Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2011/2811(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

B7-0515/2011

Dibattiti :

PV 14/09/2011 - 11
CRE 14/09/2011 - 11

Votazzjonijiet :

PV 15/09/2011 - 6.2

Testi adottati :

P7_TA(2011)0386

Testi adottati
PDF 98kDOC 59k
Il-Ħamis, 15 ta' Settembru 2011 - Strasburg Verżjoni finali
Is-Sitwazzjoni fil-Libja
P7_TA(2011)0386B7-0513, 0515, 0516, 0517 u 0518/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Settembru 2011 dwar is-sitwazzjoni fil-Libja

Il-Parlament Ewropew ,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU) 1970/2011 tas-26 ta' Frar 2011 u 1973/2011 tas-17 ta' Marzu 2011,

–  wara li kkunsidra s-sospensjoni fit-22 ta' Frar 2011 tan-negozjati dwar Ftehim ta' Qafas UE-Libja,

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tat-18 ta' Lulju 2011 dwar il-Libja,

–  wara li kkunsidra l-Konferenza tal-Grupp ta' Kuntatt Internazzjonali li saret f'Pariġi fl-1 ta' Settembru 2011,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Libja, b'mod partikolari dik tal-10 ta' Marzu 2011(1) , u r-rakkomandazzjoni tiegħu tal-20 ta' Jannar 2011(2) ,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tat-13 ta' Settembru 2011 dwar il-Libja,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi wara sitt xhur ta' ġlied, li ħallew għadd ta' vittmi li stmat li jlaħħaq mal-50 000 persuna u ħtiġijiet umanitarji u tbatija allarmanti, ir-reġim ta' Gaddafi wasal fi tmiemu u gvern interim immexxi mill-Kunsill Nazzjonali ta' Tranżizzjoni (NTC) se jibda jaħdem biex jibni Libja ġdida;

B.  billi r-Riżoluzzjonijiet 1970 u 1973 tal-KSNU ġew adottati wara r-ripressjoni brutali kontra dimostranti paċifiċi, inkluż ksur kbir u sistematiku tad-drittijiet tal-binedem, u n-nuqqas min-naħa tar-reġim Libjan li jaqdi r-responsabbiltà tiegħu skont id-dritt internazzjonali li jipproteġi l-popolazzjoni tal-Libja;

C.  billi ssawret koalizzjoni ta' pajjiżi li kienu lesti jimplimentaw ir-Riżoluzzjoni 1973 tal-KSNU; billi dan il-mandat, fi stadju ulterjuri, ħadu f'idejh in-NATO; billi l-kampanja tal-ajru Odyssey Dawn immexxija min-NATO se tibqa' għaddejja sakemm ikun hemm bżonn biex tipproteġi l-popolazzjoni ċivili fil-Libja;

D.  billi l-NTC se jkollu, fl-istess ħin, jindirizza l-aktar ħtiġijiet umanitarji urġenti tal-popolazzjoni tiegħu, itemm il-vjolenza u jistabbilixxi l-istat tad-dritt, kif ukoll jaqbad il-biċċa xogħol iebsa li jibni nazzjon u l-kostruzzjoni ta' stat funzjonanti u demokratiku; billi l-NTC esprima l-impenn tiegħu li jimxi b'pass mgħaġġel lejn il-leġittimità demokratika bit-tfassil ta' kostituzzjoni u b'elezzjonijiet bikrija ħielsa u ġusti;

E.  billi l-Qorti Kriminali Internazzjonali (ICC) fis-27 ta' Ġunju 2011 ħarġet mandat ta' arrest għal Gaddafi, ibnu Saif Al-Islam Gaddafi u l-ex kap tas-servizzi tal-intelliġenza Abdullah Al-Senussi għal allegati reati kontra l-umanità mwettqa sa mill-bidu tar-rewwixta tal-poplu;

F.  billi, skont l-UNHCR, madwar 1 500 rifuġjat mil-Libja mietu huma u jippruvaw jaqsmu l-Mediterran lejn l-Ewropa mill-bidu tar-ripressjoni Libjana;

G.  billi fl-1 ta' Settembru 2011 f'Pariġi sar samit tal-“Ħbieb tal-Libja”, bl-attendenza ta' madwar 60 stat u organizzazzjoni internazzjonali, bil-ħsieb li tikkoordina l-isforz internazzjonali għall-għajnuna tar-rikostruzzjoni tal-Libja;

H.  billi l-UE pprovdiet aktar minn EUR 152 miljun f'appoġġ umanitarju u billi r-RGħ/VP fit-22 ta' Mejju 2011 fetħet uffiċċju tal-UE f'Bengażi, bl-għan li tistabbilixxi kuntatti mal-NTC u tgħin lil-Libja tħejji għall-istadju li jmiss tat-tranżizzjoni demokratika; billi uffiċċju tal-UE nfetaħ fi Tripli fil-31 ta' Awwissu 2011;

I.  billi l-UE għandha interess vitali f'Afrika ta' Fuq ta' demokrazija, stabbiltà, prosperità, u paċi;

1.  Huwa ħerqan għat-tmiem tas-sitt xhur ta' kunflitt fil-Libja u jilqa' b'sodisfazzjon il-waqa' tar-reġim awtokratiku ta' 42 sena mmexxi minn Muammar Gaddafi, li kien responsabbli għat-tbatija twila u tremenda li sofra l-poplu Libjan; jifraħ lill-poplu Libjan għall-kuraġġ u d-determninazzjoni tagħhom u jissottolinja li l-aspirazzjonijiet liberi u sovrani tal-poplu Libjan għandhom ikunu huma li jmexxu l-proċess ta' tranżizzjoni, għaliex hija biss sjieda lokali qawwija li tista' tiggarantixxi s-suċċess tiegħu;

2.  Jistieden lir-RGħ/VP tiżviluppa strateġija komuni ġenwina, effikaċi u kredibbli għal-Libja, u jistieden lill-Istati Membri tal-UE jimplimentaw din l-istrateġija u jżommu lura milli jieħdu azzjonijiet jew inizjattivi unilaterali li jistgħu jdgħajfuha; jistieden lill-UE u lil-Istati Membri tagħha biex joffru l-appoġġ sħiħ tagħhom għall-proċess ta' tranżizzjoni li issa hemm bżonn li jseħħ biex, b'mod koordinat, joħloq Libja ta' ħelsien, demokrazija u prosperità, filwaqt li jevitaw kull duplikazzjoni u jsegwu approċċ multilaterali;

3.  Jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-Kunsill Nazzjonali ta' Tranżizzjoni (NTC) fil-kompitu diffiċli tiegħu li jibni stat ġdid li jirrappreżenta lil-Libjani kollha; jilqa' r-rikonoxximenti reċenti tal-NTC u jistieden lill-Istati Membri tal-UE u lill-komunità internazzjonali biex jirrikonoxxuh ukoll; jilqa' l-fatt li l-membri permanenti tal-KSNU, inkluża ċ-Ċina, l-aktar reċenti, irrikonoxxew lill-NTC bħala l-awtorità leġittima fil-Libja; iħeġġeġ lill-pajjiżi kollha tal-Unjoni Afrikana biex jirrikonoxxu lill-NTC; jistieden lill-NTC jerfa' bis-sħiħ ir-responsabbiltà tiegħu għas-sigurtà u l-benessri tal-poplu Libjan, jaġixxi b'mod trasparenti u f'konformità sħiħa mal-prinċipji demokratiċi kif ukoll mal-liġi umanitarja internazzjonali; jistieden lir-RGħ/VP, il-Kunsill u l-Kummissjoni jkomplu jippromwovu r-relazzjonijiet mal-NTC u jgħinu lill-awtoritajiet il-ġodda tal-Libja jsawru Libja magħquda, demokratika u pluralistika fejn id-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u l-ġustizzja jiġu ggarantiti għaċ-ċittadini kollha tal-Libja kif ukoll għall-ħaddiema migranti u għar-refuġjati;

4.  Jenfasizza li ma jista' jkun hemm l-ebda impunità għar-reati kontra l-umanità, u li jeħtieġ li Muammar Gaddafi u l-membri tar-reġim tiegħu jinżammu responsabbli u jitressqu quddiem il-qrati għar-reati tagħhom, skont l-istat tad-dritt; iħeġġeġ lill-ġellieda tal-NTC biex ma jwettqux rappreżalji u eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji; jistenna li jekk persuni jitressqu quddiem il-ġustizzja fil-Libja għar-reati kollha mwettqa tul id-dittatorjat, u mhux biss dawk ir-reati li qed takkużahom bihom l-ICC, il-qrati u l-proċedimenti Libjani jiżguraw konformità sħiħa mal-istandards internazzjonali ta' proċessi ġusti, inkluża t-trasparenza għall-osservazzjoni internazzjonali u bl-esklużjoni tal-piena kapitali;

5.  Iħeġġeġ lill-pajjiżi kollha, b'mod speċjali lill-ġirien tal-Libja, biex jikkooperaw mal-awtoritajiet il-ġodda tal-Libja u mal-awtoritajiet tal-ġustizzja internazzjonali, jiġifieri lill-ICC, ħalli jiżguraw li Gaddafi u niesu tal-qalba jitressqu quddiem il-ġustizzja; ifakkar li, pereżempju, in-Niġer u l-Burkina Faso huma partijiet fl-ICC u, għaldaqstant, għandhom l-obbligu li jikkooperaw mal-Qorti u li jikkonsenjaw f'idejn l-ICC lil Gaddafi u qrabatu li jinsabu taħt akkuża, jekk dawn jidħlu fit-territorju tagħhom; jiddeplora l-offerta ta' ażil li l-Ginea Bissaw għamlet lil Gaddafi biex imur jgħix f'dak il-pajjiż, u jwissi li dan ma jkunx konsistenti mal-obbligi tal-Ginea Bissaw skont il-Ftehim ta' Cotonou;

6.  Jilqa' l-impenn meħud mill-Istati u l-organizzazzjonijiet internazzjonali li ħadu sehem fis-samit tal-“Ħbieb tal-Libja”, li sar f'Pariġi fl-1 ta' Settembru 2011, li minnufih jirrilaxxaw USD 15-il biljun ta' assi Libjani ffriżati, kif ukoll id-deċiżjoni tal-UE li tneħħi s-sanzjonijiet fuq 28 entità Libjana inklużi portijiet, kumpaniji taż-żejt u banek; jistieden lill-Istati Membri tal-UE jitolbu l-awtorizzazzjoni tal-KSNU u jirrilaxxaw assi Libjani li għadhom iffriżati sabiex jgħinu lill-NTC jwettaq il-governanza meħtieġa f'dan il-perjodu ta' tranżizzjoni u jistieden lill-Istati Membri b'mod partikolari biex jirrispettaw il-wegħdiet magħmula fil-Konferenza ta' Pariġi; jitlob li ssir investigazzjoni internazzjonali biex jinstabu l-assi u l-flus misruqa tal-familja Gaddafi u biex dawn jintraddu lil-Libja;

7.  Jilqa' l-fatt li l-UE malajr immarkat il-preżenza tagħha fi Tripli ftit wara li l-belt ġiet illiberata billi fetħet uffiċċju tal-UE fil-kapitali; jistenna li dan l-uffiċċju jkollu staff sħiħ mill-aktar fis possibbli ħalli jibni fuq ix-xogħol siewi tal-uffiċċju tal-UE f'Bengażi biex ikompli jġib “il quddiem ir-relazzjonijiet mal-NTC u jgħin lill-awtoritajiet ġodda tal-Libja jindirizzaw l-aktar ħtiġijiet urġenti tal-poplu Libjan;

8.  Jirrakkomanda li minnufih tintbagħat fil-Libja delegazzjoni tal-Parlament Ewropew biex tivvaluta l-qagħda, twassal messaġġ ta' appoġġ u solidarjetà u tiżviluppa djalogu mal-NTC, mas-soċjetà ċivili u ma' atturi ewlenin oħra fil-post;

9.  Jenfasizza li l-kredibbiltà tal-gvern interim tal-NTC se tiddependi mill-kapaċità tiegħu li jindirizza l-aktar kwistjonijiet urġenti, filwaqt li fl-istess ħin joħloq il-kundizzjonijiet meħtieġa għal istituzzjonijiet demokratiċi b'saħħithom; jistieden lill-NTC jibda proċess kemm jista' jkun trasparenti u inklużiv, li jinvolvi lill-persuni interessati mill-partijiet kollha tal-pajjiż, għall-bini tal-leġittimità u ta' kunsens nazzjonali, biex b'hekk jevita l-firdiet reġjonali, etniċi jew tribali li jistgħu jikkawżaw aktar vjolenza; jistieden lill-NTC jiżgura l-involviment tal-ispettru sħiħ tas-soċjetà Libjana u jagħti kull qawwa lin-nisa u lill-minoranzi fil-proċess ta' tranżizzjoni lejn id-demokratizzazzjoni, b'mod partikolari billi jistimola l-parteċipazzjoni tagħhom fis-soċjetà ċivili, fil-midja, fil-partiti politiċi u f'kull tip ta' korp deċiżjonali fl-oqsma tal-politika u l-ekonomija;

10.  Jieħu nota tar-rapport reċenti ta' Amnesty International u jistieden lill-NTC jikkontrolla u jiddiżarma l-gruppi armati, itemm l-abbużi kontra d-drittijiet tal-bniedem u jinvestiga l-każijiet rapportati ta' reati tal-gwerra, ħalli jevita ċirku vizzjuż ta' vjolazzjonijiet u tpattija; jistieden lill-awtoritajiet il-ġodda biex minnufih iġibu ċ-ċentri ta' detenzjoni kollha taħt il-kontroll tal-Ministeru tal-Ġustizzja u d-Drittijiet tal-Bniedem, u jiżguraw li l-arresti jsiru biss minn korpi uffiċjali u li l-prosekuzzjonijiet kollha jintemmu fi proċessi ġusti li jissodisfaw standards internazzjonali;

11.  Jieħu nota tad-diskors li l-President tal-NTC Jalil għamel fi Tripli, li fih ħabbar li l-Libja se tkun pajjiż Musulman moderat b'kostituzzjoni li tirrifletti dan il-fatt, u se jilqa' l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-ħajja pubblika; jiddikjara li jistenna li l-NTC jaqdi r-responsabilitajiet tiegħu u l-impenji li ħa li jibni stat tolleranti, magħqud u demokratiku fil-Libja, li jipproteġi d-drittijiet universali tal-bniedem għaċ-ċittadini kollha tal-Libja kif ukoll għall-ħaddiema migranti u għall-barranin; jistieden lill-NTC biex b'mod attiv jistimula u jinkludi lin-nisa u liż-żgħażagħ fil-proċessi politiċi mmirati lejn il-bini ta' partiti politiċi u istituzzjonijiet demokratiċi;

12.  Jistieden lill-NTC biex bla ebda dewmien jagħti bidu għal proċess ta' ġustizzja u rikonċiljazzjoni nazzjonali; jitlob lir-RGħ/VP tibgħat esperti u konsulenti tat-taħriġ fil-medjazzjoni u d-djalogu biex jassistu lill-NTC u atturi Libjani oħra;

13.  Jenfasizza l-importanza tal-investigazzjoni tal-atti kollha ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem, irrispettivament minn min wettaqhom; huwa tal-fehma li dan għandu jkun parti importanti mill-proċess tar-rikonċiljazzjoni tal-pajjiż li jitmexxa mil-Libjani nfushom;

14.  Jistieden lill-forzi kollha tal-NTC jirrispettaw il-liġijiet umanitarji internazzjonali fit-trattament tal-priġunieri tal-gwerra, jiġifieri l-forzi u l-merċenarji pro-Gaddafi li għad fadal; iħeġġeġ lill-NTC jeħles minnufih il-ħaddiema migranti Afrikani u l-Libjani suwed li nżammu arbitrarjament għaliex ħasbuhom merċenarji pro-Gaddafi, u jressaq lil min wettaq reati għal proċessi indipendenti;

15.  Jistieden lill-NTC jipproteġi d-drittijiet ta' minoranzi u gruppi vulnerabbli, inklużi eluf ta' migranti Afrikani sub-Saħarjani li qed iħabbtu wiċċhom mal-fastidju purament minħabba l-kulur tal-ġilda tagħhom, u jiżgura protezzjoni u evakwazzjoni tal-migranti li għadhom maqbuda fiċ-ċentri tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni jew fi kwalunkwe kamp improvizzat; jitlob lir-RGħ/VP, f'dan ir-rigward, tipprovdi appoġġ Ewropew lill-NTC fil-qasam tal-medjazzjoni b'rispons għal din il-qagħda urġenti, bi qbil ma' standards tad-drittijiet tal-bniedem u umanitarji; jitlob lill-Istati membri tal-UE u l-Kummissjoni biex jgħinu fis-sistemazzjoni tar-rifuġjati li għadhom f'kampjijiet fuq il-fruntieri mat-Tuneżija u ma' pajjiżi oħra wara li ħarbu mill-ġlied, u li ma jistgħux jeġgħu lura fil-Libja bla ma jissugraw ħajjithom;

16.  Jenfasizza li kien il-poplu Libjan li beda r-revoluzzjoni u fetaħ it-triq; huwa tal-fehma li l-futur tal-Libja jeħtieġ li jinżamm sod f'idejn il-poplu Libjan, b'tali mod li s-sovranità sħiħa tal-Libja tkun żgurata;

17.  Jenfasizza li n-Nazzjonijiet Uniti se jkollha rwol ta' koordinament biex tiżgura appoġġ internazzjonali għat-tranżizzjoni politika fil-Libja, bi qbil ma' dak li l-Libja stqarret li tistenna fil-Konferenza ta' Pariġi;

18.  Jistieden lir-RGħ/VP, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri tal-UE biex jipprovdu għajnuna mmirata lejn riforma tas-settur tas-sigurtà Libjan, inklużi l-pulizija u l-forzi armati, kif ukoll id-diżarm, id-demobilizzazzjoni u r-reintegrazzjoni ta' dawk li kienu ġellieda, kif ukoll lejn it-tisħiħ tal-kontroll tal-fruntieri u tat-traffikar tal-armi, f'kooperazzjoni ma' pajjiżi ġirien; huwa mħasseb b'mod partikolari dwar il-kwantità enormi ta' armi f'idejn il-ġellieda u l-persuni ċivili, li joħloq riskju għall-ħajja tal-popolazzjoni, partikolarment fir-rigward ta' gruppi vulnerabbli bħan-nisa u t-tfal;

19.  Jisħaq fuq l-importanza, għar-reġjun u fil-kuntest tar-Rebbiegħa Għarbija, tal-eżitu ta' suċċess tal-kunflitt fil-Libja; iħeġġeġ lil mexxejja oħra fir-reġjun biex jieħdu tagħlimiet mil-Libja u jagħtu kas it-tqawwija tal-movimenti popolari li qed jesiġu li d-drittijiet u l-libertajiet tagħhom ikunu rrispettati;

20.  Jistieden lill-Kunsill Nazzjonali ta' Tranżizzjoni jieħu impenn favur standards għoljin ta' trasparenza f'setturi ekonomiċi interni strateġiċi biex jiżgura li r-riżorsi naturali tal-Libja tgawdi minnhom il-popolazzjoni kollha;

21.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Assemblea Parlamentari tal-Unoni għall-Mediterran, lill-Unjoni Afrikana, lil-Lega Għarbija u lill-Kumitat Nazzjonali ta' Tranżizzjoni Libjan.

(1) Testi adottati, P7_TA(2011)0095.
(2) Testi adottati, P7_TA(2011)0020.

Aġġornata l-aħħar: 13 ta' Novembru 2012Avviż legali