Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2010/2852(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0535/2010

Testi mressqa :

B7-0535/2010

Dibattiti :

PV 07/10/2010 - 5
CRE 07/10/2010 - 5

Votazzjonijiet :

PV 07/10/2010 - 11.5
CRE 07/10/2010 - 11.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2010)0357

Testi adottati
PDF 211kWORD 46k
Il-Ħamis, 7 ta' Ottubru 2010 - Brussell
Il-futur tal-Fond Soċjali Ewropew
P7_TA(2010)0357B7-0535/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Ottubru 2010 dwar il-futur tal-Fond Soċjali Ewropew

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem “Ewropa 2020 - Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv”, COM(2010)2020,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-25 u s-26 ta' Marzu 2010,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-17 ta' Ġunju 2010 (UECO13/10), u b'mod partikolari l-adozzjoni minnu tal-Istrateġija Ewropa għall-2020,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-2010 tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OKŻE) dwar ir-rwol tal-edukazzjoni tul dan iż-żmien ta' kriżi,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-Rapport Strateġiku tal-2010 mill-Kummissjoni dwar l-Implimentazzjoni tal-Programmi tal-Politika ta' Koeżjoni adottati fil-laqgħa Nru 3023 tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin fil-Lussemburgu fl-14 ta' Ġunju 2010,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 6(e) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 156 tat-TFUE,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 162 tat-TFUE,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

1.  Jinnota r-rwol prinċipali tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE) fit-titjib tal-opportunitajiet ta' impjieg u ta' xogħol, fil-promozzjoni tal-adattament tal-ħiliet tal-ħaddiema għad-domandi tas-suq tax-xogħol, fl-integrazzjoni tal-ħaddiema fis-suq tax-xogħol, u fit-tisħiħ tal-inklużjoni soċjali;

2.  Jiġbed l-attenzjoni għall-erba' Linji Gwida dwar l-Impjiegi adottati mill-Parlament Ewropew u jilqa' l-fatt li l-objettivi jinkludu l-promozzjoni tal-impjiegi u l-ġlieda kontra l-faqar fil-kuntest ta' integrazzjoni/reintegrazzjoni fil-ħajja tax-xogħol permezz tat-taħriġ;

3.  Jenfasizza li l-progress sostantiv biex jinkisbu l-miri u l-Objettivi tal-Ewropa 2020, b'mod partikolari fil-qasam tal-impjiegi u l-affarijiet soċjali, huwa essenzjali jekk l-istrateġija għandha tkun kredibbli;

4.  Jemmen li l-miri u l-objettivi tal-Ewropa 2020 jistgħu jintlaħqu bl-użu ta' dan l-istrument bil-ħsieb li jiġu appoġġati l-impriżi ta' daqs żgħir u medju u li s-sistemi ta' edukazzjoni u l-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (ETV) jiġu aġġustati għall-ħtiġijiet tal-impriżi ta' daqs żgħir u medju;

5.  Jemmen li attenzjoni akbar fuq swieq tax-xogħol li jiffunzjonaw kif suppost u fuq il-kundizzjonijiet soċjali hija vitali sabiex jissaħħu t-tkabbir u l-produttività u jitjieb ir-rendiment tal-impjiegi fl-Ewropa;

6.  Jemmen ukoll li, sabiex jintlaħqu l-miri tal-Ewropa 2020, jeħtieġ li jkun hemm enfasi konsiderevoli fuq l-aġġornament tas-sistemi ta' edukazzjoni u tal-ETV, fuq xogħol deċenti, inkluża l-ġlieda kontra x-xogħol prekarju u mhux iddikjarat, fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-ħolqien ta' kundizzjonijiet favur ir-rikonċiljazzjoni tax-xogħol u l-ħajja privata, u fuq l-iżgurar li n-nies li bħalissa huma esklużi mis-suq tax-xogħol ikunu jistgħu jiksbu aċċess għalih;

7.  Iqis li l-FSE għandu jissaħħaħ bħala l-mutur prinċipali li jsostni l-istrateġija tal-Ewropa 2020; jenfasizza l-importanza li l-Istati Membri jużaw il-FSE biex jinvestu f'attivitajiet ta' ħiliet, impjiegi, taħriġ u taħriġ mill-ġdid bil-għan li jinħolqu iktar impjiegi u impjiegi aħjar;

8.  Iqis li l-effikaċja tal-FSE tiddependi fuq l-abilità tiegħu li jadatta ruħu għad-diversi problemi li jirriżultaw min-natura speċifika lokali u territorjali; jinkoraġġixxi, għalhekk, approċċ minn isfel għal fuq fl-identifikazzjoni tal-għanijiet tiegħu;

9.  Iqis li l-politiki dwar it-tkabbir ekonomiku sostenibbli u l-ħolqien tal-impjiegi fl-Ewropa huma prekundizzjonijiet għall-kisba tal-koeżjoni soċjali u territorjali;

10.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, filwaqt li l-koeżjoni territorjali hija importanti, hemm bżonn saħansitra ikbar li jinżammu l-isforzi biex tinkiseb il-koeżjoni soċjali skont l-ispirtu tat-Trattati, b'mod partikolari l-Artikolu 9 tat-TFUE;

11.  Jenfasizza li l-politika reġjonali tal-UE u l-politika soċjali tal-UE huma interrelatati u li t-tnejn huma vitali għas-suċċess tal-istrateġija Ewropa 2020, u jistieden lill-Kummissjoni biex tipprovdi qafas ċar għall-istabbiliment ta' sinerġiji b'saħħithom bejn il-politiki Ewropej u l-fondi strutturali;

12.  Jenfasizza li l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali għandha tissaħħaħ billi jittejbu l-impjegabilità u l-opportunitajiet tax-xogħol, jitħeġġeġ livell għoli ta' impjiegi u jiġu żgurati aktar impjiegi u impjiegi aħjar;

13.  Jenfasizza, għalhekk, l-importanza li jsiru l-isforzi kollha possibbli sabiex ikun żgurat li l-politiki u l-istrumenti tal-UE jaħdmu flimkien b'mod ikkoordinat u b'sostenn reċiproku sabiex jgħinu lin-nies fl-Ewropa jsibu impjiegi ta' kwalità, il-progress fil-karrieri tagħhom, joħorġu mill-faqar, permezz tal-inklużjoni fil-ħajja tax-xogħol permezz tat-taħriġ, jevitaw kull forma ta' esklużjoni soċjali u, b'mod ġenerali, jiggwadanjaw mill-benefiċċji tat-tkabbir futur;

14.  Jirrikonoxxi li l-fondi strutturali għadhom fil-biċċa l-kbira l-istrument ewlieni ta' finanzjament sabiex jintlaħqu l-objettivi soċjali u jitlob lill-Kummissjoni biex tippromwovi sinerġiji ma' programmi oħra u biex tappoġġja l-koerenza bejn il-programmi ta' qafas pluriennali, bħal Daphne, Progress, il-Programm tas-Saħħa Pubblika, u l-programm “Ewropa għaċ-ċittadini”;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni biex issaħħaħ il-potenzjal tal-fondi strutturali permezz tas-simplifikazzjoni, speċjalment tal-kontrolli, il-flessibilità u t-titjib tal-proċeduri, u tas-segwitu għalihom, billi tenfasizza d-dimensjoni tal-integrazzjoni soċjali, bil-għan li l-Istati Membri jkunu megħjuna jottimizzaw ir-riżultati tal-politiki soċjali u tal-impjiegi u joħolqu tkabbir sostenibbli; jenfasizza li l-FSE għandu bżonn li jsir aktar trasparenti fir-rigward tal-allokazzjoni tal-fondi, sabiex tingħata viżibilità reali lill-isforzi tal-Unjoni Ewropea favur l-impjiegi;

16.  Jenfasizza l-importanza tal-FSE bħala għodda ewlenija fil-ġlieda kontra l-qgħad u fit-titjib tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali tul il-ħajja għall-impjegati - speċjalment fil-kriżi kurrenti tal-impjiegi - kif ukoll fil-ġlieda kontra l-faqar u esklużjoni;

17.  Huwa tal-fehma li r-rwol tal-FSE fit-titjieb tal-impjegabilità u tal-adattabilità tal-ħaddiems għandu jissaħħaħ; Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra l-għażliet politiċi kollha possibbli biex jissaħħaħ il-kontribut tal-FSE fil-kuntest tal-arkitettura futura tal-fondi strutturali; ħalli jitjieb il-mudell soċjali fl-Unjoni Ewropea; jemmen li hemm vantaġġi konsiderevoli fiż-żamma tal-FSE taħt ir-regolament bażiku dwar id-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-fondi, imma bir-regoli tiegħu stess;

18.  Iqis li, bħala riżultat tal-moviment ħieles tal-persuni fis-suq intern, qed jitfaċċaw problemi ġodda f'xi partijiet tal-UE, b'mod partikulari fil-bliet il-kbar, b'rabta mal-għoti tal-protezzjoni soċjali ta' emerġenza lil persuni li ma jkunux jistgħu jmantnu lilhom infushom, u li dan qed iżid il-pressjoni fuq is-servizzi pubbliċi (tal-karità) u privati li jipprovdu għajnuna ta' emerġenza, pereżempju lil min ma jkollux dar jew lil gruppi ta' persuni marġinalizzati fis-soċjetà;

19.  Jenfasizza li l-prinċipju ta' sħubija jikkontribwixxi għat-trasparenza u s-simplifikazzjoni u li l-imsieħba, għalhekk, hemm bżonn li jkunu awtorizzati biex iwettqu r-rwol tagħhom b'mod xieraq; jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħaħ aktar l-approċċ ta' sħubija billi jiġi provdut appoġġ għall-FSE għall-bini tal-kapaċitajiet u t-taħriġ tal-imsieħba;

20.  Iqis li l-FSE għandu rwol ewlieni fil-promozzjoni tad-dimensjoni soċjali tat-tkabbir ekonomiku u l-parteċipazzjoni attiva taċ-ċittadini fis-soċjetà u fis-suq tax-xogħol, u b'hekk iżid l-opportunitajiet indaqs għal kulħadd bħala mezz għas-solidarjetà soċjali u interġenerazzjonali u l-ħolqien ta' soċjetà iktar inklussiva, bl-għan li jitnaqqas il-faqar;

21.  Iqis li r-riżultati tas-Sena Ewropea 2010 għall-Ġlieda Kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali jistgħu jgħinu lill-Kummissjoni biex timmirra lejn l-appoġġ għall-FSE b'mod aktar effettiv fil-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali fl-UE billi tappoġġa edukazzjoni aħjar għall-impjiegi futuri;

22.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

Avviż legali - Politika tal-privatezza