Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2011/2572(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

B7-0144/2011

Dibattiti :

PV 17/02/2011 - 10.2
CRE 17/02/2011 - 10.2

Votazzjonijiet :

PV 17/02/2011 - 11.2

Testi adottati :

P7_TA(2011)0073

Testi adottati
PDF 84kDOC 48k
Il-Ħamis, 17 ta' Frar 2011 - Strasburgu Verżjoni finali
Jemen: il-piena tal-mewt lil minorenni li jwettqu reati, partikolarment il-każ ta' Muhammed Taher Thabet Samoum
P7_TA(2011)0073B7-0135, 0142, 0144, 0147 u 0148/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Frar 2011 dwar il-Jemen: il-persekuzzjoni tat-trasgressuri minorenni, b'mod partikulari l-każ ta' Muhammed Taher Thabet Samoum

Il-Parlament Ewropew ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Frar 2010 dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen(1) ,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal (UNCRC) u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), li l-Jemen huwa firmatarju tagħhom,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt, b'mod partikolari dik tas-7 ta' Ottubru 2010 dwar il-Jum Dinji kontra l-Piena tal-Mewt(2) ,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-16 ta' Diċembru 2010 dwar ir-Rapport Annwali 2009 dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja u l-politika tal-UE dwar il-kwistjoni(3) ,

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Strateġija tal-Komunità Ewropea għall-Jemen għall-perjodu 2007-2013,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 65/206 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (AĠNU) tat-21 ta' Diċembru 2010 fejn intalab moratorju fuq l-użu tal-piena tal-mewt, u r-Riżoluzzjoni 62/149 tal-AĠNU tat-18 ta' Diċembru 2007 dwar moraturju fuq l-użu tal-piena tal-mewt u r-Riżoluzzjoni 63/168 tal-AĠNU tat-18 ta' Diċembru 2008 fejn ntalbet l-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 62/149 tal-AĠNU,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Lixandra tal-2008 fejn il-gvernijiet tal-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u l-Afrika ta' Fuq intalbu jippromulgaw moratorju fuq l-eżekuzzjonijiet ta' mewt bħala l-ewwel pass lejn l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt,

–   wara li kkunsidra l-verżjoni riveduta u aġġornata tal-Linji Gwida tal-UE dwar il-Piena tal-Mewt, adottata mill-Kunsill fis-16 ta' Ġunju 2008,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fil-Jemen, bħal ma ġara f'pajjiżi Għarab oħra, b'mod partikulari t-Tuniżija u l-Eġittu, il-manifestanti rħewlha għat-toroq f'dawn l-aħħar ġimgħat biex jitolba aktar demokrazija u riformi statali; billi ħafna minn dawk li qed jipprotestaw ġew attakkati jew arrestati mill-forzi tas-sigurtà,

B.  billi Muhammed Taher Thabet Samoum ingħata s-sentenza tal-mewt f'Settembru 2001 mill-Qorti Kriminali f'Ibb, wara li ġie kkundannat għal qtil li allegatament wettaq f'Ġunju 1999, meta suppost kien taħt it-18-il sena; billi fin-nuqqas ta' ċertifikat ta' twelid, is-sentenza tal-mewt tiegħu ġiet ikkonfermata minn qorti tal-appell f'Mejju 2005 u mill-Qorti Suprema f'April 2010 u minn dakinhar ġiet irratifikata mill-President tal-Jemen; billi inizjalment kien ippjanat li Muhammed Taher Thabet Samoum jiġi ġġustizzjat nhar it-12 ta' Jannar 2011, imma ngħata proroga temporanja mill-Avukat Ġenerali tal-Jemen,

C.  billi Fuad Ahmed Ali Abdulla ngħata s-sentenza tal-mewt wara li ġie kkundannat għal qtil li allegatament wettaq waqt li kien għadu taħt it-18-il sena, għalkemm din is-suppożizzjoni nċaħdet mill-qorti; billi l-eżekuzzjoni tal-mewt tiegħu, ippjanata għad-19 ta' Diċembru 2010, ġiet sospiżi wara li l-komunità internazzjonali, b'mod partikulari l-UE, u l-avukat tiegħu, għamlu rappreżentazzjonijiet,

D.  billi l-piena tal-mewt hija l-iktar kastig krudili, inuman u degradanti, kastig li jikser id-dritt għall-ħajja, kif imħaddan fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

E.  billi l-Jemen hu Stat firmatarju għall-UNCRC u l-ICCPR, li t-tnejn li huma espliċitament jipprojbixxu l-iġġustizzjar ta' dawk ikkundannati għal reati mwettqa meta kienu taħt it-18-il sena, u billi l-impożizzjoni tal-piena tal-mewt fuq it-trasgressuri minorenni hi pprojbita espliċitament ukoll mill-Artikolu 31 tal-Kodiċi Penali tal-Jemen,

F.  billi, fl-2010, fil-Jemen, ġew iġġustizzjati diversi persuni; billi hemm mijiet ta' priġunieri li ngħataw sentenza tal-mewt fil-Jemen, skont rapporti mill-organizzazzjoni għad-drittijiet tal-bniedem,

G.  billi l-Jemen m'għandux il-mezzi xierqa biex jistabbilixxi l-età tal-akkużati mingħajr ċertifikati tat-twelid, inklużi l-faċilitajiet u l-persunal forensiċi meħtieġa,

H.  billi għad hemm tħassib serju dwar l-iżviluppi fil-Jemen fir-rigward tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-indipendenza tal-ġudikatura; billi kien hemm każijiet ta' persekuzzjoni ta' ġurnalisti u ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; billi s-sitwazzjoni tan-nisa hi partikolarment diffiċli, ikkaratterizzat b'aċċess dejjem aktar dgħajjef għall-edukazzjoni u nuqqas ta' parteċipazzjoni attiva fil-ħajja politika,

I.  billi l-Unjoni Ewropea hija impenjata b'mod qawwi li taħdem favur l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt kullimkien u qed tagħmel ħilitha biex dan il-prinċipju jiġi aċċettat universalment,

J.  billi fl-2010 pajjiż wieħed biss ġie rrapportat li ġġustizzja trasgressur minorenni, b'differenza minn tliet pajjiżi fl-2009; billi l-Jemen għamel progress sinifikanti lejn il-projbizzjoni tal-użu tal-piena tal-mewt kontra trasgressuri minorenni; billi dan il-fatt iqajjem tamiet kbar li l-iġġustizzjar ta' trasgressuri minorenna daqt isir illegali mad-dinja kollha skont il-liġi u fil-prattika,

1.  Jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar il-problemi politiċi u soċjoekonomiċi fil-Jemen, problemi li ilhom jeżistu, u jitlob li jsiru sforzi konsiderevoli mill-komunità internazzjonali biex il-kriżi attwali ma tibqax teskala;

2.  Jesprimi s-solidarjetà mal-manifestanti li qed jitolbu riformi demokratiċi u kundizzjonijiet tal-għajxien aħjar; jilqa“, f'dan il-kuntest, it-tħabbira tal-President Saleh li fl-2013 se jħalli postu, u jistieden lill-awtoritajiet iwaqqfu kull vjolenza kontra dawk li qed jipprotestaw b'mod paċifiku u jeħilsu lill-manifestanti kollha li esprimew id-dissens tagħhom paċifikament;

3.  Jikkunanna l-eżekuzzjonijiet ta' mewt kollha, kull fejn iseħħu, u għal darb'oħra jenfasizza li l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt tikkontribwixxi għat-tisħiħ tad-dinjità tal-bniedem u l-iżvilupp progressiv tad-drittijiet tal-bniedem;

4.  Jistieden lill-President u lill-awtoritajiet tal-Jemen iwaqqfu l-eżekuzzjoni tal-mewt ta' Muhammed Taher Thabet Samoum, u jistieden lill-awtoritajiet tal-Jemen jikkommutaw is-sentenzi tal-mewt imposti fuq Muhammed Taher Thabet Samoum u Fuad Ahmed Ali Abdulla;

5.  Jistieden lill-Gvern tal-Jemen jieqaf jiġġustizzja lil individwi għal reati li allegatament ikunu wettqu meta kienu taħt it-18-il sena, kastig li jikser kemm il-leġiżlazzjoni tal-Jemen, kif ukoll l-obbligi tal-Jemen skont il-ftehimiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem;

6.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Jemen jikkonformaw mal-Artikolu 31 tal-Kodiċi Penali tal-Jemen li jistipula li għandhom jingħataw sentenzi mhux kapitali għal reati mwettqa minn persuni taħt it-18-il sena;

7.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Jemen jirrispettaw is-salvagwardji legali rikonoxxuti internazzjonalment dwar il-minorenni, bħall-ICCPR u l-UNCRC;

8.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Jemen jintroduċu reġistrazzjoni universali tat-twelid u jtejbu l-proċeduri biex tiġi stabbilita l-età tal-akkużati li ma jkollhom ċertifikati tat-twelid;

9.  Jisħaq fuq il-ħtieġa għal riformi fil-Jemen, kif talbu daqstant manifestanti fit-toroq, sabiex jittejbu l-kundizzjonijiet ta' għajxien għall-popolazzjoni u jiġu ggarantiti elezzjonijiet liberi u ġusti, rispett għad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikulari l-libertà medjatika u d-dritt għal proċess ġust, u trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa;

10.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, b'mod partikulari wara t-twaqqif tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, jimplimentaw malajr approċċ ikkoordinat u komprensiv tal-UE lejn il-Jemen;

11.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummisjoni/ ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, is-SEAE, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-President tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, lill-gvernijiet tal-istati membri tan-NU u lill-Gvern u l-Parlament tar-Repubblika tal-Jemen.

(1) ĠU C 341 E, 16.12.2010, p. 14.
(2) Testi adottati, P7_TA(2010)0351.
(3) Testi adottati, P7_TA(2010)0489.

Aġġornata l-aħħar: 4 ta' Ġunju 2012Avviż legali