Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2010/2846(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B7-0494/2010

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 08/09/2010 - 6.3
CRE 08/09/2010 - 6.3
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2010)0310

Testi adottati
PDF 230kWORD 61k
L-Erbgħa, 8 ta' Settembru 2010 - Strasburgu
Id-drittijiet tal-bniedem fl-Iran, b'mod partikolari l-każijiet ta' Sakineh Mohammadi-Ashtiani u ta' Zahra Bahrami
P7_TA(2010)0310RC-B7-0494/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Settembru 2010 dwar id-drittijiet tal-bniedem fl-Iran, b'mod partikolari l-każijiet ta' Sakineh Mohammadi Ashtiani u Zahra Bahrami

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Iran, partikolarment dawk li jirrigwardaw id-drittijiet tal-bniedem, u b'mod partikulari dawk tat-22 ta' Ottubru 2009(1) u tal-10 ta' Frar 2010(2),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-President tal-Parlament Ewropew fl-okkażjoni tal-Jum Ewropew Kontra l-Piena tal-Mewt tad-9 ta' Ottubru 2009 kif ukoll id-dikjarazzjoni tal-11 ta' Awwissu 2010 dwar is-sentenzi mogħtija lill-mexxejja Baha'i,

–  wara li kkunsidra l-istqarrijiet tal-14 ta' Ġunju u tas-6 ta' Lulju 2010 mill-Viċ President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà,

–  wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tat-23 ta' Settembru 2009 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Iżlamika tal-Iran u l-istqarrija tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Iran tal-4 ta' Marzu 2010,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet adottati mill-Assemblea Ġenerali tan-NU, b'mod partikolari r-Riżoluzzjonijiet 62/149 u 63/168 dwar moratorju fuq l-eżekuzzjonijiet fl-istennija tal-abolizzjoni tal-piena tal-mewt,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali (ICESCR), il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni Razzjali, u l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, li r-Repubblika Iżlamika tal-Iran hija firmatarja tagħhom kollha,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Diplomatiċi u Konsulari tal-1963,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Iran għad għandu r-rekord dinjija xejn sabiħa li huwa l-pajjiż li jiġġustizzja l-akbar għadd ta' minorenni, u billi fis-sena 2010 weħidha ngħataw madwar 2 000 sentenza tal-mewt,

B.  billi, skont xi rapporti, fil-Ħabs Vahil Abad ta' Mashad f'dawn l-aħħar ftit ġimgħat biss ġew ġustizzjati “l fuq minn mitt priġunier fuq akkużi marbuta mad-droga, u billi madwar mija oħra qed jistennew li jiġu ġustizzjati fil-jiem li ġejjin; billi dawn l-eżekuzzjonijiet kollettivi, li barra minn hekk ġew ordnati bl-akbar segretezza, jirrappreżentaw ksur flagranti tal-liġijiet internazzjonali,

C.  billi, minkejja l-asserzjonijiet mill-ogħla membri tal-ġudikatura Iranjana, l-Iran għadu jimponi s-sentenza tat-tħaġġir għad-delitt tal-“adulterju”, bħal fil-każ ta' Sakineh Mohammadi Ashtiani, li kien enfasizzat fil-“konfessjonijiet” televizzati tagħha tal-11 ta' Awwissu 2010,

D.  billi fl-2006, Sakineh Mohammadi Ashtiani, li kienet akkużata li kellha żewġ relazzjonijiet intimi barra miż-żwieġ wara l-mewt ta' żewġha, ġiet ikkundannata fl-Iran għal piena ta' 99 sawt bil-frosta, liema sentenza ġiet eżegwita fl-istess sena,

E.  billi kienet akkużata wkoll li kienet kompliċi fil-qtil ta' żewġha u mbagħad inħelset minn din l-akkuża, qabel ma ġiet akkużata bl-adulterju waqt iż-żwieġ tagħha u kkundannata għat-tħaġġir,

F.  billi t-tħaġġir li kellu jseħħ fid-9 ta' Lulju 2010, ġie sospiż “għal raġunijiet umanitarji” mill-awtoritajiet Iranjani, wara pressjoni internazzjonali,

G.  billi s-sentenza ta' tħaġġir hija ksur ċar tal-obbligi internazzjonali tal-Iran skont l-ICCPR; billi kien biss dan l-aħħar li l-Iran, matul ir-Reviżjoni Universali Perjodika tiegħu fil-Kunsill tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, aċċetta li jirrispetta “l-istandards minimi” u d-dispożizzjonijiet tal-ICCPR rigward il-piena tal-mewt, sakemm jibqa' jżommha,

H.  billi Ebrahim Hammadi, ġuvni ta' 18-il sena, ingħata s-sentenza tal-mewt f'Awwissu 2010 fuq akkużi ta' sodomija li allegatament wettaqha meta kien għad għandu biss 16-il sena u abbażi ta' konfessjoni li jafferma li ġiet ottenuta bit-tortura,

I.  billi l-avukat tad-difiża fiż-żewġ każijiet, Mohammed Mostafaei, li pprova jqajjem il-kuxjenza pubblika dwar is-sitwazzjoni taż-żewġ akkużati, kellu jaħrab mill-pajjiż minħabba l-biża' li jiġi arrestat u billi aktar u aktar avukati tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi Mohammed Ali Dadkah, Mohammad Oliyifard u Mohammad Seifzadeh, u saħansitra personalitajiet prominenti bħar-rebbieħa tal-Premju Nobel Shirin Ebadi, qed jiġu kkonfrontati b'persekuzzjoni statali fil-forma ta' talbiet fiskali straordinarji u theddidiet kontra ħajjiethom u dawk tal-familja tagħhom,

J.  billi Nasrin Sotoudeh, avukat prominenti tad-drittijiet ta-bniedem li tgawdi ħafna rispett għal xogħolha favur minorenni li qed jiffaċċjaw il-piena tal-mewt u għad-difiża tagħha ta' priġunieri tal-kuxjenza, ġiet arrestata fl-4 ta' Settembru 2010 b'akkużi ta' “propaganda kontra l-istat” u “konfoffa u għaqda bil-għan li ssir azzjoni kontra s-sigurtà nazzjonali”,

K.  billi sena wara l-elezzjonijiet presidenzjali mbagħbsa u l-protesti tal-massa li seħħew wara, mijiet ta' dimostranti, ġurnalisti, attivisti tad-drittijiet ċivili jew anke ċittadini ordinarji, bħaċ-ċittadina Olandiża Zahra Bahrami, li jiċħdu li kellhom x'jaqsmu mad-dimostrazzjonijiet għadhom fil-ħabs,

L.  billi Zahra Bahrami, li kienet ivvjaġġat lejn l-Iran biex iżżur lil qrabatha, ġiet arrestata wara l-protesti ta' Ashura fis-27 ta' Diċembru 2009 u ġġiegħlet tagħmel konfessjoni televizzata biex tammetti l-akkużi li nġiebu kontriha,

M.  billi la l-organizzazzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, u lanqas l-awtoritajiet Olandiżi ma ngħataw aċċess għas-Sinjura Bahrami,

N.  billi l-konfessjonijiet sfurzati, it-tortura u t-trattament ħażin tal-priġunieri, it-tiċħid mill-irqad, l-iżolament fil-ħabs, id-detenzjoni sigrieta, l-applikazzjoni ta' trattament krudili, inuman u degradanti, l-abbuż fiżiku, inkluża l-vjolenza sesswali, u l-impunità ta' aġenti tal-Istat ilkoll għadhom frekwenti fl-Iran, b'tali mod li jqajmu dubji serji dwar il-ġustizzja u t-trasparenza tal-proċedura ġudizzjarja f'dak il-pajjiż,

O.  billi qed jikber l-għadd ta' każijiet fejn difensuri paċifiċi tad-drittijiet ċivili qed jiġu akkużati b'“moharabeh” (għadwa ma' Alla) li tista' ġġib is-sentenza tal-mewt bħalma hu l-każ għal Shiva Nazar Ahari, membru tal-Kumitat tar-Reporters tad-Drittijiet tal-Bniedem (CHRR), li ilha miżmuma taħt arrest mill-20 ta' Diċembru 2009 u li l-proċess tagħha quddiem qorti kriminali huwa imminenti,

P.  billi l-persekuzzjoni ta' minoranzi reliġjużi u etniċi fl-Iran għadha għaddejja mingħajr ma tonqos xejn; billi f'Awwissu 2010 seba' mexxejja tal-fidi Baha'i, Fariba Kamalabadi, Jamaloddin Khanjani, Afif Naeimi, Saeid Rezaie, Mahvash Sabet, Behrouz Tavakkoli, u Vahid Tizfahm, li ilhom il-ħabs mill-2008 fuq il-bażi waħdanija tat-twemmin reliġjuż tagħhom, ingħataw sentenza ta' 20 sena ħabs fuq akkużi ta' propaganda kontra l-istat u spjunaġġ,

Q.  billi għadu għaddej il-fastidju tal-politiċi tal-oppożizzjoni Mir-Hossein Mousavi u Mehdi Karrubi kif ukoll ta' membri anzjani oħra tal-partiti politiċi; billi fil-bidu ta' Settembru 2010 r-residenza tal-ex kandidat presidenzjali Mehdi Karroubi ġiet attakata min tużżani ta' rġiel armati lebsin biċ-ċivil, bir-riżultat li f'dar Karroubi saru graffiti, vandaliżmu, tkissir ta' twieqi u sparar; billi dawn l-attakki ġraw wara kummenti mill-Kmandant tal-Gwardji Revoluzzjonarji Mohammad Ali Jafari li l-poplu tal-Iran kien sejjer jiġġudika l-“kapijiet tas-sedizzjoni”, riferiment għall-kapijiet tal-oppożizzjoni; billi l-pulizija bl-ebda mod ma ppruvaw iwaqqfu l-attakki,

R.  billi nies li sfaw akkużati b'delitti ġew assoċjati mal-oppożizzjoni politika fl-Iran, u membri tal-oppożizzjoni politika ġew assoċjati mill-ġudikatura Iranjana mat-twettiq ta' delitti, bil-għan li l-oppożizzjoni politika titqies ħaġa waħda bħal aġir kriminali,

1.  Juri r-rispett tiegħu quddiem il-kuraġġ tal-irġiel u n-nisa Iranjani kollha li qed jiddefendu l-libertajiet fundamentali, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-prinċipji demokratiċi tagħhom, li jipprotestaw attivament kontra t-tħaġġir u forom oħra ta' pieni krudili u li jixtiequ jgħixu f'soċjetà ħielsa mir-ripressjoni u l-intimidazzjoni;

2.  Jikkundanna bil-qawwa s-sentenza tal-mewt bit-tħaġġir li ngħatat Sakineh Mohammadi Ashtiani, u jqis li, kienu x'kienu l-fatti, sentenza tal-mewt bit-tħaġġir qatt ma tista' tkun ġustifikata jew aċċettata;

3.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Iranjani biex iwarrbu s-sentenzi imposti fir-rigward ta' Sakineh Mohammadi Ashtiani, u biex jagħtu bidu għal reviżjoni komprensiva tal-każ tagħha;

4.  Jinsisti bil-qawwa li l-Gvern Iranjan jerġa' jikkunsidra l-każ ta' Zahra Bahrami, jagħtiha minnufih aċċess għal avukat u għall-assistenza konsulari, jeħlisha jew jagħtiha proċess ġust; jistieden lill-Barunissa Ashton, Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà, biex tqajjem il-kwistjoni tad-detenzjoni ta' Zahra Bahrami mal-awtoritajiet Iranjani;

5.  Jitlob lill-gvern tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran biex iwaqqaf l-eżekuzzjoni ta' Ebrahim Hamidi, ġuvni ta' 18-il sena akkużat bis-sodomija, u jitlob li r-Repubblika Iżlamika tal-Iran fl-aħħar tneħħi l-piena tal-mewt għal delitti mwettqa qabel l-età ta' 18-il sena u temenda l-leġiżlazzjoni tagħha biex iġġibha konformi mal-konvenzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem li l-Iran irratifika, inklużi l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-ICCPR;

6.  Jesprimi l-konsternazzjoni gravi tiegħu dwar il-fatt li l-Iran għadu jinsab fost il-ftit pajjiżi li għadhom jipprattikaw it-tħaġġir, flimkien mal-Afganistan, is-Somalja, l-Arabja Sawdita, is-Sudan u n-Niġerja; jistieden lill-Parlament tal-Iran biex jgħaddi leġiżlazzjoni li tipprojbixxi l-prattika krudili u inumana tat-tħaġġir;

7.  Jeġa' jsostni l-oppożizzjoni qawwija tiegħu għall-piena tal-mewt u jistieden lill-awtoritajiet Iranjani biex, f'konformita mar-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tan-NU 62/149 u 63/168, jistabbilixxu moratoju fuq l-eżekuzzjonijiet fl-istennija tal-abolizzjoni tal-piena tal-mewt;

8.  Jitlob li fl-Assemblea Ġenerali li jmiss tan-NU titressaq riżoluzzjoni li titlob lill-pajjiżi kollha li għad għandhom il-piena tal-mewt biex ipoġġu għad-dispożizzjoni tas-Segretarju Ġenerali tan-NU, u tal-pubbliku, it-tagħrif kollu dwar il-piena tal-mewt u l-eżekuzzjonijiet, b'tali mod li tingħeleb is-segretezza statali fir-rigward tal-piena tal-mewt, li hija fattur f'għadd kbir ta' eżekuzzjonijiet;

9.  Jesprimi l-oppożizzjoni tiegħu għal kwalunkwe kriminilizzazzjoni tar-relazzjonijiet sesswali kunsenswali bejn l-adulti, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Iranjani biex jiddekriminalizzaw l-“adulterju” u l-omosesswalità;

10.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Iranjani biex jeliminaw, fil-liġi u fil-prattika, kull forma ta' tortura u trattament jew piena ta' natura krudili, inumana jew degradanti, u biex jirrispettaw il-proċeduri dovuti tal-liġi u jtemmu l-impunità f'każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

11.  Jistieden lir-Repubblika Iżlamika tal-Iran biex tiffirma u tirratifika l-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW);

12.  Jiddeplora bil-qawwa n-nuqqas ta' ġustizzja u trasparenza fil-proċess ġudizzjarju fl-Iran u jitlob lill-awtoritajiet Iranjani biex jiggarantixxu proċedura ta' appell ġusta u miftuħa;

13.  Jistieden lill-awtoritajiet Iranjani biex jagħtu aċċess lill-Kumitat Internazzjonali tal-Qamar Felli l-Aħmar għall-priġunieri kollha u biex iħallu lill-organizzazzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem jimmonitorjaw is-sitwazzjoni fil-pajjiż;

14.  Jistieden lill-awtoritajiet Iranjani biex minnufih jeħilsu lil dawk kollha li qed jinżammu fuq il-bażi waħdanija tal-involviment tagħhom fi protesti paċifiċi u x-xewqa tagħhom li jeżerċitaw id-dritt bażiku tal-bniedem tagħhom tal-libertà tal-espressjoni, u, b'mod partikolari, itenni s-sejħa tiegħu biex is-seba' mexxejja Baha'i jiġu lliberati mill-akkużi miġjuba kontrihom;

15.  Jinnota li l-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon huwa dritt fundamentali li jeħtieġ li jkunu garantit f'kull ċirkostanza, skont l-Artikolu 18 tal-ICCPR, li r-Repubblika Iżlamika tal-Iran iffirmatu u rratifikatu;

16.  Jitlob li l-avukati tad-drittijiet tal-bniedem kollha li jinsabu arrestati jinħelsu minnufih;

17.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-abbuż tal-poteri ġudizzjarji min-naħa tal-awtoritajiet Iranjani biex jaġixxu kontra l-komunità tad-drittijiet tal-bniedem u l-attivisti tas-soċjetà ċivili, bħall-membri tal-Kampanja Miljun Firma u l-Kunsill Ċentrali tal-organizzazzjoni studenteska ADVAR, fost l-oħrajn;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex ifasslu miżuri addizzjonali, fil-kuntest tal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem, ħalli jipproteġu attivament id-drittijiet ta' Iranjani li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem ,u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jappoġġjaw il-“European Shelter City Programme”;

19.  Isejjaħ biex jerġa' jiġi stabbilit mandat tan-NU għal Rapporteur Speċjali li jinvestiga l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u jinkoraġġixxi r-responsabbiltà għal dawk li jwettqu ksur tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran;

20.  Isejjaħ biex il-lista eżistenti ta' individwi u organizzazzjonijiet li huma soġġetti għal projbizzjoni tal-ivvjaġġar u ffriżar tal-assi tiġi estiża biex tinkludi dawk li huma responsabbli għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem, għar-ripressjoni u għat-trażżin tal-libertà fl-Iran;

21.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi Prsident tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet uniti, lill-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-President tal-Qorti Suprema tal-Iran u lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran.

(1) Testi adottati, P7_TA(2009)0060.
(2) Testi adottati, P7_TA(2010)0016.

Avviż legali - Politika tal-privatezza