Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2010/2965(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B7-0637/2010

Dibattiti :

PV 25/11/2010 - 12.2
CRE 25/11/2010 - 12.2

Votazzjonijiet :

PV 25/11/2010 - 13.2

Testi adottati :

P7_TA(2010)0449

Testi adottati
PDF 214kWORD 44k
Il-Ħamis, 25 ta' Novembru 2010 - Strasburgu
Tibet - pjanijiet biex iċ-Ċiniż isir il-lingwa ewlenija tat-tagħlim
P7_TA(2010)0449RC-B7-0637/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Novembru 2010 dwar it-Tibet – pjanijiet biex iċ-Ċiniż isir il-lingwa uffiċjali tat-tagħlim

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar iċ-Ċina u t-Tibet, b'mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' April 2008 dwar it-Tibet(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertà tal-identità, il-kultura u r-reliġjon huwa prinċipju li l-Unjoni Ewropea hija msejsa fuqu kif ukoll prijorità tal-politika barranija tagħha,

B.  billi r-Repubblika Popolari taċ-Ċina esprimiet x-xewqa tagħha ta' relazzjonijiet etniċi armonjużi bejn is-56 minoranza etnika,

C.  billi fid-19 ta' Ottubru 2010 madwar 1 000 student ta' etniċità Tibetana mmarċjaw fit-toroq ta' Tongren, magħrufa wkoll bħala Rebkong, biex jopponu b'mod paċifiku pjan biex iċ-Ċiniż Mandarin jiġi stabbilit bħala l-lingwa uffiċjali tat-tagħlim fl-iskejjel fir-reġjun; billi fit-23 ta' Ottubru 2010 l-protesta nfirxet għall-provinċja ta' Qingai u għal Pekin, fejn 400 student Tibetan li jistudjaw fl-Università ta' Minsu organizzaw dimostrazzjoni,

D.  billi l-lingwa Tibetana, bħala wħada mill-erba' lingwi l-aktar antiki u l-aktar oriġinali tal-Asja, hija katalist fundamentali għall-identità, il-kultura u r-reliġjon Tibetani, iżda tikkostitwixxi wkoll, flimkien mal-kultura Tibetana kollha kemm hi, parti insostitwibbli tal-patrimonju dinji; billi l-lingwa Tibetana, ix-xhieda ta' ċivilizzazzjoni storikament għanja, hija element fundamentali u insostitwibbli tal-identità, il-kultura u r-reliġjon Tibetani,

E.  billi l-lingwi jesprimu l-attitudnijiet soċjali u kulturali ta' komunità, billi l-lingwa komuni ta' komunità hija fattur determinanti tal-kultura, u billi l-lingwi juru imġiba u modi ta' ħsieb soċjali u kolturali speċifiċi ħafna,

F.  billi ġie stabbilit li l-edukazzjoni bilingwi bil-lingwa materna hija l-mezz l-aktar effikaċi għal bilingwiżmu awtentiku għat-Tibetani, u billi din il-“politika għal edukazzjoni bilingwi tal-mudell 1” wasslet konsistentement għall-ogħla rati ta' ammissjonijiet universitarji għall-istudenti tal-iskejjel sekondarji Tibetani fir-reġjun Tibetan,

G.  billi fl-iskejjel elementari, primarji u sekondarji fiż-żoni kollha amministrati mill-Gvern Reġjonali Awtonomu tat-Tibet, il-lingwa Tibetana qed tinbidel gradwalment biċ-Ċiniż, u li ġeneralment id-dokumenti uffiċjali ma jkunux disponibbli bit-Tibetan,

H.  billi bidliet fil-politika dwar l-edukazzjoni jillimitaw l-użu tal-lingwa Tibetana fl-iskejjel, peress li l-kotba u s-suġġetti kollha, ħlief it-Tibetan u l-Ingliż, ikunu biċ-Ċiniż Mandarin,

I.  billi fit-13 ta' Settembru 2007 r-Repubblika Popolari taċ-Ċina (RPĊ), flimkien ma' 142 pajjiż ieħor, ivvutat biex tadotta d-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni, li l-Artikolu 14 tagħha jiddikjara li “l-popli indiġeni għandhom id-dritt jistabbilixxu u jikkontrollaw is-sistemi u l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni tagħhom filwaqt li jipprovdu l-edukazzjoni bil-lingwi tagħhom stess, b'mod xieraq għall-metodi kulturali tagħhom ta' tagħlim”,

J.  billi, minħabba d-dominanza tal-lingwa Ċiniża, qed jiżdiedu l-preokkupazzjonijiet rigward il-prospettivi ta' impjieg fost l-istudenti gradwati f'żoni Tibetani billi, skont il-pożizzjoni ffirmata mill-għalliema u l-istudenti, il-biċċa l-kbira tal-istudenti Tibetani qatt ma kienu f'ambjent li jitkellem b'mod predominanti ċ-Ċiniż u għalhekk mhumiex kapaċi jikkomunikaw biċ-Ċiniż,

1.  Jikkundanna t-trażżin dejjem akbar tal-eżerċitar tal-libertajiet kulturali, lingwistiċi u reliġjużi u ta' libertajiet fundamentali oħra tat-Tibetani, u jisħaq fuq il-ħtieġa li titħares u tiġi protetta l-identità distinta kulturali, reliġjuża u nazzjonali tas-sitt miljun Tibetan kif ukoll li jiġu indirizzati l-preokkupazzjonijiet rigward ir-repressjoni u l-marġinalizzazzjoni tal-lingwa Tibetana, li hija l-bażi tal-identità Tibetana;

2.  Jieħu nota tal-preokkupazzjonijiet rigward it-tentattivi li jitnaqqas il-valur tal-lingwa Tibetana, u jisħaq fuq il-fatt li biex l-edukazzjoni bilingwi tirnexxi, it-Tibetan irid ikun il-lingwa nazzjonali;

3.  Jistieden lill-awtoritajiet Ċiniżi jimplimentaw l-Artikolu 4 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina u l-Artikolu 10 tal-Liġi dwar l-Awtonomija Nazzjonali Reġjonali (LANR) li jiggarantixxu “'l-libertà tan-nazzjonalitajiet kollha li jużaw u jiżviluppaw il-lingwi mitkellma u miktuba tagħhom stess”;

4.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ċiniżi jappoġġjaw politika ġenwina ta' bilingwiżmu, li permezz tagħha s-suġġetti kollha, inklużi l-matematika u x-xjenza, ikunu jistgħu jiġu mgħallma bil-lingwa Tibetana, il-lingwa Ċiniża tissaħħaħ, u l-awtoritajiet u l-komunitajiet lokali jingħataw is-setgħa li jieħdu deċiżjonijiet dwar il-lingwa tat-tagħlim;

5.  Iqis li kull minoranza etnika għandha d-dritt tħares il-lingwa u l-kitbiet tagħha stess; huwa tal-fehma li sistema ġusta ta' edukazzjoni bilingwi tikkontribwixxi għal koperazzjoni u ftehim aħjar meta l-poplu Tibetan jitgħallem iċ-Ċiniż, filwaqt li fl-istess ħin il-poplu Han li jgħix f'żoni Tibetani jitħeġġeġ jitgħallem il-lingwa Tibetana;

6.  Jenfasizza li, bl-introduzzjoni taċ-Ċiniż bħala l-lingwa ewlenija tat-tagħlim, il-kwalità tal-edukazzjoni għall-biċċa l-kbira tal-istudenti sekondarji tat-Tibet tmur lura b'mod sinifikanti, u li għalhekk is-suġġetti skolastiċi kollha, kif ikun l-aktar xieraq, għandhom jiġu mgħallma biss bil-lingwa materna Tibetana;

7.  Jistieden lill-awtoritajiet Ċiniżi jagħmlu kull sforz biex inaqqsu l-iżvantaġġi lingwistiċi u kulturali li jaffaċċjaw it-Tibetani fl-impjieg urban, għalkemm bl-applikazzjoni ta' metodi li ma jkunux ta' ħsara għal-lingwa u l-kultura Tibetani;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea, lir-RGħ/VP u lill-Istati Membri jħeġġu lill-Gvern Ċiniż jiżgura, l-ewwel nett, li d-dritt tal-espressjoni paċifika mill-istudenti jitħares u li l-awtoritajiet rilevanti jindirizzaw l-ilmenti tagħhom b'mod sostanzjali u xieraq, u, it-tieni, li r-“Regolamenti tal-2002 dwar l-Istudju, l-Użu u l-Iżvilupp tal-Lingwa Tibetana” jiġu implimentati sew, skont il-Liġi dwar l-Awtonomija Etnika Reġjonali;

9.  Jitlob lill-Kummissjoni tirrapporta dwar l-użu tal-fond mitlub għall-appoġġ tas-soċjetà ċivili Tibetana fiċ-Ċina u fl-eżilju fil-qafas tal-baġit 2009 (EUR miljun), u jisħaq fuq il-ħtieġa li titħares il-kultura Tibetana, partikolarment fl-eżilju;

10.  Jistieden għal darb'oħra liċ-Ċina tirratifika l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, u jiddeplora t-trattament li spiss ikun diskriminatorju tal-minoranzi etniċi u reliġjużi fiċ-Ċina;

11.  Jitlob lill-awtoritajiet Ċiniżi jagħtu aċċess lill-midja barranija għat-Tibet, inklużi ż-żoni Tibetani barra r-Reġjun Awtonomu Tibetan, u jabolixxu s-sistema ta' permessi speċjali obbligatorji;

12.  Jistieden lir-rappreżentanti diplomatiċi tal-UE f'Pekin iżuru r-reġjun u jirrappurtaw lill-Kunsill u lir-RGħ/VP dwar is-sitwazzjoni attwali fir-rigward tal-kwistjoni tal-edukazzjoni u l-lingwa;

13.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvernijiet u l-Parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u l-Parlament tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, u lis-Santità Tiegħu, id-Dalai Lama.

(1) ĠU C 247 E, 15.10.2009, p. 5.

Avviż legali - Politika tal-privatezza