Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2010/2143(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0094/2011

Testi mressqa :

A7-0094/2011

Dibattiti :

PV 10/05/2011 - 4
CRE 10/05/2011 - 4

Votazzjonijiet :

PV 10/05/2011 - 11.3
CRE 10/05/2011 - 11.3
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2011)0196

Testi adottati
PDF 290kDOC 357k
It-Tlieta, 10 ta' Mejju 2011 - Strasburg Verżjoni finali
Kwittanza 2009: Il-Parlament Ewropew
P7_TA(2011)0196A7-0094/2011
Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1.Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Mejju 2011 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2009, Taqsima I – Il-Parlament Ewropew (C7-0212/2010 – 2010/2143(DEC))

Il-Parlament Ewropew ,

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2009(1) ,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2009 (SEC(2010)0963 – C7-0212/2010)(2) ,

–  wara li kkunsidra r-rapport dwar l-amministrazzjoni baġitarja u finanzjarja għas-sena finanzjarja 2009, Taqsima I - Il-Parlament Ewropew(3) ,

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Awditur Intern għall-2009,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2009, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet(4) ,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni dwar l-affidabilità tal-kontijiet, kif ukoll il-legalità u r-regolarità tal-operazzjonijiet sottostanti, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea(5) ,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 272(10) u 275 tat-Trattat KE, l-Artikoli 314(10) u 318 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll l-Artikolu 179(a) tat-Trattat Euratom,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(6) (ir-Regolament Finanzjarju), u b'mod partikulari l-Artikoli 145, 146 u 147 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 13 tar-Regoli Interni dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Parlament Ewropew(7) ,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 147(1) tar-Regolament Finanzjarju, skont liema artikolu kull istituzzjoni tal-Unjoni għandha tieħu l-passi kollha xierqa biex taġixxi fuq il-kummenti li jakkompanjaw id-deċiżjoni ta' kwittanza tal-Parlament Ewopew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' April 2008 dwar l-orjentazzjonijiet għall-proċedura baġitarja 2009 - Sezzjonijiet I, II, IV, V, VI, VII, VIII u IX(8) ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Mejju 2008 dwar l-estimi tad-dħul u n-nefqa tal-Parlament għas-sena finanzjarja 2009(9) ,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 77 u 80(3) u l-Anness VI tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat dwar il-Kontroll Baġitarju (A7-0094/2011),

A.  billi l-verifika tal-Qorti tal-Awdituri ddikjarat li, fir-rigward tan-nefqa amministrattiva tal-2009, l-istituzzjonijiet kollha implimentaw b'mod sodisfaċenti s-sistemi ta' sorveljanza u ta' kontroll meħtieġa mir-Regolament Finanzjarju u t-tranżazzjonijiet ittestjati kienu ħielsa minn żbalji materjali(10) ,

B.  billi, fit-2 ta' Lulju 2010, is-Segretarju Ġenerali ċċertifika li għandu assigurazzjoni raġjonevoli li l-baġit tal-Parlament Ewropew ġie implimentat b'konformità mal-prinċipji ta' amministrazzjoni finanzjarja soda u li l-qafas ta' kontroll li ġie applikat jagħti l-garanziji meħtieġa tal-legalità u r-regolarità tal-operazzjonijiet sottostanti;

1.  Jagħti l-kwittanza lill-President tiegħu dwar l-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Parlament Ewropew għas-sena finanzjarja 2009;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-Deċiżjoni u r-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Ombudsman Ewropew u lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU L 69, 13.3.2009.
(2) ĠU C 308, 12.11.2010, p. 1.
(3) ĠU C 172, 30.6.2010, p. 1.
(4) ĠU C 303, 9.11.2010, p. 1.
(5) ĠU C 308, 12.11.2010, p. 129.
(6) ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.
(7) PE 349.540/Bur/ann/def.
(8) ĠU C 247 E, 15.10.2009, p. 78.
(9) ĠU C 279 E, 19.11.2009, p. 163.
(10) ĠU C 303, 9.11.2010, p. 198.


2.Riżoluzzjoi tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Mejju 2011 dwarli tinkludi kummenti li jagħmlu parti integrali mid-Deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2009, Taqsima I – Il-Parlament Ewropew (C7-0212/2010 – 2010/2143(DEC))

Il-Parlament Ewropew ,

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2009(1) ,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2009 (SEC(2010)0963 – C7-0212/2010)(2) ,

–  wara li kkunsidra r-rapport dwar l-amministrazzjoni baġitarja u finanzjarja għas-sena finanzjarja 2009, Taqsima I - Il-Parlament Ewropew(3) ,

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Awditur Intern għall-2009,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2009, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet(4) ,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni dwar l-affidabilità tal-kontijiet, kif ukoll il-legalità u r-regolarità tal-operazzjonijiet sottostanti, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea(5) ,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 272(10) u 275 tat-Trattat KE, l-Artikoli 314(10) u 318 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll l-Artikolu 179(a) tat-Trattat Euratom,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(6) (ir-Regolament Finanzjarju), u b'mod partikulari l-Artikoli 145, 146 u 147 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 13 tar-Regoli Interni dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Parlament Ewropew(7) ,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 147(1) tar-Regolament Finanzjarju, skont liema artikolu kull istituzzjoni tal-Unjoni għandha tieħu l-passi kollha xierqa biex taġixxi fuq il-kummenti li jakkompanjaw id-deċiżjoni ta' kwittanza tal-Parlament Ewopew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' April 2008 dwar l-orjentazzjonijiet għall-proċedura baġitarja 2009 - Sezzjonijiet I, II, IV, V, VI, VII, VIII u IX(8) ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Mejju 2008 dwar l-estimi tad-dħul u n-nefqa tal-Parlament għas-sena finanzjarja 2009(9) ,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 77 u 80(3) u l-Anness VI tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat dwar il-Kontroll Baġitarju (A7-0094/2011),

A.  billi l-verifika tal-Qorti tal-Awdituri ddikjarat li, fir-rigward tan-nefqa amministrattiva tal-2009, l-istituzzjonijiet kollha implimentaw b'mod sodisfaċenti s-sistemi ta' sorveljanza u ta' kontroll meħtieġa mir-Regolament Finanzjarju u t-tranżazzjonijiet ittestjati kienu ħielsa minn żbalji materjali(10) ,

B.  billi, fit-2 ta' Lulju 2010, is-Segretarju Ġenerali ċċertifika li għandu assigurazzjoni raġjonevoli li l-baġit tal-Parlament Ewropew ġie implimentat b'konformità mal-prinċipji ta' amministrazzjoni finanzjarja soda u li l-qafas ta' kontroll li ġie applikat jagħti l-garanziji meħtieġa tal-legalità u r-regolarità tal-operazzjonijiet sottostanti;

Bidliet kbar fil-ġestjoni baġitarja tal-Parlament matul l-2009

1.  Jirrikonoxxi li s-sitwazzjoni finanzjarja attwali teħtieġ li l-Parlament, flimkien mal-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni, isib l-aktar modi kosteffikaċi kif juża r-riżorsi finanzjari u tal-persunal, inkluż iffrankar possibbli, kif ukoll għodod u metodi elettroniċi, biex jipprovdi servizzi effiċjenti;

2.  Jitlob li jsir rieżami fit-tul tal-baġit tal-Parlament; jitlob li jiġi identifikat iffrankar potenzjali futur biex jitnaqqsu l-ispejjeż u jinħolqu riżorsi għat-tħaddim fuq perjodu twil ta' żmien tal-Parlament bħala parti mill-awtorità leġiżlattiva;

3.  Ifakkar li, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Mejju 2010(11) , dwar il-kwittanza lill-Parlament għas-sena finanzjarja 2008, il-Parlament iddeplora n-numru kbir (88 minn 452) u l-proporzjon sinifikanti ta' azzjonijiet pendenti fir-rigward tal-verifika mwettqa mill-Awditur Intern dwar il-qafas ta' kontroll intern; jinnota b'sodisfazzjon it-tweġibiet tas-Segretarju Ġenerali għall-kwestjonarju tal-kwittanza, skont liema tweġibiet, fl-opinjoni tad-Diretturi Ġenerali, sar progress konsiderevoli fl-implimentazzjoni tal-punti ta' azzjoni adottati minnhom; sal-aħħar tal-2010 kkunsidraw li 51 azzjoni kienet ġiet implimentata għalkollox (inkluż l-4 azzjonijiet kritiċi li huma), li 31 azzjoni kienet ġiet implimentata parzjalment, filwaqt li għal 6 azzjonijiet il-parti l-kbira tax-xogħol kienet għadha trid issir; jitlob madankollu li l-valutazzjoni u l-validazzjoni mill-Awditur Intern ta' dawn il-valutazzjonijiet tiġi inkluża fir-rapport annwali li ġej tiegħu; jitlob ukoll lis-Segretarju Ġenerali jirrapporta lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit kull sitt xhur dwar l-azzjonijiet kollha pendenti;

4.  Ifakkar li d-DĠ ITEC kien l-aktar wieħed ikkonċernat, bi 22 azzjoni miftuħa; jinnota b'sodisfazzjon li, skont l-Awditur Intern, id-Direttorat għat-Teknoloġija tal-Informatika f'DĠ ITEC implimenta 19 mit-22 azzjoni miftuħa u, fil-proċess, għamel progress sinifikanti fl-iżvilupp tal-qafas ta' kontroll tiegħu; iħeġġeġ lid-Direttorati Ġenerali tiegħu kollha kkonċernati biex ikomplu bl-isforzi tagħhom biex itejbu l-proċeduri ta' ġestjoni u ta' kontroll rispettivi tagħhom; jistieden lill-Awditur Intern sabiex jistabbilixxi skedi ta' żmien aktar stretti dwar l-azzjonijiet li għandhom jiġu implimentati;

5.  Jinnota li l-2009 kienet l-ewwel sena tal-implimentazzjoni tal-Istatut għall-Membri tal-Parlament Ewropew u tal-Istatut għall-Assistenti Parlamentari Akkreditati; josserva ċertu numru ta' problemi inizjali bil-miżuri implimentattivi għall-Istatut għall-Assistenti, iżda madankollu jilqa' l-fatt li Grupp Temporanju ta' Valutazzjoni dwar l-Istatuti għall-Membri u għall-Assistenti, imwaqqaf fi ħdan il-Bureau, ippropona emendi għall-miżuri implimentattivi għall-Istatut għall-Membri rigward (i) l-ivvjaġġar tal-Membri, (ii) l-assigurazzjoni kontra l-mard u r-rimborż tal-ispejjeż mediċi tal-Membri, (iii) l-ivvjaġġar minn assistenti fuq missjonijiet, (iv) it-tul ta' żmien u t-tiġdid tal-kuntratti tal-assistenti, (v) it-taħriġ professjonali tal-assistenti u (vi) regoli dwar l-apprendisti tal-Membri, kif ukoll emendi oħrajn għall-Istatut għall-Assistenti, b'mod partikolari rigward (i) l-użu tal-assistenza parlamentari u l-allowances għall-infiq ġenerali, (ii) l-aġenti paganti u (iii) r-reviżjoni tal-proċedura tal-ilmenti u tal-appelli għall-Membri; jenfasizza li dawn l-emendi għandhom jiġu implimentati mhux aktar tard mit-30 ta' Novembru 2011;

6.  Josserva li r-regoli attwali għall-ħlas tal-Allowance għan-Nefqa Ġenerali, li jgħidu li l-flus għandhom jidħlu fil-kont bankarju personali tal-Membru iżda li ma jesiġux prova tan-nefqa, wasslu għall-ħolqien ta' diviżjoni bejn dawk il-Membri li jagħtu rendikont sħiħ tan-nefqa u jippubblikaw id-dettalji tagħha u dawk li ma jadottawx tali proċeduri trasparenti u li, konsegwentament,jirriskjaw li jiġu akkużati li proporzjon tal-allowance qed jiġi użat biex jissupplimenta d-dħul personali tagħhom; jistieden lis-Segretarju Ġenerali jipproponi arranġamenti biex jiżgura li l-ispejjeż tal-allowance ikunu trasparenti fil-każijiet kollha u jintużaw għall-għanijiet maħsuba;

7.  Jinnota ż-żieda sinifikanti fl-ammont ta' xogħol irreġistrata mill-amministrazzjoni, relatata mad-dħul fis-seħħ tal-Istatuti l-ġodda; jinnota bi tħassib il-proċedura aktar ikkumplikata għall-missjonijiet tal-assistenti akkreditati “l barra mit-tliet postijiet tax-xogħol u jqis li, minkejja żieda sinifikanti fil-persunal, hemm numru insuffiċjenti ta' membri tal-persunal li huma fis-servizz tal-Membri u fis-servizzi li jittrattaw l-assistenti u jitlob, għalhekk, li l-amministrazzjoni tqassam mill-ġdid il-persunal addizzjonali biex wieħed ilaħħaq mal-ammont akbar ta' xogħol; jitlob, barra minn hekk, li ssir valutazzjoni komprensiva li tkopri t-tibdil fil-persunal kif ukoll l-iżvilupp tan-nefqa fl-oqsma kollha kkonċernati, u li tiġi mgħoddija lill-kumitati kompetenti tiegħu sat-30 ta' Settembru 2011, dwar l-esperjenza miksuba mill-implimentazzjoni taż-żewġ Statuti wara l-ewwel sena sħiħa ta' implimentazzjoni tagħhom, flimkien ma' pjan ta' azzjoni u valutazzjoni tal-implikazzjonijiet finanzjarji għall-baġit tal-Parlament, inklużi d-dispożizzjonijiet li jridu jsiru għal spazju addizzjonali possibbli fgħall-uffiċċji;

8.  Jinnota b'sodisfazzjon it-titjib fil-ġestjoni tas-servizzi tal-Parlament; jilqa' bi pjaċir, b'mod partikolari, id-deċiżjonijiet tal-Bureau tal-1 ta' April 2009 dwar ir-ristrutturar, mill-1 ta' Jannar 2010, tad-Direttorat Ġenerali għall-Persunal u dwar ir-ristrutturar u t-tisħiħ tad-Direttorat Ġenerali għall-Infrastruttura u l-Loġistika biex ikun jista' jibda l-ħidma immedjatament fuq it-titjib tal-manutenzjoni tal-bini tal-Parlament;

9.  Jinnota l-adozzjoni mill-Bureau fl-24 ta' Marzu 2010 tal-istrateġija tant mistennija għal perjodu medju ta' żmien fis-setturi tal-IT u tal-bini u jistenna li l-istrateġija tal-bini tkun suġġetta għal kooperazzjoni interistituzzjonali mtejba u li l-organizzazzjonijiet tal-abitati lokali jiġu kkonsultati fuq bażi regolari;

10.  Jinnota b'mod speċjali l-politika fuq perjodu medju u twil ta' żmien għall-proprjetà (l-istrateġija tal-bini), li tqis iż-żieda fir-responsabilitajiet tal-Parlament skont it-Trattat ta' Lisbona, ir-regoli li jirregolaw l-allokazzjoni tal-ispazju, il-ħtieġa ta' akkomodazzjoni għal ċertu persunal estern u l-ħtieġa ta' manutenzjoni/rinnovazzjoni tal-bini; barra minn dan, jitlob rapport iddettaljat dwar il-ħtiġijiet ta' akkomondazzjoni fil-ġejjieni u mnejn dawn il-ħtiġijiet jistgħu jiġu ffinanzjati; jistieden barra minn hekk lis-Segretarju Ġenerali biex jagħmel negozjati mal-awtoritajiet Belġjani bil-għan li jitnaqqas il-perċentwal żejjed (33%) li għandu jitħallas f'każ li l-Parlament jixtri proprjetà tal-“Istat”;

11.  Jinnota b'sodisfazzjon it-titjib fil-governanza tat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni (ICT) tal-Parlament, l-użu ġeneralizzat previst tas-softwer b'sors miftuħ u l-fatt li ġie rikonoxxut l-iżvilupp tal-IT biex jappoġġa kemm il-proċess tal-akkwisti kif ukoll il-ġestjoni tal-kuntratti fl-Istrateġija tal-ICT adottata dan l-aħħar, kif ukoll il-ħtieġa ta':

   speċifikazzjonijiet ċari fil-bidu tal-proġetti;
   sistema komprensiva ta' informazzjoni dwar il-ġestjoni;
   l-evitar ta' outsourcing eċċessiv tas-servizzi tal-ICT;
   separazzjoni aktar ċara tad-dmirijiet fl-oqsma tal-iżvilupp u tal-manutenzjoni; kif ukoll
   riżorsi addizzjonali f'DĠ ITEC biex ikun hemm kontroll aktar strett tal-proġetti;

12.  Jistieden lill-Membri kollha tal-Parlament Ewropew biex jibagħtu kopji ta' politiki ewlenin adottati mill-Bureau matul il-perjodu ta' din il-leġiżlatura parlamentari bħal pereżempju:

   l-istrateġija tal-bini,
   l-istrateġija tal-ICT,
   il-Pjan ta' Azzjoni ta' Komunikazzjoni;u biex dawn jintbagħtulhom dokumenti bħal dawn fil-futur;

13.  Jistieden lill-Bureau jibgħat abbozz ta' dokumenti dwar suġġetti ewlenin ta' interess komuni lill-Membri kollha tal-Parlament sabiex tkun iffaċilita d-diskussjoni fi ħdan il-gruppi politiċi qabel jittieħdu deċiżjonijiet finali;

L-isfidi ewlenin li jibqa“
Is-sigurtà

14.  Jikkundanna t-tielet serqa konsekuttiva f'dak li għandu jkun il-bini sikur tal-Parlament; jiddiżapprova in-nuqqasijiet evidenti fis-sigurtà tal-Parlament; jistieden lill-amministrazzjoni titrasferixxi l-maniġer responsabbli f'kariga li tinvolvi kompiti ġodda;

15.  Iqis li huwa sorprendenti li madwar 900 persuna jaħdmu fis-servizzi tas-sigurtà tal-Parlament, il-parti l-kbira minnhom bħala persunal kuntrattwali estern, u jindika wkoll iż-żieda konsistenti fl-ispejjeż totali tas-sigurtà (madwar EUR 43 000 000 fl-2009); jitlob, fid-dawl tal-inċidenti riċenti ta' sigurtà, reviżjoni sħiħa ta' dawn is-servizzi biex tiżdied l-effiċjenza tagħhom; jissuġġerixxi b'mod qawwi li ż-żewġ kuntratti ewlenin għas-servizzi tas-sigurtà, kemm fiżiċi kif ukoll tekniċi, ma jiġux konklużi mal-istess kumpanija kif inhu l-każ bħalissa;

16.  Jilqa' f'dan ir-rigward it-twaqqif, mill-1 ta' Jannar 2010, ta' Direttorat ġdid inkarigat mis-Sigurtà u jitlob lid-Direttorat stabbilit dan l-aħħar biex iwettaq eżami dettaljat tal-politika ta' sigurtà tal-Parlament u jaħdem fuq proposti biex jiġu adotatti soluzzjonijiet ta' sigurtà għall-Parlament li jkunu aktar orjentati lejn it-teknoloġija u orħos, u li jirriżultaw f'iffrankar konsiderevoli f'termini ta' persunal u jixtieq jiġi infurmat dwar il-progress li jkun sar;

17.  Iqis li l-politika l-ġdida tas-sigurtà għandu jkollha l-għan li ssib bilanċ li jkun kosteffikaċi bejn il-persunal intern u l-aġenti esterni u bejn il-preokkupazzjonijiet tas-sigurtà minn naħa minnhom, u l-aċċessibilità u l-ftuħ min-naħa l-oħra, biex il-Parlament ikun jista' jibqa“, kemm jista” jkun, istituzzjoni miftuħa u aċċessibbli; jenfasizza li aktar sorveljanza bil-vidjo mhuwiex il-mod mixtieq kif wieħed jimxi “l quddiem;

18.  Jinnota li bħalissa wieħed mill-punti dgħajfa fis-sigurtà tal-Parlament huwa li l-Membri jistgħu jidħlu u joħorġu mill-bini mingħajr ma jissottomettu l-badges tagħhom għal kontroll elettroniku; jemmen li għandu jkun mandatorju għall-Membri li juru l-badges tagħhom meta jidħlu u joħorġu mill-Parlament;

19.  Josserva li l-arranġamenti għar-reġistrazzjoni għad-dħul tal-viżitaturi tal-Membri huma bil-mod u kkumplikati meta mqabbla ma' dawk tal-Kummissjoni Ewropea u dawk ta' ħafna parlamenti nazzjonali, fejn is-sigurtà hija ta' importanza ugwali, u li dan jirriżulta f'dewmien mhux meħtieġ u inkonvenjenzi għall-viżitaturi, għall-Membri u għall-assistenti tagħhom; jistieden lis-Segretarju Ġenerali jistudja l-prattiki tal-parlamenti fi bnadi oħra u, sussegwentament, jirrakkomanda l-adozzjoni ta' proċeduri mtejba;

20.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' strateġija ċara tas-sigurtà li toffri servizz tas-sigurtà intelliġenti, modern u mill-aktar avvanzati b'dawn l-elementi possibbli:

   i) firma elettronika għall-Membri (minflok is-sistema attwali arkajka u li tiswa ħafna flus ta' firem fuq karta bid-data mdaħħla manwalment mill-persunal), filwaqt li jiġi żgurat li s-sistema l-ġdida ma tagħtix lok għal abbuż; jitlob għalhekk lis-Segretarju Ġenerali iressaq sat-30 ta' Settembru 2011 proposti differenti għal sistema ta' ffirmar aktar effikaċi li jkunu jinkludu kunsiderazzjonijiet dwar is-sigħat tal-ftuħ għall-iffirmar;
   ii) soluzzjonijiet tekniċi li jippermettu lill-persunal tas-sigurtà jittrattaw b'mod effiċjenti s-sitwazzjonijiet ta' emerġenza billi jipprovdulhom data affidabbli dwar in-numru u l-identità tal-persuni preżenti fil-bini tal-Parlament;
   iii) pjan aġġornat għall-ġestjoni tal-kriżijiet;
   iv) sistema internalizzata ta' akkreditazzjoni għall-viżitaturi, biex jingħata servizz imtejjeb u konsistenti;

21.  Jinnota l-kwantità kbira ta' kameras installati fit-tliet postijiet tax-xogħol tal-Parlament(12) ; jitlob lis-Segretarju Ġenerali jipprovdi lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit sat-30 ta' Ġunju 2011 b'informazzjoni dettaljata li tispeċifika:

   i) kif jintużaw ir-reġistrazzjonijiet tal-vidjo;
   ii) kif u għal kemm żmien jinħażnu
   iii) min għandu aċċess għar-reġistrazzjonijiet; kif ukoll
   iv) jekk il-ħafna kameras u s-sorveljanza bil-vidjos għenux biex jiġu evitati, jinqabdu jew jiġu solvuti l-każijiet ta' serq jew b'mod ġenerali kif għenu biex jiżdied il-livell ta' sigurtà fil-Parlament;

22.  Jinnota bi tħassib id-diffikultajiet li qed jiżdiedu u li qed jesperjenzaw il-Membri u l-persunal fit-twettiq ta' ħidmiethom, ikkawżati minn numri kbar ta' gruppi ta' viżitaturi li jidħlu fil-bini tal-Parlament fil-postijiet fejn isir ix-xogħol, u li ma kinux oriġinarjament maħsuba għall-viżitaturi; jitlob lill-Kwesturi japplikaw ir-regoli rilevanti b'mod aktar strett, speċjalment għall-perjodi meta jkun hemm ammont kbir ta' xogħol;

23.  Jiddeplora n-nuqqas ta' sigurtà fil-viċinanzi tal-Parlament u huwa tal-opinjoni li kooperazzjoni u komunikazzjoni mtejba mal-forzi tal-pulizija lokali twassal għal użu aktar effiċjenti tar-riżorsi; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet biex jaslu għal ftehim mal-awtoritajiet Belġjani dwar it-tijib tas-sigurtà fid-distrett tal-UE fi Brussell billi inter alia jintensifikaw ir-rondi tal-pulizija;

Rotazzjoni tal-impjiegi

24.  Jitlob informazzjoni dwar kwalunkwe derogi mill-prattiki komuni tar-rotazzjoni tal-impjegi, mhux aktar tard minn wara seba' snin fl-istess impjieg, tal-persunal, u partikularment persuni f'hekk imsejħa “pożizzjonijiet sensittivi”;

Internalizzazzjoni vs. Esternalizzazzjoni

25.  Jinnota bi tħassib kbir in-numru għoli (madwar 900) ta' membri esterni tal-persunal li huma akkomodati fl-uffiċċji tal-Parlament; huwa tal-fehma li l-ħtieġa ta' akkomodazzjoni bħal din għandha tinkiteb fl-ispeċifikazzjonijiet oriġinali u li s-servizzi għandhom jiġġustifikaw kif xieraq għalfejn jeħtieġu li jkollhom esperti esterni tal-IT jew tal-bini fil-post; huwa tal-opinjoni li għandu jsir użu akbar minn uffiċċji fi spazju miftuħ;

26.  Jiddeplora d-dipendenza żejda fuq il-ħila esperta (teknika) esterna, speċjalment fis-setturi tal-IT u tal-bini li ġejja minn żbilanċi strutturali bejn ir-riżorsi interni u esterni u jitlob li jinstab bilanċ kosteffikaċi bejn il-ħila esperta interna u esterna f'kull qasam tal-attività parlamentari; għaldaqstant jikkunsidra li għandha ssir analiżi kost-benefiċċju biex tinforma d-deċiżjonijiet rigward it-tħaddim ta' esperti esterni;

Il-politika dwar il-bini

27.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żviluppata, internament, il-ħila esperta ta' kwalità għolja dwar il-proprjetà li hija essenzjali biex jittejbu b'mod sinifikanti l-ippjanar u l-akkwist ta' xirjiet u kirjiet għal perjodi twal ta' żmien tal-bini tal-Parlament fil-ġejjieni; jindika l-importanza kruċjali ta' kooperazzjoni interistituzzjonali mtejba;

28.  Jitlob stima tat-telf li sar mill-bejgħ tal-bini l-antik tal-Parlament fi Brussell lill-Kumitat tar-Reġjuni, filwaqt li jitqies il-prezz għal kull metru kwadrat tal-uffiċċji li attwalment qed jinxtraw jew jinkrew;

29.  Jistieden lis-Segretarju Ġenerali, bl-għajnuna ta' DĠ INLO u d-DĠ kollha, iwettaq analiżi dettaljata tal-użu reali tal-bini tal-Parlament u tal-ħtieġa ta' regoli applikabbli għall-kategoriji kollha tal-utenti u jiżviluppa, bi prijorità, bażi ta' data waħda u affidabbli li jkun fiha l-informazzjoni rilevanti kollha dwar il-persuni kollha akkomodati fil-bini tal-Parlament; josserva li d-deċiżjoni tal-Bureau dwar il-politika tal-Parlament dwar il-proprjetà għal perjodu medju u twil ta' żmien hija punt ta' tluq tajjeb f'dan ir-rigward; jistieden lil DĠ INLO jimplimenta skrupulożament il-pjan ta' azzjoni li kien hemm qbil dwaru mal-Awditur Intern; jitlob li ssir analiżi komparattiva tal-ispejjeż tal-kapital, tal-ħlas tad-dejn u tal-imgħaxijiet u tal-manutenzjoni għal kull metru kwadrat ta' spazju f'uffiċċji meta mqabbel mal-ispiża attwali tal-kiri tal-ispazju f'uffiċċji fid-“distrett Ewropew” fi Brussell; jitlob li, qabel ma jinxtara kwalunkwe bini ta' uffiċċji ieħor, il-valur tiegħu għandu jiġi aċċertat permezz ta'analiżi tal-fluss skontat ta' flus;

30.  Jinnota li t-tieni crèche fi Brussell huwa proġett prijoritarju u għaldaqstant, jeħtieġ spazju ġdid; jitlob, fil-kuntest ta' spazju ġdid għal uffiċċji, li jsir studju fost il-Membri biex jġi vvalutat jekk iqisux li għandhom bżonn uffiċċju ieħor għal assistent fir-rigward tal-impjieg ta' aktar assistenti;

31.  Iqis li huwa preferibbli li l-bini tal-Parlament jkunu kemm jista' jkun qrib xulxin; ifakkar, madankollu, li din il-preferenza hija f'kontradizzjoni mal-fatt li hemm tliet postijiet uffiċjali ta' ħidma; jenfasizza f'dan il-kuntest li hemm biżżejjed spazju disponibbli ta' uffiċċji għall-kiri fil-viċinanzi immedjati tal-Parlament Ewropew fi Brussell, li jista' jissodisfa l-ħtiġijiet tal-ispazju għall-uffiċċji fuq perjodu medju ta' żmien u fl-istess waqt ikun konformi mal-objettivi tal-effiċjenza operattiva u finanzjarja tal-Parlament u mal-objettivi ambjentali;

32.  Iħeġġeġ lill-amministrazzjoni tiegħu tinnegozja ftehim interistituzzjonali mal-Kummissjoni dwar l-arranġamenti finanzjarji għax-xiri ta' “Djar Ewropej” (Uffiċċji tal-Informazzjoni tal-PE), li għandu jinkludi paragrafi ċari dwar it-tnaqqis fl-ispejjeż;

Is-settur tat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni (ICT)

33.  Jilqa' l-approċċ aktar strutturat rigward l-ICT u l-elaborazzjoni ta' strateġija komprensiva f'dan il-qasam; jilqa' wkoll l-impenn tal-amministrazzjoni tiegħu fit-tweġibiet tagħha għall-kwestjonarju li għandu jniedi studju dwar il-possibilità ta' sostituzzjoni tal-persunal estern;

34.  Jenfasizza, fir-rigward tal-proċess ta' żvilupp tal-applikazzjonijiet tal-IT, il-problema strutturali ta' livell għoli ta' dipendenza fuq esperti esterni, xi ħaġa li ġġorr riskji legali u operattivi; jippromwovi għalhekk il-ħtieġa ta' bidliet sinifikanti għas-sistemi ta' ġestjoni u kontroll fid-Direttorat għat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni, inkluż involviment aktar mill-qrib u minn qabel ta' DĠ oħra fl-aspetti kollha tal-iżvilupp tal-applikazzjonijiet, li jistgħu jżidu l-approprjazzjoni mill-utenti tal-eżitu ta' kull proġett u r-responsabilità tagħhom għalih;

35.  Jistieden għalhekk lil DĠ ITEC biex skrupulożament jimplimenta l-pjan ta' azzjoni li kien hemm qbil dwaru mal-Awditur Intern u biex jipprova jikseb taħlita adegwata ta' persunal tal-Parlament u riżorsi esterni kif ukoll li jsib bilanċ xieraq bejn l-iżvilupp intern tal-applikazzjonijiet u kuntrattar ibbażat fuq riżultati tanġibbli; jieħu nota tan-nuqqas ta' kandidati kwalifikati fil-listi tal-EPSO fil-qasam tas-sigurtà tal-IT; jappoġġa wkoll is-suġġeriment li jiġu organizzati b'mod urġenti kompetizzjonijiet separati għal AD7 f'dan il-qasam;

36.  Huwa xxukjat bl-ispejjeż enormi tar-roaming tad-data tal-membri tal-istaff li ma jagħtux kas tal-ispejjeż dejjem jiżdiedu meta jkunu fi Strasburgu u f'postijiet oħra barra minn Brussell; iħeġġeġ lill-amministrazzjoni tal-IT biex toħloq għodda ta' kontroll li biha jiġu evitati spejjeż estremament għolja billi tiġi identifikata żieda qawwija fi stadju bikri;

37.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, għall-Parlament, l-użu li kulma jmur qed jiżdied ta' kumpaniji esterni għall-implimentazzjoni ta' proġetti tal-IT, minbarra li huwa ta' ħsara finanzjarja, iġorr ir-riskju li l-Parlament jitlef partijiet importanti mill-kompetenzi kif ukoll il-kapaċità tiegħu li jimmaniġġja u jissorvelja l-proġetti mwettqa minn kuntratturi esterni; barra minn hekk, jitlob li d-deċiżjoni li jintużaw kumpaniji esterni tkun ibbażata fuq analiżi tal-kost-benefiċċju; barra minn hekk minħabba r-rwol dejjem jiżdied u l-importanza tal-ICT fix-xogħol tal-Parlament Ewropew, iqis li huwa importanti li jiżdied ir-rwol tal-ġestjoni tal-ICT għal livell ogħla, anke biex tiġi żgurata protezzjoni akbar tas-sigurtà; iħeġġeġ b'mod qawwi sabiex id-DĠ ITEC jipprovdi informazzjoni dwar l-ispejjeż ta' esternalizzazzjoni taċ-ċentri tal-informatika meta mqabbla mal-ispejjeż preċedenti fir-rapport ta' attività tiegħu għall-2010;

Proċeduri negozjati eċċezzjonali

38.  Ifakkar fil-fehma tiegħu, espressa fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Mejju 2010, li ż-żieda fin-numru u fil-proporzjon tal-proċeduri negozjati eċċezzjonali rreġistratata bejn l-2007 u l-2008 b'mod ċar tobbliga lill-uffiċjali awtorizzanti jieħdu miżuri biex “ireġġgħu lura x-xejra” u jfakkar ukoll fl-istedina tiegħu lis-Segretarju Ġenerali biex jirrapporta lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit dwar miżuri meħuda qabel l-1 ta' Settembru 2010;

39.  Huwa mħasseb dwar it-tendenza ta' żieda kontinwa fin-numru tal-proċeduri negozjati eċċezzjonali u jtenni t-talba tiegħu lis-Segretarju Ġenerali u lill-Uffiċjali Awtorizzanti b'delega biex jieħdu miżuri effikaċi u effiċjenti biex ireġġgħu lura dik it-tendenza u biex jirrapportaw lill-kumitat kompetenti tiegħu sat-30 ta' Settembru 2011 dwar il-miżuri meħuda; ikompli jħeġġeġ lill-amministrazzjoni tiegħu biex tkompli l-iskrutinju strett ta' dawn il-proċeduri, partikularment fir-rigward ta' kunflitti ta' interess possibbli, u biex jiġu applikati sanzjonijiet intensifikati u disważivi għal kwalunkwe sejba ta' irregolarità;

Ir-Regoli ta' Proċedura

40.  Jinnota li l-organizzazzjoni interna u d-distribuzzjoni tal-poteri bejn l-istrutturi interni tal-Parlament hija definita mir-regoli ta' proċedura tiegħu; jenfasizza li dan huwa element ewlieni fil-proċess demokratiku ta' regolamentazzjoni tajba;

41.  Iqis li l-possibilità li jsiru mistoqsijiet bil-miktub lill-istituzzjonijiet l-oħra għandha tiġi mtejba billi jiġu pprovduti formoli xierqa għal kull istituzzjoni kif ukoll billi jiġu adattati r-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament;

Rapport dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja

42.  Jinnota li, fl-2009, il-Parlament irċieva dħul li jammonta għal EUR 141 250 059 (EUR 151 054 374 fl-2008) li kien jinkludi EUR 27 576 932 fi dħul assenjat;

Il-preżentazzjoni tal-kontijiet tal-Parlament

43.  Jinnota ċ-ċifri li fuq il-bażi tagħhom ingħalqu l-kontijiet tal-Parlament għas-sena finanzjarja 2009, jiġifieri:

(a) Approprjazzjonijiet disponibbli (EUR)

approprjazzjonijiet għall-2009:

1 529 970 930

trasferimenti mhux awtomatiċi mis-sena finanzjarja 2008:

8 315 729

trasferimenti awtomatiċi mis-sena finanzjarja 2008:

196 133 738

approprjazzjonijiet li jikkorrispondu għad-dħul assenjat għall-2009:

27 576 932

trasferimenti li jikkorrispondu għad-dħul assenjat mill-2008:

36 808 922

Total:

1 798 806 251

(b) Użu ta' approprjazzjonijiet fis-sena finanzjarja 2009 (EUR)

impenji:

1 670 143 804

ħlasijiet li saru:

1 466 075 267

approprjazzjonijiet trasferiti awtomatikament inklużi dawk li ġejjin minn dħul assenjat:

201 826 738

approprjazzjonijiet trasferiti mhux awtomatikament:

10 100 000

approprjazzjonijiet kanċellati:

120 804 246

(c) Dħul tal-baġit (EUR)

li wasal fl-2009:

141 250 059

(d) Il-Karta tal-bilanċ totali fil-31 ta' Diċembru 2009 (EUR)

1 709 216 709

44.  Iqis li għandha tiżdied kolonna addizzjonali mat-tabella li fiha d-data relevanti għas-sena preċedenti sabiex tingħata trasparenza aħjar u jiġi ffaċilitat it-tqabbil;

45.  Jinnota b'sodisfazzjon li għall-ewwel darba fl-2009 ma seħħ l-ebda trasferiment ta' ġbir fl-aħħar tas-sena finanzjarja, wara numru ta' snin li fihom il-possibilità tal-ġbir intużat (l-iktar biex jinxtara bini billi jsiru pagamenti bil-quddiem mal-ħlasijiet annwali tal-kiri), xi ħaġa li tissuġġerixxi ppjanar u dixxiplina baġitarji aħjar u li ta' min ifaħħarha; iħeġġeġ lill-amministrazzjoni tiegħu tħaddan dan l-objettiv fil-futur ukoll u tevita, kemm jista' jkun, li tuża t-teknika tal-ġbir;

Id-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni mis-Segretarju Ġenerali

46.  Jilqa' b'sodisfazzjon d-dikjarazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tat-2 ta' Lulju 2010 fil-kapaċità tiegħu ta' Uffiċjal Awtorizzanti Prinċipali b'delega, fir-rigward tar-rapporti tal-attivitajiet annwali tal-uffiċjali awtorizzanti għall-2009, li fiha ċċertifika li hu għandu assigurazzjoni raġjonevoli li l-baġit tal-Parlament kien implimentat f' konformita' mal-prinċipji ta' amministrazzjoni finanzjarja soda u li l-qafas ta' kontroll li ġie applikat jagħti l-garanziji meħtieġa tal-legalità u r-regularità tal-operazzjonijiet sottostanti;

Ir-rapporti tal-attivitajiet mid-Diretturi Ġenerali

47.  Jinnota li bħalissa kull Direttur Ġenerali (Uffiċjal Awtorizzanti b'delega) jipprepara r-Rapport Annwali dwar l-Attività tiegħu stess, u li ma jitfassal u jiġi adottat l-ebda Rapport dwar l-Attività globali għall-Istituzzjoni kollha kemm hi; jistieden lis-Segretarju Ġenerali jikkunsidra li joħroġ verżjoni li tinqara' aktar faċilment u konsolidata (sommarju) tar-Rapporti Annwali dwar l-Attività għall-proċedura ta' kwittanza tal-2010, kif diġà hu l-każ fl-istituzzjonijiet l-oħra, filwaqt li jiżgura li l-annessi tar-rapporti ma jiġux skenjati iżda uplowdjati b'tali mod li jippermettu t-tiftix bil-komputer; huwa tal-fehma li r-rapport dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja huwa distint mis-sinteżi suġġerita tar-rapporti annwali dwar l-attività;

48.  Jinnota li l-Artikolu 8(4) sa (7) tar-regoli interni dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Parlament jitlob mill-Uffiċjali Awtorizzanti b'delega (AOD) li jirrapportaw lill-uffiċjal awtorizzanti b'delega prinċipali (PAOD) dwar it-twettiq tad-dmirijiet l-oħra tagħhom billi jipprovdu tliet rapporti matul is-sena (wieħed fil-bidu tas-sena finanzjarja, it-tieni wieħed fil-15 ta' Ġunju u t-tielet wieħed fil-15 ta' Ottubru) minbarra r-rapport annwali dwar l-attività prodott għas-sena preċedenti; jippromwovi l-ħtieġa li jitnaqqas il-piż tar-rappurtar bil-ħsieb li jkun hemm simplifikazzjoni, biex id-DĠ jippreparaw verżjoni waħda biss tar-Rapport Annwali tagħhom dwar l-Attività;

49.  Jenfasizza madankollu li din is-simplifikazzjoni fl-obbligi tar-rappurtar tal-AOD ma għandhiex taffettwa l-obbligu tagħhom li jżommu lill-PAOD infurmat dwar tranżazzjonijiet sostanzjali li x'aktarx ikollhom implikazzjonijiet finanzjarji għall-baġit u dwar kwalunkwe avveniment sinifikanti li jista' jipperikola l-ġestjoni soda tal-approprjazzjonijiet jew jipprevjeni l-objettivi stabbiliti milli jintlaħqu;

50.  Jinnota xi dgħufijiet fir-rappurtar rigward l-Istandards minimi ta' Kontroll Intern fir-rapporti annwali dwar l-attività; jipproponi, biex jittejjeb ir-rappurtar, li jiġu rieżaminati dawn l-istandards u li tiġi stabbilita sistema ta' rappurtar intern integrata;

51.  Itenni t-talba tiegħu(13) li s-Segretarju Ġenerali jinforma lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit dwar il-miżuri preċiżi, inklużi l-iskadenzi għall-implimentazzjoni, li jkun ħa jew li jkun se jieħu biex isaħħaħ is-sistema ta' kontroll intern tal-Parlament; ifakkar li l-għoti ta' din l-informazzjoni ilu li kellu jsir mill-31 ta' Diċembru 2010;

52.  Jissuġġerixxi li, biex tiżdied it-trasparenza fil-Parlament, id-dikjarazzjonijiet tal-missjonijiet, il-programm ta' ħidma u l-organigramma tal-entitajiet amministrattivi tal-Parlament, inklużi l-unitajiet u s-servizzi, għandhom ikunu disponibbli fuq il-websajt interna tal-Parlament kif diġà hu l-każ fil-Kummissjoni;

53.  Jinnota li biex wieħed isir jaf jekk il-flus mid-diversi intestaturi tal-baġit humiex verament mexjin jew kif qed jintużaw, dan jitlob sforzi akbar addizzjonali min-naħa tal-Membri u l-pubbliku; għaldaqstant, sabiex tiżdied it-trasparenza, jipproponi l-ħolqien ta' għodda li tintuża faċilment fuq l-Internet li turi d-dħul tal-flus mhux biss f'ċifri, iżda wkoll permezz ta' linji ta' daqsijiet differenti, li jirriflettu dawn iċ-ċifri u li jagħmlu dawk il-konnessjonijiet meħtieġa minn parteċipant għall-ieħor fil-katina, fid-diversi livelli tal-azzjoni, sabiex dawn il-flussi ta' flus jiġu faċilment rikonoxxuti u kemm jista' jkun intraċċati għall-aktar livell konkret possibbli tal-użu tal-flus, filwaqt li tiġi kkunsidrata dejjem il-protezzjoni tal-privatezza;

Ir-rapport annwali dwar il-kuntratti mogħtija

54.  Jinnota li s-servizzi ċentrali stabbilixxew, fuq il-bażi ta' tagħrif provdut mid-dipartimenti awtorizzanti, ir-rapport annwali(14) lill-awtorità baġitarja dwar kuntratti mogħtija fl-2009 u t-tqassim kif ġej tal-kuntratti kollha mogħtija fl-2009 u fl-2008:

Tip ta' kuntratt

2009

2008

Għadd

Persentaġġ

Għadd

Persentaġġ

Servizzi

Provvisti

Xogħlijiet

Bini

157

56

34

5

62%

22%

14%

2%

241

59

44

15

67%

17%

12%

4%

Total

252

100%

359

100%

Tip ta' kuntratt

2009

2008

Valur (f'EUR)

Persentaġġ

Valur (f'EUR)

Persentaġġ

Servizzi

Provvisti

Xogħlijiet

Bini

415 344 963

34 980 727

36 045 314

70 394 138

75%

6%

6%

13%

454 987 532

22 868 681

81 247 056

123 429 315

67%

3%

12%

18%

Total

556 765 142

100%

682 532 584

100%

(Rapport annwali dwar il-kuntratti mogħtija mill-Parlament Ewropew, 2009, paġni 3-4)

55.  Jenfasizza li l-valur tal-kuntratti ta' akkwist jammonta bejn wieħed u ieħor għal terz tal-baġit ġenerali tal-Parlament u li l-akkwist pubbliku huwa l-aktar qasam vulnerabbli għal ġestjoni ħażina; għaldaqstant jirrepeti t-talba tiegħu sabiex jiġu vvalutati b'mod regolari s-sistemi ta' akkwist u partikularment sabiex isiru kontrolli interni tal-kuntratti mogħtija fil-proċeduri nnegozjati u ristretti;

56.  Jitlob lis-Segretarju Ġenerali jirrapporta dwar jekk iż-żieda fil-limitu massimu tal-kuntratti b'valur baxx minn EUR 25 000 għal EUR 60 000 fl-2007 ffaċilitatx l-aċċess minn kumpaniji żgħar hekk kif kien intenzjonat, mingħajr ma ddgħajjef b'mod sostanzjali l-iskrutinju tal-proċess ta' akkwist; jinnota li dawn il-kuntratti huma biss 0.76% tal-valur iżda 39.29% tan-numru totali ta' kuntratti mogħtija;

57.  Jinnota l-analiżi dettaljata tal-kuntratti mogħtija fl-2009 u fl-2008 skont it-tip ta' proċedura użata kif ġej:

Tip ta' proċedura

2009

2008

Għadd

Persentaġġ

Għadd

Persentaġġ

Miftuħa

Ristretta

Negozjata

73

13

166

29%

5%

66%

126

14

219

35%

4%

61%

Total

252

100%

359

100%

Tip ta' proċedura

2009

2008

Valur (f'EUR)

Persentaġġ

Valur (f'EUR)

Persentaġġ

Miftuħa

Ristretta

Negozjata

415 996 418

9 458 434

131 310 290

75%

2%

23%

345 415 316

139 782 362

197 334 906

51%

20%

29%

Total

556 765 142

100%

682 532 584

100%

(Rapport annwali dwar il-kuntratti mogħtija mill-Parlament Ewropew, 2009, p. 5)
Proċeduri nnegozjati eċċezzjonali

58.  Jinnota b'mod partikolari ż-żieda konsistenti fl-2009 (għalkemm aktar bil-mod milli fl-2008 meta mqabbel mal-2007) fin-numru ta' proċeduri nnegozjati eċċezzjonali kif muri fl-analiżi dettaljata li ġejja; jistenna li din it-tendenza tiġi maqluba b'mod sostanzjali fis-snin li ġejjin:

Direttorat Ġenerali

2009

2008

Għadd

% tat-total tal-Kuntratti tad-DĠ

Għadd

% tat-total tal-Kuntratti tad-DĠ

DĠ PRES (ħlief DIT)

14

53,85%

8

44,44%

DĠ IPOL

0

0,00%

0

0,00%

DĠ EXPO

1

50,00%

3

75,00%

DĠ COMM (ħlief id-Dir. tal-Librerija)

29

42,03%

16

16,00%

DĠ PERS

1

16,67%

0

0,00%

DĠ INLO (ħlief id-Dir. għall-Interpretazzjoni)

37

38,14%

36

34,95%

DĠ INTE (li qabel kien id-Dir. għall-Interpretazzjoni)

3

21,43%

9

56,25%

DĠ TRAD (ħlief id-Dir. għall-Ippubblikar)

0

0,00%

0

0,00%

DĠ ITEC (li qabel kien id-Direttorati għall-Ippubblikar u għall-IT)

4

36,36%

9

56,25%

DĠ FINS

0

0,00%

0

0,00%

Servizz Legali

0

0,00%

0

0,00%

Parlament, total

89

35,32%

81

22,56%

(Rapport annwali dwar il-kuntratti mogħtija mill-Parlament Ewropew, 2009, p. 9)
Ir-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri għall-2009
Konklużjonijiet ġenerali

59.  Jinnota li l-verifika tal-Qorti tal-Awdituri sabet li l-ħlasijiet b'mod globali kienu ħielsa minn żbalji materjali u li l-Qorti tal-Awdituri ma sabet ebda dgħufijiet meta vvalutat il-konformità tas-sistemi ta' superviżjoni u kontroll mar-Regolament Finanzjarju;

Ir-reklutaġġ ta' aġenti temporanji u kuntrattwali

60.  Jinnota l-konklużjoni tal-Qorti tal-Awdituri li, f'ħames każijiet minn kull 20, id-dokumenti li jipprovdu evidenza ta' konformità mar-regoli relatati mal-klassifikazzjoni tal-persunal bħala membri tal-persunal temporanju jew kuntrattwali u mal-issodisfar ta' obbligi lingwistiċi, militari jew oħrajn ma ngħatawx; jieħu nota tat-tweġibiet mogħtija mill-Parlament fil-proċedura kontradittorja mal-Qorti tal-Awdituri;

Allowances għall-persunal

61.  Jinnota li l-Qorti tal-Awdituri sabet(15) li f'16-il każ minn 30, l-informazzjoni disponibbli għas-servizzi tal-Parlament biex jiżguraw li l-allowances previsti mir-Regolamenti tal-Persunal jitħallsu lill-persunal bi qbil mar-regolamenti Komunitarji u mal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti, ma kinitx aġġornata; jaqbel mal-Qorti tal-Awdituri li għalhekk hemm riskju li jsiru ħlasijiet skorretti u mhux dovuti jekk iċ-ċirkostanzi tal-individwu jkunu nbidlu;

62.  Jinnota b'sodisfazzjon it-tweġibiet tal-amministrazzjoni tal-Parlament fis-sens li, fl-2009, tniedet kampanja biex jiġi vverifikat jekk il-benefiċċju tal-allowance għall-familja lill-persunal li ma għandhomx tfal dipendenti kinitx għadha ġustifikata u li issa se tipproċedi għal verifika regolari tas-sitwazzjoni tal-persunal tagħha u li, mill-2010, din il-verifika saret awtomatizzata (permezz tal-użu ta' “fiche électronique”), xi ħaġa li tagħmilha possibbli li ssir tal-anqas verifika annwali tad-data personali u amministrattiva tal-persunal;

L-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-gruppi politiċi

63.  Jinnota li l-Artikolu 12(9) tar-Regoli Interni tal-Parlament għall-implimentazzjoni tal-baġit, adottati fis-27 ta' April 2005, jipprevedi li l-qasam ta' kompetenza tal-Awditur Intern ma jinkludix l-approprjazzjonijiet mill-baġit tal-Parlament li huma ġestiti mill-gruppi politiċi; jinnota wkoll li r-regoli speċifiċi dwar l-użu ta' dawk l-approprjazzjonijiet jirrikjedu li kull grupp politiku jistabbilixxi r-regoli finanzjarji interni tiegħu stess u li jimplimenta sistema ta' kontroll intern;

64.  Jenfasizza li l-gruppi politiċi kollha għandhom iwettqu verifika esterna annwali u għandhom jippreżentaw ċertifikat tal-verifika esterna;

65.  Jenfasizza li hija r-responsabilità tal-gruppi politiċi li jibdew iħaddmu s-sistema ta' kontroll interna tagħhom u li dan ma għandux ikun ir-responsabilità tal-Awditur Intern tal-Parlament, u jistieden lill-Bureau jikkonsulta mal-gruppi politiċi dwar kif jistgħu jiġu żviluppati dispożizzjonijiet oħrajna ta' verifika;

66.  Jilqa' l-fatt li l-kalkolu tar-riporti sar bl-istess mod bħal ma sar għas-sena tal-elezzjonijiet tal-2004, meta ġiet applikata r-regola tal-50% għaċ-ċifri miġbura f'daqqa għaż-żewġ perjodi ta' sitt xhur;

Is-segwitu mis-Segretarju Ġenerali għar-riżoluzzjoni ta' kwittanza tal-2008

67.  Jinnota b'sodisfazzjon il-kwalità tajba tat-tweġibiet bil-miktub għar-riżoluzzjoni ta' kwittanza tal-2008 provduti mill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit fid-19 ta' Novembru 2010; jiddispjaċih madankollu li ma kienx possibbli li jirċievi dawk it-tweġibiet qabel il-bidu tal-eżerċizzju ta' kwittanza tal-2009; jistenna li għall-eżerċizzju ta' kwittanza tal-2010 jkun jista' jseħħ skambju ta' opinjonijiet bejn is-Segretarju Ġenerali u l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit qabel l-aħħar ta' Ottubru 2011;

68.  Ifakkar fit-talba tiegħu, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Mejju 2010, li s-Segretarju Ġenerali jikkuntattja lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE biex jistabbilixxi bażi ta' data ċentrali għall-istudji li qed iwettqu u li dawn l-istudji jagħmilhom disponibbli wkoll għal konsultazzjoni mal-pubbliku b'mod ġenerali; iħeġġeġ lis-Segretarju Ġenerali tiegħu isegwi din it-talba, b'mod partikolari billi jipproponi lill-Kummissjoni li dik l-istituzzjoni tistabbilixxi bażi ta' data bħal din; jitlob li jiġi infurmat kif xieraq dwar din l-inizjattiva u jistenna, sadattant, li l-istudji mwettqa mill-Parlament jiġu ppubblikati bis-sħiħ fis-sit tal-Parlament;

69.  Jinnota b'sodisfazzjon li s-Segretarju Ġenerali bagħat ittri fejn fakkar lid-Diretturi Ġenerali biex jimplimentaw l-azzjonijiet kritiċi li kien hemm qbil dwarhom bejn l-Awditur Intern u s-servizzi tagħhom;

70.  Jinsab sodisfatt bl-azzjonijiet meħuda wara l-kritika tiegħu fir-riżoluzzjoni ta' kwittanza tiegħu tal-5 ta' Mejju 2010 rigward il-vakanzi tal-iskijjar organizzati mill-Kumitat tal-Persunal; ifakkar li skont ir-regoli l-ġodda, il-kontribut finanzjarju tal-Parlament jista' jingħata biss għat-tfal ta' uffiċjali fi gradi sa AST 4 u li s-sussidju issa jiddependi fuq in-numru ta' tfal(16) ;

Ir-rapport annwali tal-Awditur Intern

71.  Jilqa' l-fatt li, b'effett mill-1 ta' Settembru 2009, is-Servizz għall-Verifika Interna ngħaqad, għal finijiet amministrattivi, mas-Segretarju Ġenerali; jinnota b'sodisfazzjon li din il-bidla importanti hija konformi mal-istandards professjonali dwar l-indipendenza organizzattiva tas-Servizz għall-Verifika Interna u li ssaħħaħ kemm l-effikaċja tal-attività tal-verifika interna kif ukoll il-perċezzjoni tar-rwol indipendenti u oġġettiv tagħha mid-dipartimenti verifikati;

72.  Jinnota li, fil-laqgħa tal-kumitat kompetenti li saret fit-13 ta' Jannar 2011, l-Awditur Intern ippreżenta r-rapport annwali tiegħu u spjega li, fl-2009, wettaq il-ħidma ta' verifika li ġejja:

   verifiki tal-proċess tal-akkwist pubbliku fid-DĠ Presidenza, DĠ Infrastruttura u Loġistika u DĠ Finanzi kif ukoll segwitu tal-azzjonijiet ċentrali mir-Rapport ta' Verifika Interna Nru 05/02 adottat fil-31 ta' Marzu 2006;
   verifika tal-Politika tal-bini: Ippjanar, Valutazzjoni u Ġestjoni tal-Ħtiġijiet ta' Akkomodazzjoni;
   it-tieni segwitu tal-azzjonijiet li ma tlestewx mill-verifiki tal-kontijiet imprest, tal-inventarju u tal-ġestjoni baġitarja f'ċerti Uffiċċji tal-Informazzjoni;
   it-tielet segwitu għar-rieżami tal-Qafas ta' Kontroll Intern tal-Istituzzjoni;
   verifika tal-Proċess ta' Żvilupp tal-Applikazzjonijiet tal-IT; kif ukoll
   segwitu tar-rieżami tal-kontribuzzjonijiet għall-partiti politiċi fil-livell Ewropew u Rieżami Ġdid tal-fondazzjonijiet politiċi u tal-applikazzjoni tar-regoli dwar ir-riżervi u t-trasferiment tal-bilanċi pożittivi

73.  Jinnota u jappoġġa l-fehmiet espressi mill-Awditur Intern fir-rigward ta':

   il-ħtieġa ġenerali li jittejbu l-preparazzjoni u l-ippjanar tal-proċeduri ta' akkwist u l-valutazzjoni preċedenti tal-ħtiġijiet;
   il-fatt li, minkejja t-titjib fil-gwida u fl-appoġġ ċentrali għall-proċess tal-akkwist, u l-għodod utli u d-dokumenti standard li tfasslu, id-dipartimenti mhumiex qed jużawhom sistematikament;
   il-fatt li hemm ukoll ħtieġa urġenti ta' żvilupp tal-IT biex jappoġġa kemm il-proċess tal-akkwist kif ukoll il-ġestjoni tal-kuntratti;
   il-ħtieġa, bħala prerekwiżit għal kwalunkwe proġett tal-IT, li b'mod obbligatorju jiġi mmudellat il-proċess kummerċjali mid-dipartimenti utenti, xi ħaġa li tgħin ittejjeb l-effiċjenza u l-effikaċja tal-oqsfa ta' kontroll intern u l-proċessi tal-ġestjoni tar-riskji tad-dipartimenti;
   l-importanza tar-riskji assoċjati mad-dipendenza żejda fuq il-fornituri esterni ta' servizzi ta' konsulenza u ħila esperta teknika speċjalizzata;

74.  Huwa tal-fehma li r-rapporti ta' verifika interna għandhom ikunu disponibbli, b'kundizzjonijiet speċjali, għall-Membri tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit; iħeġġeġ lill-President ta' dan il-Kumitat jilħaq ftehim mas-Segretarju Ġenerali dwar dawn il-kundizzjonijiet;

Il-Maniġer tar-Riskji

75.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-Maniġer tar-Riskji beda fil-kariga fl-1 ta' Ġunju 2010 u jirrapporta direttament lis-Segretarju Ġenerali; jifhem li mhuwiex possibbli li s-servizz ikollu persunal sħiħ fl-2011 u li l-ewwel profil tar-riskji huwa mistenni li jiġi ppreżentat matul l-ewwel nofs tal-2011 u l-approċċ u l-istrateġija għall-ġestjoni tar-riskju se jiġu żviluppati taħt l-awtorità tas-Segretarju Ġenerali sas-sajf tal-2011; jistenna li l-kumitat kompetenti tiegħu jkun infurmat għalkollox bi kwalunkwe żvilupp u dokument strateġiku ġdid rigward il-ġestjoni tar-riskji tal-Parlament u li jingħata r-rapport annwali dwar l-attività tal-Maniġer tar-Riskji mill-eżerċizzju ta' kwittanza tal-2010;

76.  Huwa tal-fehma li, anke jekk m'hemmx riskju finanzjarju, il-Parlament għandu, kemm jista' jkun, jimmira li jevita riskji għar-reputazzjoni, li jidentifika riskji strateġiċi (b'mod partikolari fis-setturi tiegħu tal-IT u tal-bini), li jiżgura li tkun qed titħaddem sistema ta' ġestjoni tar-riskji effikaċi fil-livell ċentrali, bi proċedura miftiehma biex jiġu identifikati u vvalutati r-riskji, li jifformula u jirrapporta dwar ir-reazzjonijiet għal dawk ir-riskji u li jiggarantixxi lill-korpi tas-sorveljanza u tat-teħid tad-deċiżjonijiet li l-ġestjoni tar-riskji hija effikaċi u li r-reazzjonijiet kollha għar-riskji, inklużi l-kontrolli interni, jkunu xierqa;

77.  Iħeġġeġ lis-Segretarju Ġenerali jistabbilixxi, bl-għajnuna tal-Maniġer tar-Riskji, approċċ konsistenti li japplika fl-istituzzjoni kollha għall-identifikazzjoni u l-ġestjoni ta' karigi sensittivi;

IL-ĠESTJONI TAL-AMMINISTRAZZJONI TAL-PARLAMENT
DĠ Presidenza

78.  Jinnota l-ispiża għolja tal-miżuri biex jiġi evitat it-tfaqqigħ possibbli tal-influwenza H1N1 implimentati bejn Settembru 2009 u l-aħħar ta' Marzu 2010, li ammontaw għal madwar EUR 1 261 000; jenfasizza l-bżonn li jiġi evalwat l-għadd ta' persuni li jistgħu jitolbu t-titqiba qabel jinxtraw it-titqibiet fil-ġejjieni;

DĠ Politiki Interni (IPOL) u DĠ Politiki Esterni (EXPO)

79.  Jindika l-ispiża tad-delegazzjonijiet parlamentari (DĠ EXPO) fl-2009 li ammontaw għal madwar EUR 4 301 000;

80.  Jenfasizza l-importanza fundamentali tal-ġestjoni tal-għarfien speċifiku, b'mod partikolari fil-ħidma tal-kumitati, u l-ħtieġa ta' għarfien permanenti u aġġornat fl-oqsma tal-operat; ifakkar fin-numru għoli ta' Membri eletti għall-ewwel darba f'mandati parlamentari riċenti; jitlob lill-Bureau jirrifletti dwar il-possibilità li jipprovdi aktar informazzjoni u taħriġ speċifiċi għall-Membri inklużi miżuri speċifiċi għat-18-il Membru ġdid(17) u għall-osservaturi futuri mill-Kroazja;

81.  Jilqa' t-twaqqif ta' sistema ta' appoġġ għas-sigurtà tad-delegazzjonijiet barra mit-tliet postijiet ta' ħidma li l-objettiv ewlieni tagħhom huwa li jfornu lill-ġerarkija tal-Parlament bl-informazzjoni kollha rilevanti meħtieġa biex tingħata għajnuna lill-membri tad-delegazzjonijiet f'każ ta' sitwazzjoni ta' emerġenza; jenfasizza l-importanza tal-linja telefonika disponibbli 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa, tal-kariga tal-Uffiċjal ta' Għassa tal-Unità tas-Sigurtà u tat-taħriġ xieraq tas-sigurtà u s-sessjonijiet ta' informazzjoni dwar is-sigurtà, kif ukoll tal-ħolqien ta' ċellola futura għall-kriżijiet; jixtieq li jkun infurmat dwar l-ispiża totali ta' din l-operazzjoni;

DĠ Komunikazzjoni

82.  Jinnota li r-riżorsi umani disponibbli għad-DĠ Komunikazzjoni kienu magħmula minn 722 kariga fil-31 ta' Diċembru 2009 u l-approprjazzjonijiet finali ġestiti kienu jammontaw għal EUR 80 935 000; jitlob li jeżamina n-numru ta' karigi u fejn jinsabu u jagħti spjegazzjoni dettaljata tal-ħtieġa sottostanti ta' dawn il-karigi b'analiżi tal-effett u r-riżultati mid-DĠ Komunikazzjoni;

83.  Jistaqsi jekk id-DĠ jeħtieġx “Unità għall-Ġestjoni Strateġika u tal-Prestazzjoni”, kif ukoll “Unità Politika” u “Unità tar-Riżorsi”; jitlob li s-Segretarju Ġenerali jirrevedi dawn l-istrutturi u jqis jekk il-ħolqien ta' unità bħal din jistax jitqies bħala l-bidu ta' proċess ta' twaqqif ta' “kabinetti” kbar u inutli għad-Diretturi Ġenerali;

84.  Jinnota li l-parti l-kbira tal-kapijiet tal-uffiċċji tal-informazzjoni tal-Parlament kitbu ittra konġunta fejn urew dubji dwar aspetti tal-ġestjoni baġitarja tad-DĠ, u jitlob lis-Segretarju Ġenerali jistħarreġ is-sitwazzjoni u jaċċerta ruħu jekk il-ħolqien ta' unitajiet ċentrali fid-DĠ, bħall-“Unità għall-Ġestjoni Strateġika u tal-Prestazzjoni” u l-“Unità Politika” humiex qed ineħħu lill-persunal minn attivitajiet prominenti, bħall-ġestjoni baġitarja, b'detriment f'termini ta' effikaċja tad-DĠ;

85.  Jinsisti li fil-linja baġitarja 32042, l-attivitajiet speċifiċi u l-ispejjeż assoċjati tagħhom għandhom ikunu dettaljati biċ-ċar u bi trasparenza;

Iċ-ċentru tal-viżitaturi

86.  Jiddeplora d-dewmien twil ħafna fil-ftuħ taċ-Ċentru għall-Viżitaturi (oriġinarjament previst għall-elezzjonijiet Ewropej tal-2009) u l-ippjanar fqir u l-appoġġ insuffiċjenti fil-fażi tal-bidu mill-amministrazzjoni; jinnota d-data tal-ftuħ li attwalment hija prevista għal Ottubru-Novembru 2011; itenni t-talba tiegħu għal spjegazzjoni dettaljata tar-raġunijiet speċifiċi, inkluża analiżi dettaljata tal-proċeduri ta' akkwist, għal dewmien konsiderevoli bħal dan u ż-żieda preċiża fil-kost tal-proġett;

87.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata konnessjoni faċli (kuritur) għal gruppi ta' viżitaturi bejn iċ-Ċentru għall-Viżitaturi, l-Emiċiklu u d-Dar futura tal-Istorja Ewropea; jitlob lis-Segretarju Ġenerali jipprovdi lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, sat-30 ta' Settembru 2011, bi pjanijiet konkreti biex titwettaq konnessjoni bħal din, bi stima tal-ispejjeż massimi involuti;

Dar tal-Istorja Ewropea

88.  Jiddispjaċih li d-deċiżjonijiet fir-rigward tad-Dar tal-Istorja Ewropea ttieħdu biss mill-Bureau tal-Parlament; jitlob li jiġu inklużi l-kumitati rilevanti tal-Parlament f'deċiżjonijiet ulterjuri dwar il-kunċett tad-Dar tal-Istorja Ewropea; iħeġġeġ id-diskussjoni dwar il-possibilità li jkun hemm wirjiet fid-diversi postijiet madwar l-Ewropa fl-ewwel fażi; jitlob li jiġi żviluppat il-kunċett tad-Dar tal-Istorja Ewropea bħala korp legali separat u indipendenti bl-iċken impatt possibbli fuq il-baġit amministrattiv tal-Parlament;

89.  Jixtieq ikun infurmat dwar l-ispiża totali tad-Dar tal-Istorja Ewropea u jitlob lis-Segretarju Ġenerali biex jipprovdi informazzjoni dwar liema miżuri se jittieħdu biex tiġi ffaċċjata ż-żieda kbira mistennija fl-għadd ta' viżitaturi għaż-żewġ proġetti f'termini ta' spazju għall-parking (xarabanks, karozzi) u aċċess faċli għall-Esplanade (la Dalle);

Il-gruppi ta' viżitaturi

90.  Ifakkar li l-ispejjeż ta' żjara ta' grupp sponsorjata għandhom jiġu rimborżati lill-mexxej tal-grupp u li għandu jitwettaq studju mill-Parlament biex jiġi eżaminat jekk is-sistema ta' rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar li jġarrbu gruppi uffiċjali ta' viżitaturi hijiex adegwata fid-dawl tal-punti ta' tluq differenti tagħhom u d-destinazzjonijiet għaż-żjarat tagħhom;

EuroparlTV

91.  Jiddeplora l-fatt li EuroparlTV ma jistax jitqies storja ta' suċċess meta jitqies in-numru baxx ħafna ta' utenti diretti individwali tiegħu(18) (esklużi l-ispettaturi permezz ta' ftehimiet ta' sħubija ma' stazzjonijiet tat-TV reġjonali) minkejja l-approprjazzjonijiet annwali konsiderevoli li jirċievi, li jammontaw għal madwar EUR 9 000 000; jitlob għalhekk li ssir valutazzjoni tar-rabta bejn l-ispejjeż u l-benefiċċji tal-EuroparlTV bl-għan li jsir tifdil f'dan il-qasam;

Premjijiet

92.  Josserva li, fl-aħħar ftit snin, il-Parlament żied ħafna n-numru tal-premjijiet tiegħu u l-baġit għalihom(19) ; jesprimi dubji dwar kemm dawk il-premjijiet jirrappreżentaw il-kompetenzi ewlenin tal-Parlament u l-kompiti li jirriżultaw mill-prerogattivi leġislattivi, baġitarji u ta' kontroll baġitarju tiegħu bl-aħjar mod; jistieden lill-Bureau tiegħu biex joqgħod lura milli jibda l-finanzjament ta' premjijiet ġodda u jħejji rieżami tal-iskemi ta' premjijiet eżistenti;

93.  Jiddeplora l-fatt li, minkejja l-opinjoni tiegħu, espressa fir-riżoluzzjoni tiegħu(20) , li l-Premju għall-Ġurnaliżmu mhuwiex xieraq, peress li l-Parlament ma għandux jagħti premji lil ġurnalisti li l-kompitu tagħhom huwa li jeżaminaw l-istituzzjonijiet tal-UE u l-ħidma tagħhom b'mod kritiku, id-DĠ COMM diġà nieda l-proċedura għall-premju tal-2011; jitlob li l-premju għall-2012 jitħassar;

94.  Jitlob li l-ispejjeż kollha relatati b'mod dirett u indirett mal-premjijiet tal-Parlament Ewropew jiġu ppreżentati b'mod miftuħ u trasparenti;

Kampanja tal-elezzjoni tal-2009

95.  Jinnota bi tħassib it-tnaqqis globali fil-parteċipazzjoni għal 43.2% fl-Elezzjonijiet Ewropej tal-2009, minkejja l-isforzi konsiderevoli li saru biex tissaħħaħ il-kampanja elettorali istituzzjonali tal-Parlament, li swiet madwar EUR 5 676 000;

Uffiċċju ta' Kollegament ta' Washington

96.  Jinnota li l-ispiża totali biex jitwaqqaf Uffiċċju ta' Kollegament Kongressjonali tal-Parlament Ewropew f'Washington fl-2009 u fl-2010 hija stmata li hi madwar USD 400 000 fis-sena riżultat ta' arranġament amministrattiv mal-Kummissjoni; jinnota li t-twaqqif tal-Uffiċċju ma involviex il-ħolqien ta' karigi ġodda, peress li l-karigi kienu r-riżultat ta' trasferimenti, missjonijiet għal perjodi twal ta' żmien u sistema ta' missjonijiet għal sena; huwa mħasseb dwar l-ispiża futura possibbli u jitlob li l-kumitati kompetenti tiegħu jiġu infurmati regolarment u kif xieraq dwar kwalunkwe pjan futur li jkollu implikazzjoni finanzjarja sinifikanti fir-rigward ta' dan l-Uffiċċju;

L-uffiċċji ta' informazzjoni

97.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' informazzjoni kostanti u mqassma b'mod ugwali fost iċ-ċittadini Ewropej; jenfasizza għalhekk l-importanza ta' postijiet ibbilanċjati sew fir-rigward ta' fejn ikunu jinsabu l-uffiċċji tal-informazzjoni tiegħu;

DĠ Persunal

98.  Jinnota li l-livell ta' impenji pendenti (ftit inqas minn EUR 6 000 000 jew 1.4%) għall-Partita 1 2 0 0 (Remunerazzjoni u allowances) jista' jiġi spjegat bid-deċiżjoni meħuda mill-Kunsill f'Diċembru 2009 li jagħti aġġustament annwali għas-salarji ta' 1.85% biss, filwaqt li l-baġit kien ġie rivedut fuq il-bażi taċ-ċifra ta' 3.7% kif indikat u propost mill-Kummissjoni;

99.  Jinnota li, wara l-introduzzjoni tar-regoli l-ġodda li jirregolaw l-assistenti parlamentari akkreditati, id-DĠ Persunal kellu jittratta 1770 kuntratt ġdid konkluż skont ir-regoli l-ġodda, bil-parti l-kbira tax-xogħol tkun ikkonċentrata fl-2009; josserva li, f'termini globali, din l-operazzjoni tista' tingħad li kienet suċċess;

100.  Jiddeplora l-fatt li l-impjegar ta' membri tal-familja bħala assistenti għadu permess bid-derogi għall-Istatut għall-Membri adotatti mill-Bureau fil-laqgħa tiegħu tat-23 ta' Novembru 2009; iħeġġeġ lill-amministrazzjoni tevalwa bir-reqqa l-ġustifikazzjoni għall-każijiet li fadal ta' impjieg bħal dan; jitlob lis-Segretarju Ġenerali jqis jekk għandux ikun hemm regoli speċifiċi li jipprevjenu lill-Membri milli jimpjegaw lill-membri familjari ta' xulxin bħala assistenti;

101.  Jinnota l-preżenza sinifikanti minn ta' ċittadini Stat Membru wieħed partikolari (13.5%, l-ogħla fost in-nazzjonalitajiet kollha) fis-Segretarjat Ġenerali tal-Parlament; ifakkar li s-Segretarjat Ġenerali għandu jservi Membri mill-Istati Membri kollha b'mod egwali u li l-persunal għandu jirrifletti dan aħjar;

Missjonijiet għat-tliet postijiet ta' ħidma

102.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu razzjonalizzati iktar il-missjonijiet bejn it-tliet postijiet ta' ħidma u li jiġu ġġustifikati u mmoniterjati aħjar biex jiġu evitati missjonijiet u spejjeż żejda, u b'mod partikolari jitqiesu r-riżultati li dalwaqt se jinkisbu mill-kontrolli tas-Servizz ta' Verifika Interna fil-qasam tal-assistenza parlamentari; jitlob lis-Segretarju Ġenerali jirrapporta, bħala parti mill-proċedura ta' kwittanza, dwar l-ammont totali ta' tifdil li sar bħala riżultat ta' razzjonalizzazzjoni ulterjuri;

DĠ Infrastruttura u Loġistika (DĠ INLO)

103.  Jesprimi t-tħassib tiegħu rigward il-każ tal-fatturazzjoni irregolari fejn ma jkun hemm ebda evidenza ta' intenzjoni frawdulenti, peress li juri n-nuqqas tas-sistema ta' kontroll intern ta' DĠ INLO li twaqqaf każijiet bħal dawn milli jseħħu; itenni t-talba tiegħu lil DĠ INLO biex jimplimenta skrupulożament il-pjan ta' azzjoni li kien hemm qbil dwaru mal-Awditur Intern;

It-trasport tal-Membri

104.  Josserva li l-ispiża tas-servizz uffiċjali tal-karozzi tal-Parlament ammonta għal EUR 1 272 932 fi Strasburgu u EUR 2 352 756 fi Brussell; jinnota wkoll li l-Parlament iffirma kuntratt ġdid għas-servizz uffiċjali tal-karozzi b'valur stmat totali ta' EUR 5 250 000 (fuq erba' snin);

105.  Jistieden lill-Bureau jeżamina r-regoli għall-utenti ta' karozzi tas-servizz, sabiex tintemm il-prattika attwali li dawn il-karozzi jintbagħtu vojta minn post għall-ieħor fuq distanzi twal għas-sempliċi skop li jservu għal missjonijiet b'distanzi qosra (minn ajruporti għal destinazzjonijiet finali fil-belt u lura); jenfasizza l-ispejjeż imġarrba għal prattiki bħal dawn; iħeġġeġ lill-Bureau tiegħu jsib alternattivi li joħolqu inqas spejjeż sabiex min iħallas it-taxxi jingħata l-aħjar valur għal flusu;

Kantins u ristoranti

106.  Huwa tal-opinjoni li s-servizzi li mhumiex meħtieġa b'rabta mal-attivitajiet tal-Istituzzjoni iżda li għandhom jiġu pprovduti fil-bini tal-Parlament minn kumpaniji li jagħmlu l-qligħ għandhom jappoġġaw lilhom infushom ekonomikament u ma għandhomx jiġu ffinanzjati direttament jew indirettament b'sussidji mill-baġit tal-Parlament u kull eċċezzjoni għall-ispejjeż imputati għandha tintwera separatament fil-baġit u għandha tiġi ġustifikata kif xieraq;

107.  Jemmen li, b'varjetà tant wiesgħa ta' postijiet disponibbli fil-bini tal-Parlament għal kantins, bars u ħwienet, varjetà ta' ħwienet tal-ikel kompetittivi, inklużi kumpaniji magħrufa (ħwienet tal-kafè, tal-bejgħ tal-panini, ristoranti eċċ.), jekk jitħallew jiftħu fi ħdan il-Parlament, ikunu jistgħu joffru servizz aħjar għall-persunal; jitlob li jitħejja pjan biex jiġi indikat kif id-diversi faċilitajiet tal-ikel jistgħu jiġu offruti b'mod separat għal sejħiet għal offerti meta jintemmu l-arranġamenti kuntrattwali attwali;

108.  Jitlob informazzjoni supplimentari rigward l-operazzjoni tas-settur tal-kantins u tar-ristoranti, b'mod partikolari rigward ir-relazzjoni bejn is-sussidju annwali u s-sitwazzjoni tal-profitt u tat-telf;

DĠ Traduzzjoni u DĠ Interpretazzjoni u Konferenzi

109.  Jenfasizza li, filwaqt li jinżamm standard għoli ta' ħidma, huwa neċessarju wkoll li jintlaħaq użu aktar effiċjenti tar-riżorsi lingwistiċi u li jiġu kkontrollati l-ispejjeż tagħhom billi jitqies l-ammont ta' xogħol għal kull taqsima lingwistika u billi jiġi żgurat li jitnaqqsu l-ispejjeż iġġenerati bit-tħassir tard ta' talbiet għal laqgħat, żjarat ta' delegazzjonijiet b'interpretazzjoni u n-nuqqas ta' rispett ta' skadenzi għat-traduzzjoni stipulati fil-Kodiċi ta' Kondotta; jinsisti li l-kumitati, id-delegazzjonijiet u l-gruppi politiċi li jinjoraw b'mod persistenti l-iskadenzi stabbiliti fil-Kodiċi ta' Kondotta għandhom josservawhom aktar strettament;

110.  Iqis li l-esternalizzazzjoni tat-traduzzjoni tista' twassal għal iffrankar importanti ta' spejjeż, iżda għandhom isiru sforzi biex tiżdied il-kwalità tat-traduzzjonijiet esterni; jappoġġa żieda fl-użu tal-bażi ta' data Euramis, komuni għall-istituzzjonijiet kollha tal-UE, u żviluppi teknoloġiċi oħra fil-qasam tat-traduzzjoni (bħas-sistema unika integrata tad-DocEP u l-Euramis/memorji tat-traduzzjoni) li għandhom l-għan li jevitaw traduzzjonijiet doppji u li jnaqqsu l-ispiża tat-traduzzjoni; jenfasizza, madankollu, li l-ebda sistema ta' traduzzjoni kompjuterizzata ma tista' tissostitwixxi għalkollox it-tradutturi;

111.  Huwa mħasseb dwar in-nuqqas ta' disponibilità ta' riżorsi umani f'ċerti lingwi u mill-fatt li r-reklutaġġ ta' interpreti u tradutturi ġodda jista' jiġi pperikolat minn nuqqas ta' kurrikula universitarji f'xi Stati Membri; jenfasizza wkoll il-problema futura tal-bidla imminenti fil-ġenerazzjoni għall-interpreti/tradutturi lingwistiċi tal-UE-15, li numru kbir minnhom huma mistennija jirtiraw fil-perjodu ta' bejn il-5 u l-10 snin li ġejjin;

112.  Jesprimi l-apprezzament kbir tiegħu fir-rigward tal-kwalità għolja tas-servizzi tal-interpretazzjoni tal-Parlament, iżda jiddispjaċih dwar sitwazzjonijiet li fihom tiġi offruta interpretazzjoni f'ċerti lingwi mingħajr ma tintuża; jenfasizza l-bżonn ta' miżuri għat-tnaqqis fl-ispejjeż ta' interpretazzjoni mhux meħtieġa f'laqgħat u jitlob għalhekk li tiġi żviluppata u implimentata b'mod urġenti sistema li tevita d-disponibilità ta' interpretazzjoni f'lingwi li fil-prattika mhumiex mitkellma f'laqgħa partikolari;

113.  Jissuġġerixxi li sistema bħal din, pereżempju, tista' tipprovdi li, matul laqgħat ta' gruppijiet ta' ħidma, tkun disponibbli b'mod awtomatiku interpretazzjoni fl-ikbar sitt lingwi uffiċjali (FR, DE, EN, PL, ES, IT), filwaqt li l-interpretazzjoni f'lingwi uffiċjali oħra tkun biss disponibbli fuq talba minn Membru permezz ta' notifika speċjali tal-preżenza tiegħu/tagħha bil-quddiem, u b'hekk jiġi garantit id-dritt tal-Membru li jitkellem il-lingwa tiegħu jekk ikun jixtieq, filwaqt li jiġu evitati spejjeż żejda ta' interpretazzjoni;

DĠ Finanzi

114.  Jinnota bi tħassib id-dgħufijiet fil-proċedura ta' akkwist fid-DĠ Finanzi identifikati mill-Awditur Intern matul il-verifika tal-proċess ta' akkwist, skont liema verifika, fil-każ tal-akkwist tas-servizzi bankarji, nuqqas ta' valutazzjoni preċedenti tal-ħtiġijiet wassal għal problemi bl-ispeċifikazzjonijiet tas-sejħa għall-offerti u indika wkoll riskji sostanzjali, għalkemm il-verifika wriet ukoll li l-arranġamenti attwali pprevedew livelli xierqa ta' ħarsien kontra riskji ewlenin; jenfasizza l-ħtieġa urġenti li tittejjeb l-operazzjoni tal-kontrolli biex jindirizzaw ir-riskji identifikati b'mod aktar effikaċi;

115.  Huwa tal-fehma li s-servizzi u l-proċeduri tad-DĠ Finanzi għandhom jiġu simplifikati u razzjonalizzati sabiex titħaffef il-ġestjoni tal-fatturi minn assistenti lokali bbażati fl-Istati Membri u biex jitnaqqsu l-kjuws u l-proċeduri burokratiċi; huwa tal-fehma li d-DĠ Finanzi għandu jipprovdi informazzjoni elettronika iktar malajr lill-Membri fir-rigward tal-fondi li jkun baqa' disponibbli; huwa wkoll tal-fehma li d-DĠ Finanzi għandu jorganizza korsijiet ta' taħriġ għall-persunal tal-Membri b'rabta mal-proċeduri; għal dawn ir-raġunijiet huwa tal-fehma li d-DĠ Finanzi għandu jelabora pjan ta' azzjoni sa mhux iktar tard mit-30 ta' Settembru 2011;

116.  Jinnota b'sodisfazzjon li, fl-2009, l-approprjazzjonijiet għall-pensjonijiet għall-MEPs iddaħħlu fil-baġit għall-ewwel darba;

L-Aġenzija tal-Ivvjaġġar

117.  Jenfasizza l-importanza li tiġi żgurata kontinwità kummerċjali fil-każ ta' falliment jew tat-tmiem ta' kuntratt ta' aġenzija tal-ivvjaġġar; jistenna li tiddaħħal il-fatturazzjoni elettronika, xi ħaġa li għandha twassal għal simplifikazzjoni u ffrankar ta' spejjeż importanti;

118.  Jinnota li l-Parlament għandu kuntratt ma' aġenzija waħda tal-ivvjaġġar u jara ċertu riskju li sitwazzjoni monopolistika bħal din taf tipprevjeni lill-Membri u lill-Parlament milli jiksbu l-aqwa prezzijiet disponibbli; jesiġi eżami tal-mezzi li tuża l-aġenzija tal-ivvjaġġar biex tikseb biljetti li jiġu offruti lill-Membri u lill-assistenti li jivvjaġġaw fuq missjonijiet jew lil Membri li jivvjaġġaw bejn il-postijiet tax-xogħol, filwaqt li jinnota li l-biljetti mogħtija mhux dejjem ikunu l-irħas fis-suq għal klassi speċifika ta' biljetti;

119.  Jitlob lid-DĠ Finanzi biex jirrapporta dwar l-iżvilupp tal-prezzijiet li jitolbu kuntratturi ġodda kif ukoll dwar ilmenti b'rabta mat-tranżizzjoni minn Carlsonwagonlit għal BCD fir-rapport tiegħu dwar l-attivitajiet għall-2010; ma jaqbilx maż-żieda fil-persunal u mal-ħlasijiet addizzjonali ta' EUR 34 000 għall-2010, ftit wara li ġie konkluż il-kuntratt f'Diċembru 2009; jirrikjedi li f'kuntratti futuri jiġu inklużi inċentivi għall-garanzija tal-irħas prezz tal-biljetti;

120.  Jistieden lis-Segretarju Ġenerali biex jitlob li jsir studju dwar it-tnaqqis tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar għall-Membri u l-persunal, billi pereżempju titqies il-possibilità ta' reservazzjonijiet raggruppati annwali ma' kumpaniji tal-ajru minflok reservazzjonijiet individwali u xiri ta' biljetti jew l-użu ta' proċeduri ta' sejħiet għal offerti għal kuntratti annwali ta' titjiriet; jitlob ukoll li jkun hemm sistema għall-iżvilupp tal-użu tal-mili mfaddla fuq titjiriet rimborżati mill-Parlament biex jitnaqqsu l-ispejjeż ulterjorment;

DĠ Innovazzjoni u Appoġġ Teknoloġiku

121.  Jinnota d-deċiżjonijiet tal-Bureau tas-17 ta' Ġunju 2009 u tat-18 ta' Ottubru 2010 li jiġu estiżi ż-żoni ta' aċċess għan-netwerk mingħajr fili (Wi-Fi) fil-Parlament Ewropew biex ikunu koperti l-kamra, il-kmamar tal-kumitati, l-uffiċċji tal-Membri u l-ispazji pubbliċi kemm fi Brussell kif ukoll fi Strasburgu;

122.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' aktar għodod tal-IT li jkunu aħjar biex jappoġġaw il-proċess ta' akkwist; jilqa' f'dan il-kuntest it-tnedija minn DĠ ITEC fl-20 ta' Diċembru 2010 tal-verżjoni 2.3 ta' WebContracts, li timmaniġġja l-kuntratti ta' qafas, forom ta' ordnijiet speċifiċi u kuntratti speċifiċi għal servizzi konnessi ma' kuntratt ta' qafas;

123.  Jitlob lis-Segretarju Ġenerali jipprovdi lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit b'nota dwar il-kalendarju previst għall-implimentazzjoni tas-Sistema ta' Ġestjoni tal-Għarfien kif ukoll dwar l-iffrankar li huwa previst li se jirriżulta mir-razzjonalizzazzjoni tas-sorsi ta' informazzjoni sal-15 ta' Lulju 2011;

124.  Jinnota b'sodisfazzjon it-tnaqqis konsiderevoli (49%, minn 8690 għal 4446) matul l-2010 ta' oġġetti tal-IT fl-istokk (printers, kompjuters personali, kompjuters portabbli, skrins, eċċ.) fid-DĠ differenti; jitlob, madankollu, aktar tnaqqis ta' dan l-istokk li għadu kbir, li jirrappreżenta wkoll valur residwu konsiderevoli (madwar EUR 880 000); iqis li l-ħolqien ta' post ċentrali ta' ħżin għall-printers, il-magni tal-fax u l-kompjuters personali għandu jiġi kkunsidrat serjament;

Gruppi politiċi (partita baġitarja 4 0 0 0 )

125.  Jinnota li fl-2009 l-approprjazzjonijiet imdaħħla fil-partita baġitarja 4 0 0 0 intużaw kif ġej:

Grupp

L-ewwel nofs tas-sena tal-2009

It-tieni nofs tas-sena tal-2009

Approprjazzjonijiet annwali*

Riżorsi proprji u approprjazzjonijiet trasferiti

Infiq

Rata ta' utilizzazzjoni tal-approprjazzjonijiet annwali

Ammonti trasferiti għall-perjodu ta' wara

Approprjazzjonijiet annwali

Riżorsi proprji u approprjazzjonijiet trasferiti

Infiq

Rata ta' utilizzazzjoni tal-approprjazzjonijiet annwali

Ammonti trasferiti għall-perjodu ta' wara

EPP (li qabel kien EPP-ED)

9.929

7.762

15.078

152%

2.613

9.786

2.633

10.237

105%

2.182

S&D (li qabel kien PSE)

7.357

6.936

9.857

134%

4.436

6.877

4.499

6.893

100%

4.483

ALDE

3.382

3.034

4.750

140%

1.667

3.058

1.698

2.578

84%

2.178

Greens/EFA

1.453

1.049

1.953

134%

548

1.907

554

1.282

67%

1.179

GUE/NGL

1.432

1.484

1.649

115%

1.267

1.240

1.270

1.453

117%

1.057

UEN

1.417

1.251

2.473

174%

195

-

201

79

-

-

IND/DEM

775

586

925

119%

436

-

437

123

-

-

ECR

-

-

-

-

-

1.788

3

1.415

79%

376

EFD

-

-

-

-

-

1.113

1

701

63%

413

Membri mhux affiljati

601

349

512

85%

204

568

204

414

73%

248

Total

26.348

22.450

37.196

141%

11.367

26.338

11.500

25.177

96%

12.116

(*) l-ammonti kollha huma f'eluf ta' EUR
Il-Partiti Politiċi Ewropej u l-Fondazzjonijiet Politiċi Ewropej

126.  Jinnota li fl-2009 l-approprjazzjonijiet imdaħħla fil-partiti baġitarji 4 0 2 0 u 4 0 3 0 intużaw kif ġej:

Partit

Taqsira

Riżorsi Proprji*

Għotja tal-PE

Dħul totali

Għotja tal-PE bħala % tal-infiq eleġibbli (massimu 85%)

Bilanċ pożittiv (trasferiment għar-riżervi) jew telf tad-dħul

Partit Popolari Ewropew

EPP

1.486

3.486

4.971

68%

-303

Partit tas-Soċjalisti Ewropej

PES

913

3.100

4.013

77%

-71

Partit Ewropew tal-Liberali, Demokratiċi u Riformisti

ELDR

377

1.179

1.556

79%

10

Partit Ewropew tal-Ħodor

EGP

568

644

1.211

60%

129

Partit tax-Xellug Ewropew

EL

165

562

728

76%

-16

Alleanza tal-Ewropa tan-Nazzjonijiet

AEN

68

385

453

85%

0

Partit Demokratiku Ewropew

EDP/PDE

58

249

307

85%

6

Alleanza Ewropea Ħielsa

EFA

67

227

294

72%

-21

Demokratiċi tal-UE

EUD

139

217

356

85%

36

Total

3.841

10.048

13.890

73%

-230

(*) l-ammonti kollha huma f'eluf ta' EUR

127.  Jappoġġa l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Awditur Intern fir-Rapport ta' Verifika tiegħu Nru 09/10 (“segwitu għar-rieżami tal-kontribuzzjonijiet għall-partiti politiċi fil-livell Ewropew u rieżami ġdid tal-Fondazzjonijiet Politiċi Ewropej u tar-regoli dwar ir-riżervi u t-trasferimenti ta' bilanċi pożittivi”) u jħeġġeġ lis-servizzi rilevanti biex jimplimentaw is-27 azzjoni rikjesta u, b'mod partikolari, l-azzjonijiet kritiċi, rigward:

   l-introduzzjoni ta' struttura ta' mudell obbligatorju għar-rappurtar tal-implimentazzjoni tal-attivitajiet tal-Partiti Politiċi Ewropej u tal-infiq eliġibbli relatat (żewġ azzjonijiet kritiċi) biex ikun hemm għodod adegwati biex tiġi vvalutata l-eliġibilità tal-attivitajiet u/jew tal-kostijiet;
   l-applikazzjoni korretta tar-regoli dwar il-kontribuzzjonijiet in natura;
   it-twettiq ta' kontrolli ex post fil-post, abbażi tal-valutazzjoni tar-riskji;
   l-istruttura ta' mudell obbligatorju anke għall-fondazzjonijiet;
   l-istabbiliment ta' kriterji għall-aċċettazzjoni ta' kontribuzzjonijiet in natura;

128.  Jilqa' f'dan il-kuntest l-istabbiliment ta' grupp ta' ħidma intern bil-kompitu li jeżamina l-miżuri prattiċi li għandhom jitwettqu minn DĠ Finanzi;

129.  Jenfasizza, barra minn hekk, il-ħtieġa li l-partiti u l-fondazzjonijiet ikollhom sistema ta' verifika esterna standard minflok l-għażla ħielsa li hemm bħalissa fil-ħatra ta' awdituri esterni, kif ukoll il-ħtieġa li l-amministrazzjoni tal-Parlament tapplika strettament ir-regoli tal-kontabilità b'mod partikolari rigward il-kontribuzzjonijiet in natura, it-trasferimenti u r-riżervi; jilqa' għalhekk id-deċiżjoni reċenti mill-Bureau li l-Parlament jipprovdi u jħallas awditur estern għall-partiti u l-fondazzjonijiet;

Fond ta' Pensjoni Volontarja

130.  Jinnota li, fil-laqgħa tiegħu tal-1 ta' April 2009, il-Bureau ddeċieda inter alia li l-Parlament kien se jassumi r-responsabilità legali tiegħu li jiggarantixxi d-dritt tal-membri tal-Iskema għal pensjoni addizzjonali; jilqa' l-fatt li:

   i) l-għażla li wieħed jieħu pensjoni mnaqqsa mill-età ta' 50 sena u l-għażla li wieħed jirċievi somma ta' flus ekwivalenti għal 25% tad-drittijiet tal-pensjoni ġiet abolita biex tittjjeb il-likwidità tal-Fond u jiġi evitat l-eżawriment prematur tal-kapital;
   ii) l-età tal-irtirar għall-Iskema żdiedet minn 60 għal 63;
   iii) il-maniġers tal-Fond ġew mistiedna jadottaw strateġija ta' investiment aktar prudenti u bbilanċjata u jevitaw li jesponu l-Fond għal riskji ta' fluttwazzjoni fir-rati tal-iskambju;

131.  Josserva li d-defiċit attwarju kbir fl-aħħar tal-2008 (madwar EUR 120 000 000) tnaqqas ħafna (għalkemm kien għadu madwar EUR 84 500 000 fil-31 ta' Diċembru 2009) grazzi għal titjib fis-swieq; jenfasizza, madankollu, li għandu jsir studju attwarju ġdid sabiex jiġi vvalutat l-impatt tad-deċiżjonijiet meħuda mill-Bureau dwar il-miżuri applikabbli għall-membri tal-iskema;

132.  Huwa tal-fehma li s-Segretarju Ġenerali għandu jipprovdi lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit b'nota li tiċċara r-rwol tal-Parlament fil-ġestjoni u s-superviżjoni tal-assi tal-Fond; ifakkar li skont l-estimi tal-Fond ta' Pensjoni, anke wara l-implimentazzjoni tal-miżuri restrittivi adottati fl-2009 rigward il-ħlas tal-intitolamenti, il-Fond se jkollu defiċit attwarju konsiderevoli u se jeżawrixxi l-assi tiegħu bejn l-2020 u l-2025; huwa tal-fehma li dan id-defiċit m'għandux jitħallas mill-flus ta' min iħallas it-taxxi, iżda mill-Fond innifsu;

Il-postijiet ta' ħidma

133.  Jieħu nota tar-restrizzjonijiet baġitarji li qed jiffaċċjaw bosta Stati Membri bħala riżultat tal-kriżi finanzjarja u ekonomika u l-bżonn li jiġi rieżaminat b'mod kritiku l-iffrankar potenzjali fil-livelli kollha, inkluż fil-livell tal-Unjoni; fid-dawl ta' din is-sitwazzjoni, jenfasizza li jista' jintlaħaq iffrankar reali li kieku l-Parlament kellu post tax-xogħol wieħed biss f'post wieħed;

Parlament aħdar

134.  Itenni t-talba tiegħu li l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit jingħata kopja tar-rapport annwali tal-EMAS;

135.  Jitlob li l-amministrazzjoni tħaffef l-azzjonijiet biex jitnaqqas b'mod radikali l-konsum tal-karti fil-Kamra; huwa tal-fehma li l-użu sħiħ ta' tagħmir elettroniku huwa ta' importanza fundamentali biex jiġi evitat li jkun hemm “il fuq minn 1000 tunnellata karti fi skart kull sena; huwa wkoll tal-fehma li l-Membri għandhom jingħataw l-opportunità jindikaw jekk ikunux iridu dokumenti stampati jew le;

136.  Iqis li l-emissjonijiet tat-trasport jikkontribwixxu l-ikbar sehem tal-marka tal-karbonju tal-Parlament, li skont il-pjan ta' azzjoni tiegħu b'rabta mas-CO2 , biħsiebu jnaqqasha bi 30% sal-2020; iħeġġeġ għalhekk it-teħid ta' miżuri adegwati biex titnaqqas il-marka tal-karbonju; jilqa' studju dwar it-tpattija f'dan ir-rigward; jistieden lis-servizzi responsabbli tal-Parlament biex jipprovdu b'mod sistematiku informazzjoni dwar l-emissjonijiet ikkawżati minn mezzi differenti ta' trasport meta jkunu qed isiru r-reservazzjonijiet;

137.  Jilqa' l-proposta biex jiġu installati funtani ta' ilma tal-vit fil-kmamar kollha tal-laqgħat tal-Parlament biex b'hekk isir tifdil ta' riżorsi, kif adottata mill-Bureau fil-Pjan ta' Azzjoni b'rabta mas-CO2 fi Frar 2009;

138.  Jistieden lis-servizzi responsabbli tal-Parlament jippreżentaw miżuri biex tiżdied l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fil-bini tal-Parlament, speċjalment fir-rigward tat-twaħħil ta' uċuħ u briġis tal-ħġieġ;

139.  Iħeġġeġ lill-amministrazzjoni tal-Parlament biex tibdel il-karozzi uffiċjali b'vetturi li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent billi timmodernizza b'mod kostanti l-flotta b'karozzi li jniġġsu inqas u billi torganizza trasport fi gruppi b'vannijiet VIP għall-ajruporti ta' Brussell u Strasburgu biex tnaqqas il-marka tal-karbonju tal-Parlament; itenni t-talba tiegħu, espressa fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-2008, li l-Parlament jistabbilixxi s-servizz tiegħu tar-roti fi Strasburgu; iħeġġeġ bis-saħħa li dan isir sa Settembru 2011; josserva li, bħala konsegwenza tat-titjib fis-servizz tar-roti, il-flotta tal-karozzi tista' tiċkien;

140.  Iħeġġeġ, fil-kuntest ta' Parlament sostenibbli, l-użu ta' ferrovija charter minn Brussell għal Strasburgu għas-sessjonijiet plenarji; jinsab imħasseb dwar l-użu dejjem jiżdied ta' mezzi oħra ta' transport minn assistenti akkreditati li ma jkunux jistgħu jiksbu biljett tal-ferrovija charter; jiddikjara li l-Membri, l-uffiċjali parlamentari u l-assistenti akkreditati għandu jkollhom prijorità fuq klijenti esterni fil-kisba ta' biljetti għall-ferrovija mikrija;

141.  Jilqa' l-ftehim dwar “sistema ta' ħlas minn parti terza” ma' STIB(21) li permezz tagħha l-Parlament jikkontribwixxi 50% tal-ispiża ta' biljetti staġjonali annwali fi Brussell għall-persunal tiegħu bħala miżura ambjentali biex inaqqas il-marka tal-karbonju tal-Parlament billi jippromwovi l-użu tat-trasport pubbliku mill-persunal tiegħu; iħeġġeġ l-amministrazzjoni tiegħu tinnegozja ftehimiet simili mal-Kumpanija Ferrovjarja Nazzjonali tal-Belġju (SNCB-NMBS) u mal-kumpaniji tax-xarabanks reġjonali;

142.  Jissuġġerixxi li l-mili tal-ajru miġbura permezz ta' ivvjaġġar relatat max-xogħol jintużaw biex jinxtraw biljetti oħra, sabiex b'hekk jitnaqqsu l-ispejjeż sinifikanti tal-ivvjaġġar tal-Kamra;

143.  Iqis li, peress li wieħed jadotta drawwiet ambjentalment tajba minn età żgħira, it-tfal fl-Iskejjel Ewropej għandhom bl-istess mod jiġu inkoraġġati jużaw ix-xarabanks tal-iskola minflok il-karozzi privati.

(1) ĠU L 69, 13.3.2009.
(2) ĠU C 308, 12.11.2010, p. 1.
(3) ĠU C 172,30.6.2010, p. 1
(4) ĠU C 303, 9.11.2010, p. 1.
(5) ĠU C 308, 12.11.2010, p. 129.
(6) ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.
(7) PE 349.540/Bur/ann/def.
(8) ĠU C 247 E, 15.10.2009, p. 78.
(9) ĠU C 279 E, 19.11.2009, p. 163.
(10) ĠU C 303, 9.11.2010, p.198.
(11) ĠU L 252, 25.9.2010, p. 3.
(12) 1001 kamera fi Brussell, 238 f'Lussemburgu u 364 fi Strasburgu.
(13) Punt 61 tar-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Mejju 2010 (ĠU L 252, 25.9.2010, p. 11).
(14) Disponibbli fuq: http://www.europarl.europa.eu/document/activities/cont/201009/20100901ATT80830/20100901ATT80830FR.pdf 
(15) Punt 9.14 tar-Rapport Annwali għall-2009 (ĠU C 303, 9.11. 2010, p.199).
(16) Minuti tal-laqgħa tal-Bureau tad-19.04.2010, PE 439.765/BUR.
(17) B'segwitu għar-ratifika tal-Protokoll li jemenda l-Protokoll dwar id-dispożizzjonijiet tranżizzjonali anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, ĠU C 263, 29.9.2010, p.1.
(18) Bejn 25 000 u 30 000 żjara fix-xahar.
(19) Premju Lux: madwar EUR 321 000, Premju Charlemagne għaż-Żgħażagħ: madwar EUR 24 000, Premju Ewropew għal-Ġurnaliżmu: Madwar EUR 105 000, Premju Sakharov: madwar EUR 300 000 (l-ammonti kollha huma tal-2009).
(20) Punt 91 tar-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Mejju 2010 (ĠU L 252, 25.9.2010, p. 15).
(21) Société de transports intercommunaux de Bruxelles.

Aġġornata l-aħħar: 3 t'Ottubru 2012Avviż legali