Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2010/2980(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0021/2011

Testi mressqa :

B7-0021/2011

Dibattiti :

PV 18/01/2011 - 5
CRE 18/01/2011 - 5

Votazzjonijiet :

PV 19/01/2011 - 6.8
CRE 19/01/2011 - 6.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2011)0014

Testi adottati
PDF 283kWORD 116k
L-Erbgħa, 19 ta' Jannar 2011 - Strasburgu
Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-KE u s-Serbja
P7_TA(2011)0014B7-0021/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-19 ta' Jannar 2011 dwar il-proċess ta' integrazzjoni Ewropea tas-Serbja

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom u r-Repubblika tas-Serbja, li qiegħed fil-proċess ta' ratifika mill-Istati Membri u l-Parlament Ewropew, u l-Ftehim Interim dwar kummerċ u kwistjonijiet relatati mal-kummerċ bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tas-Serbja, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Frar 2010,

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2010 li jistieden lill-Kummissjoni tħejji l-opinjoni tagħha dwar l-applikazzjoni tas-Serbja għall-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta' Ġunju 2010,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 1244 (1999), l-Opinjoni Konsultattiva tal-QIĠ tat-22 ta' Lulju 2010 dwar il-kwistjoni tal-Konformità mal-liġi internazzjonali tad-dikjarazzjoni unilaterali ta' indipendenza rigward il-Kosovo, u r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tad-9 ta' Settembru 2010, li rrikonoxxiet il-kontenut tal-opinjoni u laqgħet ir-rieda tal-UE li tiffaċilita d-djalogu bejn Belgrad u Pristina(1),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/213/KE tat-18 ta' Frar 2008 dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet u l-kundizzjonijiet li jinsabu fis-Sħubija Ewropea mas-Serbja u r-revoka tad-Deċiżjoni 2006/56/KE(2),

–  wara li kkunsidra r-Rapport ta' Progress tal-2010 tal-Kummissjoni dwar ir-Repubblika tas-Serbja(3) u l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Novembru 2010 bit-titolu Strateġija tat-Tkabbir u l-Isfidi Ewlenin 2010-2011(4),

–  wara li kkunsidra l-istqarrija konġunta mill-Assemblea Inter-Parlamentari bejn l-UE u s-Serbja tal-4-5 ta' Ottubru 2010,

–  wara li kkunsidra l-ftehim ta' riammissjoni bejn l-Unjoni Ewropea u s-Serbja tat-8 ta' Novembru 2007(5) u r-Regolament tal-Kunsill (KE) 1244/2009 tat-30 ta' Novembru 2009, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk il-pajjiżi li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn dik il-ħtieġa(6),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2007 dwar ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u s-Serbja(7) u r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 Novembru 2009 dwar id-dokument tal-Kummissjoni tal-2009 dwar it-tkabbir li jikkonċerna l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, l-Islanda u t-Turkija(8),

–  wara li kkunsidra r-rapporti tal-Kap Prosekutur tal-ICTY imressqa lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fit-18 ta' Ġunju 2010 u fis-6 ta' Diċembru 2010,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-HR/VP Catherine Ashton tat-8 ta' Settembru 2010 dwar il-passi li jmiss fin-NU rigward l-opinjoni konsultattiva dwar il-Kosovo,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fil-Konklużjonijiet tal-Presidenza li ħarġu mill-Kunsill Ewropew ta' Thessaloniki tad-19 u l-20 ta' Ġunju 2003, ittieħed impenn mal-Istati tal-Balkani tal-Punent kollha, li se jingħaqdu mal-Unjoni Ewropea ladarba jilħqu l-kriterji stabbiliti u dan l-impenn reġa' ttenna fil-konsensus imġedded dwar it-tkabbir approvat mill-Kunsill Ewropew fl-14 u l-15 ta' Diċembru 2006 u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2010 dwar is-Serbja,

B.  billi l-pass tal-integrazzjoni fl-UE tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent huwa individwali u jiddependi fuq il-merti ta' kull wieħed minnhom b'mod partikolari rigward id-determinazzjoni biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti kollha, jilħqu l-obbligi kollha, iwettqu r-riformi u jadottaw il-miżuri meħtieġa li timplika l-adeżjoni mal-UE,

C.  billi approċċi kostruttivi lejn il-kooperazzjoni reġjonali u r-relazzjonijiet tajba mal-pajjiżi ġirien huma l-elementi prinċipali tal-Istabilizzazzjoni u l-Proċess ta' Assoċjazzjoni; billi dawn għandhom rwol deċiżiv fil-proċess ta' transformazzjoni tal-Balkani tal-Punent f'żona ta' stabilità li ilha żmien twil u ta' żvilupp sostenibbli,

D.  billi s-Serbja tinsab fil-qagħda li ssir protagonista prinċipali fil-garanzija tas-sigurtà u l-istabilità fir-reġjun,

E.  billi l-UE nnifisha hija msejsa fuq prinċipji bħar-rikonċiljazzjoni, il-kompromess u l-koeżistenza paċifika; billi l-politika tal-UE fil-Balkani tal-Punent ssegwi l-istess għanijiet sabiex jitjiebu r-relazzjonijiet bejn il-popli tar-reġjun; billi, konformi ma' din il-politika, l-UE tikkundanna r-reati kollha tal-gwerra li twettqu f'dik li qabel kienet il-Jugoslavja u tappoġġa x-xogħol tal-ICTY u tal-Kmamar lokali tad-Delitti tal-Gwerra fl-isforz tagħhom biex jiġu assigurati l-ġustizzja u l-kontabilità,

1.  Jafferma mill-ġdid li l-futur tas-Serbja qiegħed fl-UE, u jinkuraġġixxi lill-pajjiż biex ikompli bl-isforzi tiegħu għal dan il-għan; ifaħħar lis-Serbja għall-progress li għamlet fil-proċess ta' riforma; jilqa' d-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta' ratifika tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni mas-Serbja li ttieħdet mill-Kunsill fl-14 ta' Ġunju 2010 u l-fatt li ħdax-il Stat Membru diġà rratifikaw il-Ftehim; jistieden lill-Istati Membri li baqa' biex jipproċedu malajr bil-proċedura ta' ratifika;

2.  Jilqa' l-applikazzjoni tas-Serbja għall-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea, imressqa fit-22 ta' Diċembru 2009 u d-deċiżjoni meħuda mill-Kunsill tal-Ministri fil-25 ta' Ottubru 2010 biex jitlob lill-Kummissjoni ħalli teżamina l-applikazzjoni tas-Serbja; hu tal-opinjoni li d-deċiżjoni tal-Kunsill tagħti sinjal pożittiv lis-Serbja u tħeġġiġha biex iżżid ir-riformi meħtieġa biex tikkonforma mal-kriterji ta' Kopenħagen; jenfasizza li d-deċiżjoni tal-Kunsill tirrappreżenta kontribuzzjoni importanti għall-istabilità tal-Balkani tal-Punent; jistieden lill-Kummissjoni biex tħejji l-opinjoni tagħha dwar is-suġġett, skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea;

3.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-liberalizzazzjoni tar-reġim tal-viża, li jippermetti liċ-ċittadini Serbi li jivvjaġġaw mingħajr viża lejn iż-żona Schengen mid-19 ta' Diċembru 2009; jilqa' d-deċiżjoni tal-Gvern Serb li jippermetti liċ-ċittadini tal-UE li jivvjaġġaw lejn is-Serbja bil-karti tal-identità u jistieden iktar inizjattivi biex jitħaffu l-kuntatti bejn il-popli u l-mobilità tal-persuni mir-reġjun tal-Balkani tal-Punent; jistieden lill-awtoritajiet Serbi biex jadottaw miżuri adegwati u jagħmlu sforz sħiħ sabiex il-possibilitajiet ta' abbuż mir-reġim ta' ħelsien mill-viża jiġu limitati; b'mod partikolari biex ikun żgurat li ċ-ċittadini Serbi jkunu infurmati kif xieraq dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom li joriġinaw mir-reġim ta' ħelsien mill-viża;

4.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-għajnuna tal-IPA taħdem sewwa fis-Serbja; iħeġġeġ kemm lill-gvern kif ukoll lill-UE biex jissimplifikaw il-proċeduri amministrattivi għall-finanzjament tal-IPA bil-għan li jagħmluh aktar aċċessibbli għal benefiċjarji iżgħar u mhux ċentralizzati; jenfasizza l-ħtieġa li jinżamm livell adegwat ta' appoġġ ta' qabel l-adeżjoni fir-reviżjoni li jmiss tal-qafas finanzjarju tal-UE;

5.  Jilqa' r-riżoluzzjoni konġunta bejn l-UE u s-Serbja dwar l-opinjoni konsultattiva tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja dwar il-Konformità mal-liġi internazzjonali tad-dikjarazzjoni unilaterali tal-indipendenza tal-Kosovo, adottata b'akklamazzjoni mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fid-9 ta' Settembru 2010; jilqa' r-rieda tal-Gvern Serb li jġedded id-djalogu mal-Kosovo fi ħdan qafas tal-UE u jappella biex it-taħdidiet jibdew mingħajr dewmien; jistieden lis-Serbja tidħol fi djalogu mal-Kosovo mingħajr ma tibqa' ssir referenza għal negozjati ġodda dwar l-istatus tiegħu; jesprimi l-fiduċja tiegħu li jista' jiġi adottat approċċ li jimxi pass pass għall-benefiċċju taċ-ċittadini kollha tal-Kosovo; jenfasizza li d-djalogu, sabiex ikun ta' suċċess, se jirrikjedi impenn u rieda sabiex jinstab kompromess miż-żewġ naħat bil-ħsieb tal-futur Ewropew komuni tagħhom u l-interess komuni tagħhom biex jiġu stabbiliti l-paċi, is-sigurtà u l-istabilità fit-tul fir-reġjun u jitjieb il-benessri tal-poplu; jenfasizza li l-abilità li jkun iffaċilitat dan il-proċess jikkostitwixxi prova tal-kredibilità u l-viżjoni politika tal-UE fir-reġjun kollu; ifakkar li relazzjonijiet tajba ta' viċinat huma fost l-aktar kundizzjonijiet importanti għall-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent għall-progress lejn sħubija fl-UE;

6.  Jilqa' l-kooperazzjoni mtejba mal-EULEX iżda jenfasizza l-bżonn għal aktar sforzi f'dan ir-rigward, b'mod partikolari biex jitjieb l-iskambju ta' informazzjoni; jistieden lill-awtoritajiet Serbi sabiex jiffaċilitaw il-kooperazzjoni tal-EULEX mas-Serbi tal-Kosovo fl-isforzi biex ikun implimentat l-istat tad-dritt fit-Tramuntana tal-Kosovo;

7.  Iħeġġeġ lill-Gvern Serb iżarma l-istrutturi Serbi paralleli fil-Kosovo li jdgħajfu l-proċess ta' deċentralizzazzjoni u jimpedixxu l-integrazzjoni sħiħa tal-komunità Serba fl-istituzzjonijiet tal-Kosovo; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-awtoritajiet Serbi li jieħdu rwol kostruttiv fit-twaqqif u l-funzjonament tal-istituzzjonijiet muniċipali f'muniċipalitajiet multietniċi Serbi kemm fit-Tramuntana u kemm fin-Nofsinhar tax-xmara Ibar;

8.  Jistieden lill-awtoritajiet Serbi biex jadottaw attitudni kostruttiva għall-elezzjonijiet ġenerali li jmiss fil-Kosovo; jindika li istituzzjonijiet stabbli u multietniċi fil-Kosovo huma fl-interess kemm tas-Serbja kif ukoll ta' pajjiżi oħra ġirien u jqis, f'dan ir-rigward, il-parteċipazzjoni tas-Serbi tal-Kosovo fil-proċess elettorali element indispensabbli mmirat biex ma jħallix li l-komunità Serba tal-Kosovo titwarrab fil-ġenb;

9.  Jinnota l-isforzi kemm tas-Serbja kif ukoll tal-Kosovo biex jinstabu persuni li ilhom mitlufa mill-kunflitt tal-1998-1999 permezz tal-“Grupp ta' Ħidma dwar Persuni Nieqsa Marbuta mal-Ġrajjiet fil-Kosovo”; jenfasizza s-sinifikat tas-soluzzjoni ta' din il-kwistjoni biex jitbiegħed il-konflitt tal-1998-1999; jinnota wkoll il-każijiet ta' madwar 1862 persuna li għadhom nieqsa u jistieden kemm lis-Serbja kif ukoll lill-Kosovo biex jestendu l-kooperazzjoni kollha possibbli lejn xulxin, lejn l-ICRC, lejn l-EULEX u l-entitajiet l-oħra fit-tfittxija għal dawn il-persuni;

10.  Jenfasizza li l-iżvilupp tal-kooperazzjoni reġjonali jibqa' prijorità prinċipali għall-UE u huwa maħsub bħala katalist għar-rikonċiljazzjoni, għar-relazzjonijiet tajba tal-viċinat u għat-tisħiħ tal-kuntatti fost in-nies fil-Balkani tal-Punent; għalhekk, jistieden lis-Serbja biex tadotta approċċ kostruttiv lejn kooperazzjoni reġjonali aktar inklussiva, sabiex ikun possibbli li tinstab soluzzjoni prattika u sostenibbli għar-rappreżentazzjoni tal-Kosovo f'fora reġjonali; jilqa“, għalhekk, il-Laqgħa ta' livell Għoli bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent f'Sarajevo fit-2 ta” Ġunju 2010;

11.  Ifakkar li l-kooperazzjoni sħiħa mal-ICTY hija kundizzjoni fundamentali għas-Serbja għall-progress fit-triq għall-adeżjoni mal-UE; jinnota li s-Serbja qed tkompli twieġeb b'mod xieraq għat-talbiet ta' għajnuna tal-ICTY u jistieden lill-Gvern Serb biex ikompli jaħdem mill-qrib mal-Qorti, inkluż trażmissjoni rapida tad-dokumenti kollha rikjesti u finalizzazzjoni f'waqtha tal-każijiet trasferiti lura mill-ICTY; madankollu, jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-aktar valutazzjoni riċenti tal-Kap Prosekutur tal-ICTY li l-isforzi tas-Serbja biex tarresta liż-żewġ maħruba li fadal għadhom problematiċi; jenfasizza li l-arrest u l-estradizzjoni lejn L-Aja tal-maħrubin biss jista' jitqies bħala l-aktar prova konvinċenti tal-kooperazzjoni sħiħa u jitlob għal sforzi aktar sistematiċi għall-arrest tagħhom sabiex il-mandat tal-Qorti jkun jista' jiġi finalament sodisfatt; b'mod partikolari jħeġġeġ rivalutazzjoni tal-approċċ preżenti, skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-ICTY; jenfasizza li s-Serbja tista' biss tiggwadanja status ta' kandidat u/jew negozjati miftuħa għal adeżjoni mal-UE jekk l-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-ICTY jivvaluta li offriet kooperazzjoni sħiħa;

12.  Jilqa' r-riżoluzzjoni dwar Srebrenica adottata mill-Parlament Serb bħala pass sinifikanti fil-proċess ta' sensibilizzazzjoni dwar l-atroċitajiet li seħħew fil-passat riċenti u ta' rikonċiljazzjoni reġjonali; ifaħħar id-deċiżjoni tal-President Tadić li jipparteċipa fil-kommemorazzjoni tal-15-il anniversarju tal-ġenoċidju fi Srebrenica bħala pass ieħor f'din id-direzzjoni, kif ukoll iż-żjara tiegħu f'Vukovar, fejn sellem u talab apoloġija lill-vittmi tal-massakru ta' Ovčara fl-1991, li ta impetu ġdid lill-iżvilupp ta' relazzjonijiet tajba tal-viċinat bejn is-Serbja u l-Kroazja; jilqa' l-impenn u l-professjonaliżmu tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjali għal Delitti tal-Gwerra, inkluża r-reazzjoni rapida fir-rigward tal-investigazzjoni ta' Lag Perućac;

13.  Jieħu nota tar-riforma tal-ġudikatura u jitlob għal sforzi enerġiċi ulterjuri sabiex tkun żgurata l-indipendenza u l-imparzjalità tal-imħallfin u tittejjeb l-effiċjenza tal-ħidma tal-qrati; jilqa' d-deċiżjoni politika li tinbeda l-proċedura tal-ħatra mill-ġdid tal-imħallfin, iżda jenfasizza li din għandha ssir b'mod trasparenti, li jiggarantixxi d-dritt ta' mħallfin li ma kinux maħtura mill-ġdid li jappellaw b'mod effettiv kontra tali deċiżjonijiet, u jwissi kontra l-politiċizzazzjoni ta' dan il-proċess; jiġbed l-attenzjoni għad-dewmien fl-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti u jitlob lill-gvern biex jibgħat malajr l-abbozzi ta' liġijiet li jonqos lill-parlament; jitlob trasparenza sħiħa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja; barra minn hekk, jitlob li jkunu allokati aktar riżorsi finanzjarji u amministrattivi lill-qrati, inkluża l-Qorti Kostituzzjonali, sabiex jittejjeb il-funzjonament tagħhom u biex ilaħħqu mal-każijiet b'lura li għandhom; f'dan is-sens, iqis li r-restituzzjoni tal-proprjetà lil dawk li qabel kienu s-sidien tagħha għandha tingħata l-prijorità li ħaqqha; jenfasizza li l-preżunzjoni ta' innoċenza hija waħda mill-istrumenti legali ċentrali li jiżguraw l-istat ta' dritt; jistieden lill-awtoritajiet u partikolarment lill-fergħa eżekuttiva biex iżommu sew ma' dan il-prinċipju;

14.  Ifakkar li l-isforzi biex jiġi rispettat l-istat tad-dritt għandhom jikkostitwixxu l-prijorità assoluta tal-awtoritajiet; jilqa' l-progress fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, manifestat fost oħrajn bil-prosekuzzjonijiet reċenti bi profil għoli u bl-istabbiliment ta' qafas ġuridiku adegwat, kif ukoll bit-tnedija tal-attivitajiet tal-Aġenzija kontra l-Korruzzjoni f'Jannar tal-2010, iżda jenfasizza li l-korruzzjoni għadha prevalenti fil-pajjiż u jitlob li jsiru iktar sforzi biex jeqirduha; jinnota b'mod partikolari r-rwol li għandu t-traffikar u l-konsegwenzi negattivi ta' dan u attivitajiet illegali oħra li jsostnu netwerks kriminali; jiġbed l-attenzjoni għall-prattika ta' karigi doppji, li toħloq riskju serju ta' kunflitt ta' interessi u li għandha tiġi indirizzata bħala kwistjoni ta' prijorità; f'dan ir-rigward, huwa mħasseb mill-bidliet reċenti fil-Liġi dwar l-Aġenzija Kontra l-Korruzzjoni, li sejrin fid-direzzjoni opposta, u jinnota riferiment mill-Aġenzija lill-Qorti Kostituzzjonali dwar il-kostituzzjonalità ta' din id-dispożizzjoni; jistieden lill-awtoritajiet jagħtu l-appoġġ politiku u amministrattiv kollu meħtieġ lill-attivitajiet tal-Aġenzija Kontra l-Korruzzjoni u jenfasizza l-ħtieġa li jkunu investigati bla dewmien il-każijiet ta' korruzzjoni rrappurtati mill-Aġenzija; jitlob għall-adozzjoni tal-emendi għal-Liġi dwar l-Iffinanzjar tal-Partiti Politiċi sabiex tkun żgurata trasparenza sħiħa u sistema effiċjenti għall-monitoraġġ tal-finanzjament tal-partiti; iħeġġeġ lill-awtoritajiet biex jadottaw leġiżlazzjoni li tipprovdi protezzjoni effettiva lill-whistleblowers; jenfasizza l-importanza tar-restituzzjoni tal-proprjetà bħala pass importanti fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja; jenfasizza l-importanza li jiġu segwiti b'mod rigoruż il-proċeduri stabbiliti sabiex tissaħħaħ il-fiduċja min-naħa tas-soċjetà fl-imparzjalità tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja;

15.  Jilqa' l-progress fir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika; jisħaq li għandhom isiru aktar sforzi għall-ħolqien ta' servizz pubbliku indipendenti; għal dan il-għan jappella għall-introduzzjoni ta' sistema ta' karrieri bbażati fuq il-mertu, inkluż proċess ta' reklutaġġ professjonali u trasparenti kif ukoll ġestjoni effettiva tar-riżorsi umani, u jiġbed l-attenzjoni, f'dan il-kuntest, għall-prattika negattiva li jitqabbad persunal b'modi li ma jaqgħux taħt il-Liġi dwar l-Impjegati tas-Servizz Pubbliku, iżda ta' spiss fuq bażi ta' kuntatti politiċi; jiġbed l-attenzjoni għan-nuqqas estrem ta' rappreżentanza ta' minoranzi nazzjonali fl-amministrazzjoni pubblika u fil-qrati, kif ukoll fil-kumpaniji tal-istat; jiġbed l-attenzjoni għall-bżonn kontinwu għall-bini tal-kapaċità tal-amministrazzjoni, kemm fuq il-livell nazzjonali u kemm fuq dak lokali, jappella għal aktar tisħiħ tal-kapaċità u l-koordinazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika fil-qasam tal-integrazzjoni tal-UE u jistieden lill-Kummissjoni tkompli tgħin lill-awtoritajiet f'dan ir-rigward, b'koordinament ma' donaturi oħra;

16.  Jilqa' l-progress fir-riforma tal-pulizija u l-kooperazzjoni dejjem akbar fil-qasam tal-pulizija mal-pajjiżi ġirien u mal-pajjiżi tal-UE; jilqa“, b'mod partikolari, il-ftehim dwar il-kooperazzjoni tal-pulizija mal-Kroazja, il-Montenegro u mal-Bosnja-Ħerzegovina; jilqa” l-iffirmar ta' pjan direzzjonali għall-kooperazzjoni mal-Ewropol minħabba l-konklużjoni ta' ftehim operattiv ma' din l-Aġenzija tal-UE dwar l-infurzar tal-liġi; jenfasizza, madankollu, li huma meħtieġa sforzi msaħħa sabiex jilqgħu l-isfidi tal-pjan direzzjonali, b'mod partikolari fl-oqsma relatati mal-protezzjoni tad-data personali u d-data klassifikata, elementi ewlenin ukoll għall-konklużjoni ta' ftehim għall-kooperazzjoni mal-Eurojust;

17.  Jiġbed l-attenzjoni għall-każijiet ta' kondotta mhux xierqa tal-pulizija, inkluż ċirkostanzi fejn kien hemm eċċess ta' awtorità u vjolenza ta' uffiċjali tal-pulizija kontra ċittadini, u jappella biex isiru sforzi qawwija ulterjuri sabiex jiġu kkastigati dawk li jinsabu ħatja; f'dan ir-rigward, jilqa' l-kooperazzjoni tal-pulizija mal-awtoritajiet indipendenti tas-sorveljanza u l-implimentazzjoni tas-sejbiet tagħhom; iqis in-newtralità tal-forzi tal-pulizija u tal-korpi l-oħra tal-infurzar tal-liġi meta jittrattaw ma' membri tal-minoranzi kollha li tgawdi l-ogħla prijorità u jistieden lill-awtoritajiet biex jitjieb it-taħriġ ta' sensitività f'dan il-qasam; jilqa' l-isforzi biex tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-forza tal-pulizija;

18.  Jilqa' l-isforzi li saru sal-lum biex jiġi eliminat il-dell li tħalla mill-attivitajiet tas-servizzi tas-sigurtà fil-passat; jindika, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa ta' aktar riformi fis-settur tas-sigurtà, partikolarment fir-rigward tal-monitoraġġ kif ukoll aktar sorveljanza parlamentari u kontroll tas-servizzi tas-sigurtà; ifakkar lill-awtoritajiet li d-disponibilità għall-pubbliku tal-arkivji tas-servizzi sigrieti hija meħtieġa biex tirnexxi r-rikonċiljazzjoni reġjonali, partikolarment fir-rigward tal-atroċitajiet li seħħew matul it-Tieni Gwerra Dinjija u warajha; jiġbed l-attenzjoni li m'hemmx biżżejjed protezzjoni għad-drittijiet tal-privatezza, u jitlob li jsiru aktar riformi leġiżlattivi f'dan ir-rigward;

19.  Jilqa' l-koordinament imtejjeb bejn il-pulizija u l-prosekuturi, li qed jikseb riżultati fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u t-traffikar tad-droga, li jippreżenta sfidi komuni għall-UE u s-Serbja; jinnota l-firma ta' memoranda ta' kooperazzjoni ma' pajjiżi tal-Amerika Latina bil-għan li jittrattaw b'mod aktar effettiv mal-kummerċ tad-drogi f'pajjiżi barranin; jistieden biex isiru aktar sforzi ħalli jitjiebu l-kapaċitajiet tal-pulizija u tal-ġudikatura interna, u jenfasizza li t-traffikar tad-droga minn u lejn s-Serbja għadu ta' tħassib għall-UE;

20.  Ifakkar fl-importanza ta' parlament li jiffunzjona b'mod adegwat bħala istituzzjoni vitali fis-sistema demokratika u jilqa' l-innovazzjonijiet proċedurali miġjuba bl-adozzjoni tal-Liġi l-ġdida dwar l-Assemblea Nazzjonali; jitlob għall-abolizzjoni immedjata ta' prattiki mhux kostituzzjonali ta' “mandati inbjank”, li jippermettu lill-partiti politiċi li jikkontrollaw l-attivitajiet tal-membri tal-parlament; barra minn hekk, jitlob għall-waqfien tal-allokazzjoni arbitrarja tas-siġġijiet fil-parlament; jistieden lill-partiti politiċi biex kemm jista' jkun malajr jintroduċu dispożizzjoni xierqa f'konformità mal-istandards demokratiċi Ewropej, ċertament fi żmien iċ-ċiklu parlamentari preżenti jilqa' l-adozzjoni tar-Regoli ta' Proċedura tal-parlament il-ġdid, jappella għat-tisħiħ tas-superviżjoni tal-attivitajiet tal-gvern u jfaħħar l-introduzzjoni formali tas-seduti ta' smigħ pubbliċi għal dan il-għan fir-Regoli ta' Proċedura; jilqa' l-fatt li għall-ewwel darba d-dispożizzjonijiet li jippermettu s-superviżjoni tal-korpi indipendenti kienu inklużi fir-Regoli ta' Proċedura iżda jqajjem tħassib dwar l-interferenza possibbli tal-parlament fix-xogħol ta' dawn il-korpi; jitlob għat-tfassil ta' dispożizzjonijiet ġodda konformi mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja li stabbiliet il-qafas legali għal dawn il-korpi biex iwettqu xogħolhom b'mod indipendenti;

21.  Ifaħħar ix-xogħol imwettaq mill-Ombudsman biex jipproteġi d-drittijiet taċ-ċittadini rigward il-funzjonament tajjeb tal-istituzzjonijiet statali, inkluża wkoll l-azzjoni b'appoġġ għad-drittijiet tat-tfal u tal-minoranzi, kemm fil-livelli statali kif ukoll provinċjali; jappella lill-awtoritajiet statali biex jiffaċilitaw dawn l-isforzi u biex jassiguraw segwitu adegwat tar-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman; jilqa' t-twaqqif ta' tliet uffiċċji lokali tal-Ombudsman fil-muniċipalitajiet ta' Preševo, Bujanovac u Medvedja;

22.  Ifakkar fl-importanza kbira ta' midja b'saħħitha u indipendenti għad-demokrazija u jitlob li jittieħdu passi biex jiżguraw l-indipendenza tagħha minn pressjonijiet politiċi u influwenzi oħra; jilqa' l-isforzi tal-Gvern Serb biex jistabbilixxi qafas legali li jiggarantixxi l-libertà tal-espressjoni iżda jesprimi tħassib dwar it-tentattivi biex ikun hemm kontroll u ndħil fis-settur tal-midja; huwa mħasseb bil-kontroversji dwar il-privatizzazzjoni tal-gazzetta ta' kuljum “Večernje Novosti” u jistieden lill-gvern biex jiżgura trattament ugwali għall-investituri barranin u domestiċi kollha; jikkundanna l-attakki fuq il-ġurnalisti Serbi u t-theddid kontrihom u jistieden lill-awtoritajiet biex jinvestigawhom bis-sħiħ u jressqu lill-awturi quddiem il-ġustizzja; jiġbed l-attenzjoni għall-konċentrazzjoni tas-sjieda u nuqqas ta' trasparenza fis-settur tal-midja; jiġbed l-attenzjoni għall-każijiet ta' xandir ta' dejta personali u jenfasizza l-ħtieġa ta' awtoregolazzjoni mill-ġurnalisti u r-rispett għall-Kodiċi tal-Etika; jinnota li l-livell ta' aċċess għall-internet għadu baxx, billi jirrikonoxxi l-importanza tal-internet fil-libertà tal-midja u jħeġġeġ lill-awtoritajiet biex jieħdu passi pożittivi f'dan il-qasam;

23.  Jenfasizza l-importanza tal-proċess ta' deċentralizzazzjoni fit-titjib tal-funzjonament tal-istat billi jitqarreb lejn iċ-ċittadini, waqt li fl-istess ħin jiġi rispettat id-dritt tagħhom għall-awtonomija provinċjali u l-awtogovernanza lokali; f'dan il-kuntest, jilqa' l-adozzjoni tal-Liġi dwar il-Kunsilli Nazzjonali tal-Minoranzi li tirregola l-kompetenzi u l-elezzjoni tal-Kunsilli Nazzjonali tal-Minoranzi b'mod li tkun konformi mal-istandards internazzjonali; jirrikonoxxi l-progress fl-implimentazzjoni tal-Kostituzzjoni ta' Novembru 2006 permezz tal-adozzjoni tal-Istatut u l-Liġi dwar il-kompetenzi tal-Vojvodina; jitlob li l-proċess ta' devoluzzjoni tal-poter jitkompla bl-adozzjoni tal-liġi dwar id-dħul pubbliku u l-liġi dwar il-proprjetà pubblika fil-Vojvodina u l-muniċipalitajiet lokali, li jippermettu li l-Vojvodina tibda tuża l-awtoritajiet tagħha skont l-Istatut il-ġdid; barra minn hekk, jappella għal sforzi politiċi ulterjuri sabiex jiġu indirizzati l-aspirazzjonijiet tal-minoranza Albaniża fil-wied ta' Presevo għall-amministrazzjoni lokali permezz ta' dispożizzjoni rapida tal-fondi adegwati biex jitqassmu b'konsultazzjoni mal-Korp ta' Koordinazzjoni għall-Muniċipalitajiet ta' Preševo, Bujanovac u Medvedja; fl-istess ħin jenfasizza r-responsabilità prinċipali tar-rappreżentanti tal-minoranza Albaniża u jħeġġiġhom biex jiskoraġġixxu r-retorika ħarxa nazzjonalistika u seċessjonista, li tikkuntrasta bil-kbir mal-valuri bażiċi Ewropej; jenfasizza tant ieħor l-importanza tal-integrazzjoni tas-Serbi f'dawn il-korpi governattivi lokali;

24.  Jilqa' l-isforzi magħmula mis-Serbja fil-qasam tal-protezzjoni tal-minoranzi; jenfasizza, madankollu, li l-aċċess għall-informazzjoni u l-edukazzjoni fil-lingwi minoritarji għad irid jitjieb, b'mod partikolari fil-każ tal-minoranzi Bosnijaċi, Bulgari, Bunjevċi u Rumeni;

25.  Jilqa' l-istabbiliment ta' maġġoranza tal-kunsilli tal-minoranzi nazzjonali, li jippermettulhom li jieħdu deċiżjonijiet fil-qasam tal-edukazzjoni, il-kultura, l-użu ta' lingwi minoritarji u l-informazzjoni pubblika; jinnota l-importanza tal-implimentazzjoni sħiħa tal-kompetenzi ta' dawn il-korpi awtogovernattivi minoritarji u tal-ħtieġa ta' sussidji baġitarji adegwati ggarantiti bil-Liġi dwar il-Kunsilli tal-Minoranzi Nazzjonali; jinnota l-ilmenti dwar l-irregolaritajiet fil-proċess ta' tħejjija u r-rekwiżiti ġuridiċi għat-twaqqif tal-kunsilli, kif ukoll jinnota l-ilmenti dwar il-vjolazzjoni tal-kompetenzi garantiti tal-kunsilli nazzjonali minn xi ministeri u muniċipalitajiet lokali, u jistieden lill-awtoritajiet biex jirrisponduhom; jesprimi tħassib dwar il-kostituzzjoni tal-kunsill Bożnijaku nazzjonali u jappella għall-konklużjoni rapida tal-proċess f'konformità mar-regoli, b'mod li jippermetti r-rappreżentazzjoni leġittima tal-Bosnijaċi fil-kunsill; huwa mħasseb dwar it-tensjoni li qed tikber f'Sandžak, kif deher fost oħrajn mill-inċidenti vjolenti reċenti, u jappella bis-saħħa biex tinstab soluzzjoni għat-tilwim politiku permezz ta' djalogu fil-qafas tal-istituzzjonijiet demokratiċi;

26.  Jilqa' l-progress li sar b'rabta mal-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi, b'mod partikolari l-adozzjoni tal-Att dwar l-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel u l-adozzjoni tal-pjan ta' azzjoni nazzjonali biex titjieb il-pożizzjoni tan-nisa u tiġi promossa l-ugwaljanza bejn is-sessi; ifakkar, madankollu, li l-implimentazzjoni ta' dawn il-miżuri għadha pendenti u li għad baqa' diskriminazzjoni kontra n-nisa, l-aktar fis-suq tax-xogħol; għalhekk jistieden lill-awtoritajiet Serbi biex iqiegħdu fil-prattika b'urġenza l-qafas legali ġdid dwar l-ugwaljanza tas-sessi fil-prattika u jindirizzaw kwistjonijiet usa' ta' diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, bħal-livell dejjem jogħla ta' vjolenza domestika fis-Serbja;

27.  Jistieden biex jittieħdu aktar passi għall-implimentazzjoni sħiħa tal-liġi kontra d-diskriminazzjoni u jilqa' b'sodisfazzjon il-progress f'dan il-qasam, b'mod partikolari l-istabbiliment tal-Kummissarju għall-Protezzjoni tal-Ugwaljanza, bħala pass importanti fl-iżgurar tat-trattament ugwali taċ-ċittadini kollha tas-Serbja;

28.  Ifakkar li l-libertà tal-espressjoni u tal-assoċjazzjoni huma valuri ċentrali Ewropej u jilqa' l-fatt li l-ewwel Gay Pride f'Belgrad saret fl-10 ta' Ottubru 2010; jara l-avveniment bħala pass ta' importanza seminali għat-twaqqif ta' soċjetà miftuħa, tolleranti u diversa kif ukoll bħala l-impenn tal-gvern biex iżomm l-istandards tal-UE tat-tolleranza u biex jipproteġi l-minoranzi vulnerabbli fis-soċjetà; esprimi sodisfazzjon bil-miżuri adegwati ta' sigurtà meħuda għall-protezzjoni tal-parteċipanti tal-parata;

29.  Madankollu, jiddeplora l-konfrontazzjonijiet vjolenti li akkumpanjaw l-Parata, li wasslu għal għadd kbir ta' midruba, l-aktar fost il-pulizija; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-estremisti involuti kellhom appoġġ indirett minn ċerti partiti politiċi u figuri reliġjużi prominenti; jistieden lill-awtoritajiet Serbi biex jiżguraw l-istat tad-dritt, bil-prosekuzzjoni tal-awturi tal-vjolenza li ħassret il-parata u billi effettivament jipprojbixxu l-organizzazzjonijiet estremisti li jappartjenu għalihom; jinnota li dawn l-organizzazzjonijiet kienu responsabbli għall-każijiet ta' vjolenza serji fil-passat, b'mod partikolari fis-17 ta' Frar 2008 u f'għadd ta' avvenimenti sportivi; jieħu nota, f'dan ir-rigward, li għadd ta' każijiet bħal dawn issa huma pendenti quddiem il-Qorti Kostituzzjonali; jappella għall-adozzjoni ta' miżuri xierqa biex jiġġieldu b'mod effettiv kontra kull tip ta' estremiżmu u radikaliżmu fis-soċjetà;

30.  Jenfasizza li ħafna Roma għadhom jgħixu f'faqar estrem, li jħalli impatt partikolarment negattiv fuq il-futur tar-Roma żgħażagħ; jinnota barra minn hekk li huma jsofru diskriminazzjoni fis-suq tax-xogħol, 5% biss minnhom għandhom impjieg permanenti; jistieden lill-awtoritajiet biex jieħdu passi urġenti fir-rigward tas-sitwazzjoni tagħhom, billi jipprovdulhom kollha Karta tal-Identità, kif ukoll biex itejbu l-aċċess tagħhom għal akkomodazzjoni adegwata, suq tax-xogħol, edukazzjoni u kura tas-saħħa; jiġbed l-attenzjoni għad-diskriminazzjoni kontinwa kif ukoll għall-każijiet reċenti ta' vjolenza kontra l-popolazzjoni tar-Roma u għar-rilokazzjoni furzata tar-Roma mill-awtoritajiet Serbi;

31.  Jindika l-fatt li s-Serbja hija l-pajjiż bl-akbar għadd ta' refuġjati u persuni spostati internament (IDPs) fl-Ewropa: jenfasizza l-qagħda diffiċli tagħhom fir-rigward ta' akkomodazzjoni u faqar u jistieden lill-awtoritajiet Serbi biex jirrevedu l-istrateġija nazzjonali dwar ir-refuġjati; jilqa' l-inizjattivi tas-Serbja biex jerġa' jingħata saħħa l-proċess reġjonali għal soluzzjoni dejjiema għall-problemi tar-refuġjati u jistieden lill-pajjiżi firmatarji tad-Dikjarazzjoni ta' Sarajevo biex jiksbu progress aktar sinifikanti f'dan il-qasam; jirrimarka, f'dan ir-rigward, dwar l-impenn komuni li ttieħed mill-Presidenti tas-Serbja u tal-Kroazja li jinvestigaw il-każijiet ta' persuni li għebu u li jsibu soluzzjonijiet għall-kwistjonijiet ta' refuġjati u ta' ritorn; jistieden lill-Kummissjoni biex tuża s-saħħa politika tagħha fuq il-pajjiżi kandidati u dawk potenzjali għall-adeżjoni mal-UE fir-reġjun sabiex jiġi assigurat li jitneħħew l-ostakli li jfixklu r-ritorn tar-refuġjati; barra minn hekk, ifakkar li huma previsti li jirritornaw sa 150 000 persuna bħala riżultat ta' ftehimiet ta' riammissjoni mal-pajjiżi tal-UE u li r-reintegrazzjoni b'suċċess tagħhom teħtieġ tħejjijiet metikolużi, partikolarment mill-awtoritajiet lokali; jenfasizza r-rwol importanti li għandhom l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili f'dan il-proċess;

32.  Jilqa' r-riformi fis-settur militari u b'mod partikolari l-professjonalizzazzjoni tal-Armata Serba, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2011, bħala pass importanti lejn il-modernizzazzjoni tal-armata u lejn aktar tisħiħ tal-kontroll ċivili fuq il-militar;

33.  Jenfasizza r-rwol importanti tas-soċjetà ċivili fid-definizzjoni tal-prijoritajiet tal-politika; jenfasizza l-importanza tad-djalogu mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u jisħaq fuq ir-rwol kruċjali tal-atturi tas-soċjetà ċivili li jikkontribwixxu kooperazzjoni reġjonali msaħħa dwar aspetti soċjali u politiċi; jilqa' l-fatt li l-Liġi ġdida dwar l-Assoċjazzjonijiet adottata fl-2009 iċċarat l-istejtus legali tal-NGOs u li sar titjib fil-kooperazzjoni bejn l-amministrazzjoni Serba u s-soċjetà ċivili; jirrikonoxxi l-isforzi tal-gvern biex jikkonsulta mas-soċjetà ċivili; jistieden lill-awtoritajiet biex jieħdu passi ulterjuri biex tiġi fformalizzata u tiżdied il-parteċipazzjoni tal-atturi tas-soċjetà ċivili fil-proċess tat-tfassil tal-politika u fis-sorveljanza tal-attivitajiet tal-awtoritajiet; jenfasizza l-ħtieġa tal-appoġġ u l-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet ċivili, l-aktar l-attivisti LGBT, dawk li qegħdin jaħdmu fuq id-delitti tal-gwerra u dawk li qegħdin ifittxu li jtejbu r-relazzjonijiet bejn is-Serbja u l-Kosovo;

34.  Jesprimi, f'dan ir-rigward, l-appoġġ tiegħu għall-inizjattiva tar-RECOM (Kummissjoni Reġjonali għat-Tiftix tal-Verità u l-Istqarrija tal-Verità dwar id-Delitti tal-Gwerra u Ksur Serju Ieħor tad-Drittijiet tal-Bniedem f'dik li qabel kienet il-Jugożlavja) bl-għan li jitmexxa aktar “il quddiem il-proċess ta' sensibilizzazzjoni u rikonċiljazzjoni madwar il-Balkani tal-Punent u jitlob li dan jiġi appoġġat mill-awtoritajiet Serbi u pajjiżi oħra konċernati;

35.  Jenfasizza l-importanza kbira tas-sistema edukattiva għaż-żgħażagħ tal-pajjiż u l-prospetti ekonomiċi futuri; jenfasizza li l-edukazzjoni moderna u ta' standard għoli li tipproduċi ġenerazzjonijiet ta' ħaddiema kwalifikati ħafna hija waħda mill-prekundizzjonijiet ċentrali għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku; jiddispjaċih li fil-pajjiż u b'mod partikolari fost iż-żgħażagħ jeżisti qgħad għoli u perċentwal baxx ta' gradwati universitarji; jistieden lill-awtoritajiet sabiex jimplimentaw bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet tal-proċess ta' Bolonja u biex iqarrbu s-sistema ta' edukazzjoni Serba f'konformità mal-istandards Ewropej; jilqa' l-progress fil-qasam tax-xjenza u r-riċerka iżda jenfasizza li huma meħtieġa aktar sforzi jekk is-Serbja trid tidħol fiż-Żona Ewropea tar-Riċerka; barra minn hekk, jappella lill-awtoritajiet biex iżidu l-investimenti f'kapaċitajiet nazzjonali ta' riċerka sabiex ma jħallux l-istandards u l-kapaċitajiet Serbi fir-riċerka milli jkarkru wara dawk Ewropej;

36.  Jirrikonoxxi l-ftehim ġenerali kollettiv estiż li l-Gvern Serb iffirma mat-trejdunjins u l-assoċjazzjoni ta' min iħaddem f'Novembru 2008; iħeġġeġ lill-Gvern Serb biex itemm is-sospensjoni attwali tal-ftehim; jenfasizza li d-drittijiet tat-trejdjunjins għadhom limitati minkejja l-garanziji kostituzzjonali u jappella lis-Serbja biex issaħħaħ aktar id-drittijiet tax-xogħol u tat-trejdunjins; huwa mħasseb li d-djalogu soċjali għadu dgħajjef u li l-konsultazzjoni tas-sħab soċjali għadha irregolari; jirrikonoxxi li l-Kunsill Soċjali u Ekonomiku ltaqa' aktar ta' spiss u li l-korpi kollha speċjalizzati huma operattivi, iżda huwa mħasseb li l-kapaċità tiegħu għadha dgħajfa; jitlob li jittieħdu aktar passi biex jissaħħaħ il-Kunsill Ekonomiku u Soċjali biex jiġi assigurat li dan ikun jista' jkollu rwol attiv fit-tisħiħ tad-djalogu soċjali u jkollu rwol konsultattiv aktar attiv fit-tfassil tal-liġijiet;

37.  Jiġbed l-attenzjoni għas-sitwazzjoni diffiċli fis-sistema penitenzjarja u jitlob li jittieħdu passi biex jitnaqqas l-iffullar żejjed fil-ħabsijiet, biex jittejbu l-kundizzjonijiet deplorevoli ta' detenzjoni u jkunu pprovduti programmi xierqa ta' rijabilitazzjoni u taħriġ għall-ħabsin;

38.  Jenfasizza l-konsegwenzi ta' detriment tal-kriżi finanzjarja fuq il-pajjiż; jinnota r-reviżjoni reċenti tal-ftehim stand-by mal-FMI akkumpanjata mill-evalwazzjoni pożittiva tal-politika makroekonomika tal-pajjiż u jilqa' t-twaqqif tal-Qafas ta' Investiment tal-Balkani tal-Punent għall-iżvilupp ta' integrazzjoni u rkupru ekonomiku tar-reġjun, billi jagħmel disponibbli self għal proġetti infrastrutturali ta' prijorità; jappella għat-twessigħ tal-qafas sabiex jinkludi l-appoġġ għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju u jistieden lis-Serbja biex tieħu vantaġġ minn dawn ir-riżorsi finanzjarji ġodda, kif ukoll mill-opportunitajiet taħt l-għajnuna tal-IPA, anki bl-għan biex jiġu protetti b'mod aktar effettiv il-gruppi vulnerabbli fis-soċjetà mill-effetti tal-kriżi;

39.  Ifakkar li l-eżistenza tal-monopolji tfixkel severament l-iżvilupp ta' ekonomija tas-suq totalment operattiva; għalhekk, jistieden lill-gvern biex jieħu miżuri attivi biex jiġi assigurat li tiġi segwita politika ta' kompetizzjoni effettiva li ma tippermettihomx; jenfasizza li l-ostakli li jħabbtu wiċċhom magħhom l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju biex jidħlu fl-ekonomija għadhom ikbar milli wieħed jixtieq; jilqa' l-istabbiliment tar-regolaturi tas-suq f'diversi oqsma u jħares lejn l-awtoritajiet biex jiżguraw l-indipendenza ta' dawn il-korpi sabiex jevitaw li jiġu kkontrollati;

40.  Jinnota wkoll li l-istatistiċi nazzjonali u ekonomiċi tal-pajjiż jeħtieġu aktar titjib u jistieden lill-awtoritajiet biex dawn jaġġornawhom;

41.  Jappella lill-awtoritajiet Serbi u lill-movimenti politiċi biex jimpenjaw ruħhom b'mod aktar sod fil-politiki tal-impjiegi u l-koeżjoni soċjali u biex jinħoloq ambjent li jwassal għall-iżvilupp tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-ekonomija tas-suq ħieles u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem;

42.  Jitlob li jsiru aktar sforzi biex jiġi żviluppat network sostenibbli ta' transport pubbliku ġewwa s-Serbja u fil-Balkani tal-Punent kollha u għat-titjib tal-infrastruttura tat-toroq, inkluża t-tlestija malajr tal-Kuritur X, iżda tant ieħor importanti huwa t-trasport bil-ferrovija u l-ilmijiet navigabbli interni; jenfasizza l-importanza ta' sistema ta' trasport integrata kemm għall-iżvilupp ekonomiku tar-reġjuni Serbi u biex jiżdied il-livell tal-kummerċ reġjonali; jesprimi interess partikolari fl-iżvilupp tal-Istrateġija tad-Danubju sabiex jitjiebu s-sistemi ta' konnessjoni u komunikazzjoni (li jkopru b'mod partikolari t-trasport, il-kwistjonijiet tal-enerġija u s-soċjetà tal-informazzjoni), biex jippreservaw l-ambjent, jipprevjenu r-riskji naturali u jsaħħu l-iżvilupp soċjoekonomiku;

43.  Jiddispjaċih, f'dan ir-rigward, għall-kundizzjoni fqira tat-trasport pubbliku b'mod partikolari, fir-rigward tal-ferroviji; jistieden lill-gvern Serb biex jagħmel użu sħiħ mill-fondi tal-IPA sabiex jiżviluppa, jaġġorna u jimmodernizza n-netwerk tal-ferroviji u jtejjeb l-interkonnessjonijiet mal-pajjiżi ġirien kemm għan-nies kif ukoll għall-merkanziji;

44.  Ifaħħar il-progress kbir tas-Serbja fil-qasam tal-ambjent; iħeġġeġ, madankollu, sforzi intensifikati fil-qasam tal-enerġija li tiġġedded u fl-effiċjenza tal-enerġija, billi jinnota li l-elementi ewlenin tal-acquis dwar l-enerġija li tiġġedded għad iridu jiġu trasposti u li għad irid jiġi adottat qafas legislattiv dwar l-effiċjenza tal-enerġija;

45.  Jilqa' l-adozzjoni ta' ktieb tar-regoli mill-Aġenzija għas-Sustanzi Kimiċi li jistabbilixxi l-limiti jew jipprojbixxi l-produzzjoni ta' sustanzi kimiċi li jippreżentaw riskju għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent kif ukoll iressaq is-settur tas-sustanzi kimiċi eqreb lejn ir-regolamenti tal-UE; jiddispjaċih, madankollu, li kien hemm dewmien fl-applikazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet li jeħtieġu teknoloġija avvanzata u investimenti relatati billi skont rappreżentanti tal-industrija, dan jista' jwassal għal telf finanzjarju u tfixkil fl-operat tan-negozju tal-industrija fis-Serbja; jitlob għall-implimentazzjoni urġenti u sħiħa tal-pakkett ekoloġiku leġiżlattiv tal-2009;

46.  Jilqa' l-ftehimiet mal-Montenegro u l-Kroazja li jippermettu l-estradizzjoni ta' ċittadini suspettati; li jinsabu f'dawn il-pajjiżi, li ħadu sehem fi kriminalità organizzata u t-taħdidiet previsti dwar id-demarkazzjoni tal-fruntiera bejn is-Serbja u l-Kroazja; jinkoraġġixxi lill-Gvern Serb sabiex jikkonkludi ftehimiet simili ma' ġirien oħra u jilqa' l-passi meħuda għal dan il-għan mis-Serbja u l-Montenegro; iħeġġeġ lis-Serbja biex tkompli taqsam l-informazzjoni u l-evidenza dwar netwerks ta' kriminalità transkonfinali, b'mod partikolari dawk involuti fit-traffikar tad-droga, mal-pajjiżi ġirien sabiex tiġġieled b'mod effettiv kontra l-kriminalità organizzata transnazzjonali fir-reġjun tal-Balkani;

47.  Jenfasizza r-rwol importanti li għandha s-Serbja rigward l-istabilità tal-Balkani tal-Punent kollha u b'mod partikolari l-istabilità u l-koeżjoni tal-Bosnja-Ħerzegovina; jistieden f'dan ir-rigward lill-awtoritajiet Serbi biex jappoġġaw attivament kull bidla kostituzzjonali meħtieġa li tippermetti lill-istituzzjonijiet statali tal-Bosnja-Ħerzegovina li jwettqu riformi impenjattivi fil-proċess ta' integrazzjoni Ewropea; jistieden b'mod partikolari lil Belgrad biex jappoġġa l-konsolidazzjoni, is-simplifikazzjoni u t-tisħiħ tal-istituzzjonijiet Bosnijaċi;

48.  Jistieden lill-awtoritajiet Serbi biex ikomplu bl-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni u l-istandards ambjentali tal-UE u biex jimplimentaw u jinfurzaw il-leġiżlazzjoni adottata;

49.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Gvern u lill-Parlament tas-Serbja.

(1) A/RES/64/298.
(2) ĠU L 80, 19.3.2008, p. 46.
(3) SEC(2010) 1330.
(4) COM (2010)0660.
(5) ĠU L 334, 19.12.2007, p. 46.
(6) ĠU L 336, 18.12.2009, p. 1.
(7) ĠU C 263 E, 16.10.2008, p. 626.
(8) ĠU C 285 E, 21.10.2010, p. 47.

Avviż legali - Politika tal-privatezza