunsill ikompli jinkoraġġixxi l-inizjattivi ta' awtoregolamentazzjoni u l-possibilità li jiġu stabbiliti fondi ta' investiment komuni biex ilaħħqu mal-kriżi ekonomika, bil-għan li jissaħħu l-pożizzjonijiet ta' negozjar tal-bdiewa, speċjalment permezz tal-appoġġ għall-organizzazzjonijiet ekonomiċi u tal-produtturi, għall-organizzazzjonijiet settorjali u għall-kooperattivi tal-bdiewa;

45.  Jinkoraġġixxi l-Istati Membri jfasslu kodiċijiet ta' prattiki kummerċjali tajba għall-katina alimentari, fosthom mekkaniżmi għall-ilmenti u sanzjonijiet għall-prattiki inġusti; Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi kodiċi komuni, applikat fl-UE kollha, sabiex ir-relazzjonijiet fil-katina tal-provvista alimentari jerġgħu jkunu bbilanċjati; Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tifformula proposta għall-applikazzjoni mekkaniżmu, mifrux fuq l-UE kollha, għall-monitoraġġ tar-relazzjonijiet bejn il-bejjiegħa bl-imnut dominanti u l-fornituri tagħhom permezz ta' korpi speċjalizzati fl-Istati Membri;

46.  Iqis li jeħtieġ li tiġi promossa integrazzjoni aktar mill-qrib tad-diversi ħoloq tal-katina fil-kuntest tal-organizzazzjonijiet interprofessjonali u li jitfasslu kuntratti standard volontarji, bil-possibilità li, f'ċerti każijiet u speċjalment għall-prodotti li jitħassru malajr, l-Istati Membri jeżiġu li dawn isiru vinkolanti;

Sistemi alimentari sostenibbli, kwalità tal-ikel

47.  Jiddeplora l-fatt li l-Kummissjoni, fil-komunikazzjoni tagħha, ma tqegħidx aktar enfasi fuq l-importanza tal-agrikoltura fil-katina tal-valur ekonomiku tal-provvista alimentari u tal-industrija alimentari; jisħaq fuq il-korrelazzjonijiet bejn prezzijiet inizjali baxxi fl-azjenda agrikola u l-produzzjoni strutturali eċċessiva u l-konsegwenzi tagħhom fuq is-sostenibilità, il-kwalità tal-ikel, il-benesseri tal-bhejjem, l-innovazzjoni agrikola u l-impjiegi f'reġjuni żvantaġġati;

48.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi l-adozzjoni ta' strumenti biex jiġu appoġġati u promossi katini tal-provvista alimentari mmexxija mill-bdiewa, il-katini qosra tal-provvista u s-swieq tal-bdiewa, bil-għan li tiġi stabbilita relazzjoni diretta mal-konsumatur u biex il-bdiewa jkunu jistgħu jiksbu sehem aktar ġust mill-valur tal-prezz finali tal-bejgħ billi jitnaqqas l-għadd ta' intermedjarji u ta' stadji fil-proċess;

49.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni toqgħod partikolarment attenta, fl-attivitajiet tagħha, għas-sitwazzjoni fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u biex ma tqegħidx fil-periklu l-awtoprovvista alimentari f'dawn il-pajjiżi terzi;

50.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi l-istandards ta' iġjene tal-UE fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni lokali u mill-bogħod u t-tul ta' żmien ta' kemm il-prodotti jibqgħu tajbin, biex tiddeċentralizza u tissemplifika s-sistemi ta' ċertifikazzjoni u kontroll u biex tippromwovi relazzjonijiet diretti bejn il-produttur u l-konsumatur u katini qosra tal-provvista alimentari;

51.  Jafferma l-importanza u l-ħtieġa ta' regolamenti robusti dwar il-kwalità tal-prodotti agrikoli; ifakkar, f'dan ir-rigward, fir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Marzu 2010 dwar il-politika li tirrigwarda l-kwalità tal-prodotti agrikoli, u jafferma l-ħtieġa imperattiva li l-prodotti importati jikkonformaw mal-istandards kollha tal-kwalità u tal-manifattura sabiex il-prodotti Ewropej jiġu mħarsa minn kompetizzjoni inġusta fil-konfront tagħhom;

52.  Ifakkar li l-istabbilità tad-dħul tal-bdiewa tiddetermina l-kapaċità tagħhom li jinvestu f'teknoloġiji ħodor, fil-mitigazzjoni tal-klima u f'għejun ta' enerġija rinnovabbli, u miżuri ta' ħarsien ambjentali għall-agrikoltura sostenibbli, u barra minn hekk li l-bdiewa jkunu meħtieġa jissodisfaw standards ambjentali għolja,;

53.  Iqis li hu essenzjali li tittejjeb l-organizzazzjoni tal-katina tal-provvista alimentari u li tkompli tiġi razzjonalizzata bil-għan li jitnaqqas l-impatt ambjentali tat-trasport tal-ikel (il-mili li jivvjaġġa l-ikel) u tkun promossa l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tal-ikel lokali;

54.  Jenfasizza li l-investiment f'faċilitajiet għall-konservazzjoni u l-impakkettar tal-prodotti tal-biedja jista' jagħti kontribut sinifikanti għall-iżgurar ta' prezzijiet ġusti għal dawn il-prodotti;

55.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat l-iżvilupp sostenibbli tal-ekonomija rurali billi jiġu inkoraġġiti l-ipproċessar ta' prodotti agrikoli fl-azjendi agrikoli, kif ukoll attivitajiet mhux agrikoli, bil-għan li jiżdied il-għadd tal-impjiegi u jiġi ġġenerat dħul addizzjonali;

56.  Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa l-inizjattivi lokali u reġjonali tal-kummerċjalizzazzjoni tal-ikel u ma tgħabbihomx bla bżonn b'regolamenti u burokrazija, billi jikkontribwixxu b'mod sinifikanti biex jiġi ġġenerat il-valur miżjud mill-impriżi agrikoli;

Awtoprovvista, kejtering pubbliku, ħela ta' ikel

57.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħti l-attenzjoni dovuta, hija u tirrevedi l-istandards tal-UE, lill-produtturi tal-ikel fuq livell lokali wkoll bħalma huma dawk involuti fil-produzzjoni ta' sussistenza;

58.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-modifiki eventwali lir-regoli dwar il-prattiki ta' akkwist pubbliku għas-servizzi ta' kejtering bil-għan li jissaħħu l-prattiki ta' biedja sostenibbli u l-benesseri tal-bhejjem u jiġi żviluppat l-ikel staġjonali u lokali;

59.  Iqis li l-akkwist pubbliku, pereżempju fil-kuntest ta' programmi speċifiċi għall-prodotti tal-ħalib, frott u ħaxix li qed jiġu implimentati fl-iskejjel, għandu jiggarantixxi l-aċċess għall-produtturi lokali żgħar u għall-gruppi tal-produtturi lokali;

60.  Iqis li għandhom jittieħdu miżuri biex jiġu inkoraġġiti swieq agrikoli li jkunu amministrati direttament mill-bdiewa, il-ħolqien ta' ċentri ta' bejgħ fejn il-produtturi jistgħu joffru l-prodotti tagħhom direttament lill-konsumaturi u l-introduzzjoni ta' programmi biex jiġi inkoraġġit il-bejgħ ta' prodotti fis-swieq lokali;

61.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tanalizza, f'rapport indirizzat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, il-ħela enormi ta' ikel fil-katina alimentari, li fil-maġġoranza tal-Istati Membri tilħaq sa 30 % tal-ikel prodott, kif ukoll tieħu azzjoni permezz ta' kampanja ta' sensibilizzazzjoni dwar il-valur essenzjali tal-ikel;

62.  Jafferma l-ħtieġa li jiġu żviluppati programmi alimentari għal dawk iċ-ċittadini tal-UE li jeħtiġuhom, bħalma huma dawk l-aktar żvantaġġati, l-anzjani u ż-żgħażagħ;

o
o   o

63.  Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) http://ec.europa.eu/enterprise/sectors/food/files/high_level_group_2008/documents_hlg/final_recommendations_hlg_17_03_09_en.pdf
(2) Testi adottati f'dik id-data, P6_TA(2009)0191
(3) Testi adottati f'dik id-data, P6_TA(2008)0054
(4) Dokument tal-Kunsill 8099/10
(5) Introduzzjoni ta' COM (2009)0591

Aġġornata l-aħħar: 27 ta' Lulju 2011Avviż legali