Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2010/2899(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0604/2010

Testi mressqa :

B7-0604/2010

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 11/11/2010 - 8.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2010)0397

Testi adottati
PDF 232kWORD 60k
Il-Ħamis, 11 ta' Novembru 2010 - Brussell
Strateġija Esterna tal-UE dwar ir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR)
P7_TA(2010)0397B7-0604/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar tal-11 ta' Novembru 2010 l-approċċ globali għat-trasferimenti ta' data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) lil pajjiżi terzi, u dwar ir-rakkomandazzjonijiet mill-Kummissjoni lill-Kunsill sabiex jinfetħu n-negozjati bejn l-Unjoni Ewropea u l-Awstralja, il-Kanada u l-Istati Uniti

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 16 u 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikulari l-Artikolu 8 tagħha, u l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, b'mod partikulari l-Artikoli 6, 8 u 13 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-21 ta' Settembru 2010 dwar l-approċċ globali għat-trasferimenti ta' dejta tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Pasiġġieri (PNR) lil pajjiżi terzi (COM(2010)0492),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill li tawtorizza li jinfetħu negozjati għal ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Awstralja għat-trasferiment u l-użu ta' dejta mir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u reati transnazzjonali serji oħrajn,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill li tawtorizza li jinfetħu negozjati għal ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Awstralja għat-trasferiment u l-użu ta' dejta mir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u reati transnazzjonali serji oħrajn,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill li tawtorizza li jinfetħu negozjati għal ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kanada għat-trasferiment u l-użu ta' dejta mir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u reati transnazzjonali serji oħrajn,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ ta' negozjati għal ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar il-protezzjoni ta' data personali meta din tkun ittrasferita u pproċessata għall-fini tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, l-identifikazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali, inkluż it-terroriżmu, fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġuridika f'materji kriminali,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-kwistjoni tad-data tal-PNR bejn l-UE u l-Istati Uniti, b'mod partikolari r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-5 ta' Mejju 2010 dwar it-tnedija ta' negozjati għal ftehimiet dwar ir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) mal-Istati Uniti, l-Awstralja u l-Kanada(1), tat-13 ta' Marzu 2003 dwar it-trasferiment ta' data personali mil-linji tal-ajru fil-każ ta' titjiriet transatlantiċi(2), u r-riżoluzzjoni tad-9 ta' Ottubru 2003 dwar it-trasferiment ta' data personali mil-linji tal-ajru fil-każ ta' titjiriet transatlantiċi: is-sitwazzjoni tan-negozjati mal-Istati Uniti(3), ir-riżoluzzjoni tal-31 ta' Marzu 2004 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-livell adegwat ta' protezzjoni provdut mid-data personali misjuba fir-Reġistri tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNRs) trasferiti lejn il-Bureau of Customs and Border Protection tal-Istati Uniti(4), ir-riżoluzzjoni tas-7 ta' Settembru 2006 dwar in-negozjati għal ftehima mal-Istati Uniti dwar l-użu tad-data tar-rekords ta' ismijiet ta' passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni tat-terroriżmu u r-reati transnazzjonali, inkluża l-kriminalità organizzata, u għall-ġlieda kontrihom(5), ir-riżoluzzjoni tal-14 ta' Frar 2007 dwar is-SWIFT, il-ftehima dwar il-PNR u d-djalogu transatlantiku dwar dawn il-kwistjonijiet(6), u r-riżoluzzjoni tat-12 ta' Lulju 2007 dwar il-ftehim PNR mal-Istati Uniti(7),

–  wara li kkunsidra t-talba għall-approvazzjoni biex jiġi konkluż il-Ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta' data mir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR), minn trasportaturi bl-ajru lid-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti (DHS)(8) u biex jiġi konkluż il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Awstralja dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta' data mir-rekords tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) derivata mill-Unjoni Ewropea minn trasportaturi bl-ajru lis-servizz doganali Awstraljan(9),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-Kommunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-approċċ globali għat-trasferimenti ta' data tal-PNR lil pajjiżi terzi,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi t-Trattat ta' Lisbona, li jemenda t-Trattat tal-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, daħal fis-seħħ fl-1 ta' Diċembru 2009,

B.  billi l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea saret torbot mad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona fl-1 ta' Diċembru 2009,

C.  billi fis-26 ta' Mejju 2010 l-Kummissjoni ppreżentat ir-rakkomandazzjoni tagħha lill-Kunsill biex tawtorizza l-ftuħ ta' negozjati għal ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar il-protezzjoni ta' data personali meta din tkun ittrasferita u pproċessata għall-fini tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, l-identifikazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali, inkluż it-terroriżmu, fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġuridika f'materji kriminali,

D.  billi, bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona l-Parlament qed jintalab biex jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-ftehimiet bejn l-UE u, rispettivament, l-Istati Uniti u l-Awstralja, dwar it-trasferiment ta' data tal-PNR, bil-għan li jiġu konklużi dawn il-ftehimiet,

E.  billi fil-5 ta' Mejju 2010 l-Parlament iddeċieda li jipposponi l-votazzjoni dwar it-talba għall-approvazzjoni għall-ftehimiet mal-Istati Uniti u mal-Awstralja,

F.  billi l-kommunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-approċċ globali għat-trasferimenti ta' dejta tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) lil pajjiżi terzi, u dwar ir-rakkomandazzjonijiet mill-Kummissjoni lill-Kunsill sabiex jinfetħu n-negozjati bejn l-UE u l-Awstralja, il-Kanada u l-Istati Uniti jirriflettu elementi importanti li jinsabu fir-riżoluzzjonijiet relevanti tal-Parlament Ewropew dwar il-kwistjoni,

G.  billi l-Ftehim bejn l-UE u l-Kanada dwar it-trasferiment tal-PNR m'għadux validu, minħabba li skadiet id-Deċiżjoni ta' Adegwadezza f'Settembru 2009, u t-trasferiment tad-data tal-PNR minn dik id-data “l quddiem seħħ fuq il-bażi ta' negozjati unilaterali mill-Kanada mal-Istati Membri,

H.  billi pajjiżi terzi oħra diġà qed jitolbu t-trasferiment tad-data tal-PNR, jew ħabbru l-intenzjoni tagħhom li jagħmlu dan fil-futur qarib,

I.  billi fiż-żminijiet diġitali tagħna, il-protezzjoni tad-data, id-dritt għall-awtodeterminazzjoni informattiva, id-drittijiet personali u d-dritt għall-privatezza saru valuri li għandhom rwol dejjem qed jikber u għalhekk għandhom jiġu protetti b'attenzjoni speċjali,

J.  billi, f'dinja fejn il-mobilità hija essenzjali, is-sigurtà akbar u l-isforzi mtejba biex jiġu miġġielda l-kriminalità serja u t-terroriżmu għandhom imorru id f'id ma' skambji aktar effettivi, iffukati u rapidi tad-data kemm fl-Ewropa kif ukoll fil-livell dinji,

1.  Ifakkar fid-determinazzjoni tiegħu li jiġġieled kontra t-terroriżmu u kontra l-kriminalità organizzata u transnazzjonali, u fl-istess ħin fit-twemmin sod tiegħu fil-ħtieġa li jitħarsu l-libertajiet ċivili u d-drittijiet fundamentali, inklużi d-drittijiet għall-privatezza, għall-awtodeterminazzjoni informattiva u għall-protezzjoni tad-data; itenni li n-neċessità u l-proporzjonalità, kif stipulati fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, huma prinċipji ewlenin li mingħajrhom il-ġlieda kontra t-terroriżmu ma tistax tkun effettiva;

2.  Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-approċċ globali għat-trasferimenti ta' data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) lil pajjiżi terzi;

3.  Jilqa' r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill li tawtorizza li jinfetħu negozjati għal ftehimiet bejn l-UE u l-Awstralja, il-Kanada u l-Istati Uniti għat-trasferiment u l-użu ta' dejta tal-PNR għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u reati transnazzjonali serji oħrajn; jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill li jniedi n-negozjati kollha simultanjament, filwaqt li jirrikonoxxi li t-tul tan-negozjati jista' jvarja;

4.  Jenfasizza l-importanza tas-spirtu ta' kooperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti, il-Kanada u l-Awstralja fil-ġlieda kontra t-terroriżmu dinji u jħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Uniti, lill-Kanada u lill-Awstralja biex jibqgħu jaħdmu b'kooperazzjoni sabiex dejjem aktar jiġġieldu t-theddida mit-terroriżmu;

5.  Ifakkar li l-għan tal-ftehimiet huwa li jiġi żgurat li t-trasferiment tad-data jkun konformi mal-istandards Ewropej tal-protezzjoni tad-data; jenfasizza, għaldaqstant, li l-bażi legali trid tinkludi l-Artikolu 16 TFUE;

6.  Jirrimarka li l-proporzjonalità għadha prinċipju ewlieni fil-politiki dwar il-protezzjoni tad-data, u li kull ftehim jew miżura politika għandhom jirrispettaw ukoll il-proporzjonalità legali, filwaqt li juru li l-iskop tagħhom huwa li jintlaħqu l-objettivi tat-Trattat u ma jmorrux “l hinn minn dak li jinħtieġ biex jintlaħqu dawk l-objettivi; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tagħtih evidenza fattwali li l-ġbir, il-ħżin, u l-ipproċessar tad-data tal-PNR huma meħtieġa għal kull wieħed mill-għanijiet imsemmija; itenni bl-istess mod l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tistudja alternattivi anqas intrużivi;

7.  Itenni l-pożizzjoni tiegħu li d-data tal-PNR m'għandha fl-ebda ċirkostanza tintuża għall-estrazzjoni tad-data jew għat-tħejjija tal-profili tad-data; f'dan ir-rigward, itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tiċċara d-differenzi bejn il-kunċetti tal-“analiżi tar-riskju” u tat-“tħejjija tal-profili” fil-kuntest tal-PNR;

8.  Jenfasiiza l-ħtieġa li jkun infurmat bis-sħiħ dwar l-iżviluppi kollha relatati mal-PNR u dawk relevanti biex ikun jista' jikkunsidra jekk jagħtix l-approvazzjoni tiegħu għall-ftehimiet li jkun qed jiġu nnegozjati; għaldaqstant iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jiċċaraw għall-aħħar il-qagħda attwali fir-rigward tal-ftehimiet u tal-memoranda ta' qbil bilaterali bejn l-Istati Membri u l-Istati Uniti dwar l-iskambju ta' data dwar l-infurzar tal-liġi u dwar il-parteċipazzjoni fil-Programm ta' Eżenzjoni mill-Viża (Visa Waiver Programme) tal-Istati Uniti, kif ukoll il-Programm ta' Kontroll Uniku ta' Sigurtà (One-Stop Security);

9.  Jenfasizza li l-memoranda ta' qbil bilaterali bejn l-Istati Membri u l-Istati Uniti, b'mod parallel man-negozjati bejn l-UE u l-Istati Uniti, jmorru kontra l-prinċipju tal-kooperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet tal-UE; iħeġġeġ lill-Kunsill biex jagħti aktar informazzjoni u ċarezza legali dwar is-sitwazzjoni fir-rigward tal-bażi legali u l-kompetenza tal-memoranda ta' qbil bilaterali bejn l-Istati Membri u l-Istati Uniti fir-rigward tal-iskambji ta' informazzjoni li jikkonċernaw id-data tal-PNR;

10.  Jilqa' u jappoġġja bis-sħiħ ir-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill biex tawtorizza l-ftuħ ta' negozjati għal ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar il-protezzjoni ta' data personali meta din tkun ittrasferita u pproċessata għall-fini tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, l-identifikazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali, inkluż it-terroriżmu, fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġuridika f'materji kriminali, jilqa' l-approċċ tal-Kummissjoni li dan il-ftehim ta' qafas ikun japplika għall-ftehimiet kollha futuri u eżistenti tal-UE u tal-Istati Membri mal-Istati Uniti tal-Amerika dwar it-trasferiment u l-ipproċessar ta' data personali għall-fini tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, l-identifikazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġuridika f'materji kriminali;

11.  Jenfasizza li l-objettivi fissi stipulati fir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill biex awtorizza l-ftuħ ta' negozjati għal ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar il-protezzjoni ta' data personali meta din tkun ittrasferita u pproċessata għall-fini tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, l-identifikazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali, inkluż it-terroriżmu, fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġuridika f'materji kriminali, huma essenzjali għal kwalunkwe ftehim ta' skambju ta' data mal-Istati Uniti tal-Amerika – bħalma hu essenzjali wkoll li jkun hemm bidu bikri tan-negozjati dwar id-drittijiet tal-protezzjoni tad-data li jistgħu jiġu infurzati, b'konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u mad-Direttiva 95/46/KE;

12.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern tal-Kanada, lill-Gvern tal-Awstralja, lill-Kungress Amerikan u lill-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerika.

(1) ĠU C 281 E, 15.3.2011, p. 70.
(2) ĠU C 61 E, 10.3.2004, p. 381.
(3) ĠU C 81 E, 31.3.2004, p. 105.
(4) ĠU C 103 E, 29.4.2004, p. 665.
(5) ĠU C 305 E, 14.12.2006, p. 250.
(6) ĠU C 287 E, 29.11.2007, p. 349.
(7) ĠU C 175 E, 10.7.2008, p. 564.
(8) Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta' dejta mir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) minn trasportaturi bl-ajru lid-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti (DHS) (2007 Ftehim PNR) (COM(2009)0702).
(9) Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Awstralja dwar l-ipproċessar u t-trasferiment tad-dejta mir-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) derivata mill-UE minn trasportaturi tal-ajru lis-Servizzi Doganali Awstraljani (COM(2009)0701).

Avviż legali - Politika tal-privatezza