Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Novembru 2010 dwar l-Iraq: il-piena kapitali (speċifikament il-każ ta' Tariq Aziz) u l-attakki kontra l-komunitajiet Insara
Il-Parlament Ewropew
,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fl-Iraq,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-abolizzjoni tal-piena kapitali, b'mod partikolari r-riżolużżjoni tiegħu tas-26 ta' April 2007 dwar l-inizjattiva għal moratorju universali fuq il-piena kapitali(1)
,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 62/149 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tat-18 ta' Diċembru 2007, fejn intalab moratorju dwar l-użu tal-piena kapitali, u r-Riżoluzzjoni 63/168 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tat-18 ta' Diċembru 2008, fejn intalbet l-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 62/149 tal-Assemblea Ġenerali,
– wara li kkunsidra d-diskors tal-Viċi President tal-Kummisjoni/ ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Catherine Ashton, dwar il-politika tad-drittijiet tal-bniedem, waqt il-plenarja tas-16 ta' Ġunju 2010 fejn irrimarkat li l-abolizzjoni tal-piena kapitali fid-dinja kollha hi prijorità għall-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni finali adottata mir-4 Kungress Dinji Kontra l-Piena Kapitali, li sar f'Ġinevra bejn l-24 u s-26 ta' Frar 2010, li titlob l-abolizzjoni universali tal-piena kapitali,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 2 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill adotatti fis-16 ta' Novembru 2009 dwar il-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin, li jenfasizzaw l-importanza strateġika ta' din il-libertà u tal-ġlieda kontra l-intolleranza reliġjuża,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU tal-1981 dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha tal-Intolleranza u d-Diskriminazzjoni abbażi tar-Reliġjon jew it-Twemmin,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummisjoni/ ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Catherine Ashton, dwar l-Iraq, b'mod partikulari dik tal-1 ta' Novembru 2010 wara l-attakk kontra dawk li kienu fil-Knisja tal-Madonna tas-Salvazzjoni f'Bagdad, fl-Iraq,
– wara li kkunsidra r-rapporti annwali tiegħu dwar il-qagħda tad-drittijiet tal-bniedem fid-dinja u r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-minoranzi reliġjużi fid-dinja,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
Il-piena kapitali (inkluż il-każ ta' Tariq Aziz)
A. billi fis-26 ta' Ottubru 2010, it-Tribunal Għoli Iraqi kkundanna għall-mewt lill-ex
Deputat Prim Ministru Iraqi, Tariq Aziz ta' 74 sena, flimkien ma' Sadoun Shakir, li kien Ministru tal-Intern, u Abed Hamoud, li kien Segretarju Privat ta' Saddam Hussein billi jekk jinċaħad l-appell kontra l-kundanna, hu probabbli li tiġi eżegwita fi żmien 30 ġurnata,
B. billi waqt proċess preċedenti, Tariq Aziz ġie kkundannat għal 22 sena ħabs fi priġunerija solitarja u fil-fatt dik is-sentenza kienet waħda għal ħajtu minħabba s-saħħa fraġli ta' Tariq Aziz, li, fil-ħabs, bata minn diversi attakki ta' puplesija u problemi fil-pulmuni u ġie operat wara li sabulu d-demm magħqud f'moħħu,
C. billi l-President tal-Iraq, Jalal Talabani, iddikjara li mhux se jiffirma d-digriet għall-eżekuzzjoni għal Tariq Aziz; billi, skont il-Kostituzzjoni tal-Iraq, il-President għandu jirratifika l-kundanni għall-mewt, imma hemm mekkaniżmi biex l-eżekuzzjonijiet jitwettqu b'awtorità parlamentari,
D. billi l-fatt li Tariq Aziz ġie kkundannat għall-mewt ftit se jagħmel biex itejjeb l-atmosfera ta' vjolenza fl-Iraq, u billi l-Iraq jeħtieġ b'urġenza rikonċiljazzjoni nazzjonali,
E. billi l-UE hija impenjata b'mod qawwi li taħdem għall-abolizzjoni tal-piena kapitali kullimkien u qed tagħmel ħilitha biex dan il-prinċipju jiġi aċċettat universalment,
F. billi l-piena kapitali hija l-agħar kastig kiefer, inuman u degradanti, li jivvjola d-dritt għall-ħajja kif imħaddan fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u hija att ta' tortura inaċċettabbli għall-Istati li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem,
L-attakki kontra l-komunitajiet Insara
G. billi, fit-22 ta' Novembru 2010, żewġ Insara Iraqin inqatlu f'Mosul; billi, fl-10 ta' Novembru 2010, sensiela ta' attakki u bombardamenti kontra nħawi Nsara qatlu tal-anqas ħames persuni fil-belt kapitali Iraqina, Bagdad; u billi dawk l-attakki ġew wara li attivisti Islamisti ħatfu katidral Kattoliku Sirjak f'Bagdad fil-31 ta' Ottubru 2010, u ħallew mejta aktar minn 50 persuna li kienu hemm,
H. billi l-grupp militanti l-Istat Islamiku tal-Iraq, ikkunsidrat parti mill-moviment internazzjonali Al Qajda, iddikjara li hu responsabbli għall-qtil u ħalef li se jniedi attakki oħra kontra l-Insara,
I. billi l-Artikolu 10 tal-Kostituzzjoni tal-Iraq jistabbilixxi l-impenn tal-Gvern li jassigura u jżomm il-qdusija tal-postijiet qaddisin u s-siti reliġjużi; billi l-Artikolu 43 jiddikjara li dawk li jsegwu kwalunkwe grupp reliġjuż għandhom ikunu ħielsa jippratikaw ir-riti reliġjużi tagħhom u jimmaniġġjaw l-istituzzjonijiet reliġjużi tagħhom,
J. billi mijiet ta' eluf ta' Nsara ħarbu mill-pajjiż meta ffaċċjati b'attakki ripetuti kontra l-komunitajiet u l-knejjes tagħhom; billi ħafna mill-Assirjani Iraqin (il-Kaldej, is-Sirjaki u minoranzi Nsara oħra) li għad fadal issa huma persuni spustjati internament, peress li kellhom jaħarbu mill-vjolenza tal-estremisti mmirata lejhom,
K. billi l-Assrijani (il-Kaldej, is-Sirjaki u minoranzi Nsara oħra) jikkostitwixxu poplu antik u indiġenu li hu vulnerabbli ħafna għall-persekuzzjoni u l-emigrazzjoni sfurzata, u billi hemm periklu li l-kultura tagħhom tiġi estinta fl-Iraq,
L. billi l-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iraq, speċifikament kontra l-minoranzi etniċi u reliġjużi, għadhom jiġru f'livell għoli b'mod preokkupanti; billi s-sikurezza u d-drittijiet tal-minoranzi kollha, inklużi l-gruppi reliġjużi, iridu jiġu rispettati u protetti fis-soċjetajiet kollha,
M. billi l-UE kemm-il darba esprimiet l-impenn tagħha favur il-libertà tal-ħsieb, il-libertà tal-kuxjenza u l-libertà tar-reliġjon u saħqet fuq il-fatt li kull gvern għandu dmir li jiggarantixxi dawn il-libertajiet,
Il-piena kapitali (inkluż il-każ ta' Tariq Aziz)
1. Itenni l-oppożizzjoni tiegħu, li ilha stabbilita, għall-piena kapitali fil-każijiet u fiċ-ċirkostanzi kollha, anke għad-delitti tal-gwerra, id-delitti kontra l-umanità u l-ġenoċidju, u jenfasizza għal darb'oħra li l-abolizzjoni tal-piena kapitali tikkontribwixxi għat-tisħiħ tad-dinjità tal-bniedem u l-iżvilupp progressiv tad-drittijiet tal-bniedem;
2. Jiddispjaċih profondament, għalhekk, dwar id-deċiżjoni tal-Qorti Suprema Iraqina li tikkundanna għall-mewt lil Tariq Aziz, Sadoun Shakir u Abed Hamoud; jenfasizza, madankollu, l-importanza li dawk li jivvjolaw id-drittijiet tal-bniedem, inklużi (ex
) politiċi, jinżammu responsabbli fil-qafas tal-istat tad-dritt u l-proċess xieraq;
3. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Iraqin jerġgħu jikkunsidraw id-deċiżjoni tagħhom u ma jwettqux il-kundanna għall-mewt mogħtija mill-Qorti Suprema; jilqa' l-fatt li l-President Talabani ħabba li mhux se jiffirma d-digriet għall-eżekuzzjoni;
4. Iħeġġeġ lill-Gvern Iraqin jiffirma u jirratifika t-Tieni Protokoll Fakultattiv għall-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi fir-rigward tal-abolizzjoni tal-piena kapitali f'kull ċirkustanza, u jitlob moratorju immedjat fuq l-eżekuzzjonijiet;
5. Jindika li l-abolizzjoni sħiħa tal-piena kapitali għadha wieħed mill-objettivi ewlenin tal-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem;
L-attakki kontra l-komunitajiet Insara
6. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu fir-rigward ta' – u jikkundanna b'mod qawwi – l-attakki riċenti fuq il-komunitajiet Insara u komunitajiet reliġjużi oħra fl-Iraq, u l-abbuż tar-reliġjon minn dawk li jwettqu dawk l-atti;
7. Jistieden lill-awtoritajiet Iraqin biex iżidu radikalment l-isforzi tagħhom biex jipproteġu il-minoranzi Nsara u minoranzi vulnerabbli oħra, biex jintensifikaw l-azzjoni kontra l-vjolenza interetnika u biex jagħmlu ħilithom biex issir ġustizzja minn dawk li jwettqu dawn id-delitti f'konformità mal-prinċipji tal-istat tad-dritt u l-istandards internazzjonali;
8. Itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-popolazzjoni tal-Iraq u jistieden lill-entitajiet politiċi Iraqin kollha jaħdmu flimkien kontra t-theddida tal-vjolenza u t-terroriżmu; jenfasizza li jrid jiġi protett d-dritt tal-gruppi reliġjużi kollha li jinġabru flimkien u jitolbu b'mod ħieles; jiddeplora l-fatt li qed jiġu attakkati apposta postijiet fejn jinġabru persuni ċivili, inklużi l-postijiet ta' kult; jikkundanna bis-saħħa l-atti kollha ta' vjolenza kontra l-knejjes u l-postijiet ta' kult u jħeġġeġ lill-UE u lill-komunità internazzjonali jintensifikaw il-ġlieda kontra t-terroriżmu;
9. Jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-familji tal-vittmi u jesprimi kunfidenza li l-poplu Iraqi se jibqa' sod fiċ-ċaħda kontinwa tiegħu tal-isforzi mill-estremisti li jqanqlu tensjoni settarja;
10. Jilqa' d-dikjarazzjoni tal-Ministru Iraqi għall-Affarijiet Barranin tat-2 ta' Novembru 2010 li tistieden lill-awtoritajiet speċjalizzati u lill-forzi tas-sigurtà kollha biex iżommu sod kontra kull tentattiv għas-separazzjoni taċ-ċittadini Iraqin fuq bażi settarja jew razjali, u biex jipprovdu protezzjoni għaċ-ċittadini Iraqin u jissalvagwardjaw il-prattika reliġjuża;
11. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, b'mod partikulari lill-Viċi President tal-Kummisjoni/ ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Catherine Ashton, jindirizzaw, fil-prospettiva tat-tħejjija tal-ewwel Ftehim ta' Sħubija u Koperazzjoni bejn l-UE u l-Iraq, il-problema tas-sikurezza fi ħdan il-fruntieri Iraqin bħal kwistjoni prijoritarja;
o o o
12. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummisjoni/ ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-President tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, lill-gvernijiet tal-istati membri tan-NU u lill-Gvern u l-Parlament tal-Iraq.