Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2011/2712(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

B7-0353/2011

Dibattiti :

PV 09/06/2011 - 12.1
CRE 09/06/2011 - 12.1

Votazzjonijiet :

PV 09/06/2011 - 13.1

Testi adottati :

P7_TA(2011)0270

Testi adottati
PDF 85kDOC 52k
Il-Ħamis, 9 ta' Ġunju 2011 - Strasburg Verżjoni finali
Il-Madagaskar
P7_TA(2011)0270B7-0353, 0360, 0365, 0366 u 0367/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ġunju 2011 dwar is-sitwazzjoni fil-Madagaskar

Il-Parlament Ewropew ,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Ftehim ta' Cotonou dwar id-djalogu politiku u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem rispettivament,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Madagascar, partikolarment dik tas-7 ta' Mejju 2009(1) u dik tal-11 ta' Frar 2010(2) , u l-missjoni għat-tfittxija tal-fatti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE fil-Madagaskar tal-10 u l-11 ta' Lulju 2010,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-19 ta' Novembru 2010 mir-Rappreżentant Għoli tal-UE Catherine Ashton,

–  wara li kkunsidra l-Komunikat ta' Swaziland tat-30 ta' Marzu 2009 u d-deċiżjoni ta' Livingstone tal-31 ta' Marzu 2011 li, fil-paragrafu 6, tiddikjara li s-soluzzjoni fil-Madagaskar għandha tkun demokratika, b'kunsens, inklużiva u trasparenti,

–  wara li kkunsidra l-Ftehimiet ta' Maputo tat-8 u d-9 ta' Awwissu 2009 u l-Att Addizzjonali ta' Addis Ababa tas-6 ta' Novembru 2009, iffirmati mill-erba' mexxejja tal-aggruppamenti politiċi fil-Madagaskar, u billi dawn il-Ftehimiet għandhom valur kostituzzjonali kif espressament mifthieem mill-partijiet ikkonċernati u rikonoxxut mill-komunità internazzjonali,

–  wara li kkunsidra s-sospensjoni tal-Madagaskar mill-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika u mill-Unjoni Afrikana (UA),

–  wara li kkunsidra s-sanzjonijiet deċiżi mill-Unjoni Afrikana fis-17 ta' Marzu 2010 u kkonfermati fil-31 ta' Jannar 2011 kontra s-Sur Rajoelina u iktar minn mitt alleat tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-pjan direzzjonali riċenti propost mit-tim ta' medjazzjoni tal-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika,

–  wara li kkunsidra s-Samit Straordinarju tal-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika fil-Madagaskar tal-20 ta' Mejju 2011,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-instabilità politika persistenti li baqgħet wara l-kolp ta' stat tefgħet lill-Madagaskar f'sitwazzjoni prekarja mill-perspettiva soċjoekonomika, dik umanitarja u dik tad-drittijiet tal-bniedem,

B.  wara li kkunsidra l-impenji mogħtija f'Maputo u f'Addis Adaba dwar il-qsim tal-poter ma' movimenti politiċi oħra fil-Madagaskar; billi dawn il-ftehimiet jinkludu wkoll Karta tal-Valuri bbażata fuq l-osservanza tal-prinċipji fundamentali u l-promozzjoni, matul il-perjodu tranżitorju, tan-nonvjolenza, ir-rikonċiljazzjoni u r-rispett mutwu,

C.  billi r-reġim preżenti jonqos mir-rispett lejn id-drittijiet kostituzzjonali, demokratiċi u fundamentali mħaddna fil-Ftehim ta' Cotonou u fil-ftehimiet internazzjonali,

D.  billi għandha tinbeda inkjesta miftuħa u indipendenti dwar l-imwiet u l-użu eċċessiv tal-forza waqt id-demostrazzjonijiet fl-2009,

E.  billi r-reġim illegali attwali għandu monompolju fuq il-poteri eżekuttivi, leġiżlattivi, ġudizzjarji u l-mezzi tax-xandir,

F.  billi l-proċess kurrenti ta' negozjati taħt medjazzjoni internazzjonali għandu jkompli b'mod inklużiv,

G.  billi fis-17 ta' Novembru 2010 l-awtorità de facto organizzat referendem kostituzzjonali inġust, li ġie bbojkottjat bix-xieraq mill-opppożizzjoni, u injorat b'mod ġenerali mill-komunità internazzjonali li wassal għall-adozzjoni tal-hekk imsejħa Kostituzzjoni ġdida,

H.  billi nhar it-Tnejn 6 ta' Lulju 2009 l-Unjoni Ewropea bdiet proċess ta' konsultazzjoni mal-Madagaskar skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Cotonou, biex b'hekk fetħet djalogu bil-għan li jinstabu soluzzjonijiet adegwati għall-problemi politiċi tal-pajjiż,

I.  billi fis-7 ta' Ġunju 2010 l-Unjoni Ewropea ddeċidiet li tagħlaq il-konsultazzjonijiet mar-Repubblika tal-Madagaskar u adottat miżuri xierqa skont l-Artikolu 69 tal-Ftehim ta' Cotonou, f'dan il-każ is-sospensjoni tal-għajnuna,

J.  billi l-attentati evidenti msemmija hawn fuq fuq id-demokrazija wasslu wkoll għas-sospensjoni tal-għajnuna mill-FMI u mill-Bank Dinji, sospensjoni tal-benefiċċji tal-Att Afrikan għat-Tkabbir u l-Opportunità (African Growth and Opportunity Act) u l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet immirati mill-Unjoni Afrikana,

K.  billi fis-17 ta' Mejju 2011 il-Kopresidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE talbu li jiġi stabbilit gvern tranżitorju li jkun newtrali, b'kunsens u inklużiv bil-missjoni li jnedi proċess elettorali trasparenti u indipendenti li jwassal lejn elezzjonijiet demokratiċi ssorveljati mill-komunità internazzjonali, bħala l-ewwel pass lejn l-istabbiliment mill-ġdid sostenibbli tal-ordni kostituzzjonali,

L.  billi l-popolazzjoni għandha inqas minn USD 1 fil-ġurnata għad-dispożizzjoni tagħha u d-dħul disponibbli għall-unitajiet domestiċi jagħmilha diffiċli li dawn jiksbu affarijiet bażiċi tal-ikel, ilma, servizzi iġeniċi, saħħa u edukazzjoni; billi s-sitwazzjoni ddeterjorat konsiderevolment mill-bidu tal-kriżi politika u minħabba l-għargħar u d-diversi diżastri naturali li laqtu lill-pajjiż f'dawn l-aħħar sentejn,

1.  Itenni bil-saħħa l-kundanna qawwija tiegħu għall-proċess li bih is-Sur Rajoelina ħataf il-poter u qed iżomm ir-reġim illegali u illeġittimu tiegħu, u jibqa' mħasseb dwar is-sitwazzjoni kurrenti fil-Madagaskar;

2.  Jikkundanna l-ħafna ksur u abbużi tad-drittijiet tal-bniedem mill-forzi ta' sigurtà kurrenti tal-Madagaskar kontra l-popolazzjoni tagħhom stess u jitlob li jiġu xolti l-milizzji politiċi kollha, favur r-rispett sħiħ tad-drittijiet ċivili, politiċi, soċjali u ekonomiċi taċ-ċittadini kollha u l-istabbiliment mill-ġdid tal-istat tad-dritt fil-Madagaskar; jitlob il-ħelsien immedjat tal-priġunieri politiċi kollha; jitlob l-persuni eżiljati u l-mexxejja politiċi jkollhom ritorn sikur;

3.  Jitlob li ssir inkjesta indipendenti ta' dawn l-atti li l-għan tagħha għandu jkun li l-awturi tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem jinġabu quddiem il-ġustizzja;

4.  Jesprimi l-allarm profond tiegħu dwar is-serq illegali kontinwu u l-esportazzjoni ta' njam, minerali u annimali selvaġġi prezzjużi mill-ġonna nazzjonali u minn żoni protetti, u dwar it-theddid dejjem jiżdied għall-ġestjoni komunitajra tal-bijodiversità minħabba t-tiġrif tal-ordni, u jappoġġa l-gruppi ta' preservazzjoni u s-soċjetà ċivili fl-isforzi kontinwi tagħhom biex jevitaw it-triq għan-niżla lejn id-deprivazzjoni ambjentali estrema u d-diżastru soċjali;

5.  Jiddispjaċih mill-falliment tan-negozjati ta' Gaborone u jitlob strateġija sodisfaċenti ta' ħruġ mis-sitwazzjoni staġnata kurrenti sabiex ikun stabbilit gvern tranżitorju verament newtrali, b'kunsens u inklużiv; jinnota l-kummenti u r-rakkomandazzjonijiet li saru fir-rapport għas-Samit Straordinarju tal-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika; jinkoraġġixxi li s-Samit li jmiss tal-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika fil-11 ta' Ġunju 2011 jtemm b'mod definittiv l-istaġnar politiku u jimmira biex jaqdi l-interessi tal-poplu tal-Madagaskar; iħeġġeġ lill-partijiet kollha involuti skont it-termini tal-ftehimiet li ġew iffirmati biex jonoraw l-impenji tagħhom;

6.  Jenfasizza l-bżonn urġenti li jerġa' jiġi stabbilit l-orndi kostituzzjonali, li hu kundizzjoni għar-ritorn għan-normalità istituzzjonali fil-Madagaskar, u jħeġġeġ pass rapidu lejn elezzjonijiet liberi, miftuħa u trasparenti li jikkonformaw ma' standards demokratiċi taħt is-sorveljanza tal-komunità internazzjonali;

7.  Jenfasizza li l-kredibilità, inkluża l-legalità tal-proċess elettorali, timplika li l-movimenti u l-mexxejja politiċi kollha jkunu jistgħu jieħdu sehem f'dawn l-elezzjonijiet b'mod liberu u bla kundizzjonijiet u jkollhom aċċess bla xkiel għall-mezzi tax-xandir;

8.  Ma jaċċettax il-fatt li l-awtoritajiet li ħadu l-poter b'mod mhux kostituzzjonali għandhom il-leġittimità li jorganizzaw elezzjonijiet;

9.  Ifakkar fid-deċiżjoni mħabbra mis-Sur Rajoelina li ma joħroġx għall-elezzjonijiet presidenzjali futuri;

10.  Jenfasizza l-fatt li l-poplu tal-Madagaskar għandu bżonn u huwa kapaċi jagħżel il-futur tiegħu u jeżerċita l-awtodeterminazzjoni bla ebda kundizzjoni;

11.  Jenfasizza li l-Unjoni Afrikana, fis-Samit tagħha tal-31 ta' Jannar 2011, ikkonfermat sanzjonijiet individwali u selettivi miftiehma fis-Samit tas-17 ta' Marzu 2010 kontra s-Sur Rajoelina u mitt persuna oħra li jappoġġaw l-Awtorità Għolja tal-Gvern Tranżitorju;

12.  Jistieden lill-Unjoni Ewropea u lill-Kunsill ta' Sigurtà tal-NU jkomplu jimponu u jestendu s-sanzjonijiet fuq ir-reġim sakemm il-kriżi politika tiġi riżolta skont il-kunsiderazzjonijiet t'hawn fuq u b'mod partikolari biex jestendu għall-pajjiżi membri kollha l-projbizzjonijiet ta' viża stabbiliti mill-Unjoni Afrikana;

13.  Jenfasizza li l-gvern tas-Sur Rajoelina mhu rikonoxxut la mill-UE u lanqas minn ebda pajjiż membru tal-Grupp Internazzonali ta' Kuntatt dwar il-Madagaskar;

14.  Jappoġġa l-isforzi kurrenti tal-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika u jistieden lill-Unjoni Afrikana, lill-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika u lill-Grupp Internazzjonali ta' Kuntatt biex iwasslu l-proċess ta' tranżizzjoni għal konklużjoni sodisfaċenti;

15.  Jappoġġa bis-sħiħ il-miżuri xierqa tal-UE li ttieħdu fis-7 ta' Ġunju 2010 wara l-konklużjoni tal-proċedura ta' konsultazzjoni skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Cotonou;

16.  Iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali u lill-Unjoni Ewropea sabiex iżidu l-għajnuna umanitarja tagħhom lill-poplu tal-Madagaskar; ifakkar li l-istabbiliment mill-ġdid gradwali tal-programmi ta' kooperazzjoni mal-Madagaskar jiddependi mir-rispett sħiħ tal-prinċipji demokratiċi u tal-libertajiet fundamentali kollha;

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi b'din r-riżoluzzjoni lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, lill-Kunsill tal-AKP-UE, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika, lill-President Joaquim Chissano u lill-Kummissjoni tal-Unjoni Afrikana.

(1) ĠU C 212 E, 5.8.2010, p. 111.
(2) ĠU C 341 E, 16.12.2010, p. 72.

Aġġornata l-aħħar: 3 t'Ottubru 2012Avviż legali