Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2011/2555(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B7-0120/2011

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 17/02/2011 - 6.4

Testi adottati :

P7_TA(2011)0064

Testi adottati
PDF 93kDOC 61k
Il-Ħamis, 17 ta' Frar 2011 - Strasburgu Verżjoni finali
Is-sitwazzjoni fl-Eġittu
P7_TA(2011)0064B7-0120, 0122, 0123, 0124 u 0126/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Frar 2011 dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu

Il-Parlament Ewropew ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Eġittu,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, irratifikat mill-Egittu fl-1982,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Kunsill Ewropew tal-4 ta' Frar 2011 dwar l-Eġittu u r-reġjun,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Eġittu tal-31 ta' Jannar 2011,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-11 ta' Frar 2011 ta' Herman Van Rompuy, President tal-Kunsill Ewropew, ta' José Manuel Barroso, President tal-Kummissjoni Ewropea u ta' Catherine Ashton, Rappreżentant Għoli tal-UE, dwar l-iżviluppi reċenti fl-Eġittu,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-President tal-Parlament Ewropew Jerzy Buzek dwar ir-riżenja tal-President Hosni Mubarak tal-11 ta“ Frar 2011,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-President tal-Kunsill Ewropew, Herman Van Rompuy, dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu tad-29 ta' Jannar 2011,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-4 ta' Frar, tat-3 ta' Frar, tat-28 ta' Jannar, tas-27 ta' Jannar 2011 ta' Catherine Ashton, Rappreżentant Għoli tal-UE, dwar l-Eġittu kif ukoll id-dikjarazzjoni tas-6 ta“ Diċembru 2010 dwar l-elezzjonijiet tal-Assemblea tal-Poplu tal-Eġittu,

–  wara li kkunsidra l-Ħames Dikjarazzjoni tat-13 ta' Frar 2011 tal-Kunsill Suprem tal-Forzi Armati Eġizzjani,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Analiżi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat fl-2009: rapport ta' progress tal-Eġittu” (COM(2010)0207 - SEC(2010)0517),

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni konġunta adottata mill-Eġittu u mill-UE f'April 2009 biex jaħdmu favur it-titjib tar-relazzjonijiet ta' bejniethom, kif propost mill-Eġittu fl-2008,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Eġittu tal-2004 u l-Pjan ta' Azzjoni, li sar qbil dwaru fl-2007,

–  wara li kkunsidra l-iżvilupp tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) mill-2004 “l hawn, u b'mod partikolari r-rapporti ta' progress tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Linji gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-2004, aġġornati fl-2008,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi d-dimostrazzjonijiet reċenti f'bosta pajjiżi Għarab fl-Afrika ta' Fuq u fil-Lvant Nofsani talbu riformi politiċi, ekonomiċi u soċjali u esprimew talba popolari qawwija għal-libertà, id-demokrazija awtentika u kundizzjonijiet ta' ħajja aħjar għaċ-ċittadini,

B.  billi l-President Eġizzjan Hosni Mubarak irriżenja fil-11 ta' Frar 2011; billi s-setgħat tiegħu għaddew lill-Kunsill Suprem tal-Forzi Armati; billi dan tal-aħħar talab lill-gvern maħtur reċentement mill-President Mubarak biex ikompli jiffunzjona sakemm jiġi ffurmat il-gvern il-ġdid, li ntrabat jgħaddi l-poter lil gvern ċivili elett u jieħu deċiżjonijiet importanti kif ħabbar fil-Ħames Dikjarazzjoni tiegħu tat-13 ta' Frar 2011,

C.  billi biex wieħed jilqa“ t-talba popolari għal-libertà, demokrazija awtentika u l-ġustizzja soċjali fl-Eġittu hemm bżonn ta' djalogu serju u miftuħ bil-parteċipazzjoni tal-forzi politiċi u soċjali kollha li jirrispettaw id-demokrazija, iżommu l-istat tad-dritt u jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, liema djalogu għandu jissarraf f'riformi reali u sinifikanti,

D.  billi l-protesti paċifiċi kontra r-reġim Eġizzjan ġew milqugħa b'repressjoni vjolenti min-naħa tal-pulizija bl-użu ta' gass tad-dmugħ, kanuni li jisparaw l-ilma, balal tal-lastiku kif ukoll balal ta' veru kif ukoll b'attakki fuq id-dimostranti min-naħa ta' persuni armati u milizji favur il-gvern, li rriżultaw fil-mewt ta' mijiet ta' nies, billi mijiet ta' nies, fosthom difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ġurnalisti u avukati, ġew arrestati u miżmuma,

E.  billi l-Gvern Eġizzjan ħa l-miżura bla preċedent li jagħlaq l-aċċess għall-internet biex isikket lid-dimostranti u jillimita l-libertà tal-espressjoni tal-poplu; billi l-pulizija militari għalqet ċentri medjatiċi u ġuridiċi, bħal Al Jazeera u l-Hisham Mubarak Law Centre,

F.  billi l-promozzjoni tar-rispett għad-demokrazija, għad-drittijiet tal-bniedem u għal-libertajiet ċivili huma prinċipju u għan fundamentali tal-UE u jikkostitwixxu bażi komuni għall-iżvilupp taż-żona Ewro-Mediterranja; billi s-Sħubija Ewro-Mediterranja kkonċentrat l-aktar fuq ir-riformi ekonomiċi u ma setgħetx twassal biex jitwettqu r-riformi politiċi u istituzzjonali meħtieġa; billi l-Unjoni għall-Mediterran, li kellha ttejjeb il-politika tal-UE fir-reġjun, ma kinitx effikaċi biex tirreaġixxi għan-nuqqas ta' fiduċja li kien qed jiżdied u biex tissodisfa l-bżonnijiet bażiċi tal-popolazzjoni kkonċernata,

G.  billi kemm-il darba fl-aħħar snin it-tfittxija għall-istabilità ngħatat prevalenza fuq il-valuri tad-demokrazija, il-ġustizzja soċjali u d-drittijiet tal-bniedem fir-relazzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri tagħha mal-ġirien tan-Nofsinhar tagħha; billi l-klawsoli dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni għandhom ikunu sistematikament imsaħħin minn mekkaniżmu biex dawn il-klawsoli jiġu implimentati; billi qed jikkunsidra f'dan il-kuntest ir-rieżami kontinwu u neċessarju tal-PEV,

H.  billi l-Parlament Ewropew kemm-il darba talab li jitneħħa l-istat ta' emerġenza, li ilu jeżisti mill-1981, li tissaħħaħ id-demokrazija, u li jitħarsu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fl-Eġittu,

I.  billi l-Eġittu huwa sieħeb fundamentali tal-UE fil-Lvant Nofsani; billi l-UE għandha tikkontribwixxi għall-ħolqien ta' Eġittu demokratiku, prosperu u stabbli billi tinkoraġġixxi u tappoġġa t-tiġdid tal-pajjiż,

J.  billi l-Eġittu qiegħed jiżvolġi rwol attiv u kruċjali b'appoġġ għall-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani u fir-rikonċiljazzjoni inter-Palestinjana; billi l-Kunsill Suprem tal-Forzi Armati kkonferma l-impenn tal-Eġittu fir-rigward tal-implimentazzjoni tat-trattati u l-patti internazzjonali li tagħhom huwa firmatarju,

1.  Jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-poplu Eġizzjan, ifaħħar il-qlubija u d-determinazzjoni tiegħu, speċjalment fir-rigward tal-ġenerazzjoni żagħżugħa, u jappoġġa bil-qawwa l-aspirazzjonijiet demokratiċi leġittimi tagħhom;

2.  Jikkundanna bil-qawwa l-vjolenza u l-forza sproporzjonata użata kontra d-dimostranti u jiddispjaċih b'mod profond dwar it-telf ta' ħajja kunsiderevoli u l-ammont kbir ta' korrimenti li rriżultaw; iwassal il-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi; jitlob għal inkjesta indipendenti dwar l-avvenimenti li wasslu għall-mewt, il-korrimenti u l-arresti, biex dawk responsabbli jiġu proċessati;

3.  Jitlob li jinħelsu minnufih u bla kundizzjonijiet id-dimostranti paċifiċi, il-priġunieri ta' kuxjenza, id-difensuri Eġizzjani u internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġurnalisti u l-avukati kollha; iħeġġeġ, f'dan ir-rigward, lill-awtoritajiet Eġizzjani jiżvelaw minnufih fejn jinsabu l-persuni detenuti u jiżguraw li dawn jitħarsu mill-forom kollha ta' tortura jew ta' trattament ħażin ieħor;

4.  Iqis li r-riżenja tal-President Hosni Mubarak fetħet fażi ġdida fit-tranżizzjoni politika tal-Eġittu; jappella għat-tnedija immedjata ta' djalogu politiku nazzjonali awtentiku u miftuħ bil-parteċipazzjoni tal-atturi politiċi u tas-soċjetà ċivili ewlenin kollha bl-għan li titwitta t-triq għat-tneħħija tal-istat ta' emerġenza, għar-rieżami tal-Kostituzzjoni u tal-liġi elettorali, għal elezzjonijiet ħielsa u ġusti u għal gvern ċivili elett demokratikament u għal demokrazija awtentika fl-Eġittu;

5.  Jistieden lill-forzi armati Eġizzjani jiżvolġu rwol kostruttiv billi jevitaw aktar vjolenza u biex jiffaċilitaw il-proċess politiku; jieħu nota tad-deċiżjonijiet adottati mill-Kunsill Suprem tal-Forzi Armati rigward is-sospensjoni tal-Kostituzzjoni, ix-xoljiment tal-parlament, it-twaqqif ta' kumitat, li għandu jinkludi membri indipendenti, maħsub biex jemenda l-artikoli tal-Kostituzzjoni, l-organizzazzjoni ta' referendum popolari dwar dawn l-emendi, u l-organizzazzjoni ta' elezzjonijiet parlamentari u presidenzjali; jerġa“ jappella għal proċess demokratiku li fih l-atturi politiċi u tas-soċjetà ċivili kollha għandhom ikunu involuti bil-għan li jintlaħaq kunsens nazzjonali;

6.  Jisħaq fuq l-importanza li jerġgħu jiġu stabbiliti n-netwerks ta' komunikazzjoni kollha, fosthom l-Internet, u dan mill-aktar fis possibbli u bir-rispett totali tal-libertà ta' informazzjoni, espressjoni u assoċjazzjoni fl-Eġittu;

7.  Jesprimi l-appoġġ qawwi tiegħu għal riformi li jwasslu għad-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-ġustizzja soċjali fl-Eġittu; itenni t-talba tiegħu għat-tneħħija tal-istat ta' emerġenza; jenfasizza mill-ġdid l-importanza tal-governanza tajba, tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, u tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fl-Eġittu, b'rispett speċjali għal-libertà tal-kuxjenza, reliġjon, ħsieb, il-libertà tal-espressjoni, il-libertà tal-istampa u tal-midja, il-libertà tal-assoċjazzjoni, id-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi, il-ħarsien tal-minoranzi u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentament sesswali;

8.  Jenfasizza kemm hu importanti li jitħaffu konsiderevolment ir-riformi ekonomiċi u soċjali fl-Eġittu ladarba l-libertà, l-iżvilupp ekonomiku u standard ogħla tal-ħajja huma essenzjali għall-istabilità politika u soċjali fil-pajjiż;

9.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jappoġġaw attivament tranżizzjoni rapida lejn Eġittu paċifiku, pluralista u ġust; jappoġġa, f'kuntest usa“, il-fehma tal-Kunsill Ewropew li l-UE għandha tagħti s-sostenn totali tagħha favur proċessi ta' tranżizzjoni fir-reġjun bil-għan li jinħolqu governanza demokratika, pluraliżmu u opportunitajiet imtejba għall-prosperità ekonomika u inklużjoni soċjali u għat-tisħiħ tal-istabilità reġjonali;

10.  Jistieden lill-UE, lill-Istati Membri u lill-partiti politiċi u l-fundazzjonijiet jgħinu l-forzi politiċi demokratiċi u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-Eġittu jorganizzaw ruħhom aħjar sabiex ikunu jistgħu jipparteċipaw bis-sħiħ fit-tranżizzjoni għad-demokrazija; jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani jiggarantixxu li l-komunitajiet Insara Kopti ma jisfawx vittmi tal-ġrajjiet li għaddejjin u li l-komunitajiet reliġjużi kollha jkunu jistgħu jgħixu fil-paċi u jfissru t-twemmin tagħhom fil-pajjiż kollu;

11.  Jistieden lir-Rappreżentant Għoli tippromwovi t-twaqqif ta' task force li tinvolvi l-Parlament Ewropew li tista“ tissodisfa l-bżonn għal sostenn għall-proċess ta' tranżizzjoni demokratika kif esprimew dawk li jaħdmu għal bidla demokratika, partikolarment fir-rigward ta' elezzjonijiet ħielsa u demokratiċi u l-konsolidament tal-istituzzjonijiet, inkluż l-iżvilupp ta' ġudikatura indipendenti; jitlob lir-Rappreżentant Għoli biex tappoġġa t-trasformazzjoni demokratika wkoll billi tibgħat missjoni ta' osservazzjoni elettorali għall-elezzjonijiet li ġejjin;

12.  Jilqa“ d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/79/PESK u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 101/2011 tal-4 ta' Frar 2011(1) li jimponi l-iffriżar tal-assi li huma l-proprjetà ta', jew ikkontrollati minn, persuni li jitqiesu responsabbli għall-approprjazzjoni indebita ta' fondi statali fit-Tuneżija u minn persuni assoċjati magħhom, u jistieden lill-Kunsill jadotta l-istess miżuri fir-rigward tal-Eġittu;

13.  Jenfasizza li l-avvenimenti fl-Eġittu, u f'pajjiżi oħra fir-reġjun, jaċċentwaw mill-ġdid il-ħtieġa urġenti tal-iżvilupp ta' politiki u strumenti aktar ambizzjużi u effiċjenti kif ukoll tat-tisħiħ tal-appoġġ baġitarju għalihom bl-għan tal-inkoraġġiment u tas-sostenn favur riformi politiċi, ekonomiċi u soċjali fil-pajjiżi ġirien tan-Nofsinhar tal-UE; jenfasizza li r-Rieżami Strateġiku kontinwu tal-Politika Ewropea tal-Viċinat għandu jirrifletti żviluppi attwali fir-reġjun u għandu joħroġ b'metodi ġodda mtejba biex jissodisfa l-ħtiġijiet u l-aspirazzjonijiet tal-popli; jitlob għal koordinament aħjar mal-politiki l-oħra tal-UE fir-rigward ta' dawn il-pajjiżi;

14.  Itenni t-talba tiegħu biex l-UE tirrivedi l-politika tagħha ta' appoġġ demokratiku u favur id-drittijiet tal-bniedem sabiex toħloq mekkaniżmu ta' implimentazzjoni għall-klawsola dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-ftehimiet kollha ma' pajjiżi terzi; jinsisti li l-eżami mill-ġdid tal-PEV għandu jagħti prijorità lill-kriterji marbuta mal-indipendenza tal-ġudikatura, mar-rispett tal-libertajiet fundamentali, mal-pluraliżmu u l-libertà tal-istampa u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni; jiġbed l-attenzjoni, f'dan ir-rigward, li l-Pjanijiet ta' Azzjoni attwali għandhom jiġu riveduti radikalment bl-inklużjoni ta' prijoritajiet ċari akkumpanjati b'inċentivi għal riformi politiċi; jistieden lill-Kunsill jiddefinixxi ġabra ta' kriterji politiċi li l-pajjiżi tal-PEV iridu jissodisfaw sabiex jingħataw “status avvanzat”;

15.  Iqis ir-rwol kruċjali li l-istrumenti finanzjarji tal-UE għal azzjoni esterna għar-reġjun, partikolarment l-ENPI, l-EIDHR kif ukoll l-Istrument għall-Istabbiltà, jista“ jkollhom f'dan ir-rigward u jitlob li jissaħħu sabiex ikunu jistgħu jintużaw b'mod effikaċi u konsistenti f'dawn iċ-ċirkostanzi straordinarji; jitlob lir-Rappreżentant Għoli tisfrutta kemm jista” jkun l-istrumenti finanzjarji esterni kollha rilevanti tal-UE, inkluż l-EIDHR; jenfasizza li għandu jiġi garantit kontroll demokratiku min-naħa tal-Parlament Ewropew ta' dawn l-istrumenti finanzjarji; jisħaq ukoll fuq l-importanza li tiġi indirizzata urġentement il-kwistjoni tal-prezzijiet tal-ikel li qed jogħlew u b'mod ġenerali tas-sigurtà tal-ikel u l-iżvilupp rurali;

16.  Jistieden lill-Unjoni għall-Mediterran tirrifletti u taġixxi urġentement dwar il-ġrajjiet reċenti sabiex tressaq proposti dwar kif l-aħjar tippromwovi d-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem fl-istati membri tagħha u fir-reġjun u dwar ir-riformi possibbli sabiex isaħħaħ ir-rwol tagħha stess u tagħmlu aktar effiċjenti; jistieden lill-Fundazzjoni Ewro-Mediterranja Anna Lindh tiżvolġi rwol urġenti u attiv fil-mobilitazzjoni tas-soċjetà ċivili fir-reġjun Ewro-Mediterranju għall-promozzjoni taċ-ċittadinanza u l-parteċipazzjoni;

17.  Jirrikonoxxi r-rwol kruċjali tal-Eġittu fid-dinja Għarbija u fil-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani u l-importanza tal-Ftehim ta' Paċi mal-Iżrael; jistieden lill-Eġittu jżomm l-impenn tiegħu li jiżvolġi rwol attiv u kostruttiv biex tinstab paċi dejjiema fil-Lvant Nofsani b'enfasi partikolari fuq il-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestinjani u r-rikonċiljazzjoni Palestinjana u jitlob li jinżamm it-trattat ta' paċi bejn l-Eġittu u l-Iżrael; jilqa“ favorevolment id-dikjarazzjoni tal-Kunsill Suprem tal-Forzi Armati li l-Eġittu huwa impenjat li jimplimenta t-trattati u l-patti internazzjonali kollha li tagħhom huwa firmatarju;

18.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà/Viċi President tal-Kummissjoni, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri u lill-awtoritajiet Eġizzjani.

(1) ĠU L 31, 5.2.2011, p. 40 u 1.

Aġġornata l-aħħar: 4 ta' Ġunju 2012Avviż legali