Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ġunju 2011 dwar is-sitwazzjoni fil-Madagaskar
Il-Parlament Ewropew
,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Ftehim ta' Cotonou dwar id-djalogu politiku u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem rispettivament,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Madagascar, partikolarment dik tas-7 ta' Mejju 2009(1)
u dik tal-11 ta' Frar 2010(2)
, u l-missjoni għat-tfittxija tal-fatti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE fil-Madagaskar tal-10 u l-11 ta' Lulju 2010,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-19 ta' Novembru 2010 mir-Rappreżentant Għoli tal-UE Catherine Ashton,
– wara li kkunsidra l-Komunikat ta' Swaziland tat-30 ta' Marzu 2009 u d-deċiżjoni ta' Livingstone tal-31 ta' Marzu 2011 li, fil-paragrafu 6, tiddikjara li s-soluzzjoni fil-Madagaskar għandha tkun demokratika, b'kunsens, inklużiva u trasparenti,
– wara li kkunsidra l-Ftehimiet ta' Maputo tat-8 u d-9 ta' Awwissu 2009 u l-Att Addizzjonali ta' Addis Ababa tas-6 ta' Novembru 2009, iffirmati mill-erba' mexxejja tal-aggruppamenti politiċi fil-Madagaskar, u billi dawn il-Ftehimiet għandhom valur kostituzzjonali kif espressament mifthieem mill-partijiet ikkonċernati u rikonoxxut mill-komunità internazzjonali,
– wara li kkunsidra s-sospensjoni tal-Madagaskar mill-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika u mill-Unjoni Afrikana (UA),
– wara li kkunsidra s-sanzjonijiet deċiżi mill-Unjoni Afrikana fis-17 ta' Marzu 2010 u kkonfermati fil-31 ta' Jannar 2011 kontra s-Sur Rajoelina u iktar minn mitt alleat tiegħu,
– wara li kkunsidra l-pjan direzzjonali riċenti propost mit-tim ta' medjazzjoni tal-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika,
– wara li kkunsidra s-Samit Straordinarju tal-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika fil-Madagaskar tal-20 ta' Mejju 2011,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-instabilità politika persistenti li baqgħet wara l-kolp ta' stat tefgħet lill-Madagaskar f'sitwazzjoni prekarja mill-perspettiva soċjoekonomika, dik umanitarja u dik tad-drittijiet tal-bniedem,
B. wara li kkunsidra l-impenji mogħtija f'Maputo u f'Addis Adaba dwar il-qsim tal-poter ma' movimenti politiċi oħra fil-Madagaskar; billi dawn il-ftehimiet jinkludu wkoll Karta tal-Valuri bbażata fuq l-osservanza tal-prinċipji fundamentali u l-promozzjoni, matul il-perjodu tranżitorju, tan-nonvjolenza, ir-rikonċiljazzjoni u r-rispett mutwu,
C. billi r-reġim preżenti jonqos mir-rispett lejn id-drittijiet kostituzzjonali, demokratiċi u fundamentali mħaddna fil-Ftehim ta' Cotonou u fil-ftehimiet internazzjonali,
D. billi għandha tinbeda inkjesta miftuħa u indipendenti dwar l-imwiet u l-użu eċċessiv tal-forza waqt id-demostrazzjonijiet fl-2009,
E. billi r-reġim illegali attwali għandu monompolju fuq il-poteri eżekuttivi, leġiżlattivi, ġudizzjarji u l-mezzi tax-xandir,
F. billi l-proċess kurrenti ta' negozjati taħt medjazzjoni internazzjonali għandu jkompli b'mod inklużiv,
G. billi fis-17 ta' Novembru 2010 l-awtorità de facto organizzat referendem kostituzzjonali inġust, li ġie bbojkottjat bix-xieraq mill-opppożizzjoni, u injorat b'mod ġenerali mill-komunità internazzjonali li wassal għall-adozzjoni tal-hekk imsejħa Kostituzzjoni ġdida,
H. billi nhar it-Tnejn 6 ta' Lulju 2009 l-Unjoni Ewropea bdiet proċess ta' konsultazzjoni mal-Madagaskar skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Cotonou, biex b'hekk fetħet djalogu bil-għan li jinstabu soluzzjonijiet adegwati għall-problemi politiċi tal-pajjiż,
I. billi fis-7 ta' Ġunju 2010 l-Unjoni Ewropea ddeċidiet li tagħlaq il-konsultazzjonijiet mar-Repubblika tal-Madagaskar u adottat miżuri xierqa skont l-Artikolu 69 tal-Ftehim ta' Cotonou, f'dan il-każ is-sospensjoni tal-għajnuna,
J. billi l-attentati evidenti msemmija hawn fuq fuq id-demokrazija wasslu wkoll għas-sospensjoni tal-għajnuna mill-FMI u mill-Bank Dinji, sospensjoni tal-benefiċċji tal-Att Afrikan għat-Tkabbir u l-Opportunità (African Growth and Opportunity Act) u l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet immirati mill-Unjoni Afrikana,
K. billi fis-17 ta' Mejju 2011 il-Kopresidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE talbu li jiġi stabbilit gvern tranżitorju li jkun newtrali, b'kunsens u inklużiv bil-missjoni li jnedi proċess elettorali trasparenti u indipendenti li jwassal lejn elezzjonijiet demokratiċi ssorveljati mill-komunità internazzjonali, bħala l-ewwel pass lejn l-istabbiliment mill-ġdid sostenibbli tal-ordni kostituzzjonali,
L. billi l-popolazzjoni għandha inqas minn USD 1 fil-ġurnata għad-dispożizzjoni tagħha u d-dħul disponibbli għall-unitajiet domestiċi jagħmilha diffiċli li dawn jiksbu affarijiet bażiċi tal-ikel, ilma, servizzi iġeniċi, saħħa u edukazzjoni; billi s-sitwazzjoni ddeterjorat konsiderevolment mill-bidu tal-kriżi politika u minħabba l-għargħar u d-diversi diżastri naturali li laqtu lill-pajjiż f'dawn l-aħħar sentejn,
1. Itenni bil-saħħa l-kundanna qawwija tiegħu għall-proċess li bih is-Sur Rajoelina ħataf il-poter u qed iżomm ir-reġim illegali u illeġittimu tiegħu, u jibqa' mħasseb dwar is-sitwazzjoni kurrenti fil-Madagaskar;
2. Jikkundanna l-ħafna ksur u abbużi tad-drittijiet tal-bniedem mill-forzi ta' sigurtà kurrenti tal-Madagaskar kontra l-popolazzjoni tagħhom stess u jitlob li jiġu xolti l-milizzji politiċi kollha, favur r-rispett sħiħ tad-drittijiet ċivili, politiċi, soċjali u ekonomiċi taċ-ċittadini kollha u l-istabbiliment mill-ġdid tal-istat tad-dritt fil-Madagaskar; jitlob il-ħelsien immedjat tal-priġunieri politiċi kollha; jitlob l-persuni eżiljati u l-mexxejja politiċi jkollhom ritorn sikur;
3. Jitlob li ssir inkjesta indipendenti ta' dawn l-atti li l-għan tagħha għandu jkun li l-awturi tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem jinġabu quddiem il-ġustizzja;
4. Jesprimi l-allarm profond tiegħu dwar is-serq illegali kontinwu u l-esportazzjoni ta' njam, minerali u annimali selvaġġi prezzjużi mill-ġonna nazzjonali u minn żoni protetti, u dwar it-theddid dejjem jiżdied għall-ġestjoni komunitajra tal-bijodiversità minħabba t-tiġrif tal-ordni, u jappoġġa l-gruppi ta' preservazzjoni u s-soċjetà ċivili fl-isforzi kontinwi tagħhom biex jevitaw it-triq għan-niżla lejn id-deprivazzjoni ambjentali estrema u d-diżastru soċjali;
5. Jiddispjaċih mill-falliment tan-negozjati ta' Gaborone u jitlob strateġija sodisfaċenti ta' ħruġ mis-sitwazzjoni staġnata kurrenti sabiex ikun stabbilit gvern tranżitorju verament newtrali, b'kunsens u inklużiv; jinnota l-kummenti u r-rakkomandazzjonijiet li saru fir-rapport għas-Samit Straordinarju tal-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika; jinkoraġġixxi li s-Samit li jmiss tal-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika fil-11 ta' Ġunju 2011 jtemm b'mod definittiv l-istaġnar politiku u jimmira biex jaqdi l-interessi tal-poplu tal-Madagaskar; iħeġġeġ lill-partijiet kollha involuti skont it-termini tal-ftehimiet li ġew iffirmati biex jonoraw l-impenji tagħhom;
6. Jenfasizza l-bżonn urġenti li jerġa' jiġi stabbilit l-orndi kostituzzjonali, li hu kundizzjoni għar-ritorn għan-normalità istituzzjonali fil-Madagaskar, u jħeġġeġ pass rapidu lejn elezzjonijiet liberi, miftuħa u trasparenti li jikkonformaw ma' standards demokratiċi taħt is-sorveljanza tal-komunità internazzjonali;
7. Jenfasizza li l-kredibilità, inkluża l-legalità tal-proċess elettorali, timplika li l-movimenti u l-mexxejja politiċi kollha jkunu jistgħu jieħdu sehem f'dawn l-elezzjonijiet b'mod liberu u bla kundizzjonijiet u jkollhom aċċess bla xkiel għall-mezzi tax-xandir;
8. Ma jaċċettax il-fatt li l-awtoritajiet li ħadu l-poter b'mod mhux kostituzzjonali għandhom il-leġittimità li jorganizzaw elezzjonijiet;
9. Ifakkar fid-deċiżjoni mħabbra mis-Sur Rajoelina li ma joħroġx għall-elezzjonijiet presidenzjali futuri;
10. Jenfasizza l-fatt li l-poplu tal-Madagaskar għandu bżonn u huwa kapaċi jagħżel il-futur tiegħu u jeżerċita l-awtodeterminazzjoni bla ebda kundizzjoni;
11. Jenfasizza li l-Unjoni Afrikana, fis-Samit tagħha tal-31 ta' Jannar 2011, ikkonfermat sanzjonijiet individwali u selettivi miftiehma fis-Samit tas-17 ta' Marzu 2010 kontra s-Sur Rajoelina u mitt persuna oħra li jappoġġaw l-Awtorità Għolja tal-Gvern Tranżitorju;
12. Jistieden lill-Unjoni Ewropea u lill-Kunsill ta' Sigurtà tal-NU jkomplu jimponu u jestendu s-sanzjonijiet fuq ir-reġim sakemm il-kriżi politika tiġi riżolta skont il-kunsiderazzjonijiet t'hawn fuq u b'mod partikolari biex jestendu għall-pajjiżi membri kollha l-projbizzjonijiet ta' viża stabbiliti mill-Unjoni Afrikana;
13. Jenfasizza li l-gvern tas-Sur Rajoelina mhu rikonoxxut la mill-UE u lanqas minn ebda pajjiż membru tal-Grupp Internazzonali ta' Kuntatt dwar il-Madagaskar;
14. Jappoġġa l-isforzi kurrenti tal-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika u jistieden lill-Unjoni Afrikana, lill-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika u lill-Grupp Internazzjonali ta' Kuntatt biex iwasslu l-proċess ta' tranżizzjoni għal konklużjoni sodisfaċenti;
15. Jappoġġa bis-sħiħ il-miżuri xierqa tal-UE li ttieħdu fis-7 ta' Ġunju 2010 wara l-konklużjoni tal-proċedura ta' konsultazzjoni skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Cotonou;
16. Iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali u lill-Unjoni Ewropea sabiex iżidu l-għajnuna umanitarja tagħhom lill-poplu tal-Madagaskar; ifakkar li l-istabbiliment mill-ġdid gradwali tal-programmi ta' kooperazzjoni mal-Madagaskar jiddependi mir-rispett sħiħ tal-prinċipji demokratiċi u tal-libertajiet fundamentali kollha;
17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi b'din r-riżoluzzjoni lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, lill-Kunsill tal-AKP-UE, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika, lill-President Joaquim Chissano u lill-Kummissjoni tal-Unjoni Afrikana.