Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2010/2855(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B7-0541/2010

Dibattiti :

PV 06/10/2010 - 10
CRE 06/10/2010 - 10

Votazzjonijiet :

PV 07/10/2010 - 9.4
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2010)0351

Testi adottati
PDF 108kDOC 76k
Il-Ħamis, 7 t'Ottubru 2010 - Brussell Verżjoni finali
Jum dinji kontra l-Piena tal-Mewt
P7_TA(2010)0351B7-0541, 0542, 0543, 0544 u 0545/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Ottubru 2010 dwar il-Jum Dinji kontra l-Piena tal-Mewt

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 6 tal-Konvenzjoni għall-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali dwar l-abolizzjoni tal-piena kapitali tat-28 ta' April 1983,

–  wara li kkunsidra t-Tieni Protokoll Fakultattiv għall-Ftehim Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li jimmira lejn l-abolizzjoni tal-piena kapitali tal-15 ta' Diċembru 1989,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt, b'mod partikolari dik tas-26 ta' April 2007 dwar l-inizjattiva favur moratorju universali għall-piena tal-mewt(1) ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-26 ta' Novembru 2009 dwar iċ-Ċina: drittijiet tal-minoranzi u l-applikazzjoni tal-piena tal-mewt(2) , tal-20 ta' Novembru 2008 dwar il-piena tal-mewt fin-Niġerja(3) , tas-17 ta' Ġunju 2010 dwar l-eżekuzzjonijiet fil-Libja(4) , tat-8 ta' Lulju 2010 dwar il-Korea ta' Fuq(5) , tat-22 ta' Ottubru 2009 dwar l-Iran(6) , tal-10 ta' Frar 2010 dwar l-Iran(7) , u tat-8 ta' Settembru 2010 dwar id-drittijiet tal-bniedem fl-Iran, b'mod partikolari l-każijiet ta' Mohammadi Ashtiani u ta' Zahra Bahrami(8) ,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 62/149 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tat-18 ta' Diċembru 2007 fejn intalab moratorju dwar l-użu tal-piena kapitali, u r-Riżoluzzjoni 63/168 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fejn intalbet l-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 62/149 tal-Assemblea Ġenerali 2007, adottata mill-Assemblea fit-18 ta' Diċembru 2008,

–  wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU lill-Assemblea Ġenerali dwar moratorji dwar l-użu tal-piena tal-mewt, tal-11 ta' Awwissu 2010 (A/65/280),

–  wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU lill-ħmistax-il sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-kwistjoni tal-piena tal-mewt, tas-16 ta' Lulju 2010 (A/HRC/15/19),

–  wara li kkunsidra d-diskors tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà/Viċi President tal-Kummissjoni mogħtija fil-plenarja tas-16 ta' Ġunju 2010 dwar il-politika tad-drittijiet tal-bniedem, li fakkar li l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt mad-dinja kollha kienet prijorità għall-UE u prijorità personali tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-President tal-PE Jerzy Buzek tad-19 ta' Ottubru 2009 li għamlet appell qawwi għall-abolizzjoni tal-piena kapitali,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni finali adottata mir-4 Kungress Dinji kontra l-Piena tal-Mewt, li sar f'Ġinevra bejn l-24 u s-26 ta' Frar 2010, li sejjaħ għall-abolizzjoni universali tal-piena tal-mewt,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-2008 tal-Kummissjoni Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, ir-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari tal-OSKE dwar moratorju dwar il-piena tal-mewt, u inizjattivi reġjonali oħra bħal dawk li ttieħdu mill-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra l-verżjoni aġġornata u rieżaminata tal-Linji Gwida tal-UE dwar il-Piena tal-Mewt, adottata mill-Kunsill fis-16 ta' Ġunju 2008,

–  wara li kkunsidra l-Jum Dinji kontra l-Piena tal-Mewt u t-twaqqif tal-Jum Ewropew kontra l-Piena tal-Mewt fl-10 ta' Ottubru ta' kull sena,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 2 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Unjoni Ewropea hija impenjata li taħdem għall-abolizzjoni tal-piena tal-mewt kullimkien u qed taħdem biex dan il-prinċipju jiġi aċċettat universalment,

B.  billi l-UE hija attur istituzzjonali ewlieni fit-taqbida kontra l-piena kapitali mad-dinja kollha u l-azzjoni tagħha f'dan il-qasam tirrappreżenta prijorità fundamentali fil-politika esterna tagħha tad-drittijiet tal-bniedem; billi l-UE hija wkoll donatur ewlieni b'appoġġ għall-isforzi minn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili madwar id-dinja biex iwasslu għall-abolizzjoni tal-piena tal-mewt,

C.  billi l-piena kapitali tikkostitwixxi l-iktar kastig krudili, inuman u degradanti, li jikser id-dritt għall-ħajja kif iddikjarat fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, u billi il-kundizzjonijiet ta' detenzjoni li jinħolqu mid-deċiżjoni tal-piena tal-mewt jammontaw għal tortura li hija inaċċettabbli għall-istati li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem,

D.  billi bosta studji wrew li l-piena kapitali m'għandhiex effett fuq it-tendenzi fil-kriminalità vjolenti,

E.  billi l-evidenza turi li l-piena kapitali l-ewwel u qabel kollox taffettwa persuni żvantaġġjati,

F.  billi d-dispożizzjonijiet tal-Protokolli 6 u 13 għall-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem jipprojbixxu lill-istati membri tal-Kunsill tal-Ewropea milli japplikaw il-piena tal-mewt,

G.  billi l-UE qed taħdem favur moratorju dwar l-applikazzjoni tal-piena kapitali minn pajjiżi terzi u, f'waqtu, għall-abolizzjoni u r-ratifika tal-istrumenti internazzjonali rilevanti tan-NU u strumenti oħra u, b'mod partikolari, it-Tieni Protokoll Fakultattiv tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li jipprevedi l-abolizzjoni tal-piena kapitali,

H.  billi l-abolizzjoni tal-piena kapitali hija waħda mill-prijoritajiet tematiċi għal għajnuna skont l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR), li mill-1994 iffinanzja “l fuq minn 30 proġett madwar id-dinja, b'baġit ġenerali ta' iktar minn EUR 15-il miljun,

I.  billi, wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, il-kunsens tal-Parlament huwa meħtieġ għall-konklużjoni ta' ftehimiet kummerċjali u, b'mod ġenerali, għal ftehimiet internazzjonali ma' pajjiżi terzi,

J.  billi l-Istatut tal-Qorti Kriminali Internazzjonali u dawk tal-Qorti Kriminali Internazzjonali għall-ex Jugożlavja, il-Qorti Kriminali Internazzjonali għar-Rwanda, il-Qorti Speċjali għas-Sierra Leone, il-Panels Speċjali għal Kriminalità Serja f'Dili, Timor-Leste, u l-Kmamar Straordinarji fil-Qrati tal-Kambodja jeskludu l-piena kapitali għad-delitti tal-gwerra, id-delitti kontra l-umanità u l-ġenoċidji, l-iktar delitti gravi għall-komunità internazzjonali li għandhom ġurisdizzjoni fuqha,

K.  billi fl-2007 u fl-2008, l-Assemblea Ġenerali tan-NU adottat ir-Riżoluzzjonijiet Storiċi 62/149 u 63/168 li jitolbu moratorju dinji fuq l-eżekuzzjonijiet u l-abolizzjoni immedjata tal-pieni kapitali, u f'dan ir-rigward jenfasizza l-fatt li l-għadd tal-pajjiżi li jappoġġaw din ir-riżoluzzjoni żdied u li, bħala riżultat, ir-Riżoluzzjoni 63/168 ġiet adottata b'maġġoranza kbira ta' 106 vot favur, 46 kontra u 34 astensjoni,

L.  billi r-Raba' Kungress Dinji Kontra l-Piena tal-Mewt, li ltaqa' f'Ġinevra fi Frar 2010, talab lill-Istati li abolixxew il-piena kapitali de facto biex jabolixxu l-piena kapitali de jure, lill-pajjiżi abolizzjonisti biex jinkorporaw is-suġġett tal-abolizzjoni universali fir-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom, u lill-organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali biex jappoġġaw l-abolizzjoni universali permezz tal-adozzjoni ta' riżoluzzjonijiet għal moratorju fuq l-eżekuzzjonijiet,

M.  billi 154 stat madwar id-dinja abolixxew il-piena kapitali bil-liġi jew fil-prattika, u 96 minnhom abolixxewha għal kull reat, 8 żammewha biss għal reati eċċezzjonali bħalma huma dawk kommessi matul il-gwerra, 6 għandhom moratorju fuq l-eżekuzzjonijiet u 44 huma abolizzjonisti fil-prattika (jiġifieri, pajjiżi li ilhom ma jeżegwixxu sentenza ta' piena kapitali għal mill-anqas 10 snin jew pajjiżi li għandhom obbligi vinkolanti li ma jużaw il-piena kapitali),

N.  billi iktar minn 100 pajjiż li jżommu l-piena kapitali għal delitti għamlu l-eżekuzzjoni ta' żagħżagħ kriminali illegali; jenfasizza, madankollu, li ammont żgħir ta' pajjiżi qed ikomplu bl-eżekuzzjoni ta' tfal kriminali bi ksur flagranti tal-liġi internazzjonali, b'mod partikolari, l-Artikolu 6(5) tal-ICCPR; jenfasizza b'mod partikolari li l-Iran għandu l-ogħla rata ta' eżekuzzjonijiet ta' minorenni,

O.  billi hawn bħalissa fid-dinja tużżani ta' nazzjonali Ewropej konfermati li qed jistennew il-piena kapitali jew se jingħataw il-piena kapitali, u billi jenfasizza f'dan ir-rigward il-ħtieġa kruċjali li r-reazzjoni Ewropea għall-eżekuzzjoni potenzjali tan-nazzjonali Ewropej tkun ikkonsolidata u msaħħa,

P.  billi fit-23 ta' Marzu 2010 l-President tad-Duma tal-Federazzjoni Russa, Boris Gryzlov, matul laqgħa f'Moska mal-membri tal-Kumitat ta' Monitoraġġ tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, qal li r-Russja ma rratifikatx is-Sitt Protokoll tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, rigward l-abolizzjoni tal-piena kapitali, billi tqiesu t-theddidiet terroristiċi fil-pajjiż,

Q.  jilqa' l-fatt li fil-11 ta' Frar 2010 l-Parlament tal-Kirgiżistan adotta t-Tieni Protokoll Fakultattiv tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li jimmira lejn l-abolizzjoni tal-piena kapitali, u li fil-21 ta' Mejju 2010, il-Gvern interim tal-Kirgiżistan għamel pubbliku l-abbozz finali tal-Kostituzzjoni, li jipprojbixxi, inter alia, il-piena kapitali u li issa ġie adottat,

R.  billi 43 pajjiż madwar id-dinja żammew il-piena kapitali u l-ikbar numru ta' eżekuzzjonijiet sar fiċ-Ċina, fl-Iran u fl-Iraq; billi ċ-Ċina waħidha wettqet madwar 5,000 jew 88% tat-total dinji ta' eżekuzzjonijiet; l-Iran eżegwixxa l-piena tal-mewt fuq mill-anqas 402 persuni, l-Iraq mill-anqas 77 u l-Arabja Sawdija mill-inqas 69,

S.  billi l-Iran għadu japplika l-piena kapitali bit-tħaġġir u billi dan imur kontra t-Tieni Protokoll Fakultattiv tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

T.  billi l-awtoritajiet tal-Korea ta' Fuq sistematikament iwettqu assassinji mill-istat u s-sistema ġudizzjarja hija servili għall-istat, u billi l-piena tal-mewt hija applikata għal firxa wiesgħa ta' delitti kontra l-istat u hija estiża perjodikament mill-Kodiċi Kriminali, filwaqt li ċ-ċittadini, inklużi t-tfal, huma mġiegħla jattendu għall-eżekuzzjonijiet pubbliċi,

U.  billi l-priġunijiet tal-Ġappun u l-qraba u l-avukati tagħhom ma jkunux infurmati dwar il-ġurnata fatidika tagħhom sakemm tasal,

V.  billi l-Kunsill Presidenzjali tal-Iraq reċentement irratifika s-sentenzi ta' piena kapitali ta' mill-inqas 900 ħabsi, inklużi nisa u tfal,

W.  billi jenfasizza li l-Belarus jibqa' l-uniku pajjiż Ewropew li għadu japplika l-piena kapitali fil-prattika; billi kemm l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa kif ukoll l-Unjoni Ewropea ripetutament ħeġġew lill-Belarus biex tabolixxi l-piena kapitali; billi d-dettalji dwar il-piena kapitali fil-Belarus jiżammu sigrieti, hemm tħassib serju dwar kemm il-proċessi huma ġusti u, skont il-Kodiċi Kriminali Eżekuttiv, il-piena kapitali tiġi applikata fil-privat billi l-ikkundannat jisparawlu, l-amministrazzjoni tal-faċilità ta' detenzjoni tinforma lill-imħallef dwar l-eżekuzzjonijiet u l-imħallef jinforma lill-qraba; billi l-kadavru tal-pesuna maqtula permezz ta' eżekuzzjoni ma jingħatax għad-difna lil qrabatu u l-lok tad-dfin jibqa' qatt ma jiġi kkomunikat,

X.  billi 35 stat minn 50 li jifformaw parti mill-Istati Uniti tal-Amerika għandhom il-piena kapitali, għad illi 4 minnhom ilhom ma jwettqu eżekuzzjoni mill-1976; billi fl-2009, l-eżekuzzjonijiet żdiedu għal 52 wara t-tmiem ta' moratorju de facto li kien fis-seħħ bejn Settembru 2007 u Mejju 2007, għad illi għas-seba' sena konsekuttiva l-għadd ta' kundanni għall-mewt fl-Istati Uniti tal-Amerika naqas għal 106,

Y.  billi jilqa' l-fatt li xi stati, fosthom Montana, New Mexico, New Jersey, New York, North Carolina u Kentucky, ħadu azzjoni kontra l-piena kapitali permezz ta' miżuri li kienu jinkludu moratorju dwar l-eżekuzzjonijiet jew l-abolizzjoni tiegħu, filwaqt li kkundannaw l-eżekuzzjonijiet ta' Teresa Lewis fl-Istat ta' Virginia u ta' Holly Wood f'Alabama, minkejja l-provi li dawn iż-żewġ persuni kienu mentalment diżabbli, u billi jenfasizza l-każijiet tas-sentenzi ta' piena kapitali għal Mumia Abu-Jamal f'Pennsylvania u ta' Troy Davis f'Georgia,

1.  Jisħaq fuq l-oppożizzjoni tiegħu, li ilha ż-żmien, għall-piena kapitali fil-każijiet u fiċ-ċirkostanzi kollha, u jenfasizza li l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt tikkontribwixxi għat-titjib tad-dinjità tal-bniedem u l-iżvilupp progressiv tad-drittijiet tal-bniedem;

2.  Jikkundanna l-eżekuzzjonijiet kollha, iseħħu fejn iseħħu; jappella bil-qawwa lill-UE u lill-Istati Membri biex jinfurzaw l-implimentazzjoni tar-riżoluzzjoni tal-UE dwar moratorju universali fuq l-eżekuzzjonijiet bl-għan tal-abolizzjoni totali fl-istati kollha li għadhom jipprattikaw il-piena kapitali; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jieħdu azzjoni sabiex jirrestrinġu b'mod gradwali l-użu tagħha filwaqt li jinsisti li din isseħħ skont l-istandards minimi internazzjonali; jesprimi t-tħassib serju tiegħu rigward l-impożizzjoni tal-piena tal-mewt fuq minuri u fuq persuni b'diżabbiltajiet mentali jew intellettwali u jitlob għall-waqfien immedjat u definittiv tagħhom;

3.  Iħeġġeġ lill-UE biex tagħmel użu mill-għodda kollha disponibbli ta' diplomazija u ta' għajnuna għall-kooperazzjoni biex taħdem favur l-abolizzjoni tal-piena kapitali;

4.  Jistieden lill-istati li japplikaw il-piena kapitali biex jiddikjaraw moratorju immedjat fuq l-eżekuzzjonijiet; iħeġġeġ ulterjorment lil pajjiżi bħaċ-Ċina, l-Eġittu, l-Iran, il-Malażja, is-Sudan, it-Tajlandja u l-Vjetnam biex joħorġu statistiċi uffiċjali rigward l-użu tal-piena kapitali f'dawn il-pajjiżi; iħeġġeġ ukoll lill-Korea ta' Fuq biex twaqqaf l-eżekuzzjonijit pubbliċi minnufih u b'mod permanenti;

5.  Jitlob lill-Ġappun biex jispjega b'mod ċar is-sistema tal-piena kapitali tiegħu;

6.  Iħeġġeġ lill-istati li ma abolixxewx il-piena kapitali biex jirrispettaw is-salvagwardji li jipproteġu d-drittijiet ta' dawk li jiffaċċjaw il-piena kapitali, kif stabbiliti fis-Salvagwardi tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tan-Nazzjonijiet Uniti; Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jinkoraġġixxu lil dawk il-pajjiżi li għadhom ma ffirmawx u ma rratifikawx it-Tieni Protokoll Fakultattiv tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi biex jagħmlu dan, u lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma ffirmawx il-Protokoll Nru 13 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-piena kapitali biex jagħmlu dan;

7.  Jistieden lill-istati membri tal-OSKE, partikolarment lill-Istati Uniti u lill-Belarus, biex jadottaw moratorju immedjat fuq l-eżekuzzjonijiet;

8.  Jistieden lill-Kazakistan u lil-Latvja biex jemendaw id-dispożizzjonijiet fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom li għadhom jippermettu l-impożizzjoni tal-piena kapitali għal ċerti delitti f'ċirkustanzi eċċezzjonali;

9.  Jinkuraġġixxi bil-qawwa lill-Istati Membri tal-UE u lill-ko-sponsors tar-riżoluzzjonijiet AĠNU 2007 u 2008 biex jintroduċu, fil-qafas ta' alleanza transreġjonali msaħħa, it-tielet riżoluzzjoni dwar il-piena kapitali fl-AĠNU65 li għandha tindirizza bi prijorità:

   l-abolizzjoni ta' “Sigrieti tal-Istat” rigward il-piena kapitali;
   il-pożizzjoni ta' “Mibgħut Speċjali” li mhux biss jimmonitorja s-sitwazzjoni u japplika pressjoni bil-ħsieb ta' trasparenza akbar fis-sistemi tal-piena kapitali, iżda wkoll biex ikompli jipperswadi lil dawk li għad għandhom il-piena tal-mewt biex jadottaw il-linja tan-NU għal moratorju fuq l-eżekuzzjonijiet bil-ħsieb li tiġi abolita l-piena tal-mewt;
   il-limitu tad-“delitti l-aktar serji” għall-applikazzjoni legali tal-piena kapitali;

10.  Jistieden lill-istati parteċipanti fl-OSKE biex iħeġġu lill-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem u l-Missjonijiet tal-OSKE biex, f'kooperazzjoni mal-Kunsill tal-Ewropa, jorganizzaw attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni kontra l-użu tal-piena kapitali, b'mod partikolari mal-midja, l-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi, min ifassal il-politiki u l-pubbliku ġenerali;

11.  Jistieden lill-istati OSKE li għadhom iżommu l-piena kapitali biex jittrattaw informazzjoni dwar il-piena tal-mewt b'mod trasparenti, filwaqt li jipprovdu informazzjoni pubblika dwar l-identità tal-individwi kkundannati għall-mewt jew li ngħataw il-mewt, u l-istatistika dwar l-użu tal-piena tal-mewt, skont l-impenji tal-OSKE;

12.  Iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex, partikolarment bl-għan tat-twaqqif tal-EEAS, jipprovdu gwida għal politika Ewropea komprensiva u effettiva kontra l-piena kapitali fir-rigward ta' għexieren ta' ċittadini Ewropej ikkonfermati li qed jiffaċċjaw l-eżekuzzjoni f'pajjiżi terzi, li għandha tinkludi mekkaniżmi b'saħħithom u mtejba f'termini tas-sistema ta' identifikazzjoni, l-għoti ta' għajnuna legali, l-interventi legali tal-UE u r-rappreżentazzjonijiet diplomatiċi;

13.  Iħeġġeġ ulterjorment attivitajiet ta' organizzazzjonijiet mhux governattivi li jaħdmu favur l-abolizzjoni tal-piena kapitali, inklużi Hands Off Cain, Amnesty International, Penal Reform International, il-World Coalition Against the Death Penalty u l-International Helsinki Federation for Human Rights, Sant'Egidio u Reprieve; jilqa' u jappoġġa r-rakkomandazzjonijiet dwar l-istrumenti tal-UE fil-ġlieda kontra l-piena tal-mewt magħmula waqt it-12-il Forum tal-UE-NGO dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;

14.  Jieħu l-impenn li jissorvelja l-kwistjoni tal-piena kapitali, li jiddiskuti każijiet speċifiċi mal-awtortajiet nazzjonali relevanti u li jqis inizjattivi possibbli u missjonijiet ad hoc f'pajjiżi li żammew il-piena kapitali, sabiex iħeġġeġ lill-awtortajiet governattivi biex jadottaw moratorju fuq l-eżekuzzjonijiet bil-għan li jabolixxuhom kompletament;

15.  Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex, meta jkunu qed jiġu konklużi ftehimiet ma' pajjiżi li għadhom japplikaw il-piena kapitali jew ma' pajjiżi li għadhom ma ffirmawx il-moratorju għall-abolizzjoni tal-piena kapitali, jinkoraġixxu bil-qawwa lil dawn il-pajjiżi jagħmlu dan;

16.  Jitlob lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà/Viċi President tal-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jibqgħu jsemmgħu leħen wieħed u biex iqisu li l-kontenut politiku prinċipali tar-riżoluzzjoni għandu jkun l-adozzjoni ta' moratorju madwar id-dinja bħala pass kruċjali lejn l-abolizzjoni tal-piena kapitali;

17.  Jistieden b'mod partikulari lill-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u Politika tas-Sigurtà/Viċi President tal-Kummissjoni biex turi l-prijorità politika li tattribwixxi lill-abolizzjoni tal-piena tal-mewt billi sistematikament tqajjem il-kwistjoni fil-kuntatti politiċi ma' pajjiżi li żammew il-piena tal-mewt u permezz ta' interventi personali regolari f'isem dawk fir-riskju ta' eżekuzzjoni imminenti;

18.  Ifakkar li l-abolizzjoni sħiħa tal-piena tal-mewt għadha waħda mill-għanijiet ewlenin tal-politika tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; iqis li dan l-objettiv jintlaħaq biss permezz ta' kooperazzjoni mill-qrib bejn l-istati, l-edukazzjoni, is-sensibilizzazzjoni, l-effiċjenza u effikaċja;

19.  Jinkuraġġixxi l-kooperazzjoni reġjonali f'dan ir-rigward; jinnota, pereżempju, li l-Mongolja formalment stabbiliet moratorju fuq l-eżekuzzjonijiet f'Jannar 2010 u, bħala konsegwenza pożittiva, bosta pajjiżi li jżommu l-piena kapitali qed iqisu l-kostituzzjonalità ta' din il-forma ta' kastig;

20.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jidentifikaw modi biex itejbu l-implimentazzjoni u l-effikaċja tal-Linji Gwida tal-UE dwar il-Piena tal-Mewt matul l-eżami attwali tal-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari fid-dawl tar-reviżjoni ppjanata tal-Linji Gwida fl-2011;

21.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jagħmlu użu mill-Jum Dinji u mill-Jum Ewropew kontra l-Piena Kapitali biex jenfasizzaw fost l-oħrajn il-każijiet ta' Sakineh Mohamadi Ashtiani, Zahara Bahrami, Mumia Abu-Jamal, Troy Davis, Oleg Grishkovstov, Andrei Burdyko u Ebrahim Hamidi, Suliamon Olyfemi u Siti Zainab Binti Duhri Rupa;

22.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-President tal-Assemblea Ġenerali tan-NU u lill-gvernijiet tal-istati membri tan-NU.

(1) ĠU C 74 E, 20.3.2008, p. 775.
(2) Testi adottati, P7_TA(2009)0105.
(3) ĠU C 16 E, 22.1.2010, p. 71.
(4) Testi adottati, P7_TA(2010)0246.
(5) Testi adottati, P7_TA(2010)0290.
(6) Testi adottati, P7_TA(2009)0060.
(7) Testi adottati, P7_TA(2010)0016.
(8) Testi adottati, P7_TA(2010)0310.

Aġġornata l-aħħar: 22 ta' Novembru 2011Avviż legali