Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2010/2018(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0264/2010

Testi mressqa :

A7-0264/2010

Dibattiti :

PV 18/10/2010 - 13
CRE 18/10/2010 - 13

Votazzjonijiet :

PV 19/10/2010 - 8.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2010)0365

Testi adottati
PDF 136kWORD 89k
It-Tlieta, 19 t'Ottubru 2010 - Strasburgu Verżjoni finali
Ħaddiema nisa prekarji
P7_TA(2010)0365A7-0264/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Ottubru 2010 dwar ħaddiema nisa prekarji (2010/2018(INI))

Il-Parlament Ewropew ,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-18 ta' Diċembru 2009 bl-isem “L-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel – 2010” (COM(2009)0694),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Novembru 2003 bl-isem “It-titjib fil-kwalità fuq ix-xogħol: analiżi tal-progress riċenti” COM(2003)0728),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-2004 bl-isem “Impjieg Prekarju fl-Ewropa: Studju Komparattiv dwar ir-Riskji relatati mas-Suq tax-Xogħol f'Ekonomiji Flessibbi”,

–  wara li kkunsidra l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar “il-linji gwida għal politika dwar l-impjiegi tal-Istati Membri – It-Tieni Parti tal-Linji Gwida Integrati tal-Istrateġija Ewropa 2020” (COM(2010)0193),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2009 dwar “Il-flessigurtà fi żminijiet ta' kriżi”,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar xogħol temporanju permezz ta' aġenzija(1) ,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol(2) ;

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP(3) ,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE tal-15 ta' Diċembru 1997 li tikkonċerna il-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC(4) ,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' sfond tal-2010 mill-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib fil-Kundizzjonijiet tal-Għajxien u tax-Xogħol bl-isem “Xogħol atipiku ħafna”,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-2008 tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib fil-Kundizzjonijiet tal-Għajxien u tax-Xogħol bl-isem ' Miżuri biex jiġi indirizzat mill-Unjoni Ewropea x-xogħol mhux iddikjarat“,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-2007 tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib fil-Kundizzjonijiet tal-Għajxien u tax-Xogħol dwar “Il-kundizzjonijiet tax-Xogħol fl-Unjoni Ewropea: Il-perspettiva tas-sessi”,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-1998 tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib fil-Kundizzjonijiet tal-Għajxien u tax-Xogħol bl-isem “Impjieg u Kundizzjonijiet tax-Xogħol prekarji fl-Ewropa”,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Ewrobarometru ta' Ottubru 2007 bl-isem “Xogħol mhux iddikjarat fl-Unjoni Ewropea”,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-2009 tal-Grupp Espert tal-Kummissjoni Ewropea dwar is-Sessi u l-Impjieg (EGGE) bl-isem “Is-segregazzjoni bejn is-sessi fis-suq tax-xogħol”,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-2006 tal-Grupp Espert tal-Kummissjoni Ewropea dwar is-Sessi, l-Inklużjoni Soċjali u l-Impjieg bl-isem “L-inugwaljanzi bejn is-Sessi fir-riskji tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali għall-gruppi żvantaġġjati fi tletin pajjiż Ewropew”,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol bl-isem “Xogħol diċenti għall-ħaddiema domestiċi”, imħejji għad-99 Sessjoni tal-Konferenza tax-Xogħol Internazzjonali f'Ġunju 2010,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) bl-isem “Id-Dimensjoni bejn is-Sessi fix-Xogħol Domestiku fl-Ewropa tal-Punent”,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Ġunju 2010 dwar aspetti rigward il-ġeneru fil-kuntest tar-reċessjoni ekonomika u l-kriżi finanzjarja(5) ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Mejju 2009 dwar l-inklużjoni attiva tal-persuni esklużi mis-suq tax-xogħol(6) ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Novembru 2008 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' pagi indaqs għall-irġiel u għan-nisa(7) ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2006 dwar il-futur tal-Istrateġija ta' Lisbona mill-perspettiva tal-ġeneru(8) ,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Settembru 1998 dwar l-irwol tal-kooperattivi fit-tkabbir tal-impjieg tan-nisa(9) ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Frar 1998 dwar “ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fl-Unjoni Ewropea (1996)”(10) ,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tas-Sessjoni tal-Impjieg, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza tal-Ekonomija Ewropea u l-Kumitat Soċjali tat-12 ta' Mejju 2010 “Il-professjonalizzazzjoni tax-xogħol domestiku” (SOC/372 – CESE 336/2010 fin),

–  Wara li kkunsidra l-Istatistiċi Eurostat f'focus Nru 12/2010, bl-isem “Is-swieq tax-xogħol fl-UE-27 għadhom fi kriżi”,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-opinjoni tal-Kumitat għax-Xogħol u l-Affarijiet Soċjali (A7-0264/2010),

A.  billi l-individwalizzazzjoni u l-flessibilità li qed tiżdied tas-suq tax-xogħol – li tirriżulta f'nuqqas ta' negozjar kollettiv – titfa' lill-impjegati, u b'mod partikolari lin-nisa, li spiss ikollhom jibbilanċaw l-obbligi familjari tagħhom, u partikularment lin-nisa, li għandhom jibbilanċjaw l-obbligi familjari, f'pożizzjoni aktar vulnerabbli li tista' twassal għall-impjiegi prekarji, minħabba li jkun aktar faċli għal dawk li jħaddmu li jnaqqsu l-kundizzjonijiet tax-xogħol,

B.  billi n-nisa huma rrappreżentati żżejjed f'impjiegi prekarji fis-suq tax-xogħol, billi ċerti forom ta' xogħol prekarju li jsir min-nisa, bħalma huwa x-xogħol domestiku u x-xogħol ta' kura mħallas, huma inviżibbli fis-suq tax-xogħol, u billi minkejja l-qafas leġiżlattiv eżistenti għad hemm diskrepanzi kbar għan-nisa fl-UE rigward opportunitajiet ta' xogħol, kwalità tal-impjiegi, pagi li jippermettu l-għajxien u pagi ndaqs għal xogħol indaqs u tal-istess valur;

C.  billi r-rappreżentanza żejda tan-nisa f'impjiegi prekarji hija fattur li jikkontribwixxi għad-disparità fil-paġi bejn is-sessi, li għadha f'livell għoli persistenti; billi għalhekk it-titjib tal-kwalità tal-impjiegi tan-nisa se jnaqqas id-diverġenza tal-pagi bejn is-sessi,

D.  billi x-xogħol part-time involontarju huwa mifrux fis-settur tas-servizzi, partikularment l-industrija tal-lukandi u r-ristoranti, l-edukazzjoni, is-saħħa, ix-xogħol soċjali u servizzi oħra soċjali, tal-komunità u ta' kura personali, fejn il-maġġoranza tal-impjegati huma nisa,

E.  billi l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol jirrifletti r-rwol tagħhom fid-dar, u billi n-nisa għandhom it-tendenza li jagħżlu xogħol li jippermettilhom jaqdu kemm xogħol bil-ħlas kif ukoll xogħol mingħajr ħlas,

F.  billi l-kriżi ekonomika u finanzjarja kellha effett doppju fuq l-impjieg prekarju, minħabba li l-ewwel reazzjoni tal-kumpaniji kienet li jneħħu l-impjieg temporanju, u billi, barra minn dan, hemm biża' li bosta impjiegi permanenti li ġew mitlufa matul ir-riċessjoni mhux se jerġgħu jiġu stabbiliti, iżda mibdula bi skemi ta' impjiegi atipiċi jekk mhux prekarji,

G.  billi x-xogħol prekarju jirreferi għall-forom “mhux standard” tal-impjieg bi kwalunkwe karatteristika li ġejja:

   ftit jew kważi ebda tħaddin tas-sigurtà tal-impjieg għal xogħol mhux permanenti, ta' spiss xogħol ta' natura każwali, b'kuntratti li fihom kundizzjonijiet ħżiena fqar jew mingħajr ebda kuntratt bil-miktub, pereżempju f'każijiet ta' kuntratti temporanji, kuntratti involontarji fuq bażi part-time, sigħat u doveri ta' ħidma mhux ċari, li jinbidlu skont ir-rieda ta' min iħaddem;
   livell baxx ta' paga, li tista' tkun ukoll mhux uffiċjali u mhux ċara;
   ebda drittijiet għal protezzjoni soċjali jew benefiċċji relatati mal-impjieg;
   ebda protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni;
   prospetti limitati jew ebda prospetti għall-avvanz fis-suq tax-xogħol;
   ebda rappreżentazzjoni kollettiva tal-ħaddiema;
   ambjent tax-xogħol li ma jissodisfax l-istandards minimi tas-saħħa u s-sigurtà,

H.  billi l-kundizzjonijiet prekarji tal-impjieg, bħalma huma l-kuntratti li mhumiex bil-miktub, ħidma involontarja part-time u differenzi persistenti fil-pagi, għandhom effett fuq tul taż-żmien fuq il-protezzjoni u l-pensjonijiet tas-sigurtà soċjali u jitfa' “il ħaddiema f'riskju akbar ta' faqar,

I.  billi f'xi kuntesti n-nisa jinsabu fir-riskju li jkunu soġġetti għal kundizzjonjiet tax-xogħol li mhumiex deċenti, u billi għaldaqstant jistħoqqilhom jingħataw attenzjoni speċjali f'dan ir-rigward, partikularment in-nisa tqal u n-nisa li qed ireddgħu,

J.  billi l-globalizzazzjoni u l-isfond ekonomiku attwali, flimkien mal-progress teknoloġiku, qed ibiddlu r-relazzjonijiet tax-xogħol u l-kontenut tal-kompiti tal-ħaddiema,

K.  billi n-nisa f'impjiegi prekarji huma anqas probabbli li jkunu jafu drittijiethom u huma esposti għal riskju akbar ta' esklużjoni u/jew tkeċċija illeċita,

L.  billi għandha tkun enfasizzata l-importanza tad-dritt tal-ħaddiema kollha, inklużi n-nisa f'impjiegi prekarji, għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali.

M.  billi d-definizzjoni tan-nisa bħala t-tieni element ta' dħul fil-familja jagħti rappreżentazzjoni żbaljata ta' parti kbira mill-forza tax-xogħol femminili, li fil-fatt huma l-uniċi fil-familja li jdaħħlu l-flus id-dar,

N.  billi n-numru ta' nisa ħaddiema mhux iddikjarati qiegħed jiżdied, partikularment fis-settur domestiku,

O.  billi l-maġġoranza tal-ħaddiema domestiċi li jagħmlu xogħol ta' għajnuna domestika, tindif u catering huma nisa; billi x-xogħol domestiku fil-pajjiżi industrijalizzati jammonta għal bejn 5% u 9% tal-impjieg kollu, billi tali xogħol huwa partikularment prekarju, sottovalutat u informali, u billi l-vulnerabilità tal-ħaddiema domestiċi tfisser li ta' spiss issir diskriminazzjoni kontrihom u li jistgħu jkunu soġġetti faċilment għal trattament mhux ġust u abbużiv,

P.  billi t-telf ta' ħiliet tal-ħaddiema huwa problema komuni fil-kuntest ta' impjiegi prekarji, partikularment fil-każ ta' ħaddiema mkeċċija jew migranti li jaċċettaw impjiegi ta' ħiliet baxxi sabiex jibqgħu fis-suq tax-xogħol, u billi din is-sitwazzjoni, li taffettwa lin-nisa partikularment, qed tipperikola l-iżvilupp tal-karriera u l-kisba ta' livelli ta' salarju li jikkorrispondu għall-ħiliet miksuba u li jippossjiedu,

Q.  billi n-nisa migranti li jaċċettaw impjiegi temporanji ta' ħilijiet baxxi fil-periferija tas-suq tax-xogħol jew impjiegi bħala ħaddiema domestiċi jistgħu jkunu esposti għal diskriminazzjoni doppja minħabba li, apparti l-fatt li ta' spiss jaħdmu f'kundizzjonijiet foqra, irregolari jekk mhux illegali, huwa aktar probabbli li jiġu trattati ħażin jew ikunu suġġetti għal vjolenza jew abbuż sesswali; billi, barra minn dan, ta' spiss mhumiex konxji mid-drittijiet tagħhom, għandhom aċċess ristrett għas-servizzi pubbliċi, għandhom għarfien limitat tal-lingwa lokali u ma jistgħux jiffurmaw netwerks, u billi dawk li jaħdmu f'impjieg illegali ma jazzardawx jikkuntattjaw lill-awtoritajiet biex jitolbu l-protezzjoni minħabba li jibżgħu li jerġgħu jintbatu lura lejn pajjiżhom,

R.  billi l-ftehim tal-Kunsill tal-Ewropa tal-24 ta' Novembru 1969 dwar it-tqegħid tal-au pairs huwa skadut u konsegwentement ma jindirizzax il-problemi li jistgħu jinħolqu minħabba l-użu tal-au pairs il-lum il-ġurnata f'ħafna Stati Membri,

S.  billi l-UE għadha impenjata favur l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-oqsma kollha, billi, fi ħdan il-politiki tal-impjiegi, jeħtieġ li jkunu promossi l-opportunitajiet indaqs għan-nisa u għall-irġiel,

Natura bbażata fuq is-sessi tax-xogħol prekarju

1.  Jinnota n-natura bbażata fuq is-sessi ta' impjiegi prekarji u jfakkar fil-bidla fis-suq tax-xogħol minn impjieg standard għal impjieg non-standard, bidla li teħtieġ il-prevenzjoni ta' bidla minn tipi ta' impjiegi non-standard għal xogħol prekarju; iqis li, sabiex jiġġieldu dawn il-problemi, l-Istati Membru u s-sħab soċjali għandhom jintalbu jiftehmu fil-parti l-kbira dwar ir-regoli leġiżlattivi u kuntrattwali tagħhom dwar ix-xogħol standard u atipiku, sabiex jiġi evitat li l-aktar forom ta' xogħol inkonvenjenti u l-anqas għaljin jieħdu preċedenza, filwaqt li jikkunsidraw madankollu r-riskju ta' żieda possibbli ta' xogħol mhux iddikjarat;

2.  Iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jidentifikaw in-natura tal-impjieg prekarju fil-linji gwida għall-politiki tal-impjieg tal-Istati Membri u l-istrateġija l-ġdida tal-ugwaljanza bejn is-sessi;

3.  Jistieden lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri leġiżlattivi sabiex iġibu fi tmiem il-kuntratti li ma jispeċifikawx il-ħinijiet, li huma komuni f'impjiegi li tipikament huma okkupati min-nisa fis-setturi bħalma huma x-xogħol domestiku, ix-xogħol ta' kura, l-catering, u l-industrija tal-lukandi, u biex jintroduċu strumenti ta' kontroll estensivi biex jirregolaw it-tipi kollha ta' attendenza f'ditti u postijiet tax-xogħol li qablu formalment fuq finijiet ta' gwida u taħriġ iżda li fil-prattika qed isiru sors ieħor ta' abbuż, li jaħbu servizzi attwali li huma pprovduti mingħajr ħlas u protezzjoni xierqa;

4.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżviluppaw strateġiji dwar ix-xogħol prekarju bil-għan li jenfasizzaw l-impjiegi diċenti u ħodor u biex jinkorporaw il-bilanċ bejn is-sessi;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu azzjoni ħalli jnaqqsu l-piż doppju tax-xogħol fuq in-nisa, li huwa raġuni waħda għar-rappreżentanza sproporzjonatament kbira tan-nisa fl-impjiegi prekarji; jitlob biex fl-impjiegi regolari jittejjeb il-bilanċ bejn il-ħajja tax-xogħol u dik personali bil-għan li jitnaqqas ix-xogħol prekarju;

Kondizzjonijiet soċjali

6.  Jesprimi d-diżappunt li l-pakkett tal-liġi dwat l-impjieg tal-UE u d-direttivi msemmija hawn fuq dwar xogħol b'terminu fiss, part-time u temporanju ta' aġenżija ma jindirizzawx adegwatament in-natura prekarja tal-impjieg; jistieden, għaldaqstant, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri leġiżlattivi speċifiċi oħra, bħal pereżempju l-introduzzjoni ta' standards soċjali minimi vinkolanti għal min iħaddem u l-għoti ta' aċċess ugwali għas-servizzi soċjali u għal-benefiċċji lill-ħaddiema, inkluż il-liv tal-maternità, il-pensjonijiet tal-kura tas-saħħa u tal-irtirar, kif ukoll għall-edukazzjoni u t-taħriġ, ikunu xi jkunu l-kundizzjonijiet tal-impjieg tagħhom; jistieden lill-Istati Membri biex, b'żieda ma' dan, jimplimentaw leġiżlazzjoni li tiżgura limitazzjoni raġonevoli tal-ħinijiet tax-xogħol, tal-mistrieħ u ta' rikreazzjoni għall-ħaddiema;

7.  Jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-persuni li jħaddmu li jabbużaw minn ħaddiema nisa jew jittrattawhom ħażin jitressqu quddiem il-ġustizzja mill-aktar fiss possibbli;

8.  Jenfasizza l-bżonn li n-nisa f'impjiegi prekarji jiġu provduti bl-għażla ta' protezzjoni tal-intitolamenti bħalma huma l-pagi diċenti, il-lif tal-maternità, sigħat ta' ħidma ġusti u regolari u ambjent tax-xogħol mhux diskriminatorju, li huma kruċjali għal dawn in-nisa; jistieden lill-Istati Membri biex jippenalizzaw l-impożizzjoni ta' ostakli għall-parteċipazzjoni fi trade unions u b'mod ġenerali jħeġġeġ lill-Istati Membri, barra minn hekk, biex jipprovdu servizzi konsultattivi faċilment aċċessibbli għal nisa li ma jistgħux jirċievu għajnuna minn kunsill tax-xogħol, pereżempju impjegati fi djar privati; jistieden lis-sħab soċjali biex itejbu l-parità bejn is-sessi fil-korpi tagħhom f'kull livell;

9.  Jenfasizza l-bżonn ta' miżuri leġiżlattivi sabiex tiġi żgurata l-ugwaljanza bejn is-sessi u titnaqqas is-segregazzjoni bejn is-sessi fis-suq tax-xogħol; ifakkar, għaldaqstant, fir-riżoluzzjoni msemmija hawn fuq tat-18 ta' Novembru 2008, iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tissottometti proposta rigward l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' pagi ugwali għall-irġiel u n-nisa, u jfakkar lill-Istati Membri sabiex jagħmlu traspożizzjoni tad-Direttiva 2006/54/KE mingħajr dewmien;

10.  Jistieden lill-Istati Membri biex jiksbu riżultati konkreti b'rabta mal-miri ta' Barċellona rigward il-kura tat-tfal ħalli jtejbu l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u l-indipendenza ekonomika tan-nisa; jistieden lill-Istati Membri biex jegħlbu l-ostakli li jżommu lin-nisa milli jaħdmu l-għadd ta' sigħat li jridu – sew jekk ix-xogħol ikun part-time jew full-time;

11.  Jenfasizza l-bżonn li tiġi fi tmiem is-segregazzjoni professjonali u settorjali tas-suq tax-xogħol permezz ta' kampanji li jqajmu l-għarfien u l-edukazzjoni minn età żgħira, pereżempju permezz tal-promozzjoni ta' xogħlijiet assoċjati mal-ħilijiet tan-nisa lill-irġiel, u viċi versa, billi l-istudenti bniet jiġu motivati lejn ix-xjenzi, u billi tiġi miġġielda l-idea tan-nisa bħala l-impjegati sekondarji bi qliegħ,bl-involviment tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippjanaw u jimplimentaw miżuri biex jiffaċilitaw edukazzjoni, taħriġ u studji sodisfaċenti għall-bniet u n-nisa żgħażagħ, bl-għoti ta' appoġġ partikolari għall-bniet u n-nisa żgħażagħ minn sfond ta' migrazzjoni; jenfasizza, barra minn hekk, il-ħtieġa li n-nisa, wara waqfien mix-xogħol minħabba t-twelid ta' tarbija, jerġgħu lura għax-xogħol;

13.  Jistieden lill-Istati Membri biex jiġġieldu kontra x-xogħol mhux iddikjarat billi jittrasformawh f'xogħol regolari, permezz ta' miżuri preventivi bħalma huwa l-għoti tal-immunità mill-prosekuzzjoni lill-impjegati għal min jirrapporta l-istatus illegali tax-xogħol tiegħu u li tittieħed azzjoni dissważiva kontra min iħaddem; barra minn dan jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex itejbu d-data kollettiva u jimmonitorjaw il-progress f'dan il-qasam;

14.  Jenfasizza li l-protezzjoni soċjali hija parti essenzjali tal-flessigurtà; jenfasizza li l-kunċett tal-flessigurtà jaffettwa lin-nisa u lill-irġiel b'mod differenti u għandu t-tendenza li jsaħħaħ ir-rwoli attwali skont is-sessi; ifakkar lill-Istati Membri u lill-imsieħba soċjali dwar il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2009 dwar “Il-flessigurtà fi żmien il-kriżi”, partikularment l-applikazzjoni ta' integrazzjoni tas-sessi fl-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-flessigurtà;

15.  Iqis li s-sostenibbiltà tal-iskemi tal-pensjonijiet, tal-faċilitajiet tas-self għal proġetti tal-awtoassistenza kif ukoll skemi ta' ħolqien tax-xogħol u ta' skemi alternattivi għall-ħolqien tad-dħul tista' ttejjeb il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema nisa prekarji;

16.  Jikkommetti ruħu li minn hawn “il quddiem l-impjiegi standard jiffurmahom skont il-prinċipji tax-xogħol tajjeb u ma jibdilhomx f'impjiegi prekarji; iqis li s-swieq tax-xogħol għandhom ikunu rregolati aħjar permezz ta' spezzjonijiet tax-xogħol stretti, bil-għan li jitnaqqas l-impjieg prekarju;

17.  Jitlob lill-Kunsill Ewropew għal gwida ċara u miżuri konkreti favur is-salvagwardja tal-impjiegi u l-ħolqien ta' opportunitajiet ta' xogħol fil-qafas tal-Istrateġija UE 2020;

18.  Bi qbil mar-riżultati konkretament milħuqa, jistieden lill-Kummissjoni biex tipprovdi lill-Istati Membri linji gwida dwar l-aqwa prattiki għal-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni diretta u inidiretta, għall-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-oqsma kollha u għat-tnaqqis tax-xogħol prekarju fost in-nisa;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jadottaw leġiżlazzjoni li tirregola l-istatus soċjali u legali tal-ħaddiema staġjonali u li tagħtihom kopertura tas-sigurtà soċjali. jifhem ħaddiema li jkunu kkonkludew kuntratti tal-impjieg mifutħa jew għal żmien fiss li d-durata u l-kontinwazzjoni tagħhom ikunu affettwati minn fatturi staġjonali, bħalma huma ċ-ċiklu klimatiku, il-vaganzi pubbliċi u/jew il-ħsad agrikolu.

20.  Jinnota li l-istudji juru li x-xogħol prekarju, fejn l-istandards minimi tas-sigurtà u s-saħħa għandhom mnejn jiġu injorati, iġib miegħu rati ta' danni għolja u riskji akbar ta' mard u esposizzjoni għall-perikli; jistieden, għaldaqstant, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex itejbu l-monitoraġġ tagħhom tar-rekwiżiti minimi ta' saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol, filwaqt li jagħtu attenzjoni partikulari għar-riskji speċifiċi għall-ħaddiema nisa;

Ħaddiema domestiċi

21.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tinkoraġġixxi lill-Istati Membri jagħmlu skambju tal-aħjar prattiki u użu sħiħ tal-opportunitajiet tal-kofinanzjament mogħti mill-Fondi Strutturali, partikularment il-Fond Soċjali Ewropew, biex jiżguraw aċċess aktar wiesa' għal servizzi ta' kura tat-tfal li l-prezzijiet tagħhom ikunu jistgħu jintlaħqu u jkunu ta' kwalità, u għal faċilitajiet ta' kura tal-anzjani sabiex in-nisa ma jiġux sforzati jagħmlu dan ix-xogħol fuq bażi informali; jenfasizza, barra minn hekk, il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-impjiegi prekarji ta' kura domestika, fejn ikun possibbli, jinbidlu f'impjiegi diċenti għal terminu twil;

22.  Jistieden lill-Kummisjsoni biex tappoġġa lill-Istati Membri fl-iżvilupp ta' kampanja biex il-ħaddiema prekarji jinbidlu gradwalment f'ħaddiema regolari; jistieden lill-Kummissjoni biex tapprova programm bil-għan li jeduka l-ħaddiema dwar l-effetti u l-impatti tax-xogħol prekarju, inkluż fuq is-sikurezza tax-xogħol u fuq is-saħħa;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi ftehim Ewropew ġdid dwar ir-regoli fir-rigward tal-au pairs, li jnaqqas l-età minima minn 30 sena , ħalli ħaddiema adulti li jkunu kważi għalqu t-30 li jkunu kapijiet tal-familji tagħhom ma jkunux jistgħu jitqiegħdu bħala au pairs¸u li jenfasizza li l-irwol tagħhom hu li jgħinu fid-dmirjiet ta' kuljum tal-familja u li jieħdu sehem fl-attivitajiet tal-familja, li ma jistax jeċċedi t-30 siegħa fil-ġimgħa, u li l-għan hu li jiġu żviluppati l-fehim kulturali u l-kapaċitajiet lingwistiċi tal-au pari;

Ħaddiema Migranti

24.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, fl-istrateġija l-ġdida tagħha tal-ugwaljanza bejn is-sessi, issaħħaħ l-impenji tagħha sabiex tippromwovi l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-politiki tal-migrazzjoni u tal-integrazzjoni, partikularment bil-għan li jiġi użat il-potenzjal sħiħ tax-xogħol tan-nisa migranti;

25.  Jinnota li l-integrazzjoni soċjali tan-nisa migranti hija aktar diffiċli minn dik tal-irġiel li qegħdin fis-sitwazzjoni tagħhom, ladarba huma soġġetti għal diskriminazzjoni doppja; għaldaqstant jinkoraġġixxi lil min iħaddem biex jieħu miżuri speċifiċi sabiex jiffaċilita l-integrazzjoni soċjali tal-ħaddiema migranti nisa, pereżempju billi joffru taħriġ tal-lingwa u/jew servizzi ta' appoġġ, u biex jiżguraw li l-ħaddiema migranti huma rreġistrati, sabiex ikunu intitolati għall-benefiċċji;

Riċerka dwar is-suġġett

26.  Jagħti attenzjoni partikulari lin-nuqqas ta' riċerka dwar ix-xogħol prekarju; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Eurofound biex jikkooperaw mal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi u jibdew riċerka mmirata sabiex jiġi vvalutat, inter alia, il-prezz tat-telf tal-ħiliet u tat-telf tal-benessri li jirriżulta minn impjieg prekarju, billi jiġi kkunsidrat l-aspett tas-sessi; jenfasizza li l-ġejjieni tal-programmi ta' riċerka Ewropea għandhom jikkonċentraw aktar fuq il-kwistjoniiet soċjali, bħalma huwa l-impjieg prekarju;

27.  Jilqa' l-għanijiet ġenerali tal-proġett pilota sabiex jinkoraġġixxi l-konverżjoni ta' xogħol prekarju għal xogħol bid-drittijiet, u jenfasizza l-bżonn li tingħata attenzjoni partikulari lin-natura bbażata fuq is-sessi ta' xogħol prekarju meta jiġu implimentati l-proġetti;

o
o   o

28.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 327, 5.12.2008, p. 9.
(2) ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23.
(3) ĠU L 175, 10.7.1999, p. 43.
(4) ĠU L 14, 20.1.1998, p. 9.
(5) Testi Adottati, P7_TA(2010)0231
(6) ĠU C 212 E, 5.8.2010, p. 23.
(7) ĠU C 16 E, 22.1.2010, p. 21.
(8) ĠU C 287 E, 24.11.2006, p. 323.
(9) ĠU C 313, 12.10.1998, p. 234.
(10) ĠU C 80, 16.3.1998, p. 43.

Aġġornata l-aħħar: 1 ta' Novembru 2011Avviż legali