Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2010/2041(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0221/2010

Testi mressqa :

A7-0221/2010

Dibattiti :

PV 06/09/2010 - 23
CRE 06/09/2010 - 23

Votazzjonijiet :

PV 07/09/2010 - 6.15
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2010)0305

Testi adottati
PDF 121kDOC 76k
It-Tlieta, 7 ta' Settembru 2010 - Strasburgu Verżjoni finali
L-integrazzjoni soċjali tan-nisa li jappartjenu għal gruppi ta' minoranza etnika
P7_TA(2010)0305A7-0221/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Settembru 2010 dwar l-integrazzjoni soċjali tan-nisa li jappartjenu għal gruppi ta' minoranza etnika (2010/2041(INI))

Il-Parlament Ewropew ,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3 tat-TUE,

–  wara li kkunsidra t-Tieni Parti tat-TFUE li tistipula l-obbligu tal-Unjoni Ewropea li tiġġieled id-diskriminazzjoni,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità(1) , id-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol(2) , id-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol(3) u d-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE tat-13 ta' Diċembru 2004 li timplimenta l-prinċipju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta' merkanzija u servizzi(4) ,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 21,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem(5) , il-Konvenzjoni tan-NU għall-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW)(6) u d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni li jappartjenu lil Minoranzi Nazzjonali, Etniċi, Reliġjużi u Lingwistiċi(7) ,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali (KEDB),

–  wara li kkunsidra l-Programm ta' Stokkolma(8) ,

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija ta' Lisbona u l-Istrateġija UE 2020, li qed tiġi żviluppata bħalissa,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1350/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2007 li tistabbilixxi t-tieni programm ta' azzjoni Komunitarja fil-qasam tas-saħħa (2008-2013)(9) ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Ġunju 2006 dwar il-qagħda tan-nisa Roma fl-Unjoni Ewropea(10) ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Settembru 2007 dwar it-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità(11) ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Ottubru 2006 dwar l-immigrazzjoni tan-nisa: ir-rwol u l-post tal-immigranti nisa fl-Unjoni Ewropea(12) ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Jannar 2009 dwar il-qagħda tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea 2004-2008(13) ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Mejju 2009 dwar l-inklużjoni attiva tal-persuni esklużi mis-suq tax-xogħol(14) ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Frar 2010 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea – 2009(15) ,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7–0221/2010),

A.  billi t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jistipulaw il-valuri li fuqhom hija msejsa l-Unjoni Ewropea, iżda billi fil-prattika mhux in-nies kollha li joqogħdu fl-Unjoni Ewropea qed jibbenefikaw bis-sħiħ mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, speċjalment in-nisa li jappartjenu għal gruppi etniċi minoritarji, inklużi dawk li huma vittmi tal-vjolenza, tat-traffikar u tal-faqar; billi, barra minn hekk, dawn il-valuri huma komuni għas-soċjetajiet tal-Istati Membri fejn jipprevalu l-pluraliżmu, in-nondiskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel,

B.  billi l-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jipprojbixxi kull diskriminazzjoni bbażata fuq l-appartenenza għal minoranza nazzjonali; billi, madankollu, diversi komunitajiet ta' minoranzi etniċi li joqogħdu fl-UE għadhom vittmi tad-diskriminazzjoni, l-esklużjoni soċjali u s-segregazzjoni,

C.  billi t-trattament indaqs huwa dritt bażiku, mhux privileġġ, taċ-ċittadini kollha, u billi t-tolleranza għandha tkun attitudni ġenerali fil-ħajja, mhux pjaċir li jsir lil xi wħud; billi kull forma ta' diskriminazzjoni trid tkun miġġielda b'intensità pari,

D.  billi n-nisa ta' minoranza etnika huma żvantaġġati mhux biss meta mqabbla man-nisa tal-maġġoranza, iżda wkoll meta mqabbla mal-irġiel ta' minoranza etnika,

E.  billi approċċ integrat tal-UE huwa kruċjali għal politika koerenti dwar l-inklużjoni soċjali tan-nisa minn minoranzi etniċi, li jkun jinkludi miżuri li jiġġieldu kontra d-diskriminazzjoni u jgħinu biex jipprovdu aċċess għad-djar, l-impjiegi, l-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa u s-servizzi soċjali u jrawmu r-rispett għad-drittijiet fundamentali,

F.  billi m'hemm l-ebda definizzjoni legali aċċettata minn kulħadd ta' gruppi etniċi minoritarji ; billi l-prinċipji ta' opportunitajiet indaqs u trattament ugwali bbażati fuq ir-rispett reċiproku, il-fehim u l-aċċettazzjoni għandhom ikunu s-sisien tal-politiki tal-UE għall-abitanti kollha tagħha, irrispettivament mill-oriġini tagħhom,

G.  billi l-aċċess indaqs għal kulħadd għal edukazzjoni ta' kwalità ttejjeb l-inklużjoni fis-suq tax-xogħol u l-kwalità tal-ħajja b'mod ġenerali; billi, madankollu, f'xi Stati Membri l-popolazzjonijiet ta' minoranzi etniċi huma esklużi minn parteċipazzjoni sħiħa u indaqs fis-sistemi edukattivi ġenerali; billi, biex ikun żgurat l-iżvilupp ta' soċjetà demokratika u b'moħħha miftuħ fi ħdan l-UE, is-sistemi edukattivi jridu jittrasmettu valuri ta' tolleranza u ugwaljanza,

H.  billi l-politiki ta' integrazzjoni għal ċittadini ta' pajjiżi terzi jibbenefikaw minn perspettiva tas-sessi aktar b'saħħitha, li hija meħtieġa sabiex ikun żgurat li jitqiesu l-ħtiġijiet speċifiċi ta' nisa li jappartjenu għal gruppi etniċi minoritarji,

I.  billi l-politiki u l-leġislazzjoni tal-immigrazzjoni u tal-asil għandhom jippromwovu l-inklużjoni ta' nisa li jappartjenu għal gruppi etniċi minoritarji,

J.  billi jinħtieġ approċċ immirat għall-inklużjoni soċjali tan-nisa li jappartjenu għal minoranzi etniċi biex jiġu evitati d-diskriminazzjoni multipla, l-isterjotipar, l-istigmatizzazzjoni u s-segregazzjoni etnika,

K.  billi d-differenzi fil-kultura, fit-tradizzjoni u /jew fir-reliġjon m'għandhomx iservu ta' ostakli għall-inklużjoni ta' nisa li jappartjenu għal gruppi etniċi minoritarji,

L.  billi l-ġbir ta' data diżaggregata huwa prerekwiżit għall-ħarsien u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tan-nisa u tal-minoranzi etniċi, u billi, minħabba n-nuqqas ta' statistiki, ħafna problemi għadhom ma jistgħux jiġu identifikati, li jfisser li ma tiġi adottata l-ebda politika mmirata,

M.  billi teżisti firxa wiesgħa ta' strumenti u politiki xierqa disponibbli għall-iżgurar tal-integrazzjoni tan-nisa li jappartjenu għal gruppi etniċi minoritarji , iżda billi hemm differenza fl-implimentazzjoni fil-livell nazzjonali u nuqqas ta' koordinazzjoni fil-livell tal-UE,

N.  billi fil-maġġoranza tal-każijiet, in-nisa li jappartjenu għal gruppi etniċi minoritarji jiffaċċjaw diskriminazzjoni multipla u huma aktar vulnerabbli għall-esklużjoni soċjali u għall-faqar u għal ksur estrem tad-drittijiet tal-bniedem bħat-traffikar tal-bnedmin u l-isterilizzazzjoni sfurzata mill-bqija tan nisa u mill-irġiel ta' gruppi minoritarji,

O.  billi l-istatus soċjoekonomiku aktar baxx ta' ħafna nisa ta' minoranzi etniċi fil-prattika jissarraf f'limitazzjonijiet tal-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali tagħhom, f'nuqqas ta' aċċess għar-riżorsi, inklużi r-riżorsi tas-saħħa riproduttiva u dik sesswali, u jagħmel il-proċess ta' inklużjoni aktar diffiċli,

P.  billi l-istatus tas-saħħa tan-nisa jaffettwa mhux biss is-saħħa tagħhom stess iżda wkoll dak ta' wliedhom,

Q.  billi l-parteċipazzjoni attiva tan-nisa fis-soċjetà u l-inklużjoni b'suċċess tagħhom se jkollhom effett pożittiv fuq it-tfal tagħhom u fuq il-ġenerazzjonijiet futuri,

R.  billi l-esklużjoni soċjali tan-nisa li jappartjenu għal minoranzi etniċi tista' twassal għal diffikultajiet fir-rigward tal-indipendenza ekonomika, li jistgħu jirriżultaw fi spejjeż diretti jew indirettai għall-baġits tal-komunità u pubbliċi,

S.  billi n-nisa minn gruppi etniċi minoritarji huma aktar vulnerabbli għal forom differenti ta' vjolenza u sfruttament min-naħa tal-irġiel meta jkunu inqas integrati mill-bqija tan-nisa,

T.  billi l-inklużjoni soċjali tibbenefika kieku kellhom isiru aktar konsultazzjonijiet regolari man-nisa li jappartjenu għal gruppi etniċi minoritarji fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u tal-UE,

1.  Jenfasizza li ma hemm l-ebda definizzjoni legali aċċettata minn kulħadd għal gruppi etniċi minoritarji , u li dan il-kunċett ikopri medda wiesgħa ta' sitwazzjonijiet li jiffaċċjaw gruppi etniċi differenti fl-Istati Membri tal-UE;

2.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex, b'kollaborazzjoni mal-organizzazzjonijiet mhux governattivi u l-gruppi tas-soċjetà ċivili, jipprovdu għall-ġbir u l-analiżi regolari ta' data diżaggregata skont is-sessi u l-etniċità, skont ir-regoli tal-Istati Membri dwar il-protezzjoni tad-data relatata ma' kwistjonijiet relatati mal-inklużjoni soċjali, bħall-aċċess għall-edukazzjoni, għass-suq tax-xogħol, għas-sigurtà soċjali, għas-sistema tas-saħħa u għas-sistema tad-djar;

3.  Hu tal-fehma li hu importantissmu li l-leġiżlazzjoni eżistenti tiġi implimentata f'waqtha, u għaldaqstant li jiġu trasposti d-direttivi fl-Istati Membri; hu tal-fehma li koordinazzjoni aktar strutturata tal-politiki tal-UE, nazzjonali, reġjonali u lokali dwar il-gruppi etniċi minoritarji hi meħtieġa sabiex jinkiseb impatt dejjiemi u politiki aħjar fil-livell tal-UE u l-livell nazzjonali, reġjonali u lokali, u jħeġġeġ lil dawk li jfasslu l-politika fil-livelli kollha biex jikkonsultaw lin-nisa li qed jintlaqtu d-drittijiet tagħhom, flimkien mal-komunitajiet u l-organizzazzjonijiet attivi f'dan il-qasam, dwar il-politiki u l-miżuri intenzjonati biex itejbu l-inklużjoni soċjali tan-nisa li jappartjenu għal gruppi etniċi minoritarji;

4.  Jenfasizza l-importanza tal-edukazzjoni dwar l-aċċettazzjoni tal-kulturi differenti u l-impatt tad-diskriminazzjoni u l-preġudizzju; jinnota li r-responsabilità għall-inklużjoni effettiva hi kemm tal-minoranzi etniċi kif ukoll tal-popolazzjoni ġenerali, li t-tnejn li huma jridu jagħmlu sforz biex jintegraw ma' xulxin għall-kisba tal-għaqda soċjali;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jadottaw miżuri bl-għan li jevitaw li n-nisa li jappartjenu lil minoranzi etniċi jitilfu l-ħiliet tagħhom, billi jipprovdu aċċess aħjar għas-suq tax-xogħol, inkluż aċċess għal kura tat-tfal bi prezzijiet raġonevoli u ta' kwalità għolja, u billi jiżguraw aċċess għall-edukazzjoni, it-taħriġ u t-taħriġ vokazzjonali; jitlob għall-implimentazzjoni effettiva ta' politiki mmirati lejn nisa li jappartjenu għal gruppi etniċi minoritarji u li jiġu introdotti proċeduri ċari u b'ħeffa għar-rikonoxximent tal-ħiliet u tal-kwalifiki;

6.  Jinnota l-importanza tal-mudelli tal-irwol fl-integrazzjoni, u jappoġġja l-iskambju tal-aħjar prattiki mill-Istati Membri b'aktar esperjenza fil-prevenzjoni tal-esklużjoni soċjali; iħeġġeġ lil dawk li jfasslu l-politika fil-livell tal-UE u dak nazzjonali, reġjonali u lokali biex jikkonsultaw mal-organizzazzjonijiet tan-nisa minn minoranzi etniċi dwar il-politiki u l-miżuri indirizzati lejn l-inklużjoni soċjali tan-nisa minn minoranzi etniċi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jipproponu miżuri mfassla biex jippromwovu l-eżistenza ta' medjaturi interkulturali u soċjokulturali fi ħdan l-UE;

7.  Hu tal-fehma li l-proċess ta' inklużjoni jrid jinbena minn stadju bikri fil-ħajja, sabiex jipprovdi b'mod effettiv alternattivi għall-faqar u l-esklużjoni soċjali; iqis għalhekk li huwa neċessarju li jkun ipprovdut qafas istituzzjonali għal servizzi soċjali u edukattivi bbażati fil-komunità għat-tfal u l-familji li jissodisfaw il-ħtiġijiet reġjonali u personali, b'mod li jkun iggarantit l-aċċess ugwali għal servizzi ta' kwalità għolja, u jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex tipprovdi appoġġ partikolari għal programmi għall-inklużjoni bikrija;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni - permezz tal-Fond Soċjali Ewropew - u lill-Istati Membri - permezz ta' fondi soċjali nazzjonali - biex jippromwovu opportunitajiet intraprenditorjali mmirati speċifikament lejn in-nisa minn gruppi etniċi minoritarji , billi jiffaċilitaw seminars u workshops dwar l-intraprenditorija u jirriklamaw proġetti għall-iżvilupp;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri sabiex, f'kollaborazzjoni mal-organizzazzjonijiet mhux governattivi, iwettqu kampanji ta' sensibilizzazzjoni mmirati lejn in-nisa minn minoranzi etniċi kif ukoll lejn il-pubbliku ġenerali, u sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet rilevanti sabiex jiġġieldu kontra d-drawwiet kulturali diskriminatorji u l-mudelli ta' mġiba patrijarkali, sabiex jipprevjenu l-polarizzazzjoni u jittrattaw l-isterjotipi sessisti prevalenti u l-istigmatizzazzjoni soċjali li fuqhom hi msejsa l-vjolenza kontra n-nisa, u biex jiżguraw li ma jkun hemm ebda ġustifikazzjoni għall-vjolenza fuq bażi ta' drawwiet, tradizzjonijiet jew kunsiderazzjonijiet reliġjużi;

10.  Jenfasizza li jinħtieġu aktar riċerka u indikaturi intersettorjali dwar l-impatt tad-diskriminazzjoni u l-esklużjoni soċjali fuq in-nisa li jappartjenu għal komunitajiet ta' minoranza etnika fi ħdan l-UE bħala bażi għal politiki ta' integrazzjoni mmirati; f'dan ir-rigward iħeġġeġ lill-Kummissjoni, speċjalment lid-DĠ Riċerka, biex tiffinanzja proġetti ta' riċerka bħal dawn;

11.  Iħeġġeġ il-parteċipazzjoni politika u soċjali attiva ta' nisa li jappartjenu għalgruppi etniċi minoritarji fl-oqsma kollha tas-soċjetà, inklużi t-tmexxija politika, l-edukazzjoni u l-kultura biex jiġi miġġieled il-fatt li attwalment in-nisa mhumiex rappreżentati biżżejjed;

12.  Isemmi l-fatt li l-għoti tas-saħħa ekonomika lin-nisa u l-indipendenza ekonomika tagħhom huma fatturi kruċjali biex tkun żgurata l-parteċipazzjoni sħiħa tagħhom fis-soċjetà ġenerali/usa“;

13.  Jistieden lill-Istati Membri jirrispettaw id-drittijiet fundamentali tan-nisa kollha, inklużi n-nisa minn minoranzi etniċi, u b'mod partikolari l-aċċess tagħhom għall-kura tas-saħħa, il-ġustizzja, l-għajnuna legali, it-tagħrif legali u d-djar;

14.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali biex jagħmlu sforzi attivi biex itejbu u jiffaċilitaw l-aċċess għall-edukazzjoni, b'enfasi partikulari fuq it-tagħlim tal-lingwi, speċjalment il-lingwi uffiċjali tal-pajjiż, u l-aċċess għat-tagħlim tul il-ħajja u l-edukazzjoni għolja, għan-nisa u l-bniet li jappartjenu għal minoranzi etniċi sabiex jevitaw differenzi bejn is-sessi fil-livelli tal-edukazzjoni, li jistgħu jwasslu għall-esklużjoni mis-suq tax-xogħol u għall-faqar;

15.  Jenfasizza li n-nisa minn minoranzi etniċi jeħtieġu aċċess għal tagħrif dwar il-kura tas-saħħa f'lingwi differenti; jisħaq fuq l-importanza tat-taħriġ interkulturali għall-fornituri tal-kura tas-saħħa, bi sħubija mal-gruppi tan-nisa tal-minoranzi etniċi;

L-ugwaljanza bejn is-sessi

16.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tqis l-aspett tas-sessi meta tieħu deċiżjonijiet dwar politiki u miżuri mmirati lejn l-inklużjoni soċjali;

17.  Jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri sabiex jiżguraw aċċess għal servizzi ta' appoġġ għall-prevenzjoni ta' vjolenza bbażata fuq is-sessi u li jipproteġu n-nisa minn vjolenza tali, independentement mill-istatus legali, ir-razza, l-età, l-orjentament sesswali, l-oriġini etnika u r-reliġjon tagħhom;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-leġiżlazzjoni eżistenti tal-ugwaljanza bejn is-sessi u kontra diskriminazzjoni tiġi implimentata b'mod sħiħ, billi tagħmel disponibbli riżorsi għal taħriġ iffukat u miżuri ta' sensibbilizzazzjoni dwar id-drittijiet li diġà għandhom in-nisa li jappartjenu għal minoranzi etniċi, u l-modi ta' kif dawn jistgħu jsibu rimedju għal kwalunkwe ksur tad-drittijiet tagħhom;

19.  Jistieden lill-Istati Membri sabiex jiżguraw il-protezzjoni ta' vittmi ta' diskriminazzjoni multipla, li grupp kbir minnhom jikkonsisti f'nisa minn minoranzi etniċi, billi jżidu klawżoli espliċiti u regolamenti vinkolanti dwar diskriminazzjoni multipla fis-sistema legali;

20.  Jinsisti fuq l-involviment attiv tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza tas-Sessi fil-ġbir ta' data u fit-twettiq ta' riċerka dwar kwistjonijiet ta' integrazzjoni rigward in-nisa ta' minoranzi etniċi, li b'mod konsistenti japplikaw il-prinċipju tal-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa (gender mainstreaming) u jippromwovu l-prijoritajiet fil-qasam tal-inklużjoni soċjali;

21.  Jistieden lill-Aġenzija tad-Drittijiet Fundamentali biex tinkludi perspettiva transverali tal-ugwaljanza bejn is-sessi u tad-drittijiet tan-nisa fl-aspetti kollha tal-qafas multiannwali u l-attivitajiet sussegwenti tagħha, inklużi dawk dwar id-diskriminazzjoni etnika u dwar id-drittijiet fundamentali tar-Roma;

22.  Jistieden lill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza tas-Sessi biex b'mod sistematiku jiġbor data diżaggregata skont is-sess u l-etniċità kif ukoll elementi oħra, u li jippreżenta r-riżultati b'mod diżaggregat skont is-sess u l-etniċità; jenfasizza l-ħtieġa ta' mekkaniżmi ta' ġbir ta' data u ta' protezzjoni tad-data adegwati biex jiżguraw li ma jkunx hemm użu ħażin tagħha għal skopijiet bħall-ħolqien ta' profili razzjali;

23.  Isemmi r-rwol kruċjali tal-korpi nazzjonali tal-ugwaljanza biex jipprovdu appoġġ u assistenza lill-vittmi ta' diskriminazzjoni u biex jinformawhom dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom; jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-korpi nazzjonali għall-ugwaljanza jkunu effiċjenti u indipendenti u jipprovdulhom riżorsi finanzjarji u umani suffiċjenti għal kull tip ta' diskriminazzjoni, flimkien mad-diskriminazzjoni multipla; jistieden lill-korpi nazzjonali għall-ugwaljanza biex jiżviluppaw għodda u taħriġ dwar id-diskriminazzjoni multipla, inkluża s-sitwazzjoni speċifika tan-nisa li jappartjenu għal gruppi etniċi minoritarji;

o
o   o

24.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 180, 19.7.2000, p. 22.
(2) ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16.
(3) ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23.
(4) ĠU L 373, 21.12.2004, p. 37.
(5) Adottata permezz tar-riżoluzzjoni 217A (III) tal-Assemblea Ġenerali tal-10 ta' Diċembru 1948.
(6) Adottata permezz tar-riżoluzzjoni 34/180 tal-Assemblea Ġenerali tat-18 ta' Diċembru 1979.
(7) Adottata permezz tar-riżoluzzjoni 47/135 tal-Assemblea Ġenerali tat-18 ta' Diċembru 1992.
(8) Dokument Nru 5731/10 tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tat-3 ta' Marzu 2010.
(9) ĠU L 301, 20.11.2007, p. 3.
(10) ĠU C 298 E, 8.12.2006, p. 283.
(11) ĠU C 219 E, 28.8.2008, p. 317.
(12) ĠU C 313 E, 20.12.2006, p. 118.
(13) ĠU C 46 E, 24.2.2010, p. 48.
(14) Testi adottati, P6_TA(2009)0371
(15) Testi adottati, P7_TA(2010)0021.

Aġġornata l-aħħar: 27 ta' Lulju 2011Avviż legali