Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2010/2156(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0143/2011

Testi mressqa :

A7-0143/2011

Dibattiti :

PV 12/05/2011 - 9
CRE 12/05/2011 - 10

Votazzjonijiet :

PV 12/05/2011 - 12.11
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2011)0240

Testi adottati
PDF 206kDOC 161k
Il-Ħamis, 12 ta' Mejju 2011 - Strasburg Verżjoni finali
L-isfruttar tal-potenzjal tal-industriji kulturali u kreattivi
P7_TA(2011)0240A7-0143/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Mejju 2011 dwar “L-isfruttar tal-potenzjal tal-industriji kulturali u kreattivi” (2010/2156(INI))

Il-Parlament Ewropew ,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 167 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (UNESCO) tal-20 ta' Ottubru 2005 dwar il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-diversità tal-espressjonijiet kulturali,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni 2006/515/KE tal-Kunsill tat-18 ta' Mejju 2006 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali(1) ,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta' servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva)(2) ,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1855/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 li tistabbilixxi l-Programm Kultura (2007-2013)(3) ,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1718/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2006 dwar l-implimentazzjoni ta' programm ta' appoġġ għas-settur awdjoviżiv Ewropew (MEDIA 2007)(4) ,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tat-3 ta' Jannar 2008 dwar Kontenut Kreattiv Onlajn fis-Suq Uniku (COM(2007)0836),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Mejju 2010 dwar “Europeana - il-passi li jmiss”(5) ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Frar 2009 dwar l-Ekonomija Soċjali(6) ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' April 2008 dwar aġenda Ewropea tal-kultura fl-era tal-globalizzazzjoni(7) ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' April 2008 dwar l-industriji kulturali fl-Ewropa(8) ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ġunju 2007 dwar l-istatus soċjali tal-artisti(9) ,

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Mejju 2009 dwar il-Kultura bħala Katalist għall-Kreattività u l-Innovazzjoni(10) ,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010, intitolata “Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” (COM(2010)2020),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tat-30 ta' Ġunju 2010, intitolata “L-Ewropa, l-ewwel destinazzjoni turistika fid-dinja – qafas politiku ġdid għat-turiżmu Ewropew” (COM(2010)0352),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tas-26 ta' Awwissu 2010, intitolata “Aġenda Diġitali għall-Ewropa” (COM(2010)0245/2),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tad-19 ta' Ottubru 2009, intitolata “Id-Dritt tal-Awtur fl-Ekonomija tal-Għarfien” (COM(2009)0532),

–  wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tas-27 ta' April 2010, intitolata “L-esplojtazzjoni tal-potenzjal tal-industriji kulturali u kreattivi” (COM(2010)0183),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7-0143/2011),

A.  billi l-industriji kulturali u kreattivi karatteristikament għandhom natura doppja, liema natura hija ekonomika fis-sens li jikkontribwixxu għall-iżvilupp ekonomiku permezz tal-impjiegi, tat-tkabbir ekonomiku u tal-ħolqien tal-ġid, iżda anki kulturali, grazzi għal attivitajiet li jintegraw lill-individwi soċjalment u kulturalment fis-soċjetà u li jinvolvu lill-istess ċittadini fil-promozzjoni tal-valuri u l-identitajiet kulturali u fl-iżvilupp tal-patrimonju kulturali Ewropew,

B.  billi din in-natura doppja tiddistingwihom minn industriji oħra, trid titqies l-implimentazzjoni ta' politiki u miżuri speċifiċi,

C.  billi din in-natura speċifika hi rikonoxxuta u promossa mill-UE fix-xena internazzjonali, peress li l-UE adottat politika ta' żamma tal-koperazzjoni kulturali tagħha fid-WTO u rratifikat il-Konvenzjoni tal-Unesco,

D.  billi l-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS) jipprevedi d-dritt li jiġu implimentati politiki għall-protezzjoni tad-diversità kulturali, li huwa sistematikament applikat mill-UE u mill-Istati Membri tagħha,

E.  billi, f'konformità mal-Artikolu 167(4) TFUE, hemm bżonn li l-kultura tiġi integrata fil-politiki Ewropej l-oħra, kemm interni kif ukoll esterni, u li f'dan ir-rigward tingħata attenzjoni partikulari, fil-kuntest tal-globalizzazzjoni attwali, għall-protezzjoni u l-promozzjoni tad-diversità tal-espressjonijiet kulturali,

F.  billi l-Konvenzjoni tal-Unesco tirrikonoxxi r-rwol ewlieni tal-industriji kulturali u kreattivi fil-produzzjoni, it-tqassim u l-forniment ta' aċċess għal firxa wiesgħa ta' beni u servizzi kulturali u tinkoraġġixxu l-koperazzjoni internazzjonali,

G.  billi l-Istati Membri għandu jkollhom ir-rieda li jappoġġaw il-kultura u l-kreattività bħala fatturi fundamentali għall-preżervazzjoni u t-tisħiħ tal-patrimonju kulturali u tal-pajsaġġ, li għandhom jiġu protetti u konservati biex jassistu fil-ħolqien ta' sens ta' identità u tiżdied il-kuxjenza kulturali tal-pubbliku,

H.  billi, fl-UE, l-industriji kulturali u kreattivi jiżvolġu, rwol ewlieni fil-promozzjoni tad-diversità kulturali u lingwistika, tal-pluraliżmu u tal-koeżjoni soċjali u territorjali, iżda anke fid-demokratizzazzjoni tal-aċċess għall-kultura u l-promozzjoni tad-djalogu interkulturali fl-UE kollha kemm hi,

I.  billi d-diversità kulturali tal-Ewropa, u, b'mod partikulari, il-patrimonju vast tagħha fir-rigward tal-lingwi u l-kulturi reġjonali, hi l-materja prima insostitwibbli għall-industriji kulturali u kreattivi,

J.  billi trid tingħata attenzjoni partikulari lill-ispeċifiċitajiet kulturali u lingwistiċi fid-dibattitu dwar l-isabbiliment ta' suq uniku fis-settur tal-kontenut kreattiv,

K.  billi l-industriji kulturali u kreattivi huma laboratorji għall-innovazzjoni artistika, teknika u ġestjonali u billi jippermettu disseminazzjoni aktar estensiva tax-xogħlijiet u tal-artisti fil-livell Ewropew u internazzjonali,

L.  billi s-settur tal-industriji kulturali u kreattivi jissaħħaħ u l-viżibilità tiegħu tiġi ggarantita permezz ta' diversi inizjattivi mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Ewropa, bħall-“Europe Prize” (il-Premju tal-Ewropa), il-Premju LUX, u r-Rotot Kulturali,

M.  billi l-industriji kulturali u kreattivi għandhom rwol x'jiżvolġu fil-preżervazzjoni tal-ħiliet u l-kapaċitajiet distintiva, imprezzabbli u uniċi permezz tal-fużjoni tal-kreattività kontemporanja u l-esperjenza li ilha teżisti; billi, b'mod speċjali f'ċerti setturi bħal, pereżempju, il-moda, il-produzzjoni tal-arloġġi u l-ġojjellerija, ir-reputazzjoni u s-suċċess dinjijin tal-industriji Ewropej fis-settur huma msejsa fuq il-ħiliet manwali u l-kompetenza tal-artiġjani u l-kreaturi,

N.  billi attwalment l-artisti m'għandhomx l-istatus legali, fil-livell tal-UE, li jqis n-natura speċifika ta' xogħolhom u tal-karriera tagħhom, fir-rigward tal-mobilità, tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-protezzjoni soċjali b'mod partikulari,

O.  billi l-industriji kreattivi u kulturali, li jgħoddu għal 5 miljun impjieg u 2.6% tal-PDG tal-UE, huma wieħed mill-muturi ewlenin għat-tkabbir fl-UE, peress li joħolqu impjiegi ġodda, jiżvolġu rwoli fundamentali fil-katini tal-valur globali u jqanqlu l-innovazzjoni, jipprovdu valur miżjud bħala fattur għall-koeżjoni soċjali u jservu bħala għodda effiċjenti fil-ġlieda kontra r-riċessjoni attwali,

P.  billi l-industriji kulturali u kreattivi jinfluwenzaw kważi kull settur ekonomiku ieħor, billi jipprovdulhom l-innovazzjonijiet deċiżivi għall-kompetittività, speċjalment fir-rigward tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni,

Q.  billi dawn l-industriji jikkostitwixxu mutur ta' spinta għall-ekonomiji fl-era diġitali, peress li jikkontribwixxu b'mod sinifikattiv għall-innovazzjoni u għall-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, u billi jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-obbjettivi tal-istrateġija “Ewropa 2020”,

R.  billi l-industriji kreattivi u kulturali jistgħu joħolqu l-ġid u l-impjiegi jekk jingħataw il-mezzi sabiex ikunu kompetittivi mal-industriji kulturali u kreattivi tal-pajjiżi barra mill-UE fil-kuntest ta' strateġija Ewropea dwar il-kompetizzjoni internazzjonali,

S.  billi wħud minn dawk involuti fl-industriji kreattivi u kulturali jaħdmu għal rashom,

T.  billi l-industriji kulturali u kreattivi huma suq li qed jikber fl-UE u qasam fejn għandha l-potenzjal li tkun minn ta' quddiem fis-suq globali,

U.  billi l-iżvilupp tal-kummerċ tal-prodotti u s-servizzi kulturali u kreattivi hu pilastru importanti għall-kultura, l-iżvilupp u d-demokrazija,

V.  billi l-kreattività tiddependi fuq l-aċċess għall-għerf, għax-xogħlijiet u għall-kontenut kreattiv eżistenti,

W.  billi r-rwol tal-kontenut kulturali fl-ekonomija diġitali hu kruċjali; billi t-tkabbir diġitali tal-Ewropa fil-ġejjieni se jiddependi fuq jekk ikollhiex provvista varjata ta' kontenut kulturali ta' kwalità għolja,

X.  billi l-era diġitali tiftaħ possibilitajiet ġodda għal dawn l-industriji billi tintroduċi mudelli ekonomiċi ġodda li jippermettu li l-konsumatur ikollu aċċess għal firxa ta' prodotti ta' kwalità għolja,

Y.  billi l-industrija tal-kontenut qed tagħmel sforz konsiderevoli biex tiżviluppa offerti legali dwar il-kontenut kulturali onlajn u l-partijiet interessati kollha għandhom jingħaqdu flimkien biex iqajmu kuxjenza dwar l-offerti legali eżistenti ta' kontenut onlajn,

Z.  billi l-gazzetti u l-magażins huma komponenti essenzjali tal-industriji kulturali kif ukoll tal-panorama tal-midja Ewropea pluralistika u varjata,

AA.  billi l-era diġitali tippreżenta wkoll sfidi fir-rigward tas-sostenibilità tas-setturi tradizzjonali ta' dawn l-industriji, inklużi l-pubblikazzjoni tal-kotba, il-bejgħ tal-kotba u tal-midja stampata,

AB.  billi, sabiex jiffjorixxu, l-industriji kulturali u kreattivi tal-Ewropa jirrikjedu sistema moderna, aċċessibbli u legalment ċerta għall-ħarsien tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali,

AC.  billi hu essenzjali li tiġi żgurata l-edukazzjoni artistika u kulturali taċ-ċittadini u li jiġi apprezzat il-proċess kreattiv għall-iżvilupp tal-kreattività, il-konoxxenza tal-arti, il-kultura, il-patrimonju kulturali u d-diversità kulturali tal-UE, l-edukazzjoni għandha tiġi estiża għat-tagħlim mhux biss dwar id-drittijiet diġitali iżda anke l-obbligi, biex b'hekk jitrawmu l-fehim u r-rispett aħjar tax-xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-proprjetà intelletwali,

AD.  billi l-avvanzi teknoloġiċi fl-industriji kulturali u kreattivi bl-ebda mod ma jbiddlu l-ħtieġa fundamentali li jitħarsu d-drittijiet tal-proprjetà intelletwali,

AE.  billi huma rikjesti komformità aħjar mal-qafas legali eżistenti li jħares dawn id-drittijiet, kif ukoll riformi rigward, inter alia , is-semplifikazzjoni tal-proċeduri għal-liċenzji fl-industriji kulturali, sabiex ikun jista' jinkiseb kull vantaġġ li joffru l-possibilitajiet ġodda, waqt li tiġi ggarantita sistema bbilanċjata tajjeb ta' ħarsien tad-drittijiet li tqis l-interessi kemm tal-kreaturi, kif ukoll tal-konsumaturi,

AF.  billi hi essenzjali sistema moderna għat-trademarks tal-Unjoni sabiex jitħares il-valur rappreżentat mill-investimenti li jsiru mill-kumpaniji Ewropej fid-disinn, il-ħolqien u l-innovazzjoni,

AG.  billi jrid ikun hemm garanzija ta' investimenti strateġiċi għall-industriji kulturali u kreattivi, pereżempju, permezz tal-aċċess għal finanzjament li jkun adattat għall-ispeċifiċitajiet u l-bżonnijiet tagħhom sabiex ikunu jistgħu jiżvolġu sehem sħiħ biex jagħtu spinta lill-ekonomija Ewropea,

AH.  billi l-industriji kulturali u kreattivi jiżvolġu rwol ewlieni fl-iżvilupp ta' ċentri ta' kreattività fil-livell lokali u reġjonali, li jagħmlu lir-reġjuni iktar attraenti u jippermettu li n-negozji u l-impjiegi b'għeruq fit-tessut ekonomiku lokali u reġjonali jinħolqu u jiġu żviluppati, biex ir-reġjuni jsiru aktar attraenti għat-turisti, jippromwovu t-twaqqif ta' negozji ġodda u jsaħħu l-prfil ta' dawn ir-reġjuni, u jippromwovu s-settur kulturali u artistiku u l-preżervazzjoni, il-promozzjoni u t-tisħiħ tal-patrimonju kulturali Ewropew grazzi għal diversi aġenziji bħall-awtoritajiet lokali u reġjonali,

AI.  billi l-Istrument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija u l-pjan ta' azzjoni reġjonali tiegħu ġew approvati u allokati fondi għall-2011-2013,

AJ.  billi r-rwol tal-Alleanza Ewropea tal-Industriji Kreattivi għandu jissaħħaħ,

Ir-rwol dinamiku tal-industriji kulturali u kreattivi fl-Unjoni Ewropea

1.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu analizzati l-industriji kulturali u kreattivi u l-impatt tal-attivitajiet tagħhom fuq l-ekonomija Ewropea, billi jiġu identifikati, definiti u deskritti waħda waħda, biex jiġu enfasizzati l-karatteristiki tagħhom, ikun hemm fehim aħjar tal-miri u l-problemi tagħhom u biex jiġu implimentati miżuri iktar effikaċi;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni tissokta bl-isforzi tagħha biex tipproduċi definizzjoni aħjar tal-industriji kulturali u kreattivi sabiex jiġi analizzat fil-fond l-impatt tagħhom fuq it-tkabbir u l-kompetittività internazzjonali fuq perjodu ta' żmien twil u biex trawwem aktar rikonoxximent tal-karatteristiki speċifiċi tas-settur;

3.  Jistieden lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom b'mod qawwi għall-protezzjoni u l-appoġġ tal-patrimonju kulturali tagħhom, billi jirrikonoxxu li biex l-industriji kulturali u kreattivi jiżviluppaw hemm bżonn ekonomija doppja fejn ikun hemm koeżistenza tal-investiment pubbliku u dak privat;

4.  Jikkunsidra li l-industriji kulturali u kreattivi għandhom ikunu fiċ-ċentru ta' aġenda politika Ewropea ġdida f'konformità mal-ħtiġijiet ekonomiċi tas-settur u fil-kuntest tad-diġitalizzazzjoni, u li l-Programm Kultura tal-futur għandu jirrifletti l-ħtiġijiet tas-settur kulturali u kreattiv fl-era diġitali permezz ta' approċċ iktar prammatiku u iktar komprensiv;

5.  Jirrikonoxxi li, bħala għejjun tal-innovazzjoni ekonomika u soċjali f'ħafna setturi oħra tal-ekonomija, l-industriji kulturali u kreattivi għandhom setgħa kbira ta' sinerġizzazzjoni;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli bl-isforzi tagħha biex tappoġġa, tippromwovi u tiffaċilita l-żvilupp ta' qafas kulturali u kreattiv billi trawwem sistema ta' kooperazzjoni iktar elaborata bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE, ibbażata fuq il-kondiviżjoni tal-esperjenzi dwar prattika tajba; jirrakkomanda li l-Kummissjoni tinkludi lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-proċess ta' segwitu għall-Green Paper, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tfassal White Paper, fil-prospettiva tal-importanza li dejjem qed tikber tal-industriji kulturali u kreattivi, kif ukoll tal-objettiv li jissaħħaħ dan is-settur, objettiv li hu ta' importanza strateġika biex jintlaħqu l-miri tal-Istrateġija Ewropa 2020;

Edukazzjoni, taħriġ u qawmien ta' kuxjenza

8.  Iħeġġeġ kemm lill-Istati Membri u kemm lill-Kummissjoni jippromwovu l-edukazzjoni artistika u kulturali (b'enfasi partikulari fuq il-kreattività) f'kull età, mill-edukazzjoni primarja sal-edukazzjoni ogħla u/jew vokazzjonali, u jiżviluppaw il-ħiliet imprenditorjali tal-kreaturi, anke fil-kuntest tat-tagħlim tul il-ħajja, partikolarment minħabba r-rwol tagħha biex tqajjem kuxjenza dwar il-kreattività u biex tgħallem l-użu tajjeb tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni u r-rispett għall-proprjetà intellettwali;

9.  Jindika l-vantaġġi ta' edukazzjoni li tgħaqqad l-għarfien teoretiku tal-istorja tal-kultura u tal-arti mal-ħolqien artistiku applikat u l-ġestjoni tal-assi kulturali, fl-impriżi, fl-istudios, eċċ. bl-għan li jissaħħu kemm il-ħiliet teoretiċi u kemm dawk prattiċi;

10.  Jenfasizza l-importanza ta' programmi edukattivi li jiffokaw fuq it-taħriġ vokazzjonali, l-iżvilupp ta' ideat u l-irrakkuntar ta' stejjer, il-ħiliet diġitali, il-ħiliet tekniċi, imprenditorjali u tal-kummerċjalizzazzjoni, inkluż l-użu tan-netwerks soċjali, u l-ħiliet tal-ħaddiema;

11.  Jenfasizza l-potenzjal tal-koperazzjoni u d-djalogu mill-qrib bejn l-industriji kulturali u kreattivi, l-universitajiet, iċ-ċentri għar-riċerka, l-iskejjel tal-arti u l-istabbilimenti tal-arti li jipprovdu programmi ta' taħriġ konġunti u opportunitajiet ta' tagħlim tul il-ħajja;

12.  Ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri dwar il-ħtieġa urġenti li jirrikonoxxu l-kwalifiki vokazzjonali fl-industriji kulturali u kreattivi, jippromwovu l-mobilità tal-istudenti u tal-letturi u jiżviluppaw ulterjurment il-perjodi ta' prattika għal esperjenza ta' taħriġ u xogħol għall-artisti u l-kreaturi;

13.  Jitlob lill-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri jespandu l-qafas għar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali u tal-korsijiet ta' taħriġ, bil-prospettiva, li mhix l-anqas importanti, li jiġu inklużi l-ħiliet ġodda rikjesti mis-settur tal-industriji kulturali u kreattivi;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi programmi ta' riċerka u sħubija konġunti bejn l-industriji kulturali u kreattivi u s-settur tal-edukazzjoni u tat-taħriġ (inkluż it-taħriġ waqt is-servizz), biex b'hekk iċ-ċittadin jingħata ħiliet kreattivi u interkulturali, tiffaċilita l-użu ta' tekniki ġodda u għodod kreattivi ġodda fis-settur tal-edukazzjoni, tintensifika l-edukazzjoni u t-taħriġ tul il-ħajja – partikularment permezz tal-użu tal-Fond Soċjali Ewropew – minħabba r-ritma tal-bidla teknoloġika f'dan il-qasam, u, bil-kontra, permezz tar-riċerka u l-edukazzjoni, iġġedded l-industriji kulturali u kreattivi;

15.  Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu d-disponibilità ta' taħriġ maniġerjali, kummerċjali u imprenditorjali speċifikament imfassal għall-professjonisti tal-industriji kulturali u kreattivi, sabiex jiġu mgħammra bil-ħiliet komunikattivi u imprenditorjali rikjesti f'ambjent soċjoekonomiku dejjem jevolvi; jinnota l-esperjenza pożittiva fit-taħriġ u l-ġestjoni żviluppata fil-qasam awdjoviżiv mill-programm MEDIA u jittama li jara l-Programm Kultura mgħammar bi strumenti simili;

16.  Jipproponi l-ħolqien ta' proġetti pilota ġodda skont il-programmi Erasmus u Erasmus għall-Imprendituri Żgħażagħ biex ikun hemm aktar kollaborazzjoni bejn l-universitajiet u l-impriżi fis-settur kulturali u kreattiv;

17.  Jenfasizza l-ħtieġa għat-trażmissjoni tat-tekniki u l-għerf, u l-valur tat-tisħiħ tat-tagħlim u t-twaqqif ta' programmi ta' taħriġ professjonali ffokati fuq is-settur kulturali u kreattiv, tal-isfruttament aħjar tal-użu ta-programmi u l-kurrikuli eżistenti, billi tingħata edukazzjoni fuq diversi dixxiplini u jiġu promossi l-koperazzjoni u s-sħubijiet bejn l-istituzzjonijiet edukattivi, l-istudenti, il-professjonisti mis-settur kulturali u kreattiv, l-impriżi ta' kull daqs, inkluż dawk tas-settur privat u dak pubbliku, l-artiġjani u l-istituzzjonijiet finanzjarji;

18.  Jirrikonoxxi l-importanza li għandhom l-industriji kulturali u kreattivi fit-trawwim tal-iżvilupp ta' kontenut Ewropew, biex b'hekk jikkontribwixxu għall-konverġenza kulturali tal-Istati Membri u relazzjoni aktar mill-qrib bejn il-popli tagħhom;

19.  Jisħaq fuq il-fatt li t-tagħlim u l-ħiliet interkulturali jgħinu lin-nies jifhmu kulturi oħrajn u għaldaqstant jikkontribwixxu għall-inklużjoni soċjali;

Kundizzjonijiet ta' ħidma u imprenditorjat

20.  Jirrikonoxxi l-impatt, il-kompetittività u l-potenzjal futur tal-industriji kulturali u kreattivi bħala mutur importanti għat-tkabbir sostenibbli fl-Ewropa li jista' jiżvolġi rwol deċiżiv fl-irkupru ekonomiku tal-UE;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrikonoxxi lill-industriji kulturali u kreattivi bħala parti produttiva tal-ekonomija Ewropea, b'mod partikolari f'termini tal-kapaċità tagħhom biex jgħinu lil setturi oħrajn tal-ekonomija jsiru iktar kompetittivi;

22.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu kkunsidrati il-kundizzjonijiet ta' ħidma u l-aspetti ekonomiċi, soċjali, legali u fiskali ta' dawn is-setturi, b'referenza partikolari għad-dimensjoni imprenditorjali tal-industriji kulturali u kreattivi u għall-kondizzjonijiet ta' ħidma;

23.  Jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq il-ħtieġa tal-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fil-pagi u tat-titjib tal-grad kemm l-impjiegi jikkorrispondu mal-livell tal-kwalifiki;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tanalizza l-impatt li l-industriji kulturali u kreattivi għandhom fuq l-ekonomija tal-UE, u tippubblika gwida għall-valutazzjoni tal-prestazzjoni dwar l-impjiegi u l-ħolqien tal-ġid kummerċjali f'kull fergħa tas-settur;

25.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi żviluppat sens qawwi ta' imprenditorjat kulturali u kreattiv fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropew;

26.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jinħolqu l-kundizzjonijiet ottimali biex jiġu impjegati żgħażagħ bi kwalifika universitarja u professjonisti żgħażagħ minn dan is-settur u li jittrawmu l-opportunitajiet għalihom biex isiru imprendituri, kif ukoll li jitħarrġu fl-aspetti speċifiċi ekonomiċi, fiskali, finanzjarji u teknoloġiċi tad-dinja kulturali u kreattiva, kif ukoll fl-oqsma tal-komunikazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni, tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali u tat-trasferiment tal-għerf interġenerazzjonali;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea timplimenta pjattaforma multilingwistika sabiex dawk li jaħdmu fis-settur kulturali u kreattiv ikunu jistgħu jingħaqdu ma' netwerk fil-livell Ewropew fejn ikunu jistgħu jiskambjaw l-esperjenzi, l-aħjar prattiki u l-kompetenza, u jikkoperaw fuq proġetti konġunti jew proġetti pilota b'dimensjoni transnazzjonali u transkonfinali u jsibu informazzjoni kompluta dwar il-leġiżlazzjoni fis-seħħ (bħal kwistjonijiet dwar id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet soċjali) u dwar il-possibilitajiet għal finanzjament;

28.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkludu għal darba oħra taħt l-intestatura ta' industriji kulturali u kreattivi lill-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ u l-operaturi tal-ekonomija soċjali – kif definiti fir-Riżoluzzjoni tal-Parlament tad-19 ta' Frar 2009 dwar l-Ekonomija Soċjali – billi huma attivi fis-setturi rilevanti għall-industriji kulturali u kreattivi, biex b'hekk jippermettu l-adozzjoni ta' benefiċċji fiskali, aċċess faċli għas-self u protezzjoni tal-impjiegi;

29.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrispetta u tirrikonoxxi l-azzjonijiet immexxija mis-servizzi kulturali, l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ u l-inizjattivi privati involuti fl-iżvilupp ta' ekonomija inklużiva kreattiva; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jħeġġu u jinkorporaw il-prattiki tajbin imfassla biex jiffaċilitaw l-aċċess għaż-żgħażagħ (ikun xi jkun l-istatus tagħhom bħala studenti, apprentisti, min qed jitħarrġu, min qed ifittex xogħol, eċċ.), u dawk l-aktar vulnerabbli għall-kultura u għall-kontenuti kreattiv – perezempju, prezzijiet mnaqqsa, vawċers kulturali u attivitajiet kulturali b'xejn;

Status ta' artisti

30.  Itenni li jrid jinħoloq l-istatus ta' artist Ewropew sabiex l-artisti jkunu jistgħu jgawdu kundizzjonijiet ta' ħidma sodisfaċenti u miżuri adegwati fir-rigward tas-sistemi fiskali, id-dritt tagħhom għax-xogħol, id-drittijiet tas-sigurtà soċjali u d-drittijiet tal-awtur biex titjieb il-mobilità fl-UE;

31.  Jistieden lil dawk l-Istati Membri li għadhom m'għamlux dan biex jieħdu azzjoni dwar ir-Rakkomandazzjoni tal-UNESCO Recommendation dwar l-Istatus tal-Artist;

Snajja' artistiċi

32.  Jindika li s-snajja' artistiċi jikkostitwixxu wieħed mill-pilastri li fuqhom huma msejsa l-patrimonju kulturali u l-ekonomija tagħna, u li għaldaqstant hemm bżonn li tiġi ssalvagwardjata l-kontinwità tagħhom permezz tal-mekkaniżmi xierqa għat-trażmissjoni tal-għerf u l-ħiliet, kif enfasizzat fir-Riżoluzzjoni tal-Parlament tal-10 ta' April 2008 dwar l-industriji kulturali fl-Ewropa;

33.  Itenni l-għan tal-preżervazzjoni tan-natura speċifika ta' xi snajja' u t-trasferiment tal-għerf, speċjalment fis-settur kulturali, kreattiv u tal-artiġjanat, u tal-garanzija mekkaniżmi għat-trasferiment tal-għerf; jipproponi li jitħeġġeġ l-istabbiliment fil-livell lokali, reġjonali u territorjali tal-workshops għat-trasferiment tal-għerf, b'mod partikolari għas-settur kreattiv tradizzjonali;

34.  Jindika li l-mudell ekonomiku għall-industriji kulturali u kreattivi, inkluż fis-settur tal-lussu li hu rappreżentattiv tiegħu, huwa bbażat fuq l-innovazzjoni, il-kreattività kostanti, il-fiduċja tal-konsumatur u l-investiment fl-impjiegi li sikwit jirrikjedu livell għoli ta' ħiliet u jinvolvu għerf uniku; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi s-sostenibilità ta' dan il-mudell ekonomiku fil-proposti tagħha li jaffettwaw l-industriji kulturali u kreattivi billi tiżviluppa qafas regolatorju adattat għall-karatteristiki speċifiċi tagħhom, b'mod partikolari fir-rigward tar-rispett għad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

35.  Jenfasizza l-periklu ta' nuqqas ta' ħaddiema f'xi wħud mis-snajja' li jirrikjedu livell għoli ta' ħiliet jew snajja' speċifiċi ħafna u li jikkontribwixxu għall-eżistenza tal-industriji kulturali u kreattivi fl-UE u jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa, flimkien mal-impriżi, biex jiżguraw li dawn il-ħiliet uniċi jiġu ppreżervati, u biex jiffaċilitaw it-taħriġ ta' ġenerazzjoni ġdida ta' artiġjani u ħaddiema li jispeċjalizzaw f'dawn is-snajja“;

Titjib tad-distribuzzjoni tax-xogħlijiet fl-era diġitali

36.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jippromwovu d-distribuzzjoni u ċ-ċirkolazzjoni tax-xogħlijiet fl-UE kollha;

37.  Jirrikonoxxi li l-innovazzjoni għandha tiġi promossa mhux biss fil-produzzjoni teknoloġika iżda anke fil-proċessi ta' ġestjoni, kif ukoll fl-iżvilupp tal-proġetti nnifishom u fid-distribuzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tagħhom;

38.  Jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra l-possibilità li jiġu stabbiliti azzjonijiet speċifiċi u għodod adegwati biex l-industriji kulturali u kreattivi Ewropej, b'mod partikulari l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, jiġu appoġġjati u żviluppati, bil-għan li jitjiebu l-ħolqien, il-produzzjoni, il-promozzjoni u d-distribuzzjoni tal-beni u s-servizzi kulturali;

39.  Jisħaq fuq il-fatt li l-użu fuq l-internet jista' jirrappreżenta opportunità reali għal diffużjoni u ċirkolazzjoni aħjar tax-xogħlijiet Ewropej, b'mod partikolari x-xogħlijiet awdjoviżivi, f'kundizzjonijiet fejn il-provvista legali tista' tiżviluppa f'ambjent ta' kompetizzjoni b'saħħitha li taffronta b'mod effikaċi l-provvista illegali ta' xogħlijiet protetti u fejn jistgħu jiġu żviluppati modi ġodda għar-rimunerazzjoni tal-kreaturi li jinvolvuhom finanzjarjament fis-suċċess ta' xogħlijiethom;

40.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-implimentazzjoni stretta tal-Artikolu 13 tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva(11) , li tipprevedi li l-Istati Membri jiżguraw li s-servizzi tal-media awdjoviżiva fuq talba jippromwovu l-produzzjoni tax-xogħlijiet Ewropej u l-aċċess għalihom u jirrappurtawlha dwar l-implimentazzjoni ta' din id-dispożizzjoni sa mhux iktar tard mill-2012;

41.  Jenfasizza li sabiex tiġi ggarantita distribuzzjoni aħjar tax-xogħlijiet u tar-repertorji Ewropej, iridu jiġu introdotti inizjattivi maħsuba għat-titjib u għall-promozzjoni tat-traduzzjoni, id-doppjaġġ, is-sottotitolar, is-sopratitolar u d-diġitalizzazzjoni tax-xogħlijiet kulturali Ewropej u għat-tfassil ta' miżuri speċifiċi f'dawn l-oqsma bħala parti mill-ġenerazzjoni l-ġdida tal-Programmi MEDIA u Kultura għall-perjodu 2014-2020;

42.  Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ it-tkabbir tal-industriji kulturali u kreattivi, speċjalment fuq l-internet, billi tieħu l-passi rilevanti biex tiżgura li l-partijiet interessati kollha jaqsmu r-responsabilità għall-protezzjoni ugwali tal-prodotti u s-servizzi fl-ambjent diġitali biex ikun hemm aktar fiduċja min-naħa tal-konsumatur fuq l-internet;

43.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi qafas legali biex tiżgura livell għoli ta' fiduċja fl-ispazju diġitali – kummerċjali u mhux – sabiex l-industriji kulturali u kreattivi, min-naħa l-waħda, u l-konsumaturi, mill-oħra, ikunu jistgħu jagħmlu użu sħiħ mill-kanali ta' distribuzzjoni diġitali mingħajr il-biża' li jiġu mfixkla minn prattiki qarrieqa jew abbużivi;

44.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkunsidraw b'mod partikolari r-rwol tal-libreriji bħala istituzzjonijiet għat-tixrid tal-kultura u bħala fora għad-djalogu; jikkunsidra li l-libreriji, flimien mas-settur edukattiv u kulturali, għandhom jingħataw ir-responsabilità u r-riżorsi għat-tranżizzjoni diġitali; ifakkar li dan il-proċess huwa wieħed urġenti, billi l-libreriji Ewropej anki issa għandhom biss mezzi limitati biex jaqilbu b'mod sodisfaċenti għall-midja diġitali;

45.  Jisħaq b'mod partikulari fuq l-importanza li tiġi estiża l-librerija diġitali Ewropea u li tiġi żviluppata bħala punt fokali għall-projezzjoni tal-patrimonju kulturali, il-memorja kollettiva u l-kreattività tal-Ewropa, u bħala punt ta' tluq għall-attivitajiet edukattivi, kulturali, innovattivi u imprenditorjali; jirrimarka li l-iskambji artistiċi jikkostitwixxu wieħed mill-pilastri li fuqhom jistrieħu l-patrimonju kulturali u l-ekonomija tagħna, u li l-kontinwità tagħhom għalhekk għandha tiġi ssalvagwardjata permezz ta' mekkaniżmi xierqa għat-trasferiment tal-għerf u tal-kapaċitajiet;

46.  Jenfasizza l-ħtieġa li tingħata l-attenzjoni dovuta lill-isfidi li jiffaċċjaw is-setturi tradizzjoni tal-industriji kulturali u kreattivi, bħal pereżempju l-pubblikazzjoni tal-kotba, il-bejgħ tal-kotba u l-midja stampata;

47.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu inizjattivi għall-promozzjoni u ż-żieda tal-litteriżmu diġitali minħabba l-bidla dejjem tikber lejn il-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta' kontenut diġitali mill-industrija tal-pubblikazzjoni; jisħaq li l-pubblikaturi għandhom ikunu involuti mill-qrib fl-inizjattivi dwar il-litteriżmu fil-midja diġitali;

Lejn suq intern għall-kontenut kulturali u kreattiv

48.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jistabbilixxu suq uniku diġitali Ewropew u mekkaniżmi ta' appoġġ tekniku u finanzjarju għall-industriji kulturali u kreattivi bil-ħsieb li jiġi diġitalizzat il-patrimonju kulturali, kif ukoll jintroduċu standards Ewropej komuni;

49.  Jenfasizza l-importanza tal-implimentazzjoni u s-suċċess ta' malajr tal-inizjattiva tal-Aġenda Diġitali bil-għan li l-industriji kulturali u kreattivi jkunu jistgħu jibbenefikaw għalkollox u jadattaw b'suċċess għall-opportunitajiet kollha maħluqa mill-broadband estensiv ta' veloċità għolja u mit-teknoloġiji wireless ġodda;

50.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jieħdu l-passi meħtieġa biex jimplimentaw suq intern Ewropew għall-kontenut kulturali u kreattiv fuq l-internet u jiggarantixxu l-aċċess għaċ-ċittadini Ewropej għal dan il-kontenut, waqt li jiżguraw il-protezzjoni u r-rimunerazzjoni ġusta għal dawk li għandhom id-dritt għalihom, u l-konsolidazzjoni tal-kanali kollha ta' finanzjament għas-settur kreattiv;

51.  Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa l-mudelli ekonomiċi ġodda u innovattivi fis-settur kulturali u kreattiv, li huma adattati għall-impatt tal-globalizzazzjoni u l-isfidi tal-era diġitali, speċifikament f'dak li jirrigwarda l-industriji tal-kontenut;

52.  Jenfasizza l-importanza, biex jinħolqu kundizzjonijiet ta' aċċess ugwali għall-pjattaformi u tagħmir ġodda, tal-interoperabilità u l-istandards; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-interoperabilità bejn il-pjattaformi, tiżviluppa standards li jgħinu biex jinħoloq suq li jiffaċilita l-innovazzjoni u tevita li tuża sistemi li jistgħu jrażżnu l-aċċess għal kontenut diversifikat;

53.  Jitlob lill-Kummissjoni tippromwovi l-użu, id-disseminazzjoni u l-iżvilupp ta' software open source u standards miftuħin li jirrappreżentaw potenzjal għall-innovazzjoni, il-kreattività, id-disseminazzjoni tal-għerf u l-ħolqien tal-impjiegi;

54.  Jinnota li l-frammentazzjoni tas-suq fis-setturi kulturali u kreattivi hija parzjalment dovuta għad-diversità kulturali u l-preferenza lingwistiċi tal-konsumaturi;

55.  Jisħaq fuq l-importanza li jiġi kkunsidrat l-aħjar mod kif jiġi adattat il-qafas legali – u b'mod partikulari r-regoli dwar il-politika għall-kompetizzjoni – għall-qagħda speċifika tas-settur kulturali sabiex jiġu ggarantiti d-diversità kulturali, kif ukoll l-aċċess tal-konsumatur għal firxa ta' kontenut u servizzi kulturali ta' kwalità għolja;

56.  Jinnota li l-kummerċ diġitali u l-internet qed jiżviluppaw b'pass mgħaġġel, bil-“ġenerazzjonijiet” tat-teknoloġija jiqsaru ġeometrikament; jemmen, għaldaqstant, li għandhom isiru tentattivi biex ir-reazzjoni regolatorja tal-UE ssir konformi mar-rekwiżiti soċjali u kummerċjali attwali sabiex ma titlifx is-sens tagħha billi taqa' lura u xxekkel l-isfruttar sħiħ tal-potenzjal tal-industriji kulturali u kreattivi tal-Istati Membri tal-UE;

57.  Jenfasizza l-ħtieġa li ssir riflessjoni dwar il-kundizzjonijiet ottimali għall-iżvilupp ta' dan is-suq uniku, b'mod partikulari fir-rigward tat-tassazzjoni, pereżempju, fir-rigward tat-tnaqqis f'ras il-għajn applikabbli għad-dħul mid-drittijiet tal-awtur, billi tippermetti l-introduzzjoni ta' rata tal-VAT imnaqqsa għall-beni u s-servizzi kulturali kemm fuq l-internet u kemm mhux, sabiex tippromwovi l-iżvilupp tagħhom;

58.  Jisħaq fuq il-fatt li r-regoli tal-VAT u n-nuqqas ta' metodi ta' ħlas aċċessibbli għall-bejgħ fuq l-internet joħolqu wkoll ostaklu għall-funzjonament kif suppost tas-suq intern u hemm bżonn jiġu indirizzati b'urġenza;

59.  Jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tippreżenta, kemm jista' jkun malajr, proposti leġiżlattivi konkreti dwar kif jistgħu jiġu affrontati dawn il-kwistjonijiet sabiex jintgħelbu l-ostakli eżistenti għall-iżvilupp tas-suq intern, b'mod partikolari fl-ambjent fuq l-internet, filwaqt li jiġu rrispettati d-domanda tal-konsumatur u d-diversità kulturali;

60.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra, b'referenza għall-inizjattiva emblematika “Aġenda Diġitali”, il-ħtieġa li jiġi appoġġat l-aġġustament tas-settur Ewropew tal-pubblikazzjoni elettronika għall-isfidi imposti mill-kompetizzjoni, billi jinħolqu kondizzjonijiet li jiffavorixxu l-interoperabilità tas-sistemi, it-trasferibilità minn apparat għall-ieħor u l-kompetizzjoni ġusta;

Id-drittijiet tal-proprjetà intelletwali

61.  Jenfasizza li d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali huma assi fundamentali għall-kumpaniji kreattivi u inċentiv għall-kreattività individwali u l-investiment fil-ħolqien; jitlob, għaldastant, skemi biex l-industriji kulturali u kreattivi jiġu mgħejjuna jadattaw għall-bidla diġitali permezz ta' servizzi ġodda fuq l-internet ibbażati fuq forom ġodda ta' ġestjoni tad-drittijiet li jippromwovu d-drittijiet tal-awturi; jitlob, ukoll, għal qafas regolatorju bbilanċjat li jirregola l-protezzjoni u l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

62.  Jenfasizza l-ħtieġa għal infurzar effikaċi tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fl-ambjenti tal-internet u mhux, u, f'dak ir-rigward, jisħaq fuq il-fatt li kwalunkwe miżura għandha tkun evalwata b'attenzjoni sabiex tiggarantixxi l-effiċjenza, il-proporzjonalità u l-konformità tagħhom mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

63.  Jistieden lill-Kummissjoni tadatta d-dritt tal-awtur għall-era diġitali biex tippermetti lill-industriji kulturali u kreattivi jaħsdu l-benefiċċji maħluqa mit-teknoloġija diġitali u l-konverġenza tal-mezzi ta' komunikazzjoni u tikkunsidra modi speċifiċi kif tiffaċilita l-użu tal-kontenut kreattiv u l-materjal arkivjat u sistemi one-stop-shop faċli biex jinkisbu permessi għall-użu tad-drittijiet;

64.  Jisħaq, f'dan il-kuntest, fuq ir-rwol essenzjali tas-soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur għall-iżvilupp tal-kreattività Ewropea u l-ekonomija diġitali; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi, fil-kuntest tat-tfassil li għaddej attwalment ta' proposta għal direttiva dwar il-ġestjoni kollettiva tad-drittijiet, qafas legali xieraq għas-soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur u r-riaggregazzjoni tar-repertorju tad-drittijiet tal-awtur;

65.  Jistieden lill-Kummissjoni tippermetti l-vijabilità ta' sistema ta' liċenzjar pan-Ewropea li tkun tibni fuq il-mudelli ta' liċenzji individwali u kollettivi eżistenti tad-drittijiet f'diversi territorji u tiffaċilita t-tnedija ta' servizzi b'għażla varjata ta' kontenut, biex b'hekk jiżdied l-aċċess legali għall-kontenut kulturali fuq l-internet;

66.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu l-iskambju tal-aħjar prattiki dwar metodi effikaċi bil-għan li jqajmu l-kuxjenza pubblika dwar l-impatt tal-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali;

67.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, flimkien mal-partijiet interessati, jorganizzaw kampanja biex titqajjem kuxjenza fil-livell Ewropew, nazzjonali u lokali, speċjalment fost il-konsumaturi żgħażagħ Ewropej, dwar il-ħtieġa li jiġu rrispettati d-drittijiet tal-proprjetà intelletwali;

68.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaffrontaw il-prattiki kummerċjali abbużivi u l-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, li tagħhom jistgħu jkunu vittmi l-industriji kulturali u kreattivi kemm fl-ekonomija reali, kif ukoll f'dik diġitali;

69.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li finalment tiġi indirizzata “l-karestija ta' kotba” esperjenzata minn dawk b'diżabilità fil-vista u dawk b'diżabilità biex jaqraw il-kitba stampata; ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri dwar l-obbligi tagħhom skont il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilitajiet biex jieħdu l-miżuri kollha xierqa biex jiżguraw li l-persuni b'diżabilitajiet igawdu minn aċċess għall-materjal kulturali f'formati aċċessibbli, u biex jiżguraw li l-liġijiet li jipproteġu d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ma jikkostitwixxux xkiel mhux raġonevoli jew diskriminatorju għall-aċċess għall-materjal kulturali minn persuni b'diżabilitajiet;

70.  Jistieden lill-Kummissjoni taħdem b'mod attiv u pożittiv fi ħdan l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO) biex jinstab qbil dwar norma legali vinkolanti, ibbażata fuq il-proposta għal trattat imfassla mill-Unjoni Dinjija għall-Persuni Neqsin mid-Dawl u mqiegħda fuq il-mejda fil-WIPO fl-2009;

71.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li tissolva l-kwistjoni ta' xogħlijiet orfni; jilqa' l-intenzjoni ddikjarata tal-Kummissjoni biex tippreżenta proposti f'dan il-qasam; jinnota li l-problema ta' xogħlijiet orfni u “l-ħofra s-sewda tas-seklu għoxrin” mhumiex limitati għax-xogħlijiet stampati bħal pereżempju l-kotba u r-rivisti, iżda hija estiża għal kull tip ta' xogħol, inklużi r-ritratti, il-mużika u x-xogħlijiet awdjoviżivi;

72.  Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ l-appoġġ finanzjarju għall-inizjattivi tas-settur privat biex jinħolqu drittijiet u databases tar-repertorji estensivament aċċessibbli dwar ir-repertorji mużikali, awdjoviżivi u ta' tip ieħor; id-databases ta' dan it-tip iżidu t-trasparenza u jissemplifikaw il-proċeduri għall-ksib ta' permessi għall-użu tad-drittijiet;

73.  Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ it-twaqqif ta' mekkaniżmu alternattiv ekwu, imparzjali u effikaċi għas-soluzzjoni tat-tilwim għall-partijiet interessati kollha;

74.  Hu tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tqis il-problemi speċifiċi li jiltaqgħu magħhom l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju meta jiġu biex jasserixxu d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tagħhom f'konformità mal-prinċipju “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” stabbilit mill-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar għall-Ewropa, inter alia billi jiġi applikat il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju;

75.  Jilqa' r-reviżjoni tal-Kummissjoni tas-sistema tal-UE tat-trademarks u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li jittieħdu l-passi rilevanti biex jiġi żgurat li t-trademarks ikunu jistgħu jgawdu mill-istess livell ta' protezzjoni fl-ambjent tal-internet u mhux;

Finanzjament għall-industriji kulturali u kreattivi

76.  Ifakkar li l-politiki u l-miżuri kollha għall-appoġġ u l-finanzjament għall-industriji kulturali u kreattivi għandhom iqisu l-karatteristiki ta' kull fergħa tas-settur;

77.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħti lill-industriji kulturali u kreattivi l-istatus ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju minnhom innifishom fir-rigward tal-arranġamenti kollha għall-aċċess għall-kreditu, l-appoġġ tal-bidu u l-protezzjoni tal-impjiegi, li għandhom ikunu adattati b'mod adegwat għall-ispeċifiċitajiet tas-settur, b'referenza partikulari għall-kapitalizzazzjoni baxxa, id-ditta bħala assi, ir-riskju għoli fl-istadju bikri, l-impatt kbir tat-teknoloġija informatika, l-impjieg irregolari u l-ħtieġa għal servizzi ċentralizzati;

78.  Jistieden lill-atturi kollha kkonċernati jikkunsidraw li jintroduċu strumenti finanzjarji ġodda innovattivi, kemm f'livell Ewropew, kif ukoll f'dak nazzjonali, bħall-miżuri ta' garanzija bankarja, self antiċipat ripagabbli u fondi ta' kapital ta' riskju, li jqisu l-ħtiġijiet ta' dawn l-industriji u speċjalment il-fatt li l-unika forma ta' kapital għall-kreaturi, f'ħafna każijiet, mhijiex waħda materjali;

79.  Jargumenta favur il-mobilizzazzjoni tal-fondi u tal-programmi eżistenti tal-UE (bħall-Faċilità ta' Mikrofinanzjament), u l-applikazzjoni semplifikata għalihom, għall-iżvilupp tal-impriżi żgħar u tal-mikroimpriżi fis-settur kulturali u kreattiv, bil-ħsieb li jiġi ottimizzat l-appoġġ għall-impriżi billi jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-informazzjoni dwar il-possibilitajiet ta' finanzjament;

80.  Jipproponi l-introduzzjoni ta' mikrofinanzjamenti fuq żmien qasir biex jitħeġġu l-isperimentazzjoni u l-iżvilupp ta' proġetti kulturali u kreattivi innovattivi;

81.  Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tivvaluta r-rilevanza tal-fondi strutturali, kif ukoll tal-programmi attwali u futuri fl-oqsma tal-kultura, tal-midja awdjoviżiva, taż-żgħażagħ u l-edukazzjoni, f'termini tal-potenzjal tagħhom biex javvanzaw is-settur kreattiv, u li ssawwar konklużjonijiet u taġixxi fuqhom biex ikun hemm politika ta' appoġġ aħjar;

82.  Jirrikonoxxi, ukoll, l-effikaċja tal-programmi tal-UE, bħall-Programm għall-Innovazzjoni u l-Kompetittività, biex l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju jkun jista' jkollhom aċċess għall-finanzjament, u jissuġġerixxi li l-Kummissjoni għandha tivvaluta l-possibilità li jitfasslu programmi speċifiċi simili għall-industriji kulturali u kreattivi;

83.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkundsidra li tistabbilixxi linja baġitarja speċifika taħt l-inizjattiva emblematika “Aġenda Diġitali” bħala appoġġ għall-bidla lejn sistemi diġitali fis-swali taċ-ċinema Ewropej, sabiex jiġi żgurat li ċ-ċittadini kollha tal-UE jkollhom aċċess għall-kontenut li jirrifletti l-identitajiet differenti tal-Ewropea u sabiex is-settur tal-films Ewropew kollu kemm hu jsir aktar kompetittiv;

84.  Jenfasizza l-importanza ta' patroċinji u sħubijiet bejn is-settur pubbliku u dak privat fil-finanzjament u l-appoġġ għall-attivitajiet kulturali u kreattivi, u jitlob li jittejjeb l-aċċess għall-kreditu għal dawn is-setturi u li jiġu eżaminati formuli alternattivi bħall-eżenzjoni mit-taxxa jew l-inċentivi fiskali biex jitħeġġeġ l-patroċinju mill-impriżi;

85.  Jisħaq fuq l-importanza li l-professjonisti fis-settur bankarju jkunu mħarrġa biex jipprovdu konsulenza dwar il-finanzjament ta' proġetti kulturali u kreattivi biex ikun hemm aċċess aħjar għall-kreditu mill-istituzzjonijiet finanzjarji;

86.  Jisħaq fuq l-importanza li jiġu żviluppati servizzi ta' konsultazzjoni u konsulenza dwar il-finanzi u l-ġestjoni kummerċjali biex dawk li jaħdmu fis-settur kulturali u kreattiv, u b'mod partikolari l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju u n-negozji żgħar ħafna, ikunu jistgħu jifhmu l-għodod meħtieġa għal ġestjoni kummerċjali tajba sabiex jitjiebu l-ħolqien, il-produzzjoni, il-promozzjoni u d-distribuzzjoni tal-beni u s-servizzi kulturali;

87.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jitħarrġu professjonisti kapaċi jiżguraw il-vijabilità ekonomika u finanzjarja ta' proġetti kulturali u kreattivi sabiex jitjieb l-aċċess għall-kreditu quddiem istituzzjonijiet finanzjarji u bankarji li ġeneralment ma jkunux familjari mal-karatteristiki speċifiċi ta' dan is-settur;

88.  Jistieden lill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-Aġenda Diġitali, tgħin lill-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju attivi fl-industriji kulturali u kreattivi fit-tfittxija tagħhom għal mudelli kummerċjali innovattivi fuq l-internet li jkunu kompetittivi u favorevoli għall-konsumatur u bbażati fuq il-kofinanzjament u l-kondiviżjoni tar-riskji bejn l-industriji kulturali u kreattivi u l-intermedjarji;

89.  Jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-proċeduri tal-akkwist pubbliċi ma jinvolvux spejjeż u burokrazija żejda bla bżonn għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju;

90.  Jistieden lill-Kummissjoni, fid-dawl tat-tnedija f'Diċembru 2011 tat-tmien Programm Qafas għar-Riċerka, tipprovdi fondi għall-implimentazzjoni ta' proġetti imprenditorjali u negozji ġodda proposti minn żgħażagħ taħt il-35 sena fis-settur tal-industriji kulturali u kreattivi;

91.  Jitlob li jingħata finanzjament ta' prijorità taħt il-programm ENPI RIP 2011-2013 lill-industriji kulturali u kreattivi, b'referenza partikolari għas-settur awdjoviżiv u l-produzzjoni u d-distribuzzjoni tax-xogħlijiet awdjoviżivi fir-reġjun Ewro-Mediterran;

92.  Jissuġġerixxi li jintuża l-qafas tal-Alleanza tal-Industriji Kreattivi Ewropej (AIKE) biex tiġi pprovduta pjattaforma għall-aċċess għall-informazzjoni u konsulenza dwar l-istat ta' tħejjija għall-investiment u strateġiji kummerċjali fuq żmien twil, l-aċċess għas-self, fondi ta' garanzija u investiment transkonfinali mis-settur privat, u jitlob li tiġi esplorata l-possibilità li jitwaqqaf Bank tal-Industriji Kreattivi;

93.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-awtoritajet lokali u reġjonali joħolqu kundizzjonijiet favorevoli għall-industriji kulturali u kreattivi biex jistabbilixxu kuntatt mal-organizzazzjoni li x'aktarx jipprovdulhom finanzjament, u jistieden lil dawk l-awtoritajiet iqajmu kuxjenza fost l-organizzazzjonijiet finanzjarji dwar is-sitwazzjoni speċifika tal-industriji kulturali u kreattivi biex jikkonvinċuhom jinvestu f'dawn l-industriji u, b'mod aktar partikolari, fl-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju u f'negozji żgħar ħafna, abbażi ta' proġetti kulturali b'potenzjal ekonomiku qawwi;

94.  Iħeġġeġ lill-korpi lokali, territorjali u reġjonali jaraw li l-istituzzjonijiet finanzjarji jsiru iktar konxji dwar il-karatteristiki speċjali tal-industriji kulturali u kreattivi sabiex dawn ikunu motivati jinvestu f'dawn l-industriji u b'mod partikolari fl-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju;

Koperazzjoni lokali u reġjonali

95.  Jenfasizza li l-industriji kulturali u kreattivi ta' spiss jikkontribwixxu għat-trasformazzjoni tal-ekonomiji lokali f'diffikultà billi jħeġġu l-feġġa ta' attivitajiet ekonomiċi ġodda, joħolqu impjiegi ġodda u sostenibbli u jsaħħu l-attraenza tar-reġjuni u l-bliet Ewropej, biex b'hekk jaqdu l-interessi tal-koeżjoni soċjali u territorjali;

96.  Jenfasizza li l-kultura għandha rwol essenzjali x'tiżvolġi f'termini tal-iżvilupp sostenibbli tat-territorji transkonfinali u huwa konxju mill-fatt li l-infrastrutturi u l-faċilitajiet tal-industriji kulturali u kreattivi jistgħu jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-koeżjoni territorjali; jemmen li t-tqanqil tal-kultura u tal-kreattività hu parti integrali mill-koperazzjoni territorjali li għandha tissaħħaħ;

97.  Jistieden lill-korpi kollha involuti fil-livell lokali jużaw il-programmi ta' koperazzjoni territorjali sabiex jużaw u jittrasferixxu l-aħjar prattiki għall-iżvilupp tas-settur tal-industriji kulturali u kreattivi;

98.  Jirrakkomanda, min-naħa l-waħda, li titwettaq riċerka iktar intensiva dwar l-interdipendenza tal-provvista tal-kultura u l-lokalità tan-negozji kulturali u kreattivi, kif ukoll is-sinifikat mifrux mal-UE tal-kultura bħala fattur fid-deċiżjonijiet tal-kumpaniji fejn jistabbilixxu ruħhom; u, mill-oħra, li jingħata appoġġ lir-riċerka akkademika dwar l-impatt li għandhom in-negozji kulturali u kreattivi fuq il-postijiet fejn jistabbilixxu ruħhom;

99.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jikkatalogaw l-għerf disponibbli dwar il-prattiki, il-ħtiġijiet u l-esperjenzi t-tajba tal-koperazzjoni kulturali u kreattiva transkonfinali u territorjali, sabiex tinkiseb ħila speċifika fil-kultura, il-kreattività u t-territorji transkonfinali (partikolarment f'oqsma li ftit li xejn huma esplorati bħar-rabta bejn il-kultura, il-kreattività u l-ekonomija) u sabiex jitfasslu strateġiji transkonfinali għall-ġestjoni tal-patrimonju u r-riżorsi kulturali;

100.  Jistieden lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jistabbilixxu postijiet għal-laqgħat u jistabbilixxu l-bażi għall-ħolqien ta' netwerks lokali biex titqajjem kuxjenza dwar l-industriji kulturali u kreattivi fost dawk li jaħdmu fis-settur, permezz tal-kondiviżjoni tal-kompetenzi, l-esperimentazzjoni, it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ fit-teknoloġiji l-ġodda, bħat-teknoloġiji diġitali, kif ukoll fost il-pubbliku ġenerali permezz ta' taħriġ, dibattiti u avvenimenti artistiċi u kulturali oħra, u jiżviluppaw ċentri ta' kreattività u inkubaturi li jippermettu li l-professjonisti żgħażagħ u n-negozji kreattivi jaħdmu f'netwerk, jippromwovu l-innovazzjoni u jżidu l-viżibilità tas-settur;

101.  Jistieden lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jingħaqdu flimkien f'netwerks bil-ħsieb li jagħmlu skambju il-prattiki tajbin u jwaqqfu proġetti pilota transkonfinali u transnazzjonali;

102.  Jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jikkontribwwixxu b'mod sinifikanti għal tixrid u ċirkolazzjoni aħjar tal-beni kulturali billi jorganizzaw, jappoġġaw u jippromwivu avvenimenti kulturali;

103.  Jinnota li l-infrastrutturi u l-faċilitajiet kulturali u kreattivi jiżvolġu rwol importanti fl-iżvilupp tal-ambjent fiżiku tal-bliet, fil-ħolqien ta' ambjent attraenti għall-investiment u, b'mod partikolari, fir-rijabilitazzjoni u r-rivitalizzazzjoni tad-distretti industrijali antiki, u li l-patrimonju kulturali jagħti valur miżjud u jżid l-individwalità fl-iżvilupp u t-tiġdid taż-żoni rurali, speċjalment permezz tal-kontribut tiegħu għat-turiżmu rurali u l-prevenzjoni tad-depopolazzjoni ta' dawn iż-żoni;

104.  Jikkunsidra wkoll li hu fattur sinifikanti ħafna fil-kuntest tal-istrateġiji għar-rijabilitazzjoni ta' distretti industrijali antiki, kif ukoll fil-politiki għad-definizzjoni tal-isferi settorjali l-ġodda tat-turiżmu li qed jitfaċċaw u fid-definizzjoni mill-ġdid tat-turiżmu tradizzjonali;

105.  Jemmen għalhekk li l-istabbiliment ta' industriji kulturali u kreattivi u l-iżvilupp ta' dawk li diġà jeżistu jridu jiġu appoġġati permezz ta' strateġiji ta' żvilupp nazzjonali, reġjonali u lokali, fi sħubija bejn l-awtoritajiet pubbliċi li jirrappreżentaw id-diversi oqsma politiċi, l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili rilevanti;

106.  Iħeġġeġ għalhekk lill-Istati Membri u lir-reġjuni joħolqu opportunitajiet għall-koperazzjoni ta' dan it-tip, ifasslu politiki li jagħqdu l-investiment fl-infrastruttura mal-investiment fil-kapital uman, u jesploraw l-iskemi ta' vawċers ta' innovazzjoni biex jgħinu lill-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju u lill-individwi kreattivi u kulturali jiksbu ħiliet professjonali;

107.  Jemmen li l-Kummissjoni tista' tagħti iktar attenzjoni lill-arranġamenti ta' ġemellaġġ bejn il-bliet, il-muniċipalitajiet u r-reġjuni, li għal ħafna snin ipprovdew forum eċċellenti għall-koperazzjoni kulturali u kreattiva u għall-iskambju tal-informazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi, f'koperazzjoni mal-assoċjazzjonijiet Ewropej tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, inizjattivi ta' ġemellaġġ u skambju moderni u ta' kwalità għolja li jinvolvu lill-partijiet kollha tas-soċjetà;

108.  Jissuġġerixxi t-twaqqif ta' programm ta' azzjoni ddedikat għall-promozzjoni u l-koperazzjoni kulturali transkonfinali, bħala parti mis-Sena Ewropea tal-Volontarjat;

Il-Kapitali Ewropea tal-Kultura

109.  Jenfasizza r-rikonoxximent estensiv tal-inizjattiva tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura bħala “laboratorja” għall-iżvilupp urban permezz tal-kultura; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi din l-inizjattiva u tiżgura l-kundizzjonijiet tajbin għat-trasferiment tal-aħjar prattiki, il-koperazzjoni kulturali u t-twaqqif ta' netwerks għall-kondiviżjoni tal-esperjenza dwar l-opportunitajiet tal-industriji kulturali u kreattivi sabiex isir użu mill-potenzjal sħiħ ta' dawn is-setturi;

110.  Jitlob li jiġi inkluż dibattitu dwar il-potenzjal tal-industriji kulturali u kreattivi fil-programm tal-avvenimenti li jiċċelebraw il-Kapitali Ewropej tal-Kultura;

Il-moda u t-turiżmu

111.  Jikkunsidra li l-moda u t-turiżmu kulturali u sostenibbli għandhom jiżdiedu mas-setturi identifikati fil-Green Paper bħala dawk is-setturi li jiffurmaw parti mill-industriji kulturali u kreattivi; jindika li ż-żewġ setturi huma kkaratterizzati minn grad għoli ta' kreattività u spirtu imprenditorjali li għandhom impatt sinifikattiv fuq l-ekonomija u l-kompetittività internazzjonali tal-UE;

112.  Jenfasizza l-importanza konsiderevoli tat-turiżmu għall-industriji kulturali u kreattivi u jirrakkomanda li l-Kummissjoni tħeġġeġ lill-bliet u r-reġjuni jagħmlu użu ikbar mill-kultura bħala assi uniku, jikkoperaw iktar mill-qrib ma' xulxin fil-qasam tat-turiżmu kulturali, jiżviluppaw forom ta' koperazzjoni bejn is-settur kulturali u dak tat-turiżmu u jappoġġaw liż-żewġ setturi fi sforzi ta' kummerċjalizzazzjoni konġunta;

Ir-relazzjonijiet internazzjonali u l-kummerċ

113.  Jenfasizza l-importanza tal-Konvenzjoni tal-Unesco msemmija hawn fuq bħala strument essenzjali biex jiġi ggarantit li “l-eċċezzjoni kulturali” fil-kummerċ internazzjonali fil-prodotti u s-servizzi ta' natura kulturali u kreattiva tinżamm fi ħdan il-qafas internazzjonali tad-WTO;

114.  Jinnota li fir-rigward tal-promozzjoni tal-iskambju u d-diversità kulturali, l-aċċess għas-swieq ta' pajjiżi terzi huwa soġġett għal ħafna barrieri tariffarji u mhux tariffarji li, flimkien man-nuqqas ta' sigurtà tan-netwerks għad-distribuzzjoni u l-isfruttar, jagħmluha diffiċli biex il-kultura Ewropea jkollha preżenza ġenwina;

115.  Jisħaq fuq il-potenzjal kbir tal-industrija kulturali u kreattiva fil-kummerċ internazzjonali u jassumi li s-sinifikat tagħha qed jiġi sottovalutat minħabba d-diffikultà biex tinġabar id-data;

116.  Jistieden lill-Kummissjoni, fil-prospettiva tal-proliferazzjoni tal-ftehimiet kummerċjali bilaterali, tressaq lill-Parlament strateġija ċara u ġenerali dwar il-protokolli ta' koperazzjoni kulturali mehmużin ma' dawk il-ftehimiet, bil-ħsieb li l-offerta Ewropea ta' koperazzjoni tiġi adattata għall-ħtiġijiet u l-karatteristiki speċifiċi tal-industriji kulturali u kreattivi fil-pajjiżi sħab, f'konformità mal-impenji meħuda fid-WTO u mal-ispirtu u l-kelma tal-Konvenzjoni tal-Unesco;

117.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jagħtu spinta lill-esportazzjoni ta' prodotti u servizzi kulturali u kreattivi u jistinkaw biex iżidu l-prominenza tal-industriji kulturali u kreattivi tal-Ewropa barra mill-UE;

o
o   o

118.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 201, 25.7.2006, p. 15.
(2) ĠU L 95, 15.4.2010, p. 1.
(3) ĠU L 372, 27.12.2006, p. 1.
(4) ĠU L 327, 24.11.2006, p. 12.
(5) ĠU C 81 E, 15.3.2011, p. 16.
(6) ĠU C 76 E, 25.3.2010, p. 16.
(7) ĠU C 247 E, 15.10.2009, p. 32.
(8) ĠU C 247 E, 15.10.2009, p. 25.
(9) ĠU C 125 E, 22.5.2008, p. 223.
(10) http://ec.europa.eu/culture/our-policy-development/doc/CONS_NATIVE_CS_2009_08749_1_EN.pdf
(11) ĠU L 95, 15.4.2010, p. 1.

Aġġornata l-aħħar: 8 ta' Novembru 2012Avviż legali