Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2010/2932(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B7-0549/2010

Dibattiti :

PV 21/10/2010 - 11.3
CRE 21/10/2010 - 11.3

Votazzjonijiet :

PV 21/10/2010 - 12.3
CRE 21/10/2010 - 12.3

Testi adottati :

P7_TA(2010)0390

Testi adottati
PDF 234kWORD 69k
Il-Ħamis, 21 ta' Ottubru 2010 - Strasburgu
Il-Kawkasu tat-Tramuntana, b'mod partikolari l-każ ta' Oleg Orlov
P7_TA(2010)0390RC-B7-0549/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Ottubru 2010 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kawkasu tat-Tramuntana (Federazzjoni Russa) u l-prosekuzzjoni kriminali kontra Oleg Orlov

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Settembru 2009 dwar il-qtil ta' attivisti tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja(1),

–   wara li kkunsidra l-għoti tal-Premju Sakharov lil Oleg Orlov, Sergei Kovalev u Lyudmila Alexeyeva f'isem il-Human Rights Centre Memorial u d-difensuri l-oħra kollha tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja, fis-16 ta' Diċembru 2009,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni Russa, li daħlet fis-seħħ fl-1997 u li ġiet estiża sa ma tiġi sostitwita minn ftehim ġdid,

–  wara li kkunsidra n-negozjati li għaddejin bħalissa għal ftehim ġdid li jistabbilixxi qafas komprensiv ġdid għar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Jeddijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, id-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Difensuri tal-Jeddijiet tal-Bniedem, u d-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Jedd u r-Responsabilità tal-Individwi, il-Gruppi u l-Organi tas-Soċjetà li Jippromwovu u Jipproteġu l-Jeddijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali Universalment Rikonoxxuti,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) u firmatarja tad-Dikjarazzjonijiet tan-NU, ir-Russja kkommettiet ruħha għall-protezzjoni u l-promozzjoni tal-jeddijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u l-istat ta' dritt,

B.  billi hemm madwar 20,000 każ pendenti fil-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem mill-Federazzjoni Russa, prinċipalment mir-reġjun tal-Kawkasu ta' Fuq; billi l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ikkundannat lill-Federazzjoni Russa għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fir-reġjun, u dan f'iktar minn 150 sentenza, u enfasizzat l-importanza ta' implimentazzjoni mghaggla u kompleta ta' dawn is-sentenzi,

Is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kawkasu ta' Fuq

C.  billi s-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fir-reġjun tal-Kawkasu ta' Fuq, partikolarment fir-Repubblika ta' Ċeċnija, f'Ingushetia u f'Dagestan, hija allarmanti; billi l-ġurnalisti indipendenti, l-attivisti tas-soċjetà ċivili, l-avukati u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fir-reġjun spiss sfaw vittmi ta' theddid u ta' atti ta' vjolenza, torment u intimidazzjoni, u l-attivitajiet tagħhom kienu ristretti minn membri ta' korpi tal-infurzar tal-ligi; billi minn jikser id-drittijiet tal-bniedem għadu mhux qed jiġi kkastigat u billi għad m'hemmx l-istat tad-dritt; billi l-popolazzjoni ċivili għadha soġġetta għal vjolenza kemm minn gruppi tal-oppożizzjoni armata kif ukoll minn korpi tal-infurzar tal-liġi; Billi t-tortura, it-trattament ħażin u d-detenzjoni arbitrarja għadhom komuni; u billi NGOs li jkunu indipendenti mill-gvernijiet nazzjonali huma importanti għall-iżvilupp tas-soċjetà ċivili,

D.  billi hemm klima ġenerali ta' biża' fiċ-Ċeċnija, minkejja s-suċċessi innegabbli fil-qasam tar-rikostruzzjoni u t-titjib ċar fl-infrastruttura tar-reġjun; billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-operat tas-sistema ġudizzjarja u tal-istituzzjonijiet demokratiċi għadhom jagħtu lok għal tħassib serju,

E.  billi l-għajbien suċċessiv tal-opponenti tal-gvern u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem għadhom mhux qed jiġu kkastigati u investigati kif xieraq,

F.  billi minkejja djalogu kostruttiv li żviluppa bejn l-awtoritajiet u s-soċjetà ċivili fl-Ingushetia minn meta ħa l-poter il-President il-ġdid, reġa' kien hemm vjolenza inkwetanti mill-2009, li rriżultat f'ċerti każijiet fil-qtil u l-għajbien ta' opponent ital-gvern u ta' ġurnalisti, mingħajr ma saret l-ebda prosekuzzjoni s'issa,

G.  billi jidher li għadd dejjem jiżdied ta' residenti li għebu fir-Repubblika tal-Kawkasu ta' Fuq inħatfu u ttieħdu f'reġjuni Russi oħra; billi l-aħħar li dehru Ali Dzhaniev, Yusup Dobriev, Yunus Dobriev u Magomed Adzhiev kien fit-28 ta' Diċembru 2009 f' St.Petersburg, u billi l-aħħar li dehru, Zelimkhan Akhmetovich Chibiev, Magomed Khaybulaevich Israpilov, Dzhamal Ziyanidovich Magomedov, Akil Dzhavatkhanovich Abdullaev u Dovar Nazimovich Asadov, li tlieta fosthom huma resident ital-Kawkasu ta' Fuq, kien fil-lejl bejn l-24u l-25 ta' Settembru 2010, meta marru fil-Moskea Storika f'Moska,

H.  billi għad hemm madwar 80,000 persuna spustata internament fil-Kawkasu ta' Fuq, 18-il sena wara li kienu sfurzati jaħarbu minn djarhom dovut għal għadd ta' gwerer li faqqgħu bejn l-Ingushetia u l-Ossezja ta' Fuq fl-1992, u fiċ-Ċeċnija fl-1994 u fl-1999; billi dawn il-persuni għandhom diffikultà biex isibu akkomodazzjoni, biex iġeddu l-permessi ta' residenza tagħhom, li jillimitagħlhom l-aċċess għas-servizzi soċjali, biex iġeddu l-passaporti interni u jiksbu status ta' “'migranti sfurzati'”, li jenħtiġilhom biex ikunu jistgħu jiksbu aċċess għall-impjiegi, għas-servizzi soċjali u għall-benefiċċji soċjali,

I.  billi fit-3 ta' Settembru 2010, il-President Buzek esprima s-solidarjetà tiegħu mal-familji tal-vittmi tat-traġedja ta' Beslan, u ħeġġeġ lill-President tal-Federazzjoni Russa biex jiżgura li d-drittijiet tagħhom jiġu rispettati bis-sħiħ u li tiġi stabbilita l-verità fir-rigward tal-avvenimenti ta' Settembru 2004,

J.  billi ma jista jkun hemm l-ebda ġustifikazzjoni għal atti ta' vjolenza indeskrivibbli kontra l-popolazzjoni ċivili,

K.  billi ħa nota tal-inizjattiva tar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili Russa u internazzjonali biex jitwaqqaf Ċentru ta' Dokumentazzjoni “Natalia Estemirova” għall-krimini tal-gwerra potenzjali u għal ksur serju ieħor tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq matul il-gwerer fiċ-Ċeċnija,

Investigazzjoni kriminali kontra Oleg Orlov

L.  billi x-xogħol tal-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem bħall-Memorial huwa essenzjali għall-ħolqien ta' soċjetà stabbli u ħielsa fir-Russja u għat-twaqqif ta' stabilità reali u dejjiema fil-Kawkasu ta' Fuq b'mod partikolari; billi l-Gvern Russu u l-gvernijiet tar-Repubbliki tal-Kawkasu ta' Fuq jistgħu għalhekk ikunu kburin bir-rwol importanti ta' organizzazzjonijiet bħal dawn;

M.  billi Natalia Estemirova, kap ta' Memorial fiċ-Ċeċnija, ġiet issekwestrata fil-15 ta' Lulju 2009 fi Grozny u misjuba mejta f'Ingushetia, lokalità fil-qrib; billi fl-investigazzjoni dwar il-qtil tagħha, ma sar l-ebda progress biex jinstabu l-qattiela u dawk likienu r-responsabbli reali,

N.  billi fil-21 ta' Jannar 2010 Oleg Orlov u l-Memorial Human Rights Centre ġew ordnati mill-Qorti Ċivili tal-Belt ta' Moska biex iħallsu għall-ħsara kkawżata lil Ramzan Kadyrov, President taċ-Ċeċnija,

O.  billi fid-9 ta' Frar 2010, Ramzan Kadyrov ħabbar pubblikament li kien se jagħlaq il-proċedimenti kriminali li kien beda kontra Oleg Orlov, President tal-Bord Eżekuttiv tal-Memorial Human Rights Centre, u Ludmila Alexeyeva, President tal-Moscow Helsinki Group, għal malafama,

P.  billi fis-6 ta' Lulju 2010 Oleg Orlov ġie akkużat, skont l-Artikolu 129 tal-Kodiċi Kriminali Russu, u jista' jiffaċċja sa tliet snin ħabs jekk jinstab ħati,

Q.  billi kien hemm ksur serju tal-Kodiċi ta' Proċedimenti Kriminali tal-Federazzjoni Russa (b'mod partikolari tal-Artikolu 72 tiegħu) fl-investigazzjoni kriminali kontra Oleg Orlov,

R.  billi sar tiftix fl-uffiċċji ta' bosta organizzazzjonijiet ewlenin tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż ta' Memorial, bejn it-13 u s-16 ta' Settembru 2010, u l-organizzazzjonijiet ġew mitluba jipprovdu bosta dokumenti rigward l-attivitajiet tagħhom mingħajr preavviż,

1.  Jikkundanna l-atti terroristiċi kollha u jenfasizza li ma jista' jkun hemm l-ebda ġustifikazzjoni għal atti ta' vjolenza indiskriminata kontra l-popolazzjoni ċivili; jesprimi s-simpatija u s-solidarjetà tiegħu mal-ħbieb u l-qraba tal-vittmi kollha tal-vjolenza, inklużi dawk tal-bombardamenti reċenti fil-Metro ta' Moska, l-attakk re ċenti kontra l-Parlament taċ-Ċeċnija, u l-bosta attakki oħra li jsiru b'mod kontinwu fuq il-popolazzjoni tar-Repubbliki tal-Kawkasu;

2.  Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar it-tfaqqigħ mill-ġdid tal-vjolenza u tal-atti terroristiċi fil-Kawkasu ta' Fuq; jitlob, minn banda, li jintemm it-terroriżmu u, mill-banda l-oħra, jitlob lill-awtoritajiet Russi biex jeqirdu l-klima mifruxa ta' nuqqas ta' kkastigar għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem u biex itemmu n-nuqqas tal-istat tad-dritt fir-reġjun;

3.  Jirrikonoxxi d-dritt tar-Russja li tiġġieled it-terroriżmu reali u l-ġlied armat fil-Kawkasu ta' Fuq, iżda jħeġġeġ lill-awtoritajiet biex jagħmlu dan fir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem internazzjonali; javża li abbużi kontinwi u metodi illegali kontra l-ġlied armat se joħolqu antagoniżmi ulterjuri min-naħa tal-popolazzjoni u, minflok tinħoloq stabilità, dan se jikkawża żieda ulterjuri fil-vjolenza fir-reġjun;

4.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Russi jagħmlu kulma hu f'setgħethom biex jiżguraw il-protezzjoni tad-difensuri tal-drittijiet tal-bniedem, kif affermat fid-Dikjarazzjoni tan-NU dwar il-Jedd u r-Responsabilità tal-Individwi, Gruppi u Organi tas-Soċjetà li Jippromwovu u Jipproteġu l-Jeddijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali Universalment Rikonoxxuti;

5.  Jisħaq li n-nuqqas ta' kastigi li għadu għaddej fiċ-Ċeċnija jikkontribwixxi għad-destabilizzazzjoni fir-reġjun kollu tal-Kawkasu ta' Fuq;

6.  Jikkundanna bis-saħħa kull forma ta' kastig kollettiv kontra individwi sospettati li għandhom rabtiet mal-insurġenti, inkluża l-prattika li jinħarqu d-djar li jappartjenu lill-familji ta' membri attivi jew allegati tal-oppożizzjoni armata; jitlob lill-awtoritajiet biex jieħdu passi konkreti biex jipprevjenu li jsir mill-ġdid dan it-tip ta' ksur u biex jikkastigaw lill-uffiċjali responsabbli fil-livelli kollha;

7.  Iħeġġeġ lir-Russja tipprovdi aċċess mingħajr ostakoli għall-Kawkasu ta' Fuq lill-organizzazzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, lill-midja u l-istituzzjonijiet governattivi internazzjonali, bħall-Kunsill tal-Ewropa, il-Kumitat Internazzjonali tar-Red Cross, l-OSKE u n-NU; barra minn hekk jistieden b'mod partikolari lill-awtoritajiet kompetenti joħolqu ċirkostanzi li jippermettu lil Memorial u organizzazzjonijiet oħrajn tal-jeddijiet tal-bniedem li jerġgħu jkomplu bis-sħiħ bl-attivitajiet tagħhom fil-Kawkasu ta' Fuq b'ambjent sigur;

8.  Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu fir-rigward tal-għadd dejjem jikber ta' għajbien ta' residenti tal-Kawkasu ta' Fuq li jidher li nħatfu f'reġjuni Russi oħra, u jitlob lill-Uffiċċju Ġenerali ta' Prosekuturi Pubbliċi tal-Federazzjoni Russa biex jiċċara u jikkonferma fejn jinsabu dawn iċ-ċittadini;

9.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet federali Russi jiżguraw li tittieħed azzjoni abbażi ta' soluzzjonijiet fuq medda twila ta' żmien għall-persuna spustjati internament (IDPs); jitlob li jkun hemm azzjoni governattiva mtejba b'appoġġ għall-operazzjonijiet tal-UNHCR biex jitkomplew il-programmi ta' akkomodazzjoni għall-IDPs u biex jiġu faċilitati miżuri għat-titjib tal-aċċess tal-IDPs għas-servizzi u l-benefiċċji; jenfasizza li jeħtieġ li jkun hemm monitoraġġ kontinwu tal-IDPs biex jiġi żgurat li d-drittijiet tagħhom ma jerġgħux jinkisru; iħeġġeġ lill-Gvern Russu jirrikonoxxi b'mod formali l-kunċett tal-IDPs u jadatta l-leġiżlazzjoni tiegħu skont dan;

10.  Jistieden lill-awtoritajiet federali Russi jinvestigaw il-qtil ta' Natalia Estemirova malajr, sew u b'mod effettiv u jressaq kemm lil dawk reponsabbli għal dawn l-atti brutali kif ukoll lil dawk involuti quddiem il-ġustizzja;

11.  Jiċħad u jikkundanna l-attentati ċiniċi u assurdi biex Memorial tiġi implikata fil-krimini ta' għajnuna lill-organizzazzjonijiet terroristiċi;

12.  Jikkundanna l-ftuħ ta' investigazzjoni kriminali kontra Oleg Orlov u jħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti jerġgħu iqisu d-deċiżjoni tagħhom li jiftħu proċedimenti kriminali; Jirrimarka li dikjarazzjonijiet bħal dawk ta' Oleg Orlov huma leġittimi f'demokrazija u m'għandhomx ikunu soġġetti għal kastigi la skont il-liġi ċivili u lanqas il-liġi kriminali;

13.  Jistieden lill-awtoritajiet Russi biex – jekk jissoktaw il-proċedimenti – jiżguraw li ma jkunx hemm ksur ulterjuri tal-liġi fl-investigazzjoni u fil-proċedimenti quddiem il-qorti kontra Oleg Orlov, u biex jikkonformaw f'kull ċirkostanza mad-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Difensuri tal-Jeddijiet tal-Bniedem, id-Dikjarazzjoni Universali dwar il-Jeddijiet tal-Bniedem u l-istrumenti internazzjonali u reġjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem ratifikati mill-Federazzjoni Russa;

14.  Ifakkar li Oleg Orlov ingħata l-Premju Sakharov tal-Parlament Ewropew għall-2009, u jinsab għalhekk taħt il-protezzjoni speċjali morali u politika tal-Parlament Ewropew; iħeġġeġ lill-Gvern Russu jippermetti lil Oleg Orlov jattendi ċ-ċerimonja ta' għoti tal-Premju Sakharov 2010 fi Strasburgu mingħajr xkiel;

15.  Jikkundanna t-tiftix intimidanti tal-uffiċċji tal-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u jistenna li jiġu ċċarati l-legalità u l-objettiv ta' dawn l-azzjonijiet;

16.  Jiddeplora l-fatt li l-abbużi kontinwi mid-drittijiet tal-bniedem qed ikollhom impatt ferm negattiv fuq l-immaġini u l-kredibilità tar-Russja fid-dinja, u qed ixekklu r-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni Russa, li huma importanti u għandhom jiżviluppaw fi sħubija strateġika, meta titqies id-dipendenza reċiproka taż-żewġ partijiet u l-bosta interessi komuni, b'mod partikolari fir-rigward tal-politika, is-sigurtà, l-ekonomija u l-kooperazzjoni fil-qasam tal-enerġija, iżda li għandhom jiżviluppaw ukoll f'rispett għall-prinċipji u l-proċeduri demokratiċi u fi drittijiet tal-bniedem bażiċi;

17.  Jappoġġa bis-saħħa r-rakkomandazzjonijiet tar-riżoluzzjoni adottata mill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa tat-22 ta' Ġunju 2010 dwar ir-rimedji legali għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kawkasu ta' Fuq, li jistgħu jkunu utli ferm biex jintemm in-nuqqas ta' kkastigar li jgawdi minnu min iwettaq ksur tad-drittijiet tal-bniedem, u biex tiġi ristawrata l-fiduċja tal-poplu fl-aġenziji tal-infurzar tal-liġi;

18.  Jistieden lill-awtoritajiet Russi jikkonformaw mas-sentenzi kollha tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u jimplimentaw miżuri biex jirrettifikaw ksur f'każijiet individwali, inkluż billi jiżguraw li jsiru investigazzjonijiet effettivi u billi jżommu lil min iwettaq tali ksur bħala responsabbli, u jadottaw miżuri ġenerali biex jimplimentaw is-sentenzi, inklużi politiki u tibdil legali biex jiġi evitat li jsir ksur ta' dan it-tip mill-ġdid;

19.  Jirrakkomanda li l-awtoritajiet tal-Istat fil-livelli federali, reġjonali u lokali jibdew djalogu kostruttiv mal-attivisti tas-soċjetà ċivili biex ikunu jistgħu jiġu żviluppati strutturi demokratiċi li jaħdmu kif xieraq;

20.  Jitlob li jogħla l-livell tal-konsultazzjonijiet marbutin mad-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u r-Russja u jħeġġeġ biex dan il-proċess ikun apert għall-input effettiv min-naħa tal-Parlament Ewropew, tad-Duma, tal-awtoritajiet ġudizzjarji Russi u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lir-Russja tirrispetta bis-sħiħ l-obbligi tagħha bħala membru tal-OSKE u tal-Kunsill tal-Ewropa;

21.  Jiġbed l-attenzjoni b'mod partikolari għas-sitwazzjoni ta' eluf ta' refuġjati mill-Kawkasu ta' Fuq fl-Istati Membri tal-UE, b'riferiment partikolari għad-diaspora miċ-Ċeċnija li tgħix fl-Awstrija, li tammonta għal mill-inqas 20,000 persuna, inklużi botsa minorenni; F'dan ir-rigward jesprimi t-tħassib tiegħu rigward il-qtil ta' refuġjat Ċeċen fi Vjenna f'Mejju 2010 u l-allegazzjonijiet serji fir-rigward tal-implikazzjoni tal-President Ċeċen f'dan il-qtil; jitlob lill-Istati Membri tal-UE biex jimplimentaw politika iktar koordinata, koerenti u viżibbli dwar il-protezzjoni tar-refuġjati tal-Kawkasu ta' Fuq f'art Ewropea, bi qbil mal-obbligi umanitarji u tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom;

o
o   o

22.  Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu li jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa, lill-OSKE u lill-Kunsill tal-Ewropa.

(1) Testi adottati, P7_TA(2009)0022.

Avviż legali - Politika tal-privatezza