Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2011/2007(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0211/2011

Testi mressqa :

A7-0211/2011

Dibattiti :

PV 07/07/2011 - 5
CRE 07/07/2011 - 5

Votazzjonijiet :

PV 07/07/2011 - 7.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2011)0339

Testi adottati
PDF 142kDOC 87k
Il-Ħamis, 7 ta' Lulju 2011 - Strasburg Verżjoni finali
Progress rigward il-ġlieda kontra l-mini
P7_TA(2011)0339A7-0211/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Lulju 2011 dwar il-Progress rigward il-ġlieda kontra l-mini (2011/2007(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Ottawa dwar il-Projbizzjoni tal-Użu, il-Ħżin, il-Produzzjoni u t-Trasferiment ta' Mini kontra l-Persuni u dwar id-Distruzzjoni tagħhom (minn hawn “il quddiem it-Trattat dwar il-Projbizzjoni tal-Mini) tat-3 ta' Diċembru 1997, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Marzu 1999,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-1980 dwar Ċerti Armamenti Konvenzjonali (CCW) u l-protokolli tagħha, speċjalment il-Protokoll II Emendat dwar Mini, Bombi Moħbija u Tagħmir Ieħor u l-Protokoll V dwar Fdalijiet ta' Splussivi tal-Gwerra,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet l-aktar reċenti tiegħu tat-22 ta' April 2004 dwar il-mini kontra l-persuni(1) , tas-7 ta' Lulju 2005 dwar dinja mingħajr mini(2) , tad-19 ta' Jannar 2006 dwar id-diżabilità u l-iżvilupp(3) , tat-13 ta' Diċembru 2007 dwar l-għaxar anniversarju tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni tal-Mini(4) , u tas-6 ta' Settembru 2001 dwar miżuri biex jippromwovu l-impenn ta' atturi mhux statali dwar il-projbizzjoni totali tal-mini kontra l-persuni(5) ,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1724/2001 tat-23 ta' Lulju 2001 rigward azzjoni kontra l-isplussivi tal-art anti-persunal fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw(6) u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1725/2001 tat-23 ta' Lulju 2001 rigward azzjoni kontra l-isplussivi tal-art anti-persunal fil-pajjiżi terzi għajr dawk fil-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw(7) ,

–  wara li kkunsidra l-“Pjan ta' Azzjoni ta' Kartaġena 2010-2014: Tmiem tat-Tbatija kkawżata minn Mini kontra l-persuni adottata mit-Tieni Konferenza ta' Reviżjoni dwar il-Konvenzjoni ta' Ottawa tal-1997, li saret f'Kartaġena, il-Kolombja mit-30 ta' Novembru sal-4 ta' Dicembru 2009,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-Azzjoni tal-Komunità Ewropea rigward il-Mini 2008-2013,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet numerużi dwar munizzjon tat-tip “cluster”, l-aktar reċenti tat-8 ta' Lulju 2010(8) , u dwar il-Konvenzjoni ta' Oslo dwar il-Munizzjon tat-Tip “Cluster” iffirmata minn 94 stat li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Awwissu 2010,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-Servizz ta' Azzjoni rigward il-Mini tal-2009,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A7–0211/2011),

A.   billi l-UE ilha impenjata attivament f'azzjonijiet rigward il-mini, speċjalment mill-Azzjoni Konġunta tal-1995 “il hawn, u hija impenjata favur il-projbizzjoni totali u l-eliminazzjoni ta' mini kontra l-persuni (APL) mad-dinja kollha; billi l-UE hija minn ta' quddiem fl-appoġġ u l-kontribut tagħha għal azzjoni rigward il-mini, li hija fost il-prijoritajiet tagħha favur id-drittijiet tal-bniedem, u l-għajnuna umanitarja u għall-iżvilupp,

B.  billi l-“azzjoni rigward il-mini” tinkludi l-istħarriġ, il-kxif, l-immarkar u t-tneħħija tal-mini kontra l-persuni (APL) u l-fdalijiet tal-isplussivi tal-gwerra (ERW) – li jinkludu t-tagħmir abbandunat (AO), it-tagħmir mhux splodut (UXO), il-fdalijiet ta' munizzjoni tat-tip “cluster” u t-tagħmir splussiv improvizzat (IEDs); kif ukoll it-tagħlim dwar ir-riskji tal-mini u l-ERW u l-programmi ta' taħriġ speċjalment għat-tfal, l-għajnuna lill-vittmi, id-distruzzjoni tal-ħażniet u ħidma favur il-promozzjoni tal-universalizzazzjoni ta' konvenzjonijiet u trattati internazzjonali relevanti sabiex jintemmu l-produzzjoni, il-kummerċ u l-użu tal-APL,

C.   billi l-persistenza tal-APL u l-ERW, inklużi l-IED u fdalijiet ta' munizzjon tat-tip “cluster”, minbarra li tikkawża t-telf tal-ħajjiet umani, speċjalment fost il-popolazzjonijiet ċivili, tirrappreżenta ostaklu serju għar-rikostruzzjoni ta' wara l-kunflitt fil-pajjiżi affettwati, u tista' sservi bħala materja prima għall-IED,

D.   billi, sal-1 ta' Diċembru 2010, 156 Stat kienu formalment qablu li jintrabtu bit-Trattat dwar il-Projbizzjoni tal-Mini,

E.  billi fl-1999 kien hemm madwar 18,000 vittma mill-APL u ERW oħrajn u sal-2009 dawn naqsu għal madwar 4,000, skont is-Sorveljanza tal-Mini u Munizzjon tat-tip “Cluster” ; billi 70 % minn dawn il-vittmi x'aktarx huma ċivili, b'terz minnhom tfal, u billi bosta nies globalment għadhom jiġu affettwati mill-APL u l-ERW,

F.  billi żewġ gvernijiet biss – f'Burma/Myanmar u fil-Libja – dan l-aħħar firxu APL, l-ebda esportazzjoni jew trasferiment statali tal-APL ma ġew irreġistrati, u tliet stati biss huma kkunsidrati li komplew il-manufattura tagħhom, iżda gruppi ta' ribelli bħall-FARC qed ikomplu jipproduċu t-tagħmir tagħhom huma stess,

G.   billi l-parti l-kbira tal-forzi armati waqfu jużaw l-APL, iżda diversi atturi armati mhux statali baqgħu jużaw l-APL, kif ukoll IED attivati mill-vittmi u munizzjon tat-tip “cluster”,

H.   billi iktar minn 90 pajjiż għadhom affettwati mill-APL u sa ċertu punt minn ERW oħra iżda dawk l-aktar affettwati reċentement huma l-Afganistan, il-Kolombja, il-Pakistan, il-Myammar, il-Kambodja u l-Laos,

I.   billi, l-ewwel nett, hi r-responsabilità tal-istati affettwati li jindirizzaw il-problemi tal-APL u l-ERW fit-territorju tagħhom, qabel, waqt u meta jkun spiċċa l-kunflitt,

J.  billi ftit mill-qawwa tal-militar ġiet kommessa għat-tneħħija tal-mini fil-pajjiżi affettwati fejn il-konflitt spiċċa iżda fejn għad hemm forzi armati lokali kbar,

K.  billi l-bżonn tal-għajnuna għall-vittmi ser jibqa' ħafna wara li t-theddida tal-APL tkun tneħħiet,

L.   billi l-komunità internazzjonali rrispondiet b'mod eċċellenti għall-isfida tat-traġedja tal-APL, b'kontribuzzjoni ta' madwar USD 3,9 biljun bejn l-1999 u l-2009 għall-ġlieda kontra l-mini, u billi l-kontributuri l-kbar kienu l-Istati Uniti (USD 902,4 miljun), il-K.E (USD 521,9 miljun), il-Ġappun (USD 336,9 miljun), in-Norveġja (USD 342,7 miljun), il-Kanada (USD 259,8 miljun), ir-Renju Unit (USD 220,6 miljun), il-Ġermanja (USD 206,9 miljun) u l-Pajjiżi l-Baxxi (USD 201,9 miljun),

M.  billi l-perċezzjoni tat-theddida mill-mini hi ġeneralment ikbar mir-realtà u ġie kkalkulat li 2 % biss mill-art li hija suġġetta għall-proċess li jiswa ħafna flus għat-“tindif” fiżiku, hi verament ikkontaminata bl-APL jew ERW oħrajn; billi hemm indikazzjonijiet ċari dwar użu ineffiċjenti ta' fondi allokati għal azzjoni rigward il-mini; jinnota wkoll li metodoloġiji ta' stħarriġ u fehim aħjar tar-riżultati tal-istħarriġ jistgħu jnaqqsu drammatikament, kif għamlu fis-snin reċenti, il-bżonn ta' tindif komplet ta' żoni suspettati perikolużi,

N.  billi t-tekniki u t-teknoloġija tal-kxif tal-isplussivi ma żviluppawx ħafna, minkejja daqstant investiment, u hemm imperattiv ġdid minħabba l-użu dejjem akbar tal-IEDs,

O.   billi edukazzjoni għat-tnaqqis tar-riskju hija element kruċjali biex tgħin lin-nies, speċjalment it-tfal, f'reġjuni affettwati mill-mini, jgħixu aktar fis-sikurezza u biex jitgħallmu l-perikli tal-APL u tal-ERW;

Sforzi Globali dwar il-ġlieda kontra l-mini

1.  Ifaħħar il-progress li sar fil-ġlieda kontra l-mini fl-aħħar deċennju iżda jenfasizza li l-isforzi jridu jiffukaw mill-ġdid u jiġu intensifikati jekk irridu neliminaw it-theddida tal-APL f'perjodu definit;

2.  Jilqa' b'sodisfazzjoni l-fatt li 156 pajjiż iffirmaw u rratifikaw it-Trattat dwar il-Projbizzjoni tal-Mini, inklużi l-25 Stat Membru tal-UE, iżda jiddispjaċih li xi 37 pajjiż għadhom ma ffirmawx; iħeġġeġ lill-istati kollha li mhumiex partijiet sabiex jissieħbu fit-Trattat dwar il-Projbizzjoni tal-Mini u l-Konvenzjoni dwar Munizzjon tat-tip “Cluster”; iħeġġeġ, partikolarment, lil dawk l-Istati Membri tal-UE li għad iridu jissieħbu fit-Trattat biex jagħmlu dan u jinkuraġġixxi sinerġija ikbar bejn id-diversi strumenti internazzjonali;

3.  Jilqa' b'sodisfazzjoni il-fatt li 56 pajjiż issieħbu fit-Trattat dwar il-Projbizzjoni tal-Munizzjon tat-tip “Cluster”, inklużi 15-il Stat Membru tal-UE, jilqa“, ukoll, l-adozzjoni tad-Dikjarazzjoni ta' Vientiane tal-2010 u l-pjan ta' azzjoni tagħha; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha sabiex jippromwovu l-universalizzazzjoni u l-implimentazzjoni kemm tal-MBT kif ukoll tas-CCM;

4.  Jappoġġa bis-sħiħ l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni ta' Kartaġena, li jipprevedi għal pjan ta' impenji fuq ħames snin fl-oqsma kollha tal-azzjoni rigward il-mini u, jistieden lill-Kunsill sabiex jadotta kemm jista' jkun malajr deċiżjoni ta' appoġġ għal dan il-Pjan;

5.  Jenfasizza l-bżonn li tinstab sinerġija bejn id-diversi dimensjonijiet ta' azzjoni rigward il-mini, b'attenzjoni speċjali għall-aspetti umanitarji u ta' żvilupp, kif ukoll billi tiżdied is-sjieda lokali ta' proġetti relatati u l-parteċipazzjoni fihom, sabiex jiġu sodisfatti aħjar il-bżonnijiet tal-persuni affettwati direttament;

6.  Jirrikonoxxi l-kontribut kbir tad-donaturi internazzjonali, l-aġenziji internazzjonali u l-organizzazzjonijiet nongovernattivi (NGOs) fil-ġlieda kontra l-problema tal-APL u d-dedikazzjoni u s-sagrifiċċju tal-persunal kemm internazzjonali kif ukoll lokali;

7.  Jilqa' l-fatt li seba' pajjiżi ulterjuri ħabbru li lestew l-attivitajiet ta' tindif fl-2009 u fl-2010, biex b'hekk l-għadd totali tal-pajjiżi li għamlu dan huwa 16;

8.  Jirrikonoxxi li l-Istati Uniti kienet l-isponsor globali prinċipali fil-ġlieda kontra l-mini, li tappoġġja bil-qawwa l-programmi internazzjonali għat-tindif taż-żoni bil-mini u biex jiġu mgħejuna l-vittmi, u diġà applikat il-maġġoranza tad-dispożizzjonijiet prinċipali tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni tal-Mini u għaldaqstant jinkuraġġixxi lill-Istati Uniti biex tissieħeb fit-Trattat;

9.  Iħeġġeġ lir-Russja biex tissieħeb fit-Trattat dwar il-Projbizzjoni tal-Mini, filwaqt li jinnota li r-Russja, li qabel kienet sors prinċipali tal-APL u għal żmien twil ġiet irreġistrata li tuża l-mini, tneħħiet mil-lista tal-2010 wara li ddikjarat li waqqfet l-użu;

10.  Ifakkar lill-istati fit-Trattat bl-obbligu tagħhom li jeqirdu l-ħażniet ta' APL; hu mħasseb dwar il-fatt li ċ-Ċina u r-Russja għandhom l-ikbar ħażniet tal-APL, madwar 100 miljun u 24.5 miljun rispettivament; iħeġġeġ lill-UE sabiex tinkludi fin-negozjati mar-Russja u ċ-Ċina l-kwistjoni tal-qerda tal-ħażniet tagħhom u adeżjoni rapida fit-Trattat tal-Projbizzjoni tal-Mini, u jistieden barra minn hekk lill-UE sabiex tkompli tippromwovi l-universalizzazzjoni tat-Trattat tal-Projbizzjoni tal-Mini u konvenzjonijiet oħra relevanti billi tinkludi wkoll il-kwistjoni ta' azzjoni rigward il-mini fid-djalogu politiku tagħha u ftehimiet iffirmati ma' pajjiżi terzi;

11.  Jiddeplora l-użu li qed ikompli jsir minn APL minn gruppi ribelli u terroristi u atturi oħrajn mhux statali; f'dan ir-rigward jindika s-sitwazzjoni fil-Kambodja, fejn il-FARC huwa meqjus bħala l-grupp li l-aktar juża l-APL fost il-gruppi ribelli l-oħrajn kollha fid-dinja;

Studju ta' Każ – L-Afganistan

12.  Jinnota li l-użu mifrux u indiskriminat tal-APL, matul iktar minn tliet deċennji ta' kunflitt, wassal biex l-Afganistan ikun l-aktar pajjiż ikkontaminat fid-dinja, u affettwat iktar bl-użu tal-IED mit-Taliban;

13.  Jiddeplora l-fatt li minkejja li għadda aktar minn deċennju ta' tindif bl-akbar u l-aktar programm umanitarju ffinanzjat għat-tneħħija ta' mini fid-dinja, l-Afganistan għad għandu waħda mill-ogħla rati ta' vittmi fid-dinja, u jesprimi tħassib serju dwar il-508 vittma minħabba l-APL u vittmi oħra tal-ERW bejn l-1 ta' Marzu 2009 u 1 ta' Marzu 2010, li iktar minn nofshom kienu tfal;

14.  Jirrikonoxxi li l-kunflitt li għaddej f'ħafna żoni jagħmel it-tneħħija tal-mini perikoluża b'mod eċċezzjonali u li t-Taliban għandu fil-mira l-uffiċċji tan-NU u l-persunal kemm lokali kif ukoll internazzjonali;

15.  Jinnota li ngħataw xi USD 80 miljun mill-komunità internazzjonali għall-ġlieda kontra l-mini fl-Afganistan fl-2009 u li l-għajnuna finanzjarja u teknika tal-UE mill-2002 “il hawn, li tammonta għal EUR 89 miljun, għenet tnaddaf madwar 240km² ta' APL fil-pajjiż biex hekk għamlet l-art ekonomikament aċċessibbli u ppermettiet il-bini mill-ġdid ta' proprjetà u lill-familji biex imorru lura fi djarhom; jissottolinja l-bżonn ta' aktar enfasi fuq l-għanjuna għall-vittmi u t-tagħlim dwar ir-riskji tal-mini;

16.  Jilqa' l-fatt li l-operazzjonijiet jiddependu esklussivament fuq xi 10,000 persunal lokali b'appoġġ internazzjonali, li jsaħħaħ il-komponent tas-sjieda tal-proċess;

17.  Jesprimi tħassib dwar il-fatt li jidher li l-Gvern Afgan ma jridx jassumi r-responsabbiltà, fil-livelli ċentrali u provinċali, dwar il-ġlieda kontra l-mini;

Studju ta' Każ – L-Angola

18.  Xi 30 sena ta' kunflitti wasslu biex l-Angola, bħall-Afganistan, hi waħda mill-iktar pajjiżi affetwati mill-APL;

19.  Jinnota li s-CNIDAH hi stabbilita bħala l-awtorità nazzjonali għall-ġlieda kontra l-mini, iżda l-pajjiżi donaturi għandhom ftit influwenza u l-gvern għandu aċċess għar-riżorsi finanzjarji sostanzjali tiegħu stess, b'mod partikolari mid-dħul miż-żejt;

20.  Hu mħasseb ħafna bil-bosta problemi strutturali enfasizzati mill-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tal-2009, pereżempju l-ineffiċjenzi tan-nefqa ta' EUR 2.7 miljun fuq 22 persunal tas-CNIDAH; iħeġġeġ lill-UE sabiex tissorvelja, tikkontrolla u tivvaluta l-użu effikaċi tal-flus u tiżgura li l-baġit allokat jintuża b'mod effiċjenti u mmirat sabiex jinkiseb ir-riżultat meħtieġ ta' art imnaddfa;

21.  Jiddispjaċih mill-fatt li minkejja li tlestew studju nazzjonali fl-2007 u programm kbir dwar il-ġlieda kontra l-mini, il-limitu tat-theddida mill-APL/ERW għadha mhix magħrufa b'ċertezza, u li bir-rati kurrenti tal-progress, hemm bżonn ta' 100 sena sabiex jitnaddaf il-pajjiż; jissottolinja l-bżonn urġenti li tiġi stabbilita relazzjoni differenti bejn il-gvern u d-donaturi internazzjonali, biex jiġu ddedikati aktar riżorsi nazzjonali għall-problema, bl-introduzzjoni ta' tekniki mtejba għat-tnaqqis taż-żoni u ż-żieda fil-kapaċità nazzjonali għat-tneħħija tal-mini sabiex l-art tkun tista' tinħeles iktar malajr għal użu produttiv;

Studju ta' Każ – Il-Bosnja

22.  Jiddispjaċih li, 16-il sena wara t-tmiem tal-kunflitt fil-Bosnja-Ħerzegovina (BiH), għad hemm livell għoli ta' kontaminazzjoni mill-APL/ERW, b'madwar 11,000 meded imminati u madwar 220,000 APL u ERW li għadhom attivi fil-pajjiż kollu, li jirrappreżentaw sfida serja għas-sikurezza u ostaklu għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali;

23.  Jinnota t-titjib fil-ġestjoni tal-ġlieda kontra l-mini permezz tal-istabbiliment taċ-Ċentru għall-Ġlieda kontra l-Mini fil-BiH, iżda jiddispjaċih li l-BiH waqa' lura ħafna fil-miri ta' finanzjament u tindif stipulati fit-talba ta' estensjoni tiegħu skont it-Trattat tal-Projbizzjoni tal-Mini;

24.  Jirrikonoxxi li l-mobilizzazzjoni tar-riżorsi toħloq sfidi kbar għall-gvern u li l-Istrateġija dwar il-Ġlieda kontra l-Mini tal-2009–2019 għad trid tidħol fis-seħħ; jiddispjaċih li l-korp prinċipali tal-gvern responsabbli għall-azzjoni rigward il-mini, il-Kummissjoni għat-Tneħħija tal-Mini ilha xi snin ma' tiltaqa' mar-rappreżentanti tad-donaturi bbażati f'Sarajevo u li l-membri tagħha ma attendewx il-laqgħat internazzjonali tat-Trattat tal-Projbizzjoni tal-Mini mindu it-Tieni Konferenza ta' Reviżjoni tat-trattat fl-2009; iħeġġeġ lill-gvern sabiex jassumi s-sjieda sħiħa tal-azzjoni rigward il-mini sabiex jiżgura l-ippjanar u l-ġestjoni strateġika tagħha;

25.  Jifraħ lill-Fond Fiduċjarju Internazzjonali għat-Tneħħija tal-Mini u l-Assistenza għall-Vittmi ta' Mini (ITFD) ibbażat fis-Slovenja dwar il-kontribuzzjoni tiegħu fil-ġlieda kontra l-mini fil-BiH, u jenfasizza l-bżonn li jibqa' kkonċentrat fuq il-BiH sakemm il-problema tingħeleb kompletament;

26.  Jinnota li 33 organizzazzjoni akkreditata għat-tneħħija tal-mini joperaw fil-BiH iżda jista' jsir użu ikbar mill-qawwa tal-militar;

27.  Ifaħħar lill EUFOR ALTHEA u l-Għalliema ta' Edukazzjoni dwar ir-Riskji tal-Mini għat-taħriġ li taw lil bosta eluf ta' nies u jħeġġiġhom biex ikomplu bl-isforzi tagħhom;

Għajnuna għall-vittmi

28.  Jirrikonoxxi li l-ħajjiet u l-għajxien tal-vittmi tal-APL u ERW oħra jiġu affettwati għal għomorhom, prinċipalment huma ċivili, spiss ġejjin mill-ifqar popli tal-ifqar pajjiżi u jeħtieġu appoġġ mediku u soċjali speċjalizzat u għajnuna matul is-snin, anke meta ma jkunx hemm aktar vittmi;

29.  Jilqa' l-fatt li, permezz tal-ġlieda kontra l-mini, ir-rata tal-vittmi tnaqqset drastikament, iżda jiddispjaċih mill-fatt li ċ-ċivili għamlu 70 % mill-vittmi kollha fl-2009 u jiddeplora speċjalment li l-parti l-kbira tal-vittmi huma tfal;

30.  Jiddispjaċih li s-superstiti mill-mini jew l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentawhom ħadu sehem fl-implimentazzjoni tal-għajnuna għall-vittmi f'inqas min-nofs il-pajjiżi affettwati, u jaqbel li l-fehmiet u d-drittijiet tas-superstiti għandhom jiġu rrispettati bis-sħiħ; iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali u lill-UE biex iżidu b'mod sinifikanti l-proporzjon tal-finanzjament tagħhom disponibbli għall-għajnuna għall-vittmi izda mhux askapitu tat-tindif tal-mini;

Progress fis-sejba tal-mini u t-tekniki tas-Sorveljanza

31.  Jirrikonoxxi li n-nies lokali fiż-żoni affettwati mill-mini huma l-aħjar indikaturi inizjali fejn hemm theddida minn mina;

32.  Jinnota li - ukoll jekk saru żviluppi fit-teknoloġija għall-kxif tal-mini, it-taħriġ u t-tekniki - is-soluzzjonijiet rapidi, affidabbli u kosteffettivi għadhom ma nstabux u li tekniki li jużaw sondi manwali, inevitabbilment għadhom jintużaw b'mod mifrux; jirrikonoxxi l-kontribuzzjoni importanti tal-Istandards Internazzjonali għal Azzjoni rigward il-Mini tan-NU (IMAS) biex ittejjeb is-sikurezza u l-effiċjenza tal-azzjoni rigward il-mini billi tistipula standards u tipprovdi gwida, kif ukoll ir-rwol tas-Servizz ta' Azzjoni rigward il-Mini tan-NU fil-koordinazzjoni tal-isforzi ta' azzjoni rigward il-mini;

33.  Jinnota li l-iktar prospetti produttivi għall-avvanzi tekniċi rigward il-kxif qegħdin f'metodi mfassla apposta bbażati fuq il-kombinazzjoni ta' numru ta' teknoloġiji, sabiex jiġu evitati vittmi u t-tneħħija ta' mini ssir b'impatt ambjentali minimu;

34.  Jirrikonoxxi li stħarriġ magħmul sew jiswa' biss daqs l-eżattezza u l-effiċjenza tar-rappurtar sussegwenti u li d-donaturi jridu jiżguraw li l-finanzjament tagħhom ta' tali attività jintefaq sew;

35.  Jistieden lill-Kummissjoni talloka fondi ulterjuri għar-riċerka dwar it-teknoloġiji u t-tekniki għall-istħarriġ u l-kxif tal-mini, b'kooperazzjoni internazzjonali mill-qrib ma' dawk li jispeċjalizzaw f'dan il-qasam, u tuża fondi disponibbli fil-kuntest tas-7 Programm Qafas u s-settur tar-Riċerka dwar is-Sigurtà;

Lejn tmiem it-theddida mill-APL

36.  Hu mħasseb li xi pajjiżi li jsofru mill-effett tal-APL qed jiddependu żżejjed fuq l-għajnuna finanzjarja internazzjonali għall-ġlieda kontra l-mini u mhux qed jużaw biżżejjed mir-riżorsi tagħhom ta' ħaddiema jew mid-dħul; jistieden lill-UE sabiex tiżgura involviment akbar mill-pajjiżi affettwati u sabiex tfakkar lil dawn il-pajjiżi fir-responsabbilitajiet tagħhom u jitlob li b'mod partikolari s-sitwazzjoni fl-Angola tiġi studjata sabiex tiġi mobilizzata kontribuzzjoni nazzjonali akbar;

37.  Hu mħasseb bid-devjazzjoni tar-riżorsi għat-“tneħħija tal-mini” f'żoni fejn hemm ftit li xejn theddid għall-iżvilupp f'termini umanitarji jew ekonomiċi, jew fejn it-theddid hu perċepit iżda mhux realtà, b'detriment tal-mira fuq żoni b'theddida għolja għall-ħajja; isejjaħ għal aktar enfasi fuq l-ippjanar u l-ġestjoni aħjar tal-operazzjonijiet u bi stħarriġ inizjali preċiż u rappurtar taż-żoni suspettużi;

38.  Jesprimi tħassib dwar is-sigurtà u l-kontroll dgħajjef ta' ħażniet militari fejn jinżammu armi u tagħmir splussiv, inklużi mini, partikolarment f'pajjiżi fejn hemm ribelljoni u diżordni;

39.  Jemmen li l-komunità internazzjonali għandha tiffoka l-attenzjoni tagħha fuq dawk il-pajjiżi li l-inqas jistgħu jgħinu lilhom infushom, u dwar it-tneħħija tal-mini u l-għajnuna lill-vittmi, u li l-mira għandha tkun li nimxu b'aktar ħeffa lejn sitwazzjoni fejn il-pajjiżi jistgħu jiġu ddikjarati ħielsa mit-theddida tal-mini għall-ħajja u l-iżvilupp ekonomiku;

40.  Iħeġġeġ lid-donaturi biex jipprovdu finanzjament b'miri aktar effikaċi, b'monitoraġġ u b'valutazzjoni;

41.  Jemmen li l-isforzi għandhom jiġu kkonċentrati fuq il-ġenerazzjoni u l-iżvilupp ta' kapaċità lokali akbar, u li din tista' tinkludi persunal lokali mħarreġ b'mod speċjalizzat fuq bażi strutturata u professjonali jew aktar użu tal-unitajiet militari fis-sitwazzjonijiet ta' wara l-kunflitt, imħarrġa speċifikament għat-tneħħija tal-mini bi skop umanitarju;

42.  Jitlob li jsir titjib fl-ippjanar nazzjonali, li jibni fuq l-aħjar prattiki, u għat-tisħiħ tal-koordinazzjoni internazzjonali dwar il-ġlieda kontra l-mini li talloka r-riżorsi, b'aktar effikaċja liż-żoni ta' prijorità, filwaqt li jkollha strutturi bl-inqas burokrazija possibbli;

43.  Jiddispjaċih li m'hemm l-ebda ċensiment affidabbli bin-numru kurrenti tal-vittmi tal-APL/ERW/IED u jħeġġeġ li ssir analiżi xierqa bħala gwida biex ir-riżorsi jkunu allokati b'aktar effikaċja, b'aktar konsiderazzjoni mogħtija lill-bżonnijiet tal-vittmi u l-familji tagħhom;

44.  Jiddispjaċih li mit-tneħħija, fl-2007, tal-linja baġitarja allokata mill-UE, l-UE m'għandhiex strument li fin-natura tiegħu hu flessibbli u għal ħafna pajjiżi, li jirrispondi b'mod koerenti għall-prijoritajiet tal-ġlieda kontra l-mini u li hemm, f'termini kwantitattivi, tnaqqis fil-finanzjament tal-UE għall-ġlieda kontra l-mini; għaldaqstant jitlob għar-restawr ta' approċċ aktar dedikat, b'linja baġitarja waħda taħt direttorat mexxej wieħed li jissinjala s-saħħa tal-impenn kontinwu tal-UE għall-ġlieda kontra l-mini, li teħtieġ tikkunsidra l-bżonnijiet speċifiċi ta' pajjiżi individwali kif stipulat fil-Karti Strateġiċi tal-Pajjiżi u fl-istess waqt il-fatt li f'xi pajjiżi l-eżistenza tal-mini saret kwistjoni strutturali u għaldaqstant kwistjoni għall-politika tal-iżvilupp tal-UE;

45.  Jiddispjaċih li sa issa la l-għajnuna eċċezzjonali (Artikolu 3) u lanqas il-komponent fit-tul (Artikolu 4) tal-Istrument għall-Istabbilità ma ntużaw għall-finanzjament ta' programmi ta' azzjoni rigward il-mini;

46.  Jisħaq il-kapaċità li l-ġlieda kontra l-mini tikkontribwixxi b'mod sinifikanti għad-diżarm wara l-ġlied, id-demobilizzazzjoni u r-riabilitazzjoni, u mhux wisq inqas billi tipprovdi taħriġ u xogħol ta' rispett għoli lill-ex kombattenti;

47.  Jistieden lid-donaturi biex jistandardizzaw il-metodi tagħhom ta' monitoraġġ u ta' valutazzjoni tal-kosteffettività tal-azzjonijiet mill-mini, sabiex ikunu iktar miftuħa għat-tqabbil u l-iskrutinju abbażi ta' pajjiż b'pajjiż, u permezz tal-aġenzija tal-MASG, jidentifikaw u jipproponu l-aħjar prattika;

48.  Jistieden lill-Kummissjoni biex taġġorna l-“Linji Gwida dwar l-Azzjoni tal-Komunità Ewropea kontra l-Mini 2008-2013” tagħha, biex jirriflettu l-bidliet proposti fl-arkitettura tal-istituzzjoni u fil-finanzjament, biex tiżgura li t-tifrix tal-fondi jsir b'mod aktar rapidu u flessibbli, biex tipprovdi istruzzjonijiet ċari dwar l-aċċess għall-finanzjament, fejn il-mira tkun fuq l-iktar prijoritajiet urġenti u l-aħjar prattika, biex tipprevedi “pakketti” tal-għajnuna li jippermettu lill-iktar pajjiżi li għandhom l-aktar bżonn jimxu mal-obbligi tagħhom skont it-Trattat dwar il-Projbizzjoni tal-Mini u tissorvelja u tevalwa b'mod tajjeb l-effikaċja tal-finanzjament;

49.  Jenfasizza li azzjoni rigward il-mini għandha tkun element obbligatorju tal-istrateġiji għall-pajjiżi fejn huwa magħruf li hemm mini u/jew fejn huma maħżuna;

50.  Hu konvint li permezz ta' koordinazzjoni u prijoritizzazzjoni internazzjonali aħjar, ġestjoni mtejba, prattiki tal-osservazzjoni u t-tneħħija tal-mini, monitoraġġ u rappurtar aħjar u użu aktar intelliġenti u aħjar tal-fondi, dinja mingħajr t-theddia tal-APL għall-ħajja, l-għajxien u l-iżvilupp ekonomiku, hi possibiltà reali f'perjodu definit;

o
o   o

51.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Kummissjoni, lin-Nazzjonijiet Uniti, lill-President tal-Istati Uniti tal-Amerika u lill-Kungress tal-Istati Uniti tal-Amerika, lill-gvernijiet tal-pajjiżi l-aktar affettwati mill-mini, u lill-NGOs internazzjonali.

(1) ĠU C 104E, 30.4.2004, p. 1075.
(2) ĠU C 157E, 6.7.2006, p. 473.
(3) ĠU C 287E, 24.11.2006, p. 336.
(4) ĠU C 323E, 18.12.2008, p. 485.
(5) ĠU C 72E, 21.3.2002, p. 352.
(6) ĠU L 234, 1.9.2001, p. 1.
(7) ĠU L 234, 1.9.2001, p. 6.
(8) Testi adottati, P7_TA(2010)0285.

Aġġornata l-aħħar: 11 t'Ottubru 2012Avviż legali