Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2010/2268(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0368/2010

Testi mressqa :

A7-0368/2010

Dibattiti :

PV 19/01/2011 - 13
CRE 19/01/2011 - 13

Votazzjonijiet :

PV 20/01/2011 - 7.1
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2011)0020

Testi adottati
PDF 248kWORD 70k
Il-Ħamis, 20 ta' Jannar 2011 - Strasburgu
Ftehim ta' Qafas UE-Libja
P7_TA(2011)0020A7-0368/2010

Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' Jannar 2011 lill-Kunsill dwar in-negozjati li għaddejjin bħalissa dwar il-Ftehim ta' Qafas UE-Libja (2010/2268 (INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta għal rakkomandazzjoni lill-Kunsill imressqa minn Ana Gomes f'isem il-Grupp S&D dwar in-negozjati li għaddejjin bħalissa dwar il-Ftehim ta' Qafas UE-Libja (B7-0615/2010),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni tal-15 ta' Ottubru 2007 dwar il-ftuħ ta' negozjati għal Ftehim ta' Qafas bejn l-UE u l-Libja, kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-18-19 ta' Ġunju u tad-29-30 ta' Ottubru 2009 dwar il-politiki relatati mal-migrazzjoni,

–  wara li kkunsidra l-Memorandum ta' Qbil iffirmat konġuntament mill-Kummissarju Ferrero-Waldner u s-Segretarju għall-Affarijiet Ewropej El Obeidi fit-23 ta' Lulju 2007,

–  wara li kkunsidra n-negozjati li għaddejjin bħalissa bejn l-UE u l-Libja dwar Ftehim ta' Qafas,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni dwar l-HIV għal Bengażi, imniedi f'Novembru 2004,

–  wara li kkunsidra l-kooperazzjoni prattika UE-Libja rigward il-migrazzjoni u l-Aġenda dwar il-Kooperazzjoni fil-qasam tal-Migrazzjoni ffirmata mill-Kummissjoni u mil-Libja fl-4 ta' Ottubru 2010,

–  wara li kkunsidra l-Istqarrija Universali dwar il-Jeddijiet tal-Bniedem tal-10 ta' Diċembru 1948,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Ġinevra tat-28 ta' Lulju 1951 u l-Protokoll tal-31 ta' Jannar 1967 dwar l-Istatus tar-Rifuġjati,

–  wara li kkunsidra d-diversi strumenti tad-drittijiet tal-bniedem li ffirmat il-Libja, bħall-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (1970), il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali (1970), il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Diskriminazzjoni Razzjali (1968), il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (1989), il-Konvenzjoni Kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra (1989), il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal (1993), u l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti Kollha u tal-Membri tal-Familji Tagħhom (2004),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 62/149 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (UNGA) tat-18 ta' Diċembru 2007 fejn intalab moratorju fuq l-użu tal-piena kapitali, u r-Riżoluzzjoni 63/168 tal-UNGA tat-18 ta' Diċembru 2008 li fiha ntalbet l-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 62/149 tal-Assemblea Ġenerali 2007,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli u l-protokoll tagħha dwar it-twaqqif ta' Qorti Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, irratifikati mil-Libja fis-26 ta' Marzu 1987 u d-19 ta' Novembru 2003 rispettivament,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Unjoni Afrikana li tirregola aspetti speċifiċi tar-rifuġjati fl-Afrika ta' Settembru 1969, li l-Libja ilha li aderiet għaliha mis-17 ta' Lulju 1981,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-18 ta' Jannar 2007 dwar il-pieni tal-mewt imposti fuq persunal mediku fil-Libja(1) u tas-17 ta' Ġunju 2010 dwar l-eżekuzzjonijiet fil-Libja(2),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 121(3) u l-Artikolu 97 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A7-0368/2010),

A.   billi minkejja l-persistenza tat-tmexxija awtoritarja, u l-ksur sistematiku tal-konvenzjonijiet internazzjonali dwar id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, il-Libja għandha relazzjonijiet kummerċjali u politiki li qegħdin jespandu mal-Istati Membri tal-UE u tiżvolġi rwol ta' sieħba tal-UE fir-reġjun tal-Mediterran u fl-Afrika, f'firxa wiesgħa ta' oqsma b'impatt fuq is-sigurtà u l-istabilità, partikolarment il-migrazzjoni, is-saħħa pubblika, l-iżvilupp, il-kummerċ u r-relazzjonijiet kummerċjali, it-tibdil fil-klima, l-enerġija u l-wirt kulturali,

B.  billi diversi Stati Membri għandhom relazzjonijiet mill-qrib mal-Libja, b'kumpaniji nazzjonali u banek iservu bħala vettura għall-investiment finanzjarju Libjan fl-Ewropa, u billi fit-30 ta' Awissu 2008 l-Italja ffirmat Ftehim ta' Ħbiberija mal-Libja li jirregola r-relazzjonijiet f'varji oqsma, inkluża l-koperazzjoni fil-ġestjoni tal-migrazzjoni u l-kumpens finanzjarju għall-gwerra u l-ħakma kolonjali; billi fid-9 ta' Novembru 2010 l-Parlament Taljan talab lill-Gvern biex jirrevedi dan it-Trattat,

C.   billi l-Ftehim ta' Qafas UE-Libja li attwalment qed ikun innegozjat ikopri firxa wiesgħa ta' setturi, mit-tisħiħ tad-djalogu politiku, il-ġestjoni tal-migrazzjoni, l-iżvilupp ta' relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi, is-sigurtà fl-enerġija, sat-titjib tal-kooperazzjoni f'setturi differenti; billi l-Ftehim ta' Qafas huwa mistenni jipprovdi opportunità biex jiżdied id-djalogu politiku bejn il-Libja u l-UE,

D.  billi r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat ta' dritt, kif ukoll l-oppożizzjoni għall-piena tal-mewt, huma prinċipji fundamentali tal-UE; billi l-Parlament huwa impenjat bis-sħiħ għall-abolizzjoni universali tal-piena tal-mewt u ħeġġeġ ripetutament ir-revoka tas-sentenzi tal-mewt u r-rilaxx mill-ħabs tal-ħames infermiera Bulgari u t-tabib Palestinjan li kienu l-ħabs fil-Libja għal diversi snin, minbarra li kkundanna l-eżekuzzjonijiet ta' ċittadini Libjani u mhux li seħħew fil-Libja,

E.   billi l-Libja rratifikat il-Konvenzjoni tal-Unjoni Afrikana li tirregola aspetti speċifiċi tal-problemi tar-rifuġjati fl-Afrika, li l-Artikolu 8 tagħha jenfasizza li din il-Konvenzjoni għandha tkun komplement effettiv fl-Afrika għall-Konvenzjoni tar-Rifuġjati tal-1951 tan-NU u li l-membri tagħha għandhom jikkoperaw mal-UNHCR; billi madankollu l-Libja ma rratifikatx il-Konvenzjoni tar-Rifuġjati tal-1951, li hija l-unika konvenzjoni internazzjonali li tipprovdi definizzjoni komprensiva ta' rifuġjati, u li għandha tkun akkumpanjata minn miżuri ta' protezzjoni li jorbtu u mekkaniżmu speċifiku għall-monitoraġġ mill-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati,

F.  billi hemm provi sustanzjali tal-prattika ta' diskriminazzjoni mifruxa min-naħa tal-Libja fil-konfront tal-ħaddiema migranti fuq il-bażi tal-oriġini nazzjonali jew etnika tagħhom, b'mod partikolari tal-persekuzzjoni razzjali tagħha tal-ħaddiema migranti Afrikani, u billi l-Parlament Ewropew huwa mħasseb ħafna dwar l-atti ta' vjolenza sesswali li kienu rrapurtati li saru kontra n-nisa,

G.   billi l-Artikolu19(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE jipprojbixxi t-tneħħija, it-tkeċċija jew l-estradizzjoni ta' persuni lejn stat fejn dawn ikunu f'riskju serju li jkunu suġġetti għall-piena tal-mewt, għat-tortura jew għal pieni jew trattamenti oħra inumani jew degradanti,

H.   billi l-Libja kienet eletta fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fit-13 ta' Mejju 2010 u rratifikat diversi strumenti tad-drittijiet tal-bniedem u billi, bħala konsegwenza, il-Libja għandha obbligi speċifiċi ġuridiċi internazzjonali biex tirrispetta d-drittijiet tal-bniedem, iżda s'issa naqset li tieħu miżuri konkreti biex ittejjeb ir-rekord tagħha tad-drittijiet tal-bniedem u li tniedi kooperazzjoni ġenwina mal-Proċeduri Speċjali u mal-Korpi tat-Trattati tan-NU; billi d-drittijiet tal-bniedem huma indiviżibbli, iżda minkejja dan u t-tgawdija ta' xi benefiċċji ekonomiċi u ta' benessri dovuti għad-distribuzzjoni tad-dħul nazzjonali min-naħa tal-Istat, il-Libjani u l-barranin fil-Libja ma jgawdux mill-parti l-kbira tad-drittijiet politiċi u ċivili, jiġifieri l-libertà tal-espressjoni, tal-assemblea u tal-assoċjazzjoni, id-dritt għall-proċess ġust, id-drittijiet marbuta max-xogħol, id-drittijiet tan-nisa u elezzjonijiet ħielsa, u billi każijiet ta' detenzjoni arbitrarja, tortura, għajbien involontarju u diskriminazzjoni jseħħu ta' spiss, u jaffettwaw b'mod partikulari lill-migranti,

I.   billi l-eżerċizzju tal-poter tal-Istat fil-Libja mhux ankrat fl-istat tad-dritt jew fir-responsabilità demokratika u wassal għal aġir arbitrarju u imprevedibbli rigward persuni u interessi barranin, bħal ma ġara reċentement ma' negozjanti Svizzeri, u barranin ġustizzjati għal kriminalità komuni, li l-identità tagħhom ma kinitx żvelata,

1.  Jindirizza, fil-kuntest tan-negozjati attwali tal-Ftehim ta' Qafas, dawn ir-rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill:

   (a) jinnota d-deċiżjoni reċenti tal-Kunsill li finalment jippermetti li numru limitat ta' Membri Parlamentari jaqra l-mandat mogħti lill-Kummissjoni biex tinnegozja Ftehim ta' Qafas bejn l-UE u l-Libja; jiddispjaċih madankollu dwar id-dewmien fit-teħid ta' din id-deċiżjoni li l-PE jingħata aċċess għall-mandati għall-ftehimiet internazzjonali kollha fil-proċess ta' negozjati, skont l-Artikolu 218(10) TFUE, li jgħid li l-Parlament għandu jkun infurmat immedjatament u bis-sħiħ fl-istadji kollha tal-proċedura;
   (b) jilqa' l-ftuħ tan-negozjati bejn l-UE u l-Libja, bħala pass lejn l-iżvilupp ta' relazzjoni ġdida għall-UE fir-reġjun tal-Mediterran u fl-Afrika; iqis il-kooperazzjoni mal-Libja bħala utli fl-indirizzar ta' kwistjonijiet bħas-sigurtà u l-istabilità, il-migrazzjoni, is-saħħa pubblika, l-iżvilupp, il-kummerċ, it-tibdil fil-klima, l-enerġija u l-kultura;
   (c) iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jirrakkomandaw bil-qawwa li l-Libja tirratifika u timplimenta l-Konvenzjoni ta' Ġinevra dwar ir-Rifuġjati tal-1951 u l-Protokoll tal-1967 tagħha, inkluża l-koperazzjoni sħiħa mal-UNHCR sabiex tiggarantixxi protezzjoni adegwata u drittijiet għall-migranti, u tadotta leġiżlazzjoni għall-asil li tirrikonoxxi l-istatus u d-drittijiet tar-rifuġjati skont il-Konvenzjoni u l-Protokoll, b'mod partikulari l-projbizzjoni tat-tkeċċija kollettiva u l-prinċipju ta' “non-refoulment”;
   (d) ifakkar lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar l-obbligi tagħhom li jiżguraw il-konformità sħiħa tal-politika esterna tal-UE mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, b'mod partikolari l-Artikolu 19 tagħha, li jipprojbixxi t-tkeċċija kollettiva u jirrikonoxxi l-prinċipju tan-“non-refoulement”;
   (e) iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jitolbu lill-awtoritajiet Libjani jiffirmaw Memorandum ta' Qbil li jikkonċedi lill-UNHCR preżenza legali fil-pajjiż, b'mandat biex teżerċita l-firxa kompluta tal-attivitajiet ta' aċċess u protezzjoni tagħha;
   (f) iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jiżguraw li ftehim ta' riammissjoni mal-Libja jista' jitqies biss għall-immigranti irregolari, bl-esklużjoni għalhekk ta' dawk li jiddikjaraw lilhom infushom persuni li qed ifittxu asil, rifuġjati jew persuni fil-bżonn ta' protezzjoni, u jtenni li l-prinċipju ta' “non-refoulement” japplika għal kull persuna li tkun f'riskju tal-piena tal-mewt, trattament inuman jew tortura;
   (g) jistieden lill-Kunsill biex joffri risistemazzjoni lil rifuġjati rikonoxxuti identifikati mill-UNHCR fil-Libja skont l-Aġenda dwar il-Kooperazzjoni fil-qasam tal-Migrazzjoni tal-4 ta' Ottubru 2010;
   (h) jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex issaħħu l-appoġġ tagħhom għall-attivitajiet tal-UNHCR filwaqt li jippromwovu mal-awtoritajiet Libjani r-rispett għall-istandards umanitarji internazzjonali għall-migranti mingħajr dokumenti fil-pajjiż, inkluż l-aċċess sistematiku tal-UNHCR għaċ-ċentri ta' detenzjoni;
   (i) jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jipproponu assistenza lil-Libja, bl-involviment tal-UNHCR, l-IOM, l-ICMPD bil-għan li tkun indirizzata l-problema tat-traffikar tal-bnedmin fir-reġjun, b'attenzjoni speċjali għall-protezzjoni tan-nisa u t-tfal, inkluża għajnuna għall-integrazzjoni tal-migranti legali u għat-titjib tal-kundizzjonijiet għall-migranti li jinstabu illegalment fil-pajjiż; fil-kuntest ta' dan il-għan jilqa' l-ftehim dwar il-kooperazzjoni fil-qasam tal-migrazzjoni ffirmat bejn il-Kummissarji Mälmstrom u Füle u l-awtortajiet Libjani f'Ottubru 2010;
   (j) iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżvela lill-Parlament l-informazzjoni dettaljata kollha marbuta ml-istrumenti finanzjarji esterni użati għall-Ftehim ta' Sħubija UE-Libja;
   (k) iħeġġeġ lill-Kunsill biex jinkoraġġixxi lil-Libja tikkommetti ruħha għal moratorju fuq il-piena tal-mewt, f'konformità mar-riżoluzzjonijiet tal-UNGA adottati fit-18 ta' Diċembru 2007 u t-18 ta' Diċembru 2008, bl-għan tal-abolizzjoni tal-piena tal-mewt, biex tippublika statistiċi dwar il-persuni kollha ġġustizzjati fil-Libja mill-2008 u tiżvela l-identità tal-persuni kkonċernati u l-akkużi li tagħhom instabu ħatja; jistieden lir-RGħ/VP biex tagħti prova tal-prijorità politika li l-UE tagħti lill-abolizzjoni tal-piena tal-mewt billi tqajjem il-kwistjoni sistematikament mal-awtoritajiet Libjani;
   (l) jistieden lill-Kunsill jinsisti dwar l-inklużjoni fil-Ftehim ta' Qafas ta' klawżola dwar il-Qorti Kriminali Internazzjonali, li twassal lil-Libja biex tikkunsidra r-ratifika tal-Istatut ta' Ruma;
   (m) jistieden lill-Kunsill jipproponi lil-Libja kooperazzjoni fi programmi għat-tisħiħ tas-sinerġiji reġjonali dwar l-iżvilupp sostenibbli u l-kwistjonijiet ambjentali, bħat-tibdil fil-klima, l-iskarsezza tal-ilma u d-deżertifikazzjoni;
   (n) jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex iħeġġu, waqt in-negozjati dwar il-Ftehim ta' Qafas, il-parteċipazzjoni tal-Libja fis-Sħubija Ewro-Mediterranja u fl-attivitajiet u l-proġetti prinċipali tal-Unjoni għall-Mediterran;
   (o) jistieden lill-Kummissjoni biex tirrispetta bis-sħiħ l-obbligu tagħha skont l-Artikolu 218 TFUE billi tinforma lill-Parlament dwar dak li qed jiġi mitlub mill-UE fil-“kooperazzjoni nukleari” mal-Libja taħt il-kapitolu “Enerġija” fin-negozjati għall-Ftehim ta' Qafas, inkluż l-implikazzjonijiet politiċi u ta' sigurtà kollha;
   (p) jifraħ lill-awtoritajiet u lill-professjonisti tas-saħħa Libjani dwar it-titjib notevoli fil-kapaċitajiet mediċi u xjentifiċi biex jittrattaw l-HIV-AIDS, li nkiseb permezz tal-Pjan ta' Azzjoni ta' Bengażi, implimentat konġuntament mill-UE u mil-Libja, u jappoġġja l-estensjoni mitluba ta' kooperazzjoni bħal din għal mard infettiv ieħor u ċentri mediċi oħra fil-Libja; jistieden lill-Istati Membri tal-UE biex jestendu l-kura tas-saħħa speċjalizzata lill-pazjenti Libjani, inkluża l-faċilitazzjoni ta' trattament temporanju fl-istituzzjonijiet speċjalizzati fl-Ewropa;
   (q) iqis li l-Ftehim ta' Qafas għandu jinkludi għajnuna għall-bini tal-kapaċità istituzzjonali, bħala mezz għat-tisħiħ tas-soċjetà ċivili, appoġġ għall-modernizzazzjoni, inkoraġġiment għar-riformi demokratiċi, midja indipendenti u ġudikatura indipendenti, u inkoraġġiment għal sforzi oħra biex jinfetaħ spazju għan-negozju, għad-dinja akkademika, għall-NGOs u għal partijiet interessati oħra Libjani;
   (r) jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jiżguraw li l-programmi mfassla għall-kummerċ jiffukaw fuq l-għoti ta' appoġġ reali lill-intrapriżi, partikolarment negozji żgħar u medji, sabiex ikun massimizzat il-potenzjal tal-esportazzjoni tagħhom;
   (s) jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jinkoraġġixxu lil-Libja tirrispetta bis-sħiħ l-impenji li ħadet meta aderiet għall-UNHRC u għalhekk iħeġġeġ lil-Libja biex toħroġ stedina permanenti lil dawk maħtura fil-kuntest tal-Proċeduri Speċjali tan-NU, bħar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar l-eżekuzzjonijiet extra-ġudizzjarji, sommarji jew arbitrarji, ir-Rapporteur Speċjali dwar it-tortura, ir-Rapporteur Speċjali dwar il-libertà tal-espressjoni u r-Rapporteur Speċjali dwar forom kontemporanji ta' razziżmu, diskriminazzjoni razzjali, ksenofobija u intolleranza relatata kif ukoll il-Grupp ta' Ħidma dwar id-detenzjoni arbitrarja, kif mitlub fl-Eżami Perjodiku Universali tal-Libja; jistieden, bl-istess spirtu, għall-aċċess bla xkiel għall-pajjiż għal skrutinju indipendenti tas-sitwazzjoni globali tad-drittijiet tal-bniedem;
   (t) jistieden lill-Kunsill biex jiżgura li l-viżi ta' Schengen għal-Libjani jinħarġu mingħajr dewmien bla bżonn, biex jeżamina proċeduri oħra ta' faċilitazzjoni u biex jipperswadi lill-awtoritajiet Libjani biex jiffaċilitaw il-viżi għall-Ewropej li għandhom residenza jew attivitajiet professjonali fil-Libja;
   (u) jirrakkomanda l-istabbiliment ta' Delegazzjoni tal-UE fi Tripli malajr kemm jista' jkun;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-rakkomandazzjoni lill-Kunsill u, għal skopijiet ta' informazzjoni, lill-Kummissjoni u lill-Gvernijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

(1) ĠU C 244E, 18.10.2007, p. 208.
(2) Testi adottati, P7_TA(2010)0246.

Avviż legali - Politika tal-privatezza