Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2011/2685(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

B7-0330/2011

Dibattiti :

PV 12/05/2011 - 16.2

Votazzjonijiet :

PV 12/05/2011 - 17.2

Testi adottati :

P7_TA(2011)0243

Testi adottati
PDF 85kDOC 53k
Il-Ħamis, 12 ta' Mejju 2011 - Strasburgu Verżjoni finali
L-Azerbajġan
P7_TA(2011)0243B7-0330, 0333, 0335, 0337 u 0340/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Mejju 2011 dwar l-Azerbajġan

Il-Parlament Ewropew ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Ażerbajġan, partikolarment dik tas-17 ta' Diċembru 2009(1) ,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-20 ta' Mejju 2010(2) dwar il-ħtieġa ta' strateġija Ewropea għall-Kawkasu tan-Nofsinhar, tas-7 ta' April 2011(3) dwar ir-reviżjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat – Dimensjoni tal-Lvant u tal-20 ta' Jannar 2011(4) dwar Strateġija tal-UE għall-Baħar l-Iswed,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija magħmula mill-kelliem tal-Kummissarju għat-Tkabbir u l-Politika Ewropea tal-Viċinat tat-18 ta' April 2011 u l-istqarrija tal-uffiċċju tad-Delegazzjoni tal-UE f'Baku tal-10 ta' Marzu 2011,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Ministri Barranin dwar is-Sħubija tal-Lvant tat-13 ta' Diċembru 2010,

–  wara li kkunsidra l-Ftehima ta' Sħubija u ta' Koperazzjoni bejn il-KE u l-Kazakistan li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 1999,

–  wara li kkunsidra l-istqarrijiet tar-Rappreżentant tal-OSKE dwar il-Libertà tal-Midja dwar l-attakk fuq il-ġurnalisti tal-10 ta' Marzu 2011 u tat-28 ta' Marzu 2011,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-ODIHR Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali dwar l-elezzjonijiet parlamentari tas-7 ta' Novembru 2010,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.   billi l-Azerbajġan qed jipparteċipa b'mod attiv fil-Politika Ewropea tal-Viċinat u fis-Sħubija tal-Lvant, u billi l-Azerbajġan huwa membru fundatur tal-Euronest u hu impenjat li jirrispetta d-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, li huma valuri ċentrali ta' dawn iż-żewġ inizjattivi,

B.  billi sa mill-15 ta' Lulju 2010 tnedew negozjati dwar Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Azerbajġan msejjes fuq impenji konġunti għal ġabra ta' valuri komuni, li jkopru firxa wiesa' ta' oqsma, inkluż id-djalogu politiku, il-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà, kif ukoll il-kummerċ u l-kooperazzjoni f'politiki settorjali,

C.  billi, għalkemm, skont id-dikjarazzjoni konġunta tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali, magħmula mill-Assemblea Parlamentari tal-OSKE, l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Parlament Ewropew, l-elezzjonijiet parlamentari tas-7 ta' Novembru 2010 fir-Repubblika tal-Azerbajġan kienu kkaratterizzati b'atmosfera paċifika u bil-parteċipazzjoni tal-partiti kollha tal-oppożizzjoni involuti fil-proċess politiku, minkejja dan it-tmexxija ġenerali ta' dawn l-elezzjonijiet ma kienitx tali li tikkostitwixxi progress sinifikanti fl-iżvilupp demokratiku tal-pajjiż,

D.  billi qed titwettaq ripressjoni mifruxa fuq il-libertà tal-espressjoni u ta' assemblea fl-Ażerbajġan wara l-protesti paċifiċi kontra l-gvern tal-11 ta' Marzu u tat-2 ta' April 2011; billi r-ripressjoni fl-Azerbajġan tinvolvi arresti, fastidji u intimidazzjoni ta' attivisti mis-soċjetà ċivili, professjonisti tal-midja u politiċi mill-oppożizzjoni,

E.  billi l-każijiet tal-attivisti Jabbar Savalan u Bakhtiyar Hajiev huma ta' tħassib partikolari; billi, is-Sur Savalan, membru tal-grupp taż-żgħażagħ tal-Partit tal-Front Popolari tal-Azerbajġan (APFP), u s-Sur Hajiev, attivist u ekx kandidat parlamentari, ġew akkużati li użaw il-Facebook biex isejħu għal dimostrazzjonijiet kontra l-gvern; billi s-Sur Savalan ġie ssentenzjat għal sentejn u nofs ħabs fil-ħabs fuq allegazzjoni ta' pussess ta' drogi; billi s-Sur Hajiev kien arrestat fl-4 ta' Marzu wara li sejjaħ għal dimostrazzjonijiet kontra l-gvern fuq Facebook u issa qiegħed jiffaċċja sentejn ħabs fuq allegazzjoni li naqas milli jwettaq is-servizz militari; billi jeżistu dubji serji rigward l-imparzjalità tal-proċessi tas-Sur Savalan u tas-Sur Hajiev,

F.  billi f'nofs Marzu, il-qrati tal-Azerbajġan issentenzjaw mill-anqas 30 persuna li ħadu sehem f'dawk il-protesti paċifiċi għal madwar ħames sa tmien tijien ħabs fi proċessi li seħħew tard bil-lejl u li kienu magħluqin għall-pubbliku; billi ħafna mill-akkużati ma kellhomx aċċess għal avukat tal-għażla tagħhom; billi l-pulizija rrifjutat li tippermetti lid-detenuti jikkuntattjaw l-avukati u billi l-avukati ta' uħud mill-akkużati ma kienux jafu meta u fejn kienu ser jinżammu l-proċessi,

G.  billi madwar 200 attivist ġew arrestati fit-2 ta' April 2011, inkluż il-mexxej tal-Organizzazzjoni taż-żgħażagh tal-Partit Musavat, Tural Abbasli,

H.  billi d-Dar tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Azerbajġan, li hi membru tan-Netwerk Internazzjonali tad-Djar tad-Drittijiet tal-Bniedem, reġistrata fl-Azerbajġan f'Mejju 2007, ingħalqet mill-awtoritajiet fuq ordni maħruġ mill-Ministeru tal-Ġustizzja fl-10 ta' Marzu 2011; billi l-Ministeru ġġustifika l-għeluq billi għamel referenza għal ksur tal-Liġi tal-Azerbajġan dwar Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi mill-organizzazzjoni,

I.  billi l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ordnat lir-Repubblika tal-Azerbajġan teħles mill-ħabs lill-ġurnalist Eynulla Fatullayev u tħallsu EUR 25 000 f'danni morali,

J.  billi l-Azerbajġan hu membru tal-Kunsill tal-Ewropa u parti mill-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) u ukoll firmatarju ta' numru ta' trattati internazzjonali oħrajn dwar id-drittijiet tal-bniedem, inkluż il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

1.  Jesprimi tħassib serju dwar in-numru dejjem jiżdied ta' inċidenti ta' fastidju, attakki u vjolenza kontra s-soċjetà ċivili u l-attivisti tan-netwerk soċjali u ġurnalisti fl-Azerbajġan;

2.  Jiddeplora bil-qawwa l-prattika ta' intimidazzjoni, arrest, prosekuzzjoni u akkuża ta' ġurnalisti indipendenti u attivisti politiċi fuq akkużi kriminali differenti;

3.  Jiddpelora l-arrest ta' madwar 200 persuna qabel u waqt, il-protesti kontra l-gvern tat-2 ta' April 2011 f'Baku; jistieden lill-awtoritajiet tal-Azerbajġan jippermettu protesti paċifiċi kif ukoll il-libertà ta' assemblea, li huma prinċipji ewlenin ta' soċjetà miftuħa u demokratika; jiddeplora l-vjolenza fiżika wżata kontra dawk li pprotestaw;

4.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Azerbajġan jeħilsu l-membri kollha tal-oppożizzjoni, attivisti żgħażagħ u bloggers li għadhom jinsabu taħt arrest wara d-demostrazzjonijiet paċifiċi tal-11 ta' Marzu u tat-2 u s-17 ta' April 2011, biex jeħilsu s-Sur Savalan u s-Sur Hajiyev u biex tirtira l-akkużi kontrihom; jistieden lill-Gvern tal-Azerbajġan jirrispetta l-konvenzjonijiet internazzjonali li tagħhom hu firmatarju, biex jirrispetta l-libertà tal-espressjoni;

5.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet jissalvagwardjaw il-kundizzjonijiet kollha meħtieġa li jippermettu lill-midja, inkluż il-midja tal-oppożizzjoni, joperaw, sabiex il-ġurnalisti jkunu jistgħu jaħdmu u jirrapportaw b'mod ħieles mingħajr l-ebda pressjoni, u biex jagħtu attenzjoni speċjali lis-sigurtà tal-ġurnalisti; ifakkar fl-istqarrija ta' Marzu 2005 mill-President Ilham Aliyev li tistqarr li d-drittijiet ta' kull ġurnalist huma protetti u li dawn għandhom ikunu mħarsa mill-Istat;

6.  Jesprimi t-tħassib tiegħu għar-rapporti ta' theddid kontra l-editur tal-gazzetta Eynulla Fatullayev, dwar id-deterjorament ta' saħħtu li issa ggravat u ċ-ċaħda milli jkollu aċċess għall-kura medika, u jitlob għall-ħelsien immedjat tiegħu;

7.  Jinsab imħasseb dwar l-aggravar tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika tal-Azerbajġan; jistieden lill-awtoritajiet tal-Azerbajġan jissalvagwardjaw il-libertajiet fundamentali ggarantiti mill-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fondamentali u ta' trattati internazzjonali oħrajn li tagħhom ir-Repubblika tal-Azerbajġan hu firmatarju u biex jirrispetta l-impenji tal-OSKE u tal-Kunsill tal-Ewropa;

8.  Jiddeplora t-twissjiet bil-miktub ta' “temma ta' attività” reċenti mibgħuta mill-Ministeru tal-Ġustizzja tal-Azerbajġan lill-Istitut Demokratiku Nazzjonali u lin-Netwerk tad-Dar tad-Drittijiet tal-Bniedem u jħeġġeġ, f'dan ir-rigward, lill-awtoritajiet tal-Azerbajġan jippermettu lil din tal-aħħar tkompli bl-attivitajiet tagħha fil-pajjiż mingħajr l-ebda xkiel ieħor;

9.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Azerbajġan għal djalogu mal-membri tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u biex jieħdu l-passi kollha meħtieġa li tippermetti lill-individwi jipparteċipaw b'mod ħieles f'attivitajiet paċifiċi, u demokratiċi u biex l-attivisti jitħallew jorganizzaw b'mod ħieles u mingħajr interferenza mill-gvern;

10.  Jinkoraġġixxi l-awtoritajiet tal-Azerbajġan jippermettu dimostrazzjonijiet paċifiċi f'lokalitajiet partikolari u jħeġġiġhom jieqfu milli jintimidaw l-organizzaturi billi jarrestawhom u jakkużawhom fuq akkużi kriminali u oħrajn; jiddispjaċih li xi attivisti żgħażagħ tkeċċew mill-Università Statali ta' Baku wara li ma marrux għall-eżamijiet waqt li kienu fil-kustodja tal-pulizija, minħabba l-attivitajiet politiki tagħhom;

11.  Jilqa' l-ħelsien mill-ħabs reċenti ta' żewġ bloggers Adnan Hajizade u Emin Abdullayev (Milli);

12.  Iqis l-aċċess għall-teknoloġiji ta' informazzjoni u ta' komunikazzjoni, inkluż l-aċċess ħieles u mhux iċċensurat għall-internet, li hu essenzjali għall-iżvilupp tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt u bħala mezz ta' promozzjoni ta' skambji u kommunikazzjoni bejn in-nies tal-Azerbajġan u l-UE;

13.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Azerbajġan jindirizzaw in-nuqqasijiet identifikati mir-Rapport Finali tal-OSKE/ODIHR dwar l-elezzjonijiet parlamentari u jistenna aktar kooperazzjoni mal-Kummissjoni tal-Venezja biex jiġi żgurat li l-leġiżlazzjoni elettorali tal-Azerbajġan tikkonforma bis-sħiħ man-normi u mal-istandards internazzjonali;

14.  Jistieden lill-Azerbajġan biex iġedded l-isforzi tiegħu ħalli jimplimenta bis-sħiħ il-Pjan ta' Azzjoni PEV, u jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli tgħin lill-Azerbajġan f'din il-ħidma;

15.  Jilqa' l-ħolqien ta' sottokumitati ġodda tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Azerbajġan, li għandhom isaħħu l-qafas istituzzjonali għad-diskussjonijiet fil-qasam tal-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà u dwar ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija;

16.  Jilqa' l-kontribuzzjoni tal-Azerbajġan għas-Sħubija tal-Lvant u l-parteċipazzjoni tad-delegazzjoni minn Milli Majlis fis-sessjoni inawgurali tal-Assemblea Parlamentari tal-Euronest;

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President biex igħaddi din ir-riżoluzzjoni lir-Rappreżentant Għoli / il-Viċi President tal-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-President, Gvern u lill-Parlament tal-Azerbajġan u lill-OSKE/ODIHR.

(1) ĠU C 286 E, 22.10.2010, p. 27.
(2) Testi adottati, P7_TA(2010)0193.
(3) Testi adottati, P7_TA(2011)0153.
(4) Testi adottati, P7_TA(2011)0025.

Aġġornata l-aħħar: 8 ta' Novembru 2012Avviż legali