Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2010/2966(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B7-0635/2010

Dibattiti :

PV 25/11/2010 - 12.3
CRE 25/11/2010 - 12.3

Votazzjonijiet :

PV 25/11/2010 - 13.3

Testi adottati :

P7_TA(2010)0450

Testi adottati
PDF 230kWORD 61k
Il-Ħamis, 25 ta' Novembru 2010 - Strasburgu
Burma - it-tmexxija tal-elezzjonijiet u l-ħelsien tal-kap tal-oppożizzjoni Aung San Suu Kyi
P7_TA(2010)0450RC-B7-0635/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Novembru 2010 dwar il-Burma – il-mod kif saru l-elezzjonijiet u l-ħelsien tal-kap tal-oppożizzjoni Aung San Suu Kyi

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Burma, l-aktar reċenti dik tal-20 ta' Mejju 2010(1),

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 18 sa 21 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem (UDHR) tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 25 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) tal-1966,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Presidenza tal-UE tat-23 ta' Frar 2010 li sejħet għal djalogu globali inklussiv bejn l-awtoritajiet u l-forzi demokratiċi fil-Burma/Mjanmar,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-President tal-Parlament Ewropew Jerzy Buzek tal-11 ta' Marzu 2010 dwar il-liġijiet il-ġodda tal-Burma dwar l-elezzjonijiet,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-President tas-16-il Samit tal-ASEAN li sar f'Hanoi fid-9 ta' April 2010,

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Burma/Mjanmar adottat fit-3009 laqgħa tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin li saret fil-Lussemburgu fis-26 ta' April 2010,

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, Dikjarazzjoni dwar il-Burma, tad-19 ta' Ġunju 2010,

–  wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tat-28 ta' Awwissu 2009 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Burma,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mis-Segretarju Ġenerali tan-NU Ban Ki-moon f'Bangkok fis-26 ta' Ottubru 2010,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-President tat-8 laqgħa Ażja-Ewropa f'Ottubru 2010,

–  wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tal-15 ta' Settembru 2010 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Burma,

–  wara li kkunsidra l-Istqarrija mir-Rappreżentant Għoli tas-7 ta' Novembru 2010 dwar l-elezzjonijiet fil-Burma,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tan-NU u tal-President tal-Parlament Ewropew Jerzy Buzek tat-8 ta' Novembru 2010 dwar l-elezzjonijiet fil-Burma,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tat-13 ta' Novembru 2010 dwar il-ħelsien ta' Daw Aung San Suu Kyi,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-President tal-Kunsill Ewropew u r-Rappreżentant Għoli tat-13 ta' Novembru 2010 dwar il-ħelsien ta' Aung San Suu Kyi,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta' Novembru 2010 dwar il-Burma,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 122 (5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fit-13 ta' Novembru 2010 filgħaxija, inqas minn ġimgħa wara li saru l-elezzjonijiet nazzjonali kkontestati, Aung San Suu Kyi nħelset wara li kienet qattgħet 15 mill-aħħar 21 sena taħt arrest domiċiljarju,

B.  billi fis-7 ta' Novembru 2010 il-Burma kellha l-ewwel elezzjonijiet nazzjonali tagħha f'iktar minn 20 sena; billi l-elezzjonijiet preċedenti fl-1990 kienu ntrebħu min-National League for Democracy (NLD) ta' Aung San Suu Kyi,

C.  billi l-aħħar elezzjonijiet kienu bbażati fuq il-Kostituzzjoni kontroversjali introdotta fl-2008, li tiggarantixxi li l-militari Burmiża jkollhom kwart tas-siġġijiet parlamentari kollha, u ma kienx sorprendenti li l-elezzjonijiet intrebħu mill-Union Solidarity and Development Party (USDP) li huwa appoġġat mill-militari,

D.  billi l-awtoritajiet Burmiżi introduċew bosta liġijiet ġodda qabel l-elezzjonijiet tas-7 ta' Novembru, li llimitaw il-libertà tal-espressjoni u l-kritika ħielsa tal-gvern, biex b'hekk kien hemm restrizzjonijiet kbar fuq l-attivitajiet politiċi u tal-kampanji tal-partiti politiċi, u ripressjoni tas-sejħiet interni għal-ħelsien tal-priġunieri politiċi, u billi l-elezzjonijiet ma ssodisfawx l-istandards internazzjonali,

E.  billi l-Partit favur il-ġunta Union Solidarity and Development Party (USDP) seta' joħroġ kandidati fi kważi l-kostitwenzi kollha, filwaqt li l-partiti prodemokratiċi bħan-National Democratic Force (NLD) kienu limitati li joħorġu biss kandidati fi ftit kostitwenzi, l-iktar minħabba li kellhom ftit żmien biex jiġbru l-fondi għall-elezzjoni jew biex jorganizzaw irwieħhom sewwa,

F.  billi n-National League for Democracy (NLD) iddeċieda li jagħmel bojkott kontra l-elezzjonijiet fid-dawl tal-kundizzjonijiet imposti fuq il-parteċipazzjoni; billi l-NLD safa xolt bil-liġi fis-6 ta' Mejju 2010, wara li ma rreġistrax għall-elezzjonijiet,

G.  billi l-elezzjonijiet saru fi klima ta' biża“, intimidazzjoni u rassenjazzjoni u billi mijiet ta' eluf ta' ċittadini Burmiżi, inklużi patrijiet Buddisti u priġunieri politiċi, ma tħallewx jivvutaw jew joħorġu għall-elezzjonijiet,

H.  billi kien hemm ħafna lmenti kemm dwar il-bażi tal-elezzjonijiet kif ukoll dwar il-mod kif saru, b'nuqqas li jiġi protett is-sigriet tal-votazzjoni, l-isfurzar tal-impjegati tal-gvern, u sforzi militari biex il-Karens etniċi, pereżempju, jiġu mġiegħla jivvutaw għal partiti appoġġati mill-ġunta,

I.  billi l-Kostituzzjoni kkontestata tal-2008 tipprojbixxi lil Aung San Suu Kyi milli jkollha kariga pubblika,

J.  billi, sakemm ma jkunx revokat, il-ħelsien ta' Aung San Suu Kyi jista' jiġi interpretati bħala l-ewwel pass fid-direzzjoni t-tajba; billi, madankollu, bosta esprimew tħassib dwar is-sikurezza ta' Aung San Suu Kyi u nnotaw li kienet qed tinżamm taħt sorveljanza mis-servizzi statali tas-sigurtà,

K.  billi, filwaqt li Aung San Suu Kyi inħelset, aktar minn 2 200 attivist prodemokratiku ieħor għadhom qed jinżammu bħala priġunieri, flimkien ma' ħafna mill-patrijiet Buddisti li mexxew il-protesti kontra l-gvern fl-2007 u l-ġurnalisti li rrappurtaw il-protesti,

L.  billi mill-2003 l-Gvern tal-Burma rrifjuta kull suġġeriment li sarlu min-Nazzjonijiet Uniti u mill-komunità internazzjonali dwar kif jista' jirriforma l-pjan tiegħu ta' “r-rotta lejn id-demokrazija” f'seba' stadji,

M.  billi l-armata Burmiża tibqa' twettaq ksur atroċi tad-drittijiet tal-bniedem kontra pajżani fl-artijiet tal-poplu etniku Karen fuq il-fruntiera mat-Tajlandja, azzjonijiet li jinkludu qtil mhux ġudizzjarju, xogħol furzat u vjolenza sesswali; u billi eluf ta' rifuġjati Burmiżi daħlu t-Tajlandja l-għada tal-elezzjonijiet minħabba taqbid bejn l-armata Burmiża u l-gruppi ribelli etniċi,

N.  billi l-Burma tkompli tirrekluta suldati tfal bil-forza u b'mod sistematiku u mifrux,

O.  billi n-Nazzjonijiet Uniti, l-UE u l-Istati Membri tagħha, l-Istati Uniti u bosta gvernijiet oħra madwar id-dinja qalu li sabiex tinsab soluzzjoni dejjiema għall-problemi tal-Burma, huwa essenzjali li jsiru diskussjonijiet tripartitiċi bejn Aung San Suu Kyi u n-National League for Democracy, ir-rappreżentanti tal-minoranzi etniċi tal-Burma, u l-ġunta Burmiża; u billi l-gvern tal-Burma għadu jirrifjuta li jidħol f'diskussjonijiet ta' dan it-tip,

P.  billi l-UE imponiet miżuri restrittivi fuq ir-reġim Burmiż mill-1996, inkluż l-iffriżar tal-assi ta' xi 450 individwu u 62 entità, projbizzjoni tal-ivvjaġġar, projbizzjoni tal-esportazzjoni tat-tagħmir militari, u aktar reċentement, projbizzjoni tat-tagħmir għall-qtugħ tas-siġar u għal-minjieri u tal-impotazzjoni ta' ċerti tipi ta' njam, ħaġar prezzjuż u minerali, sa meta jkun hemm evidenza ta' bidla ġenwina fid-direzzjoni tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, il-libertà tal-espressjoni u l-istat tad-dritt,

1.  Jilqa' l-ħelsien reċenti ta' Aung San Suu Kyi, iżda jiddeplora l-fatt li nħelset biss wara l-elezzjonijiet, biex b'hekk kien impossibbli li tkun tista' tipparteċipa attivament fil-kampanja tal-oppożizzjoni matul l-elezzjonijiet; jinsisti li l-libertà li għadha kif kisbet mill-ġdid tkun waħda bla kundizzjonijiet u limitazzjonijiet;

2.  Jiddispjaċih bil-kbir li l-ġunta militari Burmiża fil-gvern irrifjutat li torganizza elezzjonijiet ħielsa u ġusti fil-Burma fis-7 ta' Novembru;

3.  Jiddeplora r-restrizzjonijiet imposti mill-ġunta militari fil-gvern fuq il-partiti ewlenin tal-oppożizzjoni, kif ukoll ir-restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-midja biex tirrapporta u timmonitorja l-elezzjonijiet;

4.  Jiddeplora n-nuqqas ta' trasparenza fl-organizzazzjoni tal-votazzjoni u l-għadd tal-voti, ir-rifjut mill-militari li jaċċettaw osservaturi internazzjonali u d-dewmien tat-tħabbir tar-riżultati;

5.  Jiddeplora l-fatt li l-kostituzzjoni l-ġdida tiggarantixxi li l-militari Burmiża jkollhom minimu ta' kwart tas-siġġijiet kollha fil-parlament, li huma biżżejjed biex ikollhom veto għal kwalunkwe bidla kostituzzjonali, kif ukoll jippermettu li l-militari jissospendu l-libertajiet ċivili u l-parlament kull meta jidhrilhom li jkun meħtieġ;

6.  Jinnota l-parteċipazzjoni ristretta fil-votazzjoni min-naħa tal-partiti tal-oppożizzjoni li kellhom jieħdu deċiżjoni diffiċli dwar jekk kellhomx jagħmlu bojkott tal-elezzjonijiet jew le, u jqis li l-parteċipazzjoni tal-oppożizzjoni u r-rappreżentanti etniċi kemm fl-assemblea nazzjonali kif ukoll reġjonali, avolja f'livell limitat ħafna, tista' tikkostitwixxi l-bidu ta' normalizzazzjoni u forsi toffri opportunità għal bidla;

7.  Jikkundanna bil-qawwa l-ksur li jinsab għaddej tal-libertajiet fundamentali u d-drittijiet demokratiċi bażiċi tal-poplu Burmiż f'idejn il-ġunta militari Burmiża;

8.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Burma biex jeħles lill-2 200 priġunier politiku li fadal mingħajr dewmien, bl-ebda prekundizzjoni, kif ukoll biex jagħtihom lura d-drittijiet politiċi kollha tagħhom; jinsisti wkoll li l-awtoritajiet Burmiżi ma jwettqux aktar arresti b'motivazzjoni politika;

9.  Jistieden bil-qawwa lir-reġim Burmiż biex ineħħi r-restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-assemblea, il-moviment ħieles u l-libertà tal-espressjoni, u jitlob li tintemm iċ-ċensura għal raġunijiet politiċi tal-midja, kif ukoll il-kontroll tal-internet u n-netwerk tat-telefowns ċellulari għal raġunijiet politiċi;

10.  Jikkundanna bil-qawwa l-vjolenza li faqqgħet wara bosta ilmenti ta' intimidazzjoni fil-Punent tal-Burma, fil-belt ta' Myawaddy; l-isparar vjolenti bejn il-militari Burmiża u r-ribelli etniċi ġiegħel lil eluf ta' persuni biex jaqsmu l-fruntiera mat-Tajlandja;

11.  Jiddispjaċih bil-qawwa li l-awtoritajiet Burmiżi rrifjutaw kull offerta ta' għajnuna teknika u ta' servizzi ta' monitoraġġ min-NU, u jikkundanna r-restrizzjonijiet imposti fuq il-midja barranija li ppruvat tirrapporta minn ġewaa l-Burma;

12.  Jikkundanna l-fatt li l-pubblikazzjonijiet ta' tal-inqas disa' gazzetti u rivisti ġiet posposta mill-Kunsill Superviżorju tal-Midja, li skontu dawn il-pubblikazzjonijiet ma rrispettawx ir-regoli meta ppubblikaw ritratt tal-ħelsien ta' Aung San Suu Kyi;

13.  Iħeġġeġ lir-reġim Burmiża bil-qawwa biex jidħol f'diskussjonijiet ma' Aung San Suu Kyi u n-National League for Democracy, kif ukoll mar-rappreżentanti tal-minoranzi etniċi; jilqa' f'dan il-kuntest l-isforzi ta' medjazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tan-NU u tar-Rapporteur Speċjali tiegħu fil-Burma;

14.  Jistieden mhux biss lill-komunità internazzjonali, inklużi ċ-Ċina, l-Indja u r-Russja bħala s-sħab kummerċjali ewlenin tal-Burma, iżda wkoll lill-ASEAN, biex ma jibqħux jappoġġaw lir-reġim mhux demokratiku li jistagħna minn fuq dahar il-poplu tieghu u biex jagħmlu iktar pressjoni għal bidliet pożittivi fil-pajjiż; jemmen barra minn hekk li l-Karta tal-ASEAN lill-Istati Membri tal-ASEAN tagħtihom responsabbiltà speċjali u obligu morali li jaġixxu fil-każ ta' ksur sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem f'pajjiż membru;

15.  Jerġa' jtenni l-appoġġ tiegħu għad-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta' April 2010 li testendi b'sena oħra l-miżuri restrittivi pprovduti fid-deċiżjoni kurrenti tal-UE; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Burmiżi biex jieħdu l-passi meħtieġa ħalli dawn il-miżuri jkunu jistgħu jiġu rikunsidrati;

16.  Jesprimi tħassib dar il-kundizzjonijet fil-ħabsijiet u f'faċilitajiet ta' detenzjoni oħra, u dwar rapporti konsistenti tal-maltrattament tal-priġunieri tal-kuxjenza, inkluża t-tortura, u dwar it-twarrib tal-priġunieri tal-kuxjenza f'ħabsijiet iżolati “l bogħod mill-familji tagħhom, fejn ma jistgħx jirċievu ikel u mediċina; jistieden ukoll lill-awtoritajiet Burmiżi biex minnufih jippermettu t-trattament mediku tal-priġunieri kollha u jħallu lill-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar jissokta biż-żjajjar tiegħu lill-priġunieri kollha;

17.  Jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar it-tfaqqigħ mill-ġdid tal-kunflitt bl-armi f'xi nħawi, u jistieden lill-Gvern tal-Burma biex jipproteġi l-popolazzjoni ċivili fil-partijiet kollha tal-pajjiż u biex dawk kollha kkonċernati jirrispettaw il-ftehimiet eżistenti tal-waqfien mill-ġlied;

18.  Jistieden lill-UE u lill-istati Membri tagħha biex jutilizzaw l-influwenza ekonomika u politika kollha tagħhom biex ireġġgħu lura l-ħelsien u d-demokrazija fil-Burma; iħeġġeġ lill-istati membri u lill-UE biex ikomplu jipprovdu finanzjament għar-rifuġjati fil-fruntiera bejn it-Tajlandja u l-Burma;

19.  Itenni u japprova l-istedina tal-President tiegħu lil Aung San Suu Kyi biex tattendi ċ-ċerimonja tal-għoti tal-Premju Sakharov fi Strasburgu f'Diċembru; jenfasizza li, jekk tkun tista' tattendi, tingħata uffiċjalment il-Premju Sakharov li rebħet fl-1990 għal dak kollu li għamlet biex iġġib “il quddiem id-demokrazija u l-ħelsien fil-Burma;

20.  Jinsisti li l-libertà tal-espressjoni u l-libertà fiżika ta' Aung San Suu Kyi, inluż id-dritt mhux ristrett tagħha li tivvjaġġa liberament u fis-sikurezza madwar Burma u barra mill-pajjiż, u li terġa' lura fil-Burma, għandu jkun garantit mir-reġim Burmiż u s-servizzi li jikkontrolla;

21.  Jilqa' d-deċiżjoni li ħa l-Presidenet tal-Parlament Ewropew li jibgħat delegazzjoni Parlamentari fil-Burma biex tippreżenta lil Aung San Suu Kyi l-Premju Sakharov li rebħet, jekk ma tkunx tista' tattendi ċerimonja tal-għoti tal-premju fi Strasburgu;

22.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lil Aung San Suu Kyi, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Mibgħut Speċjali tal-UE għall-Burma, lill-Kunsill tal-Istat tal-Burma għall-Paċi u għall-Iżvilupp, lill-gvernijiet tal-istati membri tal-ASEAN u tal-ASEM, lis-segretarjat tal-ASEM, lill-Caucus Interparlamentari tal-ASEAN dwar il-Myanmar, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u lir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fil-Burma.

(1) Testi adottati, P7_TA(2010)0196.

Avviż legali - Politika tal-privatezza