Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2010/2857(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B7-0524/2010

Dibattiti :

PV 22/09/2010 - 9
CRE 22/09/2010 - 9

Votazzjonijiet :

PV 07/10/2010 - 9.3
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2010)0350

Testi adottati
PDF 232kWORD 64k
Il-Ħamis, 7 ta' Ottubru 2010 - Brussell
Nuqqasijiet fil-qasam tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ġustizzja fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo
P7_TA(2010)0350RC-B7-0524/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Ottubru 2010 dwar in-nuqqasijiet fil-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ġustizzja fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-RDK, b'mod partikolari dawk tas-17 ta' Jannar 2008 dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u l-istupru bħala delitt tal-gwerra(1) u tas-17 ta' Diċembru 2009 dwar il-vjolenza sesswali fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo(2), marbuta mal-vjolenza sesswali minn gruppi armati u l-persistenza tal-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDK; wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu dwar l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fir-relazzjonijiet esterni tal-UE u l-konsolidazzjoni tal-paċi/il-bini tan-nazzjonijiet tas-7 ta' Mejju 2009(3),

–  wara li kkunsidra r-“Rapport Preliminari tal-missjoni ta' inkjesta tal-Uffiċċju Konġunt tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-istupri tal-massa u ksur ieħor tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa minn koalizzjoni ta' gruppi armati fuq l-assi Kibua Mpofi, fit-territorju ta' Walikale, provinċja ta' Kivu tat-Tramuntana, bejn it-30 ta' Lulju u t-2 ta' Awwissu 2010” (rapport preliminari dwar l-istupri tal-massa fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo) ippubblikat fl-24 ta' Settembru 2010,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija ta' Cotonou ffirmat f'Ġunju 2000,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-27 ta' Ottubru 2009 dwar ir-reġjun tal-Lagi l-Kbar,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill dwar is-sitwazzjoni fil-Lvant tar-RDK fl-10 ta' Ottubru 2008,

–  wara li kkunsidra l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2009/769/PESK tad-19 ta' Ottubru 2009 li temenda l-Azzjoni Konġunta 2007/405/PESK dwar il-missjoni tal-pulizija tal-Unjoni Ewropea fil-qafas tar-riforma tas-settur tas-sigurtà (SSR) u r-relazzjoni tagħha mas-sistema tal-ġustizzja fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (EUPOL RD Kongo),

–  wara li kkunsidra l-missjoni għar-riforma tas-settur tas-sigurtà EUSEC RD Kongo, stabbilita f'Ġunju 2005 (Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2005/355/PESK tat-2 ta' Mejju 2005 dwar il-missjoni tal-Unjoni Ewropea biex tipprovdi pariri u assistenza għar-riforma tas-settur tas-sigurtà fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK)),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1856(2008) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-mandat tal-MONUC,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1925 (2010) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, li tispeċifika l-mandat tal-missjoni tan-NU fir-RDK (MONUSCO),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet 1325 (2000) u 1820 (2008) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà, u r-riżoluzzjoni 1888 (2009) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-vjolenza sesswali kontra n-nisa u t-tfal f'sitwazzjonijiet ta' kunflitti armati, li jenfasizzaw ir-responsabbiltà tal-istati kollha biex itemmu l-impunità u biex iħarrku dawk responsabbli għal reati kontra l-umanità u delitti tal-gwerra, inklużi dawk relatati ma' vjolenza sesswali u vjolenza oħra kontra n-nisa u l-bniet,

–  wara li kkunsidra l-liġi dwar il-vjolenza sesswali adottata mill-Parlament tar-RDK fl-2006, li kienet maħsuba biex tgħaġġel il-prosekuzzjoni ta' każijiet ta' stupru u biex timponi kastigi iktar qawwija,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-Kunsill tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi fil-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp li għandha tiżgura l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-ħidma kollha tal-UE ma' pajjiżi sħab fil-livelli kollha,

–  wara li kkunsidra l-ħatra ta' Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar il-Vjolenza Sesswali f'kunflitti armati, f'Marzu 2010,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tas-27 ta' Awwissu 2010, minn Catherine Ashton, ir-Rappreżentant Għoli, u Andris Piebalgs, il-Kummissarju tal-UE għall-Iżvilupp, dwar il-qawmien mill-ġdid tal-vjolenza f'Kivu tat-Tramuntana fir-RDK,

–  wara li kkunsidra r-rapport tat-23 ta' Awwissu 2010 tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar l-istupri tal-massa ta' persuni ċivili li twettqu minn membri ta' gruppi armati fil-lvant tar-RDK,

–  wara li kkunsidra r-rwol tal-ġestjoni tal-kriżijiet tal-UE fil-qafas tal-implimentazzjoni tar-riżoluzzjonijiet 1325 u 1280 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fi ħdan il-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni bit-tqegħid ta' konsulenti speċjalizzati dwar il-ġeneru jew f'punti kruċjali f'kull missjoni tal-ġestjoni tal-kriżijiet fid-dinja kollha;

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi Atul Khare, l-Assistent Segretarju Ġenerali għaż-Żamma tal-Paċi tan-NU, irrapporta lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li bejn it-30 ta' Lulju 2010 u l-4 ta' Awwissu 2010, aktar minn 500 persuna sfaw vittmi ta' stupru tal-massa minn gruppi, inklużi tfajliet, nisa ta' etajiet sa 75 sena u trabi subien u bniet, fid-distrett tal-minjieri fil-Lvant tal-Kongo – u l-ħtija ta' dawn l-attakki ntefgħet fuq ir-ribelli u l-milizzja,

B.  billi l-attakki sesswali seħħew fil-viċinanzi ta' kamp għaż-żamma tal-paċi tan-NU li jinsab ftit mili biss bogħod mill-belt ta' Luvungi; billi jidher li fit-30 ta' Lulju 2010, l-għada tal-bidu tal-attakki, il-ħaddiema tan-NU kienu jafu li r-ribelli kienu okkupaw il-belt ta' Luvungi u l-irħula tal-inħawi fil-lvant tal-Kongo u li l-Kwartieri Ġenerali tan-NU fi New York ma kinux infurmati dwar l-istupri ħlief ġimagħtejn wara,

C.  billi l-Missjoni tan-NU fir-RDK (MONUSCO) għandha l-mandat skont il-Kapitlu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti li tuża kwalunkwe mezz meħtieġ biex twettaq il-mandat ta' protezzjoni tagħha, inkluż il-protezzjoni effettiva tal-popolazzjoni ċivili, persunal umanitarju u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jinsabu f'perikolu imminenti ta' vjolenza fiżika minn gruppi armati barranin jew mill-Kongo, u li tappoġġa l-isforzi tal-gvern fil-ġlieda kontra l-impunità u tiżgura l-ħarsien ta' persuni ċivili mill-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tal-liġi umanitarja internazzjonali, fosthom kull forma ta' vjolenza sesswali u bbażata fuq il-ġeneru,

D.  billi, minkejja l-preżenza tal-MONUSCO, il-ġlied bejn l-armata Kongoliża, il-milizzja tal-Mai Mai, il-ġellieda tal-Forzi Demokratiċi għal-Liberazzjoni tar-Rwanda (FDLR), il-Front Popolari għall-Ġustizzja fil-Kongo (FPJC) u l-Armata ta' Reżistenza tal-Mulej (LRA) sewa l-ħajja ta' 6 miljun ruħ mill-1998 u għadu jikkawża, jew direttament jew indirettament, eluf ta' mwiet, tbatija intollerabbli, faqar u persuni spustati internament (IDPs) kull xahar, filwaqt li s-sitwazzjoni fil-kampijiet tar-refuġjati tkompli teħżien,

E.  billi suldati tal-armata tal-Kongo kienu implikati fil-qtil u l-istupru ta' mijiet ta' persuni ċivili; billi istupri, reklutaġġ sfurzat ta' ċivili u tfal suldati u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem fil-partijiet tal-Lvant tar-RDK, mit-truppi ribelli tal-LRA, ġellieda tal-FDLR u l-armata Kongoliża nnifisha, qed ikomplu,

F.  billi l-istupru bħala arma tal-gwerra sar komuni ħafna fil-Lvant tal-Kongo fejn, skont in-Nazzjonijiet Uniti, tul is-sena li għaddiet ġew irrapportati minn tal-inqas 8 300 stupru, b'ħafna oħrajn jibqgħu mhux rapportati; billi, skont il-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Refuġjati, minn tal-inqas 1 244 mara kienu rrapportati li ġew stuprati fl-ewwel tliet xhur tal-2010, li tfisser medja ta' 14-il stupru kuljum; billi l-vjolenza sesswali u l-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru għandhom dejjem jitqiesu bħala delitti tal-gwerra u reati kontra l-umanità,

G.  billi l-istupri sistematiċi jintużaw minn firxa ta' gruppi armati, inkluża l-armata regolari fir-RDK, bħala parti minn tattika ta' gwerra tat-terrur u bħala mezz biex jinkisbu għanijiet militari u ekonomiċi; billi n-nisa jiġu attakkati deliberatament quddiem il-familji tagħhom jew quddiem il-membri kollha tar-raħal tagħhom biex tiġi terrorizzata s-soċjetà; billi dawn l-atti vjolenti spiss itellfu lin-nisa minn posthom fis-soċjetà, mill-kapaċità tagħhom li jieħdu ħsieb uliedhom u ħajjithom tiġi spiss ikkontaminata wkoll mill-virus tal-AIDS,

H.  billi n-nuqqas ta' prosekuturi ċivili u militari biex jagħmlu investigazzjonijiet imparzjali kontra dawk responsabbli għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem irriżulta li stupri minn gruppi u attakki sesswali huma komuni għall-poplu tal-Kongo, li ħoloq tip ta' “aċċettazzjoni” tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fiż-żona,

I.  billi l-armata Kongoliża għad għandha riżorsi umani, tekniċi u finanzjarji limitati biex twettaq il-kompiti tagħha fil-provinċji tal-Lvant tar-RDK, kif ukoll minħabba n-nuqqas ta' dixxiplina fost il-membri tagħha, u dan itellfilha mir-rwol tagħha li tħares il-popolazzjoni u terġa' tistabbilixxi l-paċi,

J.  billi ħafna NGOs osservaw żieda fl-oppressjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ġurnalisti, kapijiet tal-oppożizzjoni, vittmi u xhieda fir-RDK fl-aħħar sena, inklużi arresti illegali, prosekuzzjonijiet, theddid bit-telefon u konvokazzjonijiet ripetuti fl-uffiċċji tas-servizzi tal-informazzjoni,

K.  billi l-kriminal tal-gwerra Bosco Ntaganda għadu ma ġiex arrestat u, anzi, inħatar f'pożizzjoni ewlenija fl-operazzjonijiet militari konġunti bejn il-forzi Kongoliżi u tar-Rwanda fil-Lvant tar-RDK; billi l-ex mexxej Kongoliż Jean-Pierre Bemba Gombo tressaq quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjonali għal delitti tal-gwerra, inkluż l-istupru,

L.  billi l-kummerċ illegali tal-minerali fir-RDK jippermetti lil ħafna operaturi jkomplu jixtru l-minerali minn żoni kkontrollati minn gruppi ribelli, u b'hekk jiffinanzjaw lil dawk il-gruppi ribelli, li hu fattur li jħeġġeġ u jħarrax il-kunflitt,

M.  billi l-Liġi dwar il-Minerali ta' Kunflitt tal-Istati Uniti tal-Amerika, adottata reċentement, tirrappreżenta sforz biex twaqqaf lill-konsumaturi Amerikani milli jixtru telefowns ċellulari, kompjuters jew teknoloġiji avvanzati oħra manifatturati minn kumpaniji mill-Istati Uniti tal-Amerika li jużaw minerali mixtrija minn minjieri fil-kontroll tar-ribelli; billi l-liġi tistieden ukoll lil impriżi mill-Istati Uniti tal-Amerika, inklużi manifatturi ta' prodotti ta' proċessuri elettroniċi u minerali u ġojjelli tad-ditta għall-konsum, biex ta' kull sena jirrapportaw lill-Kummissjoni tal-Borża tat-Titoli jekk il-prodotti tagħhom jużawx xi deheb, tantalu, koltan jew kassiterit li jew ikunu ġew importati direttament mir-Repubblika Demokratika tal-Kongo jew inkella jkunu ddaħħlu b'kuntrabandu mid-disa' pajjiżi ġirien,

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-istupru tal-massa u ksur ieħor tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa bejn it-30 ta' Lulju u t-4 ta'  Awwissu 2010 fuq mill-anqas 500 mara fil-provinċja ta' Kivu tat-Tramuntana mill-Forzi Demokratiċi għal-Liberazzjoni tar-Rwanda (FDLR), grupp ta' ribelli Hutu, u mill-milizja tal-Mai Mai, kif ukoll dawk f'reġjuni oħrajn ta' Kivu tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar;

2.  Jistieden lill-atturi kollha jsaħħu l-ġlieda kontra l-impunità u jtemmu l-vjolenza u l-abbużi kontra d-drittijiet tal-bniedem fir-RDK, b'mod partikolari f'Kivu tat-Tramuntana; jisħaq dwar il-ħtieġa ta' sforzi ulterjuri għall-waqfien tal-azzjonijiet tal-gruppi armati lokali u barranin fil-Lvant tar-RDK;

3.  Jistieden lin-NU u lill-gvern tar-RDK jwettqu stħarriġ imparzjali u bir-reqqa dwar l-avvenimenti, biex jiġi żgurat li dawk responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u l-liġi umanitarja internazzjonali jinżammu responsabbli u jiġu pproċessati f'konformità mal-liġi tal-Kongo u dik internazzjonali;

4.  Jesprimi t-tħassib tiegħu li l-MONUSCO ma setgħetx tuża l-mandat u r-regoli tat-taqbid biex tipprovdi protezzjoni kontra dawn l-istupri bil-massa u abbużi oħra kontra d-drittijiet tal-bniedem minn movimenti armati qrib il-bażi tagħha taż-żamma tal-paċi; jirrikonoxxi, b'danakollu, li l-preżenza tal-MONUSCO għadha neċessarja u jitlob li jsir dak kollu possibbli ħalli tiżvolġi bis-sħiħ il-mandat tagħha għall-protezzjoni tal-persuni mhedda;

5.  Jistieden lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU sabiex, b'urġenza, jieħu l-miżuri kollha possibbli bil-għan li realment iwaqqaf l-attakki ulterjuri kontra l-popolazzjoni ċivili tal-provinċji tal-Lvant tar-RDK u jipprovdi lill-vittmi b'għajnuna medika, legali, soċjali, umanitarja u b'kull għajnuna oħra; jitlob l-implimentazzjoni effikaċi ta' “kodiċi ta' kondotta” ġdid għall-MONUSCO u l-ħolqien ta' grupp ta' segwitu ffukat fuq il-monitoraġġ tad-drittijiet tal-bniedem;

6.  Jisħaq fuq il-ħtieġa urġenti ta' soluzzjoni politika għall-kunflitt armat; jitlob lill-Gvern tar-RDK, f'kollaborazzjoni mill-qrib mal-komunità internazzjonali u l-Unjoni Afrikana, biex iġibu sigurtà u stabbiltà lill-poplu tal-Lvant tal-Kongou għall-gruppi armati fir-RDK biex jieqfu l-attakki kollha, biex jiġu rispettati d-drittijiet tal-bniedem u biex jirritorna immedjatament lejn id-djalogu għall-proċess tal-paċi;

7.  Jitlob għal żieda immedjata fil-parteċipazzjoni tan-nisa fl-inizjattivi kollha mmirati biex jinstabu soluzzjonijiet għall-kunflitt fir-RDK, inkluż bħala medjaturi, negozjaturi u fl-implimentazzjoni ta' miżuri ta' soluzzjoni għall-kunflitti;

8.  Jenfasizza li r-riabilitazzjoni u r-riforma tas-sistema ġudizzjarja (li tinkorpora dimensjoni ta' prevenzjoni u protezzjoni u tiġġieled l-impunità fir-rigward tal-vjolenza sesswali) u l-għajnuna għall-vittmi u l-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom, għandhom ikunu elementi ewlenin tal-programmi ta' għajnuna li se jiġu ffinanzjati; f'dan il-kuntest jitlob li l-każijiet ta' stupru tal-massa fil-lvant tar-RDK jiġu referuti lill-Qorti Kriminali Internazzjonali;

9.  Jenfasizza li l-ħolqien ta' armata tassew nazzjonali hi prijorità umanitarja ewlenija fir-RDK; itenni li biex isseħħ ir-riforma tal-armata Kongoliża u titjieb id-dixxiplina jenħtieġu taħriġ u salarji deċenti;

10.  Jistieden lill-Parlament tar-RDK biex joħloq Kummissjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem kif deskritta fil-kostituzzjoni, bħala l-ewwel pass qabel tingħadda liġi dwar il-protezzjoni tal-vittmi u tax-xhieda ta' abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, tal-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem, tal-ħaddiema tal-assistenza u tal-ġurnalisti;

11.  Jistieden lill-pajjiżi tal-Lagi l-Kbar biex iżommu livell għoli ta' impenn ħalli flimkien jippromwovu l-paċi u l-istabbiltà fir-reġjun permezz ta' mekkaniżmi reġjonali eżistenti u biex jintensifikaw l-isforzi tagħhom rigward l-iżvilupp ekonomiku reġjonali, b'attenzjoni speċjali għar-rikonċiljazzjoni, is-sigurtà tal-bniedem, responsabbiltà ġudizzjarja mtejba, u r-ritorn u l-integrazzjoni tar-rifuġjati u tal-persuni spostati internament;

12.  Jistieden lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri jappoġġaw l-attivitajiet tal-missjonijiet EUSEC RD u EUPOL RD; jitlob li l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi tiġi implimentata bis-sħiħ fl-operazzjonijiet tas-Sigurtà u d-Difiża Komuni; f'dan ir-rigward, jitlob perspettiva tal-ġeneru qawwija fil-missjonijiet ċivili u militari sabiex tkabbar l-effikaċja operattiva tagħha, peress li l-UE tista' twassal għal “valur miżjud” konsiderevoli bħala attur prinċipali fl-għajnuna għan-nisa f'kunflitti armati kif ukoll fil-prevenzjoni tal-kunflitti;

13.  Jiddeplora l-atti ta' vjolenza li kulma jmorru qegħdin jikbru kontra ħaddiema umanitarji u jagħti ġieħ lill-organizzazzjonijiet umanitarji li jwettqu xogħol estremament diffiċli fuq il-post f'kundizzjonijiet ferm insikuri;

14.  Jilqa' l-adozzjoni tal-Liġi l-ġdida tal-Istati Uniti tal-Amerika dwar il-“Minerali ta' Kunflitt” u jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jeżaminaw jekk għandux ikun hemm inizjattiva leġiżlattiva f'dan is-sens; iħeġġeġ lill-gvern tar-RDK biex jimplimenta u jikkonforma bis-sħiħ mal-Inizjattiva ta' Trasparenza tal-Industriji Estrattivi (EITI) għall-infurzar mill-ġdid tat-trasparenza u l-governanza tajba fis-settur tal-industriji estrattivi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill isaħħu l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fir-RDK, li qiegħda tkompli tgħarraq il-qagħda tad-drittijiet tal-bniedem u tikkontribwixxi għall-abbuż tagħhom;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lir-Rappreżentant Speċjali tan-NU dwar il-vjolenza sesswali f'kunflitti bl-armi, lis-Sottosegretarju Ġenerali għall-Affarijiet Umanitarji u l-Koordinatur tal-Għajnuna ta' Emerġenza, u lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti.

(1) ĠU C 41 E, 19.2.2009, p. 83.
(2) Testi adottati, P7_TA(2009)0118.
(3) Testi adottati, P6_TA(2009)0372.

Avviż legali - Politika tal-privatezza