Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2011/2612(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B7-0166/2011

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 10/03/2011 - 15.1

Testi adottati :

P7_TA(2011)0098

Testi adottati
PDF 219kWORD 57k
Il-Ħamis, 10 ta' Marzu 2011 - Strasburgu
Pakistan - il-qtil ta' Shahbaz Bhatti, Ministru tal-Minoranzi
P7_TA(2011)0098RC-B7-0166/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Marzu 2011 dwar il-Pakistan, b'mod partikolari dwar il-qtil ta' Shahbaz Bhatti

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fil-Pakistan, b'mod partikolari dawk tal-20 ta' Jannar 2011(1), kif ukoll dawk tal-20 ta' Mejju 2010(2), tat-12 ta' Lulju 2007(3), tal-25 ta' Ottubru 2007(4) u tal-15 ta' Novembru 2007(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2010 dwar ir-Rapport Annwali 2009 dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni(6),

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-intolleranza, id-diskriminazzjoni u l-vjolenza abbażi tar-reliġjon jew twemmin, adottati fil-21 ta' Frar 2011,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-2 ta' Marzu 2011 mir-Rappreżentant Għoli tal-UE, Catherine Ashton, dwar il-qtil tal-Ministru għall-Minoranzi tal-Gvern tal-Pakistan, is-Sur Shahbaz Bhatti,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-President tal-Parlament Ewropew, Jerzy Buzek, tal-2 ta' Marzu 2011,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 18 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948 (UDHR),

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali tan-NU dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha tal-Intolleranza u tad-Diskriminazzjoni abbażi tar-Reliġjon u t-Twemmin tal-1981,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 19 tal-Kostituzzjoni tal-Pakistan dwar il-libertà tal-espressjoni,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fit-2 ta' Marzu 2011, il-Ministru għall-Minoranzi tal-Pakistan, Shahbaz Bhatti, inqatel minn irġiel armati li sparaw fuq il-karozza tiegħu fi triqtu lejn ix-xogħol fil-kapitali Islamabad; billi, grupp bl-isem ta' Tehreek-e-Taliban Punjab (Moviment Taliban tal-Punjab) ħa r-responsabilità tal-qtil u qal li l-ministru nqatel minħabba l-pożizzjoni tiegħu rigward il-liġijiet dwar l-atti blasfemi;

B.  billi, minkejja t-theddid ripetut għal ħajjet is-Sur Bhatti minn gruppi Iżlamisti, it-talba speċifika tiegħu għall-użu ta' karozza bulletproof uffiċjali kif ukoll biex personalment jagħżel uffiċjali ta' sigurtà personali ta' fiduċja, kienet miċħuda mill-awtoritajiet tal-Pakistan;

C.  billi Shahbaz Bhatti kien l-uniku membru Nisrani fil-kabinett tal-Pakistan u wieħed mill-ftit politiċi ewlenin fil-pajjiż li kellu l-kuraġġ li jiġġieled kontra dawn il-liġijiet u l-inġustizzji li ħolqu;

D.  billi l-qtil tiegħu seħħ xahrejn biss wara l-qtil ta' Salman Taseer, Gvernatur tal-provinċja tal-Punjab, minn wieħed mill-uffiċjali ta' sigurtà personali tiegħu, li ma kienx jaqbel mal-opppożizzjoni ta' Taseer għal-liġijiet dwar l-atti blasfemi tal-Pakistan;

E.  billi fl-1 ta' Marzu 2011, inqatel ukoll it-tielet difensur tad-drittijiet tal-bniedem fil-Pakistan, Naeem Sabir Jamaldini, il-Koordinatur tal-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Pakistan, li kien partikolarment attiv fil-ġlieda kontra l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fir-reġjun tal-Balukistan;

F.  billi kien rappurtat li nħarġet fatwa kontra Sherry Rehman, ex-Ministru tal-Pakistan, politiku reformista u ġurnalista magħrufa, li jimmarkaha bħala l-kandidat għall-qtil li jmiss;

G.  billi l-Ministru Bhatti u l-Gvernatur Taseer waħidhom tennew mill-ġdid il-pożizzjoni dikjarata tal-Partit tal-Poplu tal-Pakistan, il-partit fil-gvern; billi l-Gvern ta' Gilani, fit-30 ta' Diċembru 2010, pubblikament mar lura minn kelmtu dwar l-impenn fil-manifest tiegħu li jeżamina mill-ġdid il-liġijiet dwar l-atti blasfemi, u b'hekk ħalla lis-sostenituri tar-riforma iżolati u vulnerabbli għat-theddid kontinwu tal-mexxejja reliġjużi radikali u tal-gruppi ta' estremisti militanti li jintimidaw, jheddu u joqtlu lil dawk li għandhom opinjonijiet differenti;

H.  billi l-politiċi, il-partiti politiċi u r-rappreżentanti tal-midja u tas-soċjetà ċivili bħall-attivisti għad-drittijiet umani u tan-nisa huma kontinwament intimidati u anke maqtula u billi għaldaqstant id-dibattitu pubbliku dwar il-liġijiet dwar l-atti blasfemi qiegħed dejjem aktar jinħanaq;

I.  billi l-Artikolu 3(5) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jiddikjara li l-promozzjoni tad-demokrazija u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet ċivili huma prinċipji u miri fundamentali tal-Unjoni Ewropea u jikkostitwixxu bażi komuni għar-relazzjonijiet tagħha ma' pajjiżi terzi; billi l-għajnuna tal-UE għall-iżvilupp tiddependi fuq ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet tal-minoranzi,

1.  jikkundanna bil-qawwa l-qtil brutali ta' Shahbaz Bhatti, Ministru għall-Minoranzi fil-Gvern tal-Pakistan fit-2 ta' Marzu 2011 u jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-familja u lill ħbieb tal-vittma u liċ-ċittadini tal-Pakistan u ukoll jesprimi s-solidarjetà tiegħu ma' kull min għadu jiġu mhedda u li jibqgħu jgħollu leħinhom;

2.  Ifaħħar lill-Ministru Shahbaz Bhatti għall-kuraġġ u l-impenn dikjarat tiegħu għall-ġustizzja, id-djalogu inter-reliġjuż, u għal-libertà reliġjuża u tat-twemmin fil-Pakistan, flimkien mat-tħassib tiegħu dwar Asia Bibi, il-mara Nisranija u omm ta' ħamest itfal, ikkundannata għall-mewt għal atti blasfemi minkejja t-theddid kontinwu u riskji personali kbar involuti;

3.  Jirrikonoxxi d-dedikazzjoni tal-Ministru Shahbaz Bhatti fil-ġlieda kontra l-liġijiet dwar l-atti blasfemi u l-inġustizzja li ħolqu; jirrikonoxxi l-progress imwettaq tul il-perjodu tiegħu bħala Ministru, inkluż, b'mod sinifikanti, in-negozjati diskreti dwar emendi potenzjali għal dawn il-liġijiet;

4.  Jinnota li kuntrarjament għar-reazzjoni pubblika fqira wara l-qtil tal-Gvernatur Salman Taseer, kien hemm kundanna pubblika qawwija għall-qtil tal-Ministru Shahbaz Bhatti fost il-partiti politiċi partikolari, fil-midja u fost l-ispettru reliġjuż u etniku tas-soċjetà tal-Pakistan; jittama li din l-offiża tikkontribwixxi biex tgħaqqad ir-ranki ta' dawk kollha li jfittxu li jiddefendu l-valuri demokratiċi mħaddna fil-Kostituzzjoni tal-Pakistan;

5.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Pakistan iwettqu investigazzjoni bir-reqqa tal-aspetti kollha tal-qtil ta' Shahbaz Bhatti u biex il-qattiela jitressqu minnufih quddiem il-ġustizzja b'applikazzjoni stretta tal-istat tad-dritt u wkoll biex tiġi żgurata l-prosekuzzjoni mgħaġġla u ġusta tal-qattiel tal-mejjet ex Gvernatur Salman Taseer;

6.  Jistieden lill-Gvern tal-Pakistan iżid il-miżuri biex jiżgura s-sigurtà tal-ministri tal-kabinett u tal-persuni li jinsabu taħt theddid reali minn estremisti reliġjużi u minn terroristi, bħall-ex Ministru tal-Informazzjoni Sherry Rehman u wkoll tal-avukati li jiddefendu każijiet marbuta ma' akkużi ta' atti blasfemi;

7.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Pakistan biex jaħtar mingħajr dewmien Ministru għall-Minoranzi ġdid u jtenni l-pożizzjoni tiegħu li din il-persuna għandha tkun rappreżentant qawwi u imparzjali tal-minoranzi;

8.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Pakistan jappoġġja lill-Ministru għall-Minoranzi biex jibni fuq il-ħidma u l-viżjoni ta' Shahbaz Bhatti, b'mod partikolari fid-djalogu fil-livell nazzjonali bejn il-mexxejja reliġjużi u l-proġett fil-livell lokali ta' Kumitati ta' Armonizzazzjoni Inter-Reliġjuża Distrettwali;

9.  Itenni b'mod urġenti t-talba tiegħu lill-Gvern tal-Pakistan, lill-partiti politiċi kollha, lis-soċjetà ċivili u lill-midja biex jingħaqdu flimkien fil-ġlieda kontra l-attakk estremista; jittama li l-Gvern tal-Pakistan jirrappreżenta t-taħlita multietnika u multireliġjuża tas-soċjetà tal-Pakistan fil-kompożizzjoni u fl-azzjonijiet tiegħu;

10.  Jitlob għal bidla politika urġenti u sinifikanti lil hinn mill-ipplakar ta' dawn l-estremisti, bl-appoġġ tal-militar, tal-ġudikatura, tal-midja u tal-klassi politika, b'konsegwenza tal-fatt li l-istatus quo ħoloq konsegwenzi daqstant drammatiċi; jitlob lill-Gvern tal-Pakistan biex ma jħallix li l-ilħna ta' dawk favur it-tolleranza reliġjuża u r-rispett għall-prinċipji universali tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż jitrażżnu mill-estremisti;

11.  Jinsab imħasseb bil-qawwi dwar il-klima ta' intolleranza u ta' vjolenza u jħeġġeġ lill-Gvern tal-Pakistan jressaq quddiem il-qorti lil dawk li jinċitaw għall-vjolenza fil-Pakistan, b'mod partikolari dawk li jitolbu u f'xi każijiet joffru premji għall-qtil ta' individwi jew gruppi li ma jaqblux magħhom;

12.  Ifaħħar b'mod partikolari l-isforzi tal-ex Ministru Sherry Rehman u tal-mejjet ex Ministru għall-Minoranzi, Shahbaz Bhatti, biex jemendaw il-liġijiet dwar l-atti blasfemi sabiex jipprevjenu l-użu ħażin tagħhom u jistieden lill-Gvern jirtira dawk il-liġijiet kif ukoll kull leġiżlazzjoni diskriminatorja oħra, inter alia, is-Sezzjoni 295 B u C tal-Kodiċi Penali, li huma meqjusa bħala relikwi tal-passat; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Pakistan biex jinforza wkoll il-leġiżlazzjoni eżistenti bħall-Artikolu 137 tal-Kodiċi Penali li jqis bħala reat id-diskorsi ta' mibgħeda;

13.  Jitlob lill-istituzzjoni kompetenti tal-UE biex jinkludu l-kwistjoni dwar it-tolleranza reliġjuża fis-soċjetà fid-djalogu politiku tagħhom mal-Pakistan ġaladarba din hija ta' importanza ċentrali fil-ġlieda għat-tul kontra l-estremiżmu reliġjuż;

14.  Jissuġġerixxi li l-UE tistieden lill-Gvern tal-Pakistan għal laqgħa ta' diskussjoni konġunta annwali dwar is-sitwazzjoni tal-minoranzi fil-Pakistan u biex tinkludi lill-Parlament Ewropew fit-tħejjija u fit-twettiq ta' dan l-avveniment;

15.  Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE biex ikomplu l-appoġġ finanzjarju tal- organizzazzjonijiet u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u biex joħolqu miżuri prattiċi ħalli jappoġġaw il-moviment dejjem jikber tas-soċjetà ċivili fil-Pakistan kontra l-liġijiet dwar l-atti blasfemi u leġiżlazzjoni diskriminatorja oħra;

16.  Jilqa“ l-konklużjonijiet reċenti tal-Kunsill dwar l-intolleranza, id-diskriminazzjoni u l-vjolenza abbażi tar-reliġjon jew twemmin, li jirreferu għat-tisħiħ tal-azzjoni tal-UE f'dan il-qasam; jistieden lill-istituzzjonijiet kompetenti tal-UE biex jippromwovu b'mod attiv il-kwistjoni ta' persekuzzjoni reliġjuża fid-dinja;

17.  jistieden lill-istituzzjonijiet kompetenti jinvestigaw il-possibilità tal-użu tal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR) għall-finanzjament ta' azzjonijiet ta' appoġġ għall-ġlieda kontra l-intolleranza reliġjuża, l-estremiżmu u l-liġijiet diskriminatorji madwar id-dinja; itenni t-talba tiegħu lir-Rappreżentant Għoli biex tiżviluppa kapaċità permanenti fid-direttorat għad-drittijiet tal-bniedem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna għall-monitoraġġ tas-sitwazzjoni tar-restrizzjonijiet governattivi u tas-soċjetà rigward il-libertà tal-kuxjenza u d-drittijiet relatati;

18.  Jistieden lill-istituzzjonijiet kompetenti tal-UE iħeġġu lill-Gvern tal-Pakistan joħloq mill-ġdid il-Ministeru għad-Drittijiet tal-Bniedem tiegħu kif ukoll Kummissjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem li tkun sinifikanti, indipendenti u imparzjali;

19.  Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet kompetenti tal-UE biex jinsistu li l-Gvern tal-Pakistan jirrispetta l-klawsola rigward id-demokrazija u drittijiet tal-bniedem imħaddna fil-Ftehim ta' Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Pakistan; jitlob lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna tressaq rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Kooperazzjoni u dwar il-klawsola tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem;

20.  Ifakkar li l-Pakistan għandu ċerti obbligi bħala Stat firmatarju tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u jistieden lill-awtoritajiet rilevanti tal-Pakistan jipparteċipaw f'proċess ta' rieżami tal-ambitu ta' riservi ġenerali magħmula lill-ICCPR, li uħud minnhom jillimitaw id-drittijiet imħaddna fil-Kostituzzjoni tal-Pakistan jew li jmorru kontra l-kunċett tas-supremazija tal-liġi internazzjonali fuq dik ċivili; jemmen li l-implimentazzjoni attwali tal-liġijiet dwar l-atti blasfemi tikser biċ-ċar dawn l-obbligi u jitlob lis-SEAE biex tqis dan kollu fl-eżami tal-applikazzjoni possibbli tal-iskema GSP+ għall-Pakistan mill-2013 “il quddiem u biex tirrapporta lura lill-PE dwar din il-kwistjoni;

21.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u Viċi President tal-Kummissjoni, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri u lill-parlament u l-gvern tal-Pakistan.

(1) Testi adottati, P7_TA(2011)0026.
(2) Testi adottati, P7_TA(2010)0194.
(3) ĠU C 175 E, 10.7.2008, p. 583.
(4) ĠU C 263 E, 16.10.2008, p. 666.
(5) ĠU C 282 E, 6.11.2008, p. 432.
(6) Testi adottati, P7_TA(2010)0489.

Avviż legali - Politika tal-privatezza