Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2010/2981(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0031/2011

Testi mressqa :

B7-0031/2011

Dibattiti :

PV 18/01/2011 - 18
CRE 18/01/2011 - 18

Votazzjonijiet :

PV 19/01/2011 - 6.13
CRE 19/01/2011 - 6.13
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2011)0019

Testi adottati
PDF 214kWORD 48k
L-Erbgħa, 19 ta' Jannar 2011 - Strasburgu
Ksur tal-libertà tal-espressjoni u diskriminazzjoni abbażi tal-orjentament sesswali fil-Litwanja
P7_TA(2011)0019B7-0031/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Jannar 2011 dwar ksur tal-libertà ta' espressjoni u diskriminazzjoni abbażi tal-orjentament sesswali fil-Litwanja

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-istrumenti internazzjonali li jiggarantixxu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u li jipprojbixxu d-diskriminazzjoni, fosthom notevolment il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 6 u 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 19 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jimpenjaw lill-UE u lill-Istati Membri tagħha li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u li jipprovdu l-mezzi Ewropej biex jiġu miġġielda d-diskriminazzjoni u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 11 tagħha, li jiggarantixxi d-dritt għal-libertà tal-espressjoni, u l-Artikolu 21 tagħha, li jipprojbixxi d-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentament sesswali,

–  wara li kkunsidra l-abbozz tal-emendi lill-Kodiċi ta' Offiżi Amministrattivi tar-Repubblika tal-Litwanja (Nru XIP-2595),

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' opinjoni tal-Ministeru tal-Ġustizzja tar-Repubblika tal-Litwanja (Nru 11-30-01),

–  wara li kkunsidra l-attivitajiet tal-Unjoni Ewropea biex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentament sesswali u l-omofobija,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija tad-Drittijiet Fundamentali ta' Novembru 2010 dwar “l-Omofobija, it-Transfobija u d-Diskriminazzjoni fuq bażi tal-Orjentament Sesswali u l-Identità tal-Ġeneri”,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Settembru 2009 dwar is-Sitwazzjoni fil-Litwanja wara li ġiet adottata l-Liġi Litwana dwar il-Ħarsien tal-Minorenni(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-omofobija, il-ħarsien tal-minoranzi u l-politiki kontra d-diskriminazzjoni, u partikolarment dawk dwar l-omofobija fl-Ewropa(2),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fis-16 ta' Diċembru 2010, is-Seimas ippospona votazzjoni dwar abbozz ta' leġiżlazzjoni li temenda l-Kodiċi ta' Offiżi Amministrattivi biex tikkastiga l-“promozzjoni pubblika ta' relazzjonijiet omosesswali” b'multa ta' bejn LTL 2 000 u 10 000 (EUR 580–2 900), minħabba li l-emendi kienu għadhom ma ġewx eżaminati mill-kumitati parlamentari partikolari u li għadhom qegħdin jiġu vvalutati mill-awtoritajiet nazzjonali tal-Litwanja,

B.  billi fit-8 ta' Diċembru 2010 l-Kumitat għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura tas-Seimas ħassar ukoll l-orjentament sesswali mil-lista ta' raġunijiet li ħaqqhom protezzjoni fil-qasam tad-dispożizzjonijiet dwar l-opportunitajiet indaqs tal-Liġi dwar l-Edukazzjoni (Artikolu 5(1)),

C.  billi l-abbozz ta' emendi lill-Kodiċi ta' Offiżi Amministrattivi jmur kontra l-Artikolu 25 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Litwanja, li jgħid li “'l-persuni ma jistgħux jiġu ostakolati milli jfittxu, jirċievu u jaqsmu informazzjoni u ideat'”, u l-Artikolu 29, li jgħid li “'l-persuni kollha għandhom ikunu indaqs quddiem il-liġi, il-qorti u istituzzjonijiet u uffiċjali statali oħra. Id-drittijiet tal-persuni ma jistgħux jiġu ristretti, u lanqas ma jistgħu jingħataw privileġġi abbażi tal-ġeneru, razza, nazzjonalità, lingwa, oriġini, stat soċjali, twemmin, konvinzjonijiet jew opinjonijiet'”,

D.  billi l-Ministru tal-Ġustizzja tar-Repubblika tal-Litwanja esprima l-opinjoni li l-abbozz ta' emendi lill-Kodiċi ta' Offiżi Amministrattivi jmur kontra l-obbligi tal-Litwanja skont il-Kostituzzjoni tagħha, il-Karta Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali, il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

E.  billi l-aħħar rapport mill-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali dwar “L-Omofobija, it-transfobija u d-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentament sesswali u l-indentità tal-ġeneru”, ta' Novembru 2010, jikkonkludi li “L-emendi jistgħu jikkriminalizzaw kważi kull espressjoni pubblika jew turija ta', jew informazzjoni dwar, l-omosesswalità”,

F.  billi f'Ġunju 2009 s-Seimas ivvota b'maġġoranza kbira biex tiġi emendata l-“Liġi dwar il-Ħarsien tal-Minorenni kontra l-Effetti Negattivi tal-Informazzjoni Pubblika”, fejn il-minorenni ġew ipprojbiti milli jaċċedu għal informazzjoni dwar l-omosesswalità,

G.  billi t-tifsira ta' “turija jew promozzjoni tal-orjentament sesswali” fil-Liġi dwar ir-Reklamar għadha mhijiex ċara,

H.  billi din ir-riżoluzzjoni hija dovuta għal numru ta' avvenimenti inkwetanti bħall-adozzjoni tal-Liġi dwar il-Ħarsien tal-Minorenni kontra l-Effetti Negattivi tal-Informazzjoni Pubblika, il-fatt li l-awtoritajiet lokali ppruvaw jipprojbixxu l-organizzazzjoni ta' mixjiet favur l-ugwaljanza u tal-gay pride, u għall-użu min-naħa ta' politikanti u ta' membri parlamentari ewlenin ta' lingwaġġ ta' theddid li jinstiga l-mibgħeda,

I.  billi l-Viċi-President tal-Kummissjoni Viviane Reding, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea Catherine Ashton, il-President tal-Kunsill Ewropew Herman van Rompuy u l-President tal-Parlament Ewropew Jerzy Buzek ikkundannaw b'mod unanimu kwalunkwe tip ta' omofobija u diskriminazzjoni abbażi tal-orjentament sesswali fis-17 ta' Mejju 2010, li kien il-Jum Internazzjonali kontra l-Omofobija,

J.  billi l-omosesswalità tneħħiet mil-lista tal-mard mentali tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa fl-1990, billi l-ebda riċerka kredibbli ma tindika li l-għoti ta' edukazzjoni lit-tfal u liż-żgħażagħ dwar is-sesswalità jista' jaffettwa l-orjentament sesswali tagħhom u billi l-edukazzjoni dwar id-diversità sesswali tħeġġeġ it-tolleranza u l-aċċettazzjoni tad-differenzi,

1.  Isostni l-valuri u l-prinċipji li fuqhom hija bbażata l-Unjoni, b'mod partikolari r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inkluż id-drittijiet tal-minoranzi kollha;

2.  Jafferma mill-ġdid li l-Istituzzjonijiet u l-Istati Membri tal-UE għandhom id-dmir li jiżguraw li d-drittijiet tal-bniedem jiġu rispettati, imħarsa u promossi fl-Unjoni Ewropea, kif stabbilit fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, fil-Karta Ewropea dwar id-Drittijiet Fundamentali u fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, mingħajr distinzjoni fuq bażi tal-orjentament sesswali;

3.  Jitlob lis-Seimas biex jirrifjuta l-abbozz ta' emendi lill-Kodiċi ta' Offiżi Amministrattivi, jinkludi l-orjentament sesswali fil-lista tar-raġunijiet protetti fil-Liġi dwar l-Edukazzjoni, jippermetti lill-minorenni li jaċċedu liberament għal informazzjoni dwar l-orjentament sesswali, u jiċċara t-tifsira tal-projbizzjoni fil-Liġi dwar ir-Reklamar;

4.  Jinnota li l-modifiki proposti għadhom ma ġewx ivvutati mill-Plenarja tal-Parlament Litwan u għadhom qed jiġu eżaminati mill-awtoritajiet nazzjonali tal-Litwanja;

5.  Jirrikonoxxi l-pożizzjoni ferm iebsa li f'bosta okkażjonijiet ħadet il-President tar-Repubblika tal-Litwanja, Dalia Grybauskaitė, fejn iddenunċjat l-abbozz tal-leġiżlazzjoni omofobika bħala li kien ta' ħsara għaċ-ċittadini Litwani u għall-immaġini tal-Litwanja, u jitlob lill-President biex topponi l-veto tagħha għall-emendi lill-Kodiċi tal-Offiżi Amministrattivi, jekk dawn jiġu approvati;

6.  Jilqa' l-fatt li dan l-aħħar l-omofobija ssemmiet bħala ċirkostanza aggravanti għat-twettiq tad-delitti;

7.  Jilqa' l-azzjoni bilaterali li ttieħdet s'issa mill-Kummissjoni; jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel evalwazzjoni legali tal-emendi proposti lill-Kodiċi ta' Offiżi Amministrattivi, u toħroġ Pjan Direzzjonali tal-UE b'miżuri konkreti kontra l-omofobija u d-diskriminazzjoni fuq bażi tal-orjentament sesswali;

8.  Jilqa' l-pjan tal-awtoritajiet tal-Litwanja li jeżaminaw il-modifiki proposti li tqiesu f'kunflitt mal-liġi Ewropea, b'mod partikolari fir-rigward tal-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-pajjiżi kandidati, lill-President u lill-Parlament tar-Repubblika tal-Litwanja, lill-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali u lill-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa.

(1) ĠU C 224 E, 19.8.2010, p. 18.
(2) ĠU C 287 E, 24.11.2006, p. 179, ĠU C 300 E, 9.12.2006, p. 491, ĠU C 74 E, 20.3.2008, p. 776.

Avviż legali - Politika tal-privatezza