Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2010/2040(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0266/2010

Testi mressqa :

A7-0266/2010

Dibattiti :

PV 21/10/2010 - 5
CRE 21/10/2010 - 5

Votazzjonijiet :

PV 21/10/2010 - 7.10
CRE 21/10/2010 - 7.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2010)0386

Testi adottati
PDF 165kDOC 116k
Il-Ħamis, 21 t'Ottubru 2010 - Strasburgu Verżjoni finali
Politika Marittima Integrata
P7_TA(2010)0386A7-0266/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Ottubru 2010 dwar il-Politika Marittima Integrata (IMP) – Evalwazzjoni tal-progress li sar u sfidi ġodda (2010/2040(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Parlament Ewropew 2008/56/KE u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ambjent marin(1) ,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Politika Marittima Integrata għall-Unjoni Ewropea” (COM(2007)0575),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea bit-titolu “Rapport dwar il-Progress tal-Politika Marittima Integrata tal-UE” (COM(2009)0540),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni Ewropea li jakkumpanja r-Rapport ta' Progress dwar il-Politika Marittima Integrata tal-UE (SEC(2009)1343),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea bit-titolu “Lejn Politika Marittima Integrata għal governanza aħjar fil-Mediterran” (COM(2009)0466),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea bit-titolu “Niżviluppaw id-dimensjoni internazzjonali tal-Politika Marittima Integrata għall-Unjoni Ewropea” (COM(2009)0536),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea bit-titolu “Lejn l-integrazzjoni tas-sorveljanza marittima: Ambjent komuni għall-qsim tal-informazzjoni għad-dominju marittimu tal-UE (COM(2009)0538),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea “Eżaminazzjoni dwar il-ħolqien ta' Sistema Ewropea ta' Sorveljanza għall-Fruntieri (EUROSUR)” (COM(2008)0068),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea bit-titolu “Ewropa 2020 - Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” (COM(2010)2020),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea bit-titolu “Programm tax-Xogħol tal-Kummissjoni 2010 – Żmien biex wieħed jaġixxi” (COM(2010)0135),

–  wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni Ewropea: “L-adattament għat-tibdil fil-klima: Lejn Qafas Ewropew għall-azzjoni” (COM(2009)0147),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea bit-titolu “Pjan ta' Tmexxija għall-Ippjanar Spazjali Marittimu: Il-ksib ta' Prinċipji Komuni fl-UE” (COM(2008)0791),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea bit-titolu “Linjigwida għal Strateġija Integrata għall-Politika Marittima: Lejn l-aqwa prassi fil-governanza marittima integrata u l-konsultazzjoni mal-partijiet interessati” (COM(2008)0395),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “L-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku” (COM(2009)0248),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummisssjoni Ewropea bit-titolu “L-Unjoni Ewropea u r-reġjun tal-Artiku” (COM(2008)0763),

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni Ewropea “Building a European marine knowledge infrastructure: Roadmap for a European Marine Observation and Data Network” (SEC(2009)0499),

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni Ewropea bit-titolu “Marine data infrastructure, outcome of public consultation” (SEC(2010)0073),

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni Ewropea bit-titolu “Marine data infrastructure, outcome of public consultation” (SEC(2010)2337),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea bit-titolu “Strateġija Ewropea għar-Riċerka tal-Baħar u dik Marittima - Qafas koerenti ta' Żona Ewropea ta' Riċerka b'appoġġ ta' użu sostenibbli tal-oċeani u l-ibħra” (COM(2008)0534),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea bit-titolu “L-iskopijiet strateġiċi u r-rakkomandazzjonijiet għall-politika tat-trasport marittimu tal-UE sal-2018” (COM(2009)0008),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-politika marittima integrata tas-16 ta' Novembru 2009,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-sorveljanza marittima integrata tas-17 ta' Novembru 2009,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-politika marittima integrata tas-14 ta' Ġunju 2010,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni għall-protezzjoni tal-Baħar Mediterran mit-tniġġis u l-protokolli tagħha(2) ,

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Pakkett Marittimu u Kostali tas-17-18 ta' Ġunju 2009,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Lulju 2007 dwar Politika Marittima tal-Unjoni Ewropea għall-ġejjieni: Viżjoni Ewropea għall-Oċeani u l-Ibħra(3) ,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Mejju 2008 dwar Politika Marittima Integrata għall-Unjoni Ewropea(4) ,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu u l-opinjonijiet tal-Kumitat għas-Sajd u l-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A7-0266/2010),

A.  billi l-oċeani u l-ibħra huma estremament kumplessi u huma influwenzati minn bosta attivitajiet, interessi u politiki; billi l-għarfien espert biex wieħed jindirizza l-isfidi multipli tal-affarijiet marittimi u wkoll is-saħħa biex jiġu trattati huma mifruxa fost bosta atturi pubbliċi u privati fil-livelli differenti ta' governanza,

B.  billi l-oċeani u l-ibħra tad-dinja huma interkonnessi u interdipendenti u billi, barra minn hekk, l-użu dejjem aktar intensiv tal-oċeani u l-ibħra minn setturi bħat-tbaħħir, is-sajd, l-enerġija, it-turiżmu, ir-riċerka, ikkombinat mat-tibdil fil-klima, żiedu mal-pressjoni fuq l-ambjent tal-baħar,

C.  billi t-tbaħħir u l-industrija tal-bini tal-vapuri jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għall-ġid ekonomiku tal-pajjiżi tal-UE u jipprovdu servizz prezzjuż għall-industrija Ewropea u mondjali u għall-konsumaturi,

D.  billi l-approċċ IMP jirrappreżenta risposta ċara għall-kwistjoni ta' kif tinkiseb koerenza akbar bejn l-azzjonijiet imwettqa skont il-politiki differenti li jeffettwaw l-ibħra u ż-żoni kostali u l-ħtieġa għall-użu tar-riżorsi ta' dawn l-ekosistemi mingħajr ħsara lill-ambjent,

E billi d-Direttiva ta' Qafas dwar l-Istrateġija Marittima (MFSD) tifforma l-pilastru ambjentali tal-Politika Marittima Integrata (IMP); billi dan l-approċċ għandu jkun konness aħjar mal-politiki settorjali l-oħra,

F.  billi IMP ta' suċċess għandha tkun ibbażata fuq l-eċċellenza fir-riċerka tal-baħar, it-teknoloġija u l-innovazzjoni u għandha twassal għal approċċ “one-stop-shop” fit-teħid tad-deċiżjonijiet u għalhekk għal tnaqqis fid-duplikazzjoni ta' poteri regolatorji, filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet reġjonali u lokali,

G.  billi dawn l-istrutturi integrati tal-governanza marittima għandhom itejbu l-ippjanar ikkoordinat tal-attivitajiet marittimi f'kompetizzjoni, il-ġestjoni strateġika taż-żoni marittimi, il-kwalità tal-attivitajiet ta' sorveljanza u l-infurzar tal-liġijiet; billi dan l-objettiv jitlob għal miżuri biex tiġi identifikata b'mod ċar il-firxa sħiħa ta' strutturi bħal dawn, tkun iggarantita l-viżibilità tagħhom u titjieb il-kooperazzjoni tagħhom, kollox fi ħdan qafas trasparenti u koerenti,

H.  billi l-Unjoni Ewropea hija l-qawwa marittima ewlenija fid-dinja u għandha tuża l-IMP u l-kisbiet tagħha bħala bażi biex taġixxi bħala forza internazzjonali biex jitjiebu l-ippjanar tal-attivitajiet marittimi, il-protezzjoni ambjentali u l-promozzjoni ta' prattiki tajbin fi ħdan fora internazzjonali,

I.  billi x-xtut tal-Ewropa u l-gżejjer l-iktar imbegħdin tagħha għandhom rwol speċjali fir-rigward tas-sigurtà u l-ħarsien kontra theddidiet ambjentali u atti kriminali,

Ġenerali

1.  Jilqa' l-pakkett ta' Ottubru 2009 tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-politika marittima integrata (IMP) bħala rendikont f'waqtu u inkoraġġanti tal-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni Blue Paper tal-2007, u fl-istess ħin jirrikonoxxi li l-inizjattivi l-ġodda li diġà ttieħdu u li huma previsti huma totalment koerenti mal-għanijiet tal-Blue Paper; u konsegwenza loġika tagħha; jikkonferma fuq kollox il-validità tal-approċċ integrat għall-affarijiet marittimi;

2.  Jaqbel mal-Kummissjoni li t-“tradizzjoni marittima b'saħħitha” hija waħda mill-punti ta' forza tal-Ewropa; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex ikomplu jiżviluppaw il-potenzjal offrut mis-setturi marittimi differenti billi jfasslu strateġija ambizzjuża ta' “tkabbir blu”; jikkunsidra li l-IMP għandha tikkontribwixxi għall-kisba ta' Unjoni kompetittiva, soċjali u sostenibbli; huwa tal-fehma f'dan ir-rigward li l-iżvilupp ta' IMP għandu jinkorpora b'mod armonjuż l-isforzi biex jintlaħqu żvilupp ekonomiku, livell għoli ta' impjiegi – partikolarment billi s-settur isir aktar attraenti għaż-żgħażagħ permezz ta' azzjonijiet ta' taħriġ u t-tnedija ta' “Erasmus Marittimu” – u protezzjoni ambjentali; jiddikjara, għalhekk, li l-IMP għandu jkun interkonness mal-objettivi u l-inizjattivi tal-Istrateġija UE 2020;

3.  Jitlob lill-Kummissjoni, għalhekk, biex toħroġ bi strateġija ġenerali, transsettorjali għal tkabbir sostenibbli fir-reġjuni kostali u marittimi sal-2013, ibbażata fuq investigazzjoni wiesgħa tal-potenzjal u l-għażliet tal-politika u fuq konsultazzjoni wiesgħa ma' dawk interessati; iqis li element wieħed ta' din l-istrateġija għandu jkun approċċ ġdid integrat għat-tisħiħ tal-pożizzjoni ewlenija tal-Ewropa fid-dinja rigward ir-riċerka marbuta mal-baħar u dik marittima, l-iżvilupp tekniku u l-inġinerija marittima mifruxa f'diversi setturi bħal ma huma l-bini tal-bastimenti, l-iżvilupp sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar, it-tbaħħir nadif u l-iżvilupp tal-enerġija u t-teknoloġiji off-shore; jiddikjara li għandhom jinstabu soluzzjonijiet fil-livell internazzjonali sabiex jiġu eliminati ċerti prattiki inġusti fl-industrija tal-bini tal-bastimenti;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu azzjoni wara l-katastrofi tat-tixrid taż-żejt fil-Golf tal-Messiku u biex toħloq ċertezza legali fil-qasam tal-estrazzjoni taż-żejt offshore fl-Ewropa billi tissottometti strateġija ta' azzjoni Ewropea kkoordinata biex wieħed ikun lest għal kull emerġenza u biex jiġu trattati diżastri kkawżati mit-tħaffir għaż-żejt u t-tankers, f'livell internazzjonali, speċjalment f'każijiet ta' kontaminazzjoni transkonfinali; jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jimplimentaw b'mod sħiħ il-qafas legali internazzjonali li diġà jeżisti kif definit mill-konvenzjonijiet internazzjonali tal-IMO f'dan ir-rigward, biex jidentifikaw, b'mod parallel, il-miżuri kollha possibbli għall-prevenzjoni ta' diżastri bħal dawn u kull lakuna leġiżlattiva fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri u sabiex jiġu aġġustati malajr kemm jista' jkun l-azzjonijiet u l-leġiżlazzjoni kollha rilevanti tal-UE b'mod korrispondenti, waqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi tal-Golf tal-Messiku u r-reġjuni kostali u l-ibħra Ewropej;

5.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex testendi l-mandat tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA) dwar l-ispezzjonijiet tas-sigurtà ta' installazzjonijiet offshore u t-tindif ta' tixrid taż-żejt fir-rieżami tar-Regolament EMSA;

6.  Iqis li, f'dan il-kuntest, hemm ħtieġa urġenti għal azzjoni sabiex id-Direttiva 2004/35/KE dwar ir-responsabbiltà ambjentali f'dak li għandu x'jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali tiġi rieżaminata, peress li din ma tinkludix ir-responsabbiltà skont il-prinċipju ta' “min iniġġes iħallas” fil-każ tal-estrazzjoni taż-żejt offshore;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni f'dan ir-rigward biex tinvestiga jekk il-mandat tal-EMSA għandux ikun estiż u jekk għandhiex tingħata responsabbiltà għall-monitoraġġ tal-konformità mal-istandards tas-sigurtà fl-estrazzjoni taż-żejt offshore u r-rieżami tal-pjanijiet ta' kontinġenza f'dak ir-rigward;

8.  Jilqa' l-istudju tal-Kummmissjoni intitolat “Database on EU-funded projects in maritime regions”(5) u jistieden lill-Kummissjoni fir-rapport ta' progress li jmiss dwar l-IMP biex tipprovdi stampa ġenerali sħiħa u sistematika tal-fondi kollha disponibbli fil-firxa tal-linji kollha tal-baġit għal attivitajiet relatati ma' setturi marittimi, reġjuni kostali u l-ibħra;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tinsisti li l-IMP tirċievi fondi xierqa fil-perspettiva finanzjarja li jmiss u sabiex tistudja l-għażliet kollha possibbli għall-fondi, inkluż kemm il-proposta tal-Kumitat tar-Reġjuni ta' fond tal-kosta u l-koordinazzjoni effettiva ta' skemi differenti ta' finanzjament;

10.  Jappoġġja l-intenzjoni ddikjarata tal-Kummissjoni li tiffinanzja l-IMP b'EUR 50 miljun matul is-sentejn li ġejjin, sabiex tibni fuq proġetti preċedenti fl-oqsma tal-politika, il-governanza, is-sostenibbiltà u s-sorveljanza;

Governanza marittima

11.  Jifraħ lil dawk l-Istati Membri u r-reġjuni li diġà stabbilew politiki u strutturi ta' governanza marittimi integrati; jistieden lill-Istati Membri li l-istrutturi amministrattivi tal-IMP tagħhom għadhom frammentati ħafna, sabiex jistabbilixxu immedjatament strutturi ta' governanza marittima unifikati u integrati;

12.  Jaqbel mal-linji gwida tal-Kummissjoni dwar il-governanza marittima u l-analiżi tagħha tal-progress promettenti tal-aħħar snin, li iżda għadu mhuwiex sodisfaċenti;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni, l-Istati Membri u r-reġjuni kostali biex jintensifikaw l-isforzi tagħhom fil-definizzjoni tal-politika marittima integrata u fil-bini ta' strutturi xierqa ta' governanza marittima, li jagħmluha possibbli li jittieħdu deċiżjonijiet fuq il-bażi tal-aħjar informazzjoni disponibbli, bl-involviment tal-partijiet kollha interessati u għalhekk b'rispett akbar tal-objettivi differenti tal-politika;

14.  Jenfasizza l-bżonn li jiġu inkoraġġiti strateġiji ta' żvilupp lokali mfassla b'mod speċifiku mqanqla minn proċess ta' konsultazzjoni li jimxi minn isfel għal fuq u biex jiġi skoraġġit approċċ uniku għal kulħadd; iqis, għalhekk, li governanza marittima integrata hija essenzjali biex tiġi evitata kull duplikazzjoni ta' kompetenzi bejn livelli differenti ta' gvern u biex jissaħħu l-kooperazzjoni u d-djalogu mal-awtoritajiet lokali u reġjonali, il-komunitajiet kostali, l-atturi mis-soċjetà ċivili, u partijiet interessati oħra fi kwistjonijiet marittimi; jiffavorixxi t-twaqqif u l-iżvilupp ta' strateġiji għall-makroreġjuni marittimi tal-UE fil-kuntest ta' approċċi strateġiċi għaż-żoni marittimi reġjonali;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tevalwa f'aktar dettall, fuq il-bażi tal-prestazzjoni, il-kwalità tal-istrutturi ta' governanza marittima fil-livell tal-Istati Membri u reġjonali, u biex isir skambju tal-aħjar prattiki biex jintlaħqu l-iskopijiet tal-IMP; huwa tal-fehma li governanza marittima integrata u trasparenti tiżgura l-aqwa ppjanar, toħloq firxa wiesgħa ta' sinerġiji u tikkontribwixxi għall-ħolqien ta' żona marittima Ewropea mingħajr ostakli;

16.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-involviment tal-partijiet interessati fit-tfassil tal-politika marittima għandu jkun minqux b'mod permanenti fl-istrutturi ta' governanza; jistieden għal dan il-għan l-Istati Membri kostali kollha li għadhom ma għamlux dan biex kemm jista' jkun malajr jistabbilixxu punti ta' kuntatt nazzjonali għall-IMP; u b'hekk jirreaġixxu b'mod pożittiv għat-talba tal-Kummissjoni; jenfasizza l-ħtieġa li jattivaw dan in-network operazzjonali malajr kemm jista' jkun; jappoġġa l-formazzjoni ta' pjattaforma transsettorjali għad-djalogu bejn il-partijiet interessati fl-affarijiet marittimi; jitlob biex jiġu introdotti arranġamenti għal sħubija konkreta bejn il-Kummissjoni u l-Reġjuni, itenni l-appoġġ tiegħu għall-Jum Marittimu Ewropew, u jitlob li tingħata aktar konsiderazzjoni għall-għoti ta' informazzjoni liċ-ċittadini u l-parteċipazzjoni tal-pubbliku rigward l-aspetti kollha tal-IMP;

17.  Jilqa' n-netwerk Ewropew ta' Raggruppamenti Marittimi (Maritime Clusters) u jistieden lill-Kummissjoni, l-Istati Membri u r-reġjuni biex jappoġġaw dawn l-oranizzazzjonijiet emerġenti fil-livelli kollha, partikolarment billi jappoġġaw il-kapaċità ta' innovazzjoni tagħhom, l-integrazzjoni tagħhom fil-politiki u l-programnmi nazzjonali, hekk li tissaħħaħ il-kooperazzjioni transnazzjonali, b'ħidma favur aktar opportunitajiet għall-SMEs u titjib fil-viżibilità tagħhom;

18.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jintensifikaw id-djalogu tagħhom fil-livell internazzjonali dwar l-IMP u kwistjonijiet oħra marittimi fil-fora kompetenti, inkluż dwar ir-ratifika u l-implimentazzjoni ta' UNCLOS; jissuġġerixxi l-organizzazzjoni ta' laqgħa dwar l-IMP fil-livell ministerjali tal-Istati Membri tal-Unjoni għall-Mediterran (UfM), li għandha ssir mill-inqas darba fis-sena;

19.  Jistieden lill-Unjoni Ewropea biex tagħmel kampanja fi ħdan l-Unjoni għall-Mediterran biex l-abbozz komuni ta' kodiċi ta' prattiki tajba fis-setturi tas-sajd u tal-akkwakultura jiġi integrat fil-programm ta' din l-organizzazzjoni internazzjonali ġdida;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni biex issaħħaħ id-dimensjoni internazzjonali tal-IMP u jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni u l-Istati Membri għall-fatt li t-titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol fuq il-baħar, għas-sigurtà u l-prestazzjoni ambjentali tal-bastimenti għandhom jitpoġġew fuq l-aġenda ta' fora internazzjonali u jiġu rratifikati mill-Istati tal-port, tal-bandiera u tal-kosta bħala parti minn ftehim internazzjonali, sabiex ikun possibbli li jinkiseb titjib fil-qasam tat-tbaħħir mad-dinja kollha;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jappoġġaw l-inklużjoni ta' IMP fl-istrumenti fianzjarji ta' lieva u l-objettivi tal-politika esterna tal-UE permezz tal-iżvilupp ta' inizjattivi xierqa mmirati biex jindirizzaw problemi bħat-tniġġis, is-sajd illegali u l-piraterija;

Inizjattivi u strateġiji dwar baċini tal-baħar

22.  Jilqa' l-inizjattivi u l-istrateġiji dwar baċini reġjonali tal-baħar li l-Kummissjoni pproponiet sa issa u l-istrateġiji makroreġjonali ta' rilevanza għall-baħar; jirrikonoxxi li l-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-IMP titlob li huma jiġu tradotti fi strateġiji mmirati u miżuri speċifiċi adattati għall-ispeċifiċitajiet ta' kull baċin tal-baħar, u fil-każ tal-Mediterran, id-diversi sottoreġjuni preżenti hemmhekk; jitlob għal aktar djalogu u kooperazzjoni sabiex tittejjeb il-governanza tal-ispazju tal-baħar u ż-żoni kostali fil-qafas ta' approċċ fil-livelli kollha fil-baċini marittimi differenti tal-baħar, inkluż il-Baħar tat-Tramuntana, il-Baħar Baltiku, l-Atlantiku, il-Baħar l-Iswed u ż-żona tal-Mediterran, u jitlob lill-Kummissjoni biex tieħu passi malajr b'kooperazzjoni mal-Istati membri biex tfassal u tippreżenta azzjonijiet f'dawn ir-reġjuni;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti konsiderazzjoni speċjali lill-karatteristiċi speċifiċi tar-reġjuni l-aktar imbiegħda tal-UE, li l-ibħra territorjali tagħhom jiżguraw li l-UE għandha l-akbar Żona Ekonomika Esklussiva; iqis, għalhekk, li dawn it-territorji jista' jkollhom rwol ta' pern fid-dimensjoni internazzjonali tal-IMP u jitlob lill-Kummissjoni tinkorpora dimensjoni marittima fil-ftehimiet internazzjonali tagħha ma' gruppi sottoreġjonali;

24.  Jinnota li parti kbira tal-ilmijiet tal-Baħar Mediterran u tal-Baħar l-Iswed hija “l barra miż-żoni taħt il-ġuriżdizzjoni jew id-drittijiet sovrani ta' Stati kostali, u li konsegwentement dawn l-Istati m'għandhomx kompetenzi preskrittivi u ta' infurzar biex jirregolaw attivitajiet tal-bniedem lil hinn minn żoni bħal dawn b'mod integrat;

25.  Jitlob lill-Istati kostali kkonċernati, għaldaqstant, biex isolvu kwistjonijiet ta' delimitazzjoni fuq il-bażi ta' UNCLOS u biex jaqblu dwar iż-żoni marittimi tagħhom;

L-Ippjanar spazjali marittimu

26.  Jifhem li l-istabilità, il-prevedibilità u t-trasparenza tal-ġestjoni tal-ispazji tal-baħar huma essenzjali biex jiġi żgurat żvilupp ottimali u sostenibbli tal-attivitajiet ekonomiċi u tkabbir ġdid, u impjiegi fuq il-baħar, inkluż l-iżvilupp ulterjuri ta' enerġija rinnovabbli bħal dik tar-riħ u enerġija tal-mewġ, mingħajr preġudizzju għal attivitajiet aktar tradizzjonali;

27.  Huwa tal-fehma li l-ġestjoni ta' forom ta' użu differenti tal-baħar li dejjem qed isiru iżjed intensivi u kompetittivi fuq bażi ekosistemika teħtieġ ippjanar spazjali marittimu kkoordinat, standardizzat u transkonfinali bħala għodda newtrali, li jkollha l-potenzjal li tikkontribwixxi b'mod sostanzjali għall-implimentazzjoni tad-Direttiva ta' Qafas dwar l-Istrateġija Marittima (MFSD) u li tiffaċilita l-koabitazzjoni armonjuża tal-użi differenti tal-baħar;

28.  Jilqa' l-pjan direzzjonali dwar l-ippjanar spazjali marittimu (MSP), ibbażat fuq approċċ ekosistemiku u l-iżvilupp tal-għaxar prinċipji ta' ppjanar u jikkunsidra din l-għodda ta' politika transsettorjali essenzjali għall-implimentazzjoni tal-IMP; jitlob lill-Kummissjoni biex tissottometti fl-2011 direttiva qafas dwar l-MSP jew sabiex tipproponi t-tip ta' strument l-aktar adattat sabiex jiżgura koerenza bejn l-MSP u l-iniżjattivi eżistenti l-oħra (ġestjoni integrata taz-żoni kostali, Natura 2000, il-Direttiva ta' Qafas dwar l-Istrateġija Marittima);

29.  Jissuġġerixxi l-valutazzjoni ta' opportunitajiet għall-użu konġunt tal-ispazju marittimu minn setturi differenti (p.e. it-tbaħħir, l-enerġija li tiġġedded/l-enerġija tar-riħ u l-akkwakultura);

30.  Jinnota l-importanza essenzjali tal-ippjanar tal-ispazju marittimu Ewropew u l-użi tiegħu għar-reġjuni tax-xtut, u għar-reġjuni periferiċi b'mod partikulari, u jenfasizza l-ħtieġa li jitħarsu l-iktar reġjuni marittimi bioġeografiċi delikati f'termini ekoloġiċi, filwaqt li s-settur tas-sajd jitħalla jisfrutta r-riżorsi tiegħu fuq bażi sostenibbli;

Sorveljanza marittima

31.  Jistenna li approċċ favur is-sorveljanza marittima li jkopri l-pilastri, is-setturi u l-konfini, ikkoordinat u integrat tajjeb, isaħħaħ il-protezzjoni tal-interessi tal-Istati Membri u l-Unjoni Ewropea, kif ukoll il-prevenzjoni tat-tniġġis marittimu u l-attività illegali, billi jagħmel disponibbli għall-awtoritajiet li joperaw fuq il-baħar, informazzjoni ta' monitoraġġ u sorveljanza madwar setturi varji ta' attività, u b'hekk tiġi ġġenerata aktar effiċjenza;

32.  Jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lill-aġenziji tal-UE u b'mod partikolari lill-EMSA, kif ukoll l-organizzazzjonijiet rilevanti biex iħaffu l-isforzi tagħhom f'termini ta' kooperazzjoni u koordinazzjoni u fir-rigward tal-adattamenti leġiżlattivi neċessarji;

33.  Jitlob lill-Kummissjoni biex b'kooperazzjioni mal-Istati Membri tidentifika ostakoli għall-iskambju ta' data fl-UE u l-leġiżlazzjoni nazzjonali u fil-mandati tal-aġenziji, sabiex jitgħallmu mill-esperjenza miksuba fl-inizjattivi reġjonali u nazzjonali, il-proġetti ta' riċerka u l-proġetti pilota u minn operazzjonijiet fil-qasam tas-sorveljanza marittima tas-CSDP, hekk li tippreżenta fl-2010 pjan direzzjonali dwar sorveljanza marittima integrata u sabiex tesplora oqsma għall-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi, speċjalment mill-Mediterran li rratifkaw il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-liġi tal-baħar, kif ukoll ma' organizzazzjonijiet rilevanti;

34.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tidentifika l-ħtiġijiet finanzjarji addizzjonali għall-ħolqien ta' ambjent komuni għall-qsim ta' informazzjoni komuni fi ħdan is-sorveljanza marittima integrata, fi żmien biżżejjed qabel il-Perspettiva Finanzjarja li jmiss għall-benefiċċju tal-UE u tal-Istati Membri;

35.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi qafas legali għall-integrazzjoni ta' sorveljanza marittima bil-ħsieb ta' ambjent komuni għall-qsim ta' informazzjoni;

36.  Itenni t-talba tiegħu għal kooperazzjoni mtejba bejn l-ispettorati nazzjonali, il-gwardji kostali u l-flotot tal-Istati Membri u jfakkar lill-Kummissjoni biex twettaq – kif ġie mitlub preċedentement mill-Parlament Ewropew għall-2005 fid-Direttiva 2005/35/KE – studju ta' fattibilità dwar kollaborazzjoni jew integrazzjoni akbar bejn is-servizzi differenti tal-gwardja kostali b'interoperabilità akbar bejn is-sistemi differenti ta' sorveljanza u fid-dawl tal-ħolqien ta' Servizz Kostali Ewropew; iqis li jeżisti potenzjal kbir biex l-EMSA jkun involut aktar fil-monitoraġġ taż-żoni kostali u biex jipprovdi iżjed appoġġ lill-Istati Membri biex isibu tniġġis fil-baħar;

Kwistjonijiet varji

37.  Itenni l-pożizzjoni u t-talbiet espressi fir-Riżoluzzjoni tiegħu dwar l-għanijiet u r-rakkomandazzjonijiet strateġiċi għall-politika tal-UE dwar it-trasport marittimu sal-2018;

38.  Jistieden lill-Kummissjoni, fid-dawl tal-White Paper imminenti dwar il-Ġejjieni tat-Trasport, biex tieħu kont tar-rwol kruċjali tat-trasport marittimu tal-merkanzija fil-kummerċ illum, sabiex tippromwovi l-iżvilupp tal-portijiet sekondarji u anqas traffikużi u biex tindirizza b'mod adegwat il-kwistjoni tal-miżuri tas-sigurtà fit-trasport marittimu fl-UE u barra minnha, billi jsir investiment fit-titjib tas-sistemi tal-ġestjoni tar-riskju fil-livelli differenti biex tintlaqat u tiġi spezzjonata l-merkanzija perikoluża.

39.  Jenfasizza l-importanza ta' spazju marittimu mingħajr ostakli u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex:

   jivvalutaw u jippreservaw il-portijiet iż-żgħar,
   ikabbru n-netwerk tat-tbaħħir mal-kosta sabiex inaqqsu d-distanzi tat-trasport bl-art;
   jappoġġjaw ir-riċerka u l-innovazzjoni fil-modi tat-tagħbija, fl-immaniġġar tal-merkanzija u fis-soluzzjonijiet loġistiċi bil-għan li jinstabu soluzzjonijiet li jiffrankaw il-ħin tat-trasport u l-ispejjeż amministrattivi;
   jappoġġjaw l-iżvilupp tal-infrastruttura tal-portijiet;

40.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tintegra l-Politika Marittima Ewropea u l-politiki tal-ilmijiet navigabbli interni, sabiex timmassimizza l-potenzjal tat-trasport fuq ilmijiet interni u biex toħloq modi effiċjenti u diversifikati ta' trasport;

41.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-industrija biex jintensifikaw l-isforzi fir-riċerka u l-iżvilupp fl-użu u l-applikazzjoni ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli kemm għall-propulsjoni tal-vapuri u l-enerġija elettrika abbord;

42.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex ittejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-baħħara b'mezzi xierqa, biex timplimenta l-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu fil-Liġi Komunitarja u tipproponi programm għaċ-ċertifikazzjoni u t-taħriġ tal-baħħara u speċjalment ir-reklutaġġ ta' żgħażagħ, inklużi dawk minn pajjiżi terzi;

43.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tikkunsidra inizjattiva ta' politika integrata Ewropea mmirata lejn kompetittività aħjar, appoġġ għall-eċċellenza fit-tbaħħir Ewropew, u s-sigurtà u l-prestazzjoni ambjentali u l-kompetittività tat-tbaħħir fl-ispazju marittimu komuni mingħajr ostakli, filwaqt li jsir użu sħiħ tal-kapaċità kompetittiva tal-Ewropa fil-bini tal-vapuri għal dan l-iskop, u jintużaw teknoloġiji li jħarsu l-ambjent u fjuwils alternattivi għat-tbaħħir biex jiġi promoss it-tbaħħir ambjentali; jitlob lill-Istati Membri jirratifikaw il-Konvenzjoni Internazzjonali ta' Ħong Kong tal-2009 għal riċiklaġġ tal-vapuri li jkun sikur u li jħares l-ambjent;

44.  Iqis li, bis-saħħa tar-referenza għall-koeżjoni territorjali fit-TFUE, u bil-għan li tittejjeb l-aċċessibilità, huwa essenzjali li l-mobilità tal-passiġġieri u tal-merkanzija tkompli ssir parti integrali mill-politika tas-suq intern permezz tal-promozzjoni tat-trasport bil-baħar fuq distanzi qosra u l-kabotaġġ marittimu bejn it-territorji u, fl-istess ħin, li jkunu żgurati konnessjonijiet aħjar bejn ir-reġjuni marittimi periferiċi, ir-reġjuni u l-gżejjer l-iktar imbiegħda u t-terraferma u ċ-ċentri ekonomiċi; jinnota, fl-istess kuntest, li huwa ta' importanza kruċjali li jiġu trattati d-diffikultajiet li jiffaċċjaw iż-żoni ta' gżejjer fl-UE, b'mod partikolari komunitajiet fuq gżejjer żgħar, fir-rigward tat-trasport ta' persuni u merkanzija billi jingħata appoġġ lill-konnessjonijiet marittimi li mhumiex servuti adegwatament mis-suq u billi jkun iggarantit l-istess prezz għal kull kilometru għat-trasport ta' persuni, irrispettivament mill-post fejn jinsabu; jitlob miżuri konkreti għar-reġjuni l-iktar imbiegħda waqt li jitqiesu l-karatteristiċi li jiddistingwuhom;

45.  Jiġbed l-attenzjoni għall-importanza partikolari tal-ekonomija marittima għal dawk l-Istati Membri b'Żonu Ekonomiċi Esklussivi kbar, u għall-ħtieġa tal-promozzjoni tal-iżvilupp ta' raggruppamenti ekonomiċi marittimi u li tingħata spinta għall-kontribuzzjoni tagħhom għat-tkabbir u l-impjiegi skont l-Istrateġija UE 2020;

46.  Jenfasizza li kemm is-sajd kif ukoll l-akkwakultura għandhom posthom fl-ekonomija marittima u l-iżvilupp tar-reġjuni tax-xtut li ta' spiss ikunu remoti, li l-IMP għandha tagħtihom spinta f'termini ekonomiċi, soċjali u ambjentali;

47.  Jinsisti, b'mod partikolari, li r-restrizzjonijiet u l-ispeċifiċitajiet proprji tas-setturi tas-sajd u tal-akkwakultura jiġu kkunsidrati mill-IMP f'dak li jikkonċerna l-użu tal-qasam marittimu, partikolarment fir-rigward tad-disponibilità taż-żoni neċessarji biex jitwettqu dawn l-attivitajiet u l-ħtieġa li jitħarsu l-ħabitats tal-baħar billi jiġu stabbiliti riservi tal-baħar u miżuri oħra għal dak il-għan, b'enfasi speċjali fuq ir-riċerka ppjanata aħjar u li jintegraw bis-sħiħ id-diversità ġeografika u klimatoloġika ta' kull baċin marittimu;

48.  Ifakkar fil-vulnerabilità partikolari tar-reġjuni kostali u l-gżejjer għall-impatt tat-tibdil fil-klima; jenfasizza li l-ippjanar tal-iżvilupp kollu tul il-kosta twila tal-Komunità inkluż l-intern għandu jqis il-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima; jissuġġerixxi li titqies il-vulnerabilità għat-tibdil fil-klima meta titfassal il-politika reġjonali futura sabiex ma tkunx ipperikolata l-implimentazzjoni tal-IMP;

49.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tintegra b'mod koerenti fis-settur marittimu l-miri tat-tnaqqis tas-CO2 u biex iddaħħal fih strumenti bbażati fuq is-suq, bħall-iskemi ta' skambju ta' emissjonijiet; wara r-riżultat tal-61 sessjoni tal-Kumitat għall-Protezzjoni tal-Ambjent Marittimu tal-IMO (bejn is-27 ta' Settembru 2010 sal-1 ta' Ottubru 2010) u filwaqt li jżomm is-sejħa tiegħu għal iżjed progress sostanzjali fl-IMO, ifakkar fl-impenn meħud fid-Direttiva tal-ETS (2009/29/KE) biex il-Kumissjoni tieħu azzjoni; u jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiżviluppa strateġija biex jitnaqqsu l-impatti speċifiċi tat-tibdil fil-klima fuq reġjuni kostali u ta' gżejjer, bħala segwitu għall-White Paper dwar it-Tibdil fil-Klima;

50.  Itenni l-ħtieġa urġenti li jitnaqqsu l-pressjonijiet fuq l-ambjent tal-baħar li joriġinaw mill-art, b'mod partikolari t-tniġġis industrijali u agrikoltu u l-ġestjoni ħażina taż-żoni tax-xtut, fil-kuntest ta' approċċ integrat ibbażat fuq l-ekosistema;

51.  Jistieden lill-Istati Membri biex jirrispettaw l-obbligi tagħhom skont id-Direttiva ta' Qafas dwar l-Istrateġija Marittima u, sal-15 ta' Lulju 2012, jagħmlu evalwazzjoni tal-istatus ambjentali tal-ibħra tagħhom u jistabbilixxu miri ambjentali u programmi ta' monitoraġġ; barra minn hekk, jistieden lill-Istati Membri sabiex jadottaw programmi b'miżuri ambizzjużi li jippermettulhom jilħqu l-iskop ta' stat ekoloġiku tajjeb tal-ilmijiet;

52.  Jistieden lill-Istati Membri jirrispettaw l-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva ta' qafas dwar l-Istrateġija Marittima biex jiddeterminaw żoni marittimi protetti; barra minn hekk, jistieden lill-Istati Membri sabiex jaraw b'mod effikaċi li l-miżuri ta' protezzjoni jiġu rispettati;

53.  Josserva li mill-1 ta' Lulju 2010 l-limiti l-ġodda għall-livelli ta' SO2 fil-fjuwils tal-bastimenti ġew fis-seħħ fil-Kanal Ingliż, il-Baħar tat-Tramuntana u l-Baħar Baltiku, li ġew dikjarati bħala żoni ta' kontroll tal-emissjonijiet tal-kubrit fil-qafas ta' deċiżjoni IMO; iqis, b'mod korrispondenti, li ż-żoni kollha kostali Ewropej għandhom ikunu protetti bl-istess mod, u li l-applikazzjoni ta' valuri ta' limitu ġodda għall-livelli tal-SO2 għal xi żoni biss tista' twassal għal tagħwiġ fil-kompetizzjoni; iqis li r-regoli uniformi li jkopru l-UE kollha jkunu preferibbli u bidla modali mill-baħar għat-trasport bit-triq għandha tiġi evitata akkost ta' kollox;

54.  Jirrikonoxxi l-fatt li l-ibħra saru sit għar-rimi għal volumi ta' materjal ta' skart kbar ħafna u li qed jikbru malajr, li ħafna minnu fl-oriġini tiegħu huwa magħmul mill-plastik, kif ukoll ta' kontainers tal-merkanzija mitlufa; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tippromwovi dibattitu Ewropew u internazzjonali sabiex jiġu esplorati mezzi sabiex dan il-fenomenu jiġi limitat;

55.  Jitlob lill-Kummissjoni biex toħroġ bi strateġija għal turiżmu sostenibbli mal-kosta, fil-gżejjer u mal-baħar sabiex itejjeb is-sostenibilità tagħhom u l-attraenza tagħhom għall-abitanti u t-turisti, peress li dan huwa wieħed mill-għanijiet tal-ħarsien tan-natura fir-reġjuni tal-baħar bħall-Baħar Wadden, u li jagħmlu dan billi jużaw b'mod sħiħ id-dispożizzjonijiet ġodda dwar it-turiżmu fit-Trattat ta' Lisbona u billi jippromwovu inizjattivi bħan-Netwerk EDEN;

56.  Jirrimarka li għandu jiġi kkunsidrat il-potenzjal kbir għall-iżvilupp u s-sors sostanzjali ta' tkabbir irrappreżentat minn turiżmu tal-baħar u kostali u mis-setturi relatati; ir-reġjuni kostali jirrappreżentaw id-destinazzjoni turistika ewlenija fl-Ewropa, u jitlob lill-Kummissjoni biex tinkludi dawn il-kwistjonijiet fl-istrateġija tagħha għal turiżmu kostali u turiżmu tal-baħar sostenibbli;

57.  Jenfasizza l-importanza tal-valur miżjud tal-Politika tal-Ibħra/Marittima fit-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn il-ġirien u speċjalment bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi kandidati;

58.  Jilqa' l-Istrateġija Ewropea għar-Riċerka tal-Baħar u dik Marittima kif ukoll is-sejħiet konġunti skont il-Programm Qafas ta' Riċerka dwar “l-Oċeani ta' Għada” bħala sinjali konkreti ta' approċċ integrat għall-implimentazzjoni tal-IMP; jipproponi li x-xjenzi relatati mal-baħar isiru prijorità fit-8 Programm ta' Qafas għar-Riċerka kif ukoll il-ħolqien ta' Istitut Ewropew għar-Riċerka Marittima;

59.  Jaqbel li l-bini ta' bażi interdixxiplinari ta' għerf xjentifiku u teknoloġiku dwar l-ibħra u l-kosti Ewropej huwa essenzjali; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jevalwaw, b'kooperazzjoni mal-atturi reġjonali u lokali, id-databases u l-programmi ta' osservazzjoni eżistenti u biex jaċċelleraw l-isforzi tagħhom biex jagħmlu n-Netwerk Ewropew tal-Osservazzjoni u d-Data Marittimi (EMODNET) operattiv malajr kemm jista' jkun;

60.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tgħin lill-Istati Membri jniedu pjan għall-istudju u l-intraċċar ta' vapuri nnawfragati u siti arkeoloġiċi mgħarrqa – minħabba li dawn jiffurmaw parti mill-wirt storiku u kulturali tal-Komunità – u b'hekk tiffaċilita l-għarfien u l-istudju ta' siti bħal dawn u tgħin biex tkun evitata l-ħsara li qed iġarrbu, biex ikunu jistgħu jitħarsu b'mod adattat;

61.  Jilqa' l-Atlas tal-Ibħra, stabbilit reċentement mill-Kummissjoni, u jinkuraġġixxi lill-partijiet biex jużaw il-Forum Marittimu bħala strument ġdid ta' kollaborazzjoni u biex jinvolvu lill-pubbliku ġenerali b'mod aktar effettiv;

o
o   o

62.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni Ewropea.

(1) ĠU L 164, 25.6.2008, p.  19.
(2) Testi adottati, P7_TA(2010)0128.
(3) ĠU C 175E, 10.7.2008, p. 531.
(4) ĠU C 279E, 19.11.2009, p. 30.
(5) Rapport finali. Kuntratt ta' qafas FISH/2007/04, Kuntratt speċifiku Nru 4. Diċembru 2009.

Aġġornata l-aħħar: 7 ta' Frar 2012Avviż legali