Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2011/2812(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B7-0482/2011

Dibattiti :

PV 14/09/2011 - 12
CRE 14/09/2011 - 12

Votazzjonijiet :

PV 15/09/2011 - 6.3

Testi adottati :

P7_TA(2011)0387

Testi adottati
PDF 217kWORD 51k
Il-Ħamis, 15 ta' Settembru 2011 - Strasburgu
Is-sitwazzjoni fis-Sirja
P7_TA(2011)0387RC-B7-0482/2011

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Settembru 2011 dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sirja, b'mod partikolari dik tas-7 ta' Lulju 2011 dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja, il-Jemen u l-Baħrejn fil-kuntest tas-sitwazzjoni fid-dinja Għarbija u l-Afrika ta' Fuq(1),

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-President tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja u r-reazzjonijiet tal-komunità internazzjonali tad-19 ta' Awwissu 2011,

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/522/PESK li temenda d-Deċiżjoni 2011/273/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/523/UE li parzjalment tissospendi l-applikazzjoni tal-Ftehim ta' Koperazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika Għarbija Sirjana u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 878/2011 tat-2 ta' Settembru 2011 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 442/2011 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli għall-politika barranija u ta' sigurtà komuni (VP/RGħ) dwar is-Sirja tat-8 u l-31 ta' Lulju; l-1, l-4, it-18, id-19, it-23 u t-30 ta' Awwissu; u t-2 ta' Settembru 2011,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-Sirja tat-18 ta' Lulju 2011,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta dwar “Risposti ġodda għal Viċinat fi trasformazzjoni” tal-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni tal-25 ta' Mejju 2011,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Presidenzjali tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tat-3 ta' Awwissu 2011,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Għarbija tas-Sirja tat-23 ta' Awwissu 2011,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–   wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) tal-1966, li s-Sirja hi firmatarja tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, minn meta bdiet ir-ripressjoni vjolenti tad-dimostranti paċifiċi fis-Sirja f'Marzu 2011, u minkejja r-revoka tal-istat ta' emerġenza mħabbar fil-21 ta' April 2011 mill-gvern, il-qtil, il-vjolenza u t-tortura sistematiċi qed jiżdiedu b'mod drammatiku u l-armata u l-forzi tas-sigurtà Sirjani qed ikomplu jirreaġixxu bi qtil immirat, tortura u arresti tal-massa; billi, skont l-istimi tan-NU, “il fuq minn 2,600 persuni tilfu ħajjithom, ħafna aktar indarbu u eluf ġew detenuti,

B.  billi l-missjoni għas-sejbien tal-fatti tad-19 ta' Awwissu 2011 tal-Kummissarju Għoli sabet evidenza ta' mijiet ta' eżekuzzjonijiet sommarji, l-użu ta' munizzjoni ta' vera kontra d-dimostranti, l-użu mifrux ta' snipers waqt il-protesti, id-detenzjoni u t-tortura ta' nies ta' kull età, l-imblokk tal-bliet mill-forzi tas-sigurtà u l-qerda tal-provvisti tal-ilma,

C.  billi l-gvern tar-Repubblika Għarbija Sirjana impenja ruħu li jimplimenta r-riformi demokratiċi u soċjali, iżda naqas milli jieħu l-passi neċessarji biex iwettaqhom,

D.  billi bosta Sirjani qed ikollhom jiffaċċaw sitwazzjoni umanitarja li qed tiddeterjora bħala riżultat tal-vjolenza u tal-ispostamenti; billi l-pajjiżi ġirien tas-Sirja u l-komunità internazzjonali qed jagħmlu sforzi konsiderevoli biex jipprevjenu d-deterjorament u l-eskalazzjoni ulterjuri ta' din il-kriżi umanitarja,

E.  billi l-kriżi fis-Sirja tikkostitwixxi theddida għall-istabilità u s-sigurtà fir-reġjun kollu tal-Lvant Nofsani,

F.  billi l-UE adottat miżuri restrittivi kontra r-reġim Sirjan bħala konsegwenza tal-eskalazzjoni tal-operazzjoni militari brutali li r-reġim qed imexxi kontra l-poplu Sirjan, u billi l-UE qed tikkunsidra li testendi dawn is-sanzjonijiet,

G.  billi l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika Għarbija Sirjana, min-naħa l-oħra, qatt ma ġie ffirmat; billi l-iffirmar ta' dan il-ftehim ġie pospost fuq talba tas-Sirja minn Ottubru 2009; billi l-Kunsill iddeċieda li ma jieħu l-ebda passi ulterjuri f'dan il-qasam, kif ukoll li jissospendi parzjalment l-applikazzjoni tal-Ftehim ta' Kooperazzjoni eżistenti,

H.  billi l-approċċ il-ġdid propost mill-Kummissjoni Ewropea u mir-Rappreżentant Għoli bħala reazzjoni ġdida għal viċinat li qed jinbidel huwa bbażat fuq ir-responsabilità reċiproka u impenn kondiviż lejn il-valuri universali tad-drittijiet umani, id-demokrazija u l-istat tad-dritt,

I.  billi l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU adotta riżoluzzjoni fit-23 ta' Awwissu 2011 fejn talab li tinbagħat kummissjoni ta' inkjesta internazzjonali indipendenti biex tistħarreġ il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fis-Sirja, li jista' jammonta għal reati kontra l-umanità,

1.  Jikkundanna b'mod qawwi l-użu dejjem jikber tal-forza kontra d-dimostranti paċifiċi u l-persekuzzjoni brutali u sistematika tal-attivisti favur id-demokrazija, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-ġurnalisti; jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar il-gravità tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq mill-awtoritajiet Sirjani, inklużi arresti tal-massa, qtil extraġudizzjarju, detenzjoni arbitrarja, għajbien u tortura;

2.  Jesprimi l-kondoljanzi sinċiera tiegħu lill-familji tal-vittmi u s-solidarjetà tiegħu mal-poplu Sirjan li qed jiġġieled għad-drittijiet tiegħu, ifaħħar il-kuraġġ u d-determinazzjoni tiegħu u jappoġġa bis-sħiħ l-aspirazzjonijiet tiegħu li jikseb ir-rispett sħiħ tal-istat ta' dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u l-garanzija ta' kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali aħjar;

3.  Jappoġġa l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2011, li jiddikjaraw li r-reġim Sirjan qed iqiegħed fid-dubju l-leġittimità tiegħu billi għażel triq ta' ripressjoni minflok wettaq il-wegħdiet tiegħu fuq riformi wesgħin; jistieden lill-President Bashar al-Assad u r-reġim tiegħu jerħu l-poter minnufih, u jiċħad l-impunità;

4.  Jitlob għal darb'oħra li jintemmu minnufih ir-ripressjonijiet vjolenti kontra d-dimostranti paċifiċi u l-fastidju li qed jingħata lill-familji tagħhom, il-ħelsien tad-dimostranti, priġunieri politiċi, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u ġurnalisti kollha detenuti, u aċċess sħiħ għall-pajjiż min-naħa tal-organizzazzjonijiet umanitarji internazzjonali u l-organizzazzjonijiet internazzjonali għad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll il-midja internazzjonali; jistieden lill-awtoritajiet Sirjani jwaqqfu ċ-ċensura governattiva ta' pubblikazzjonijiet lokali u barranin, itemmu l-kontroll ripressiv tal-gvern fuq il-gazzetti u pubblikazzjonijiet oħra, kif ukoll ineħħu r-restrizzjonijiet fuq l-internet u netwerks ta' komunikazzjoni mobbli;

5.  Itenni s-sejħa għal investigazzjoni independenti, trasparenti u effikaċi dwar il-qtil, l-arresti, id-detenzjoni arbitrarja, u l-allegat għajbien sfurzat u l-każi ta' tortura mill-forzi tas-sigurtà Sirjani sabiex jiżguraw li l-awturi ta' dawn l-atti jinżammu responsabbli; jilqa' f'dan il-kuntest ir-riżoluzzjoni reċenti adottata mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fejn talab li tintbagħat kummissjoni ta' inkjesta internazzjonali indipendenti fis-Sirja biex tinvestiga l-allegazzjonijiet kollha ta' ksur tal-liġi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, magħmula mir-reġim sa minn Marzu 2011, sabiex tistabbilixxi l-fatti u ċ-ċirkostanzi ta' dawn ir-reati u l-ksur, tidentifika lil dawk responsabbli, u tiżgura li l-awturi tagħhom jinżammu responsabbli;

6.  Jitlob fl-istess ħin li jkun hemm proċess politiku immedjat, ġenwin u inklussiv bil-parteċipazzjoni tal-atturi politiċi demokratiċi kollha u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, li jistgħu jkunu l-bażi ta' tranżizzjoni paċifika u irreversibbli għad-demokrazija fis-Sirja; jilqa' f'dan il-kuntest id-Dikjarazzjoni Presidenzjali tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tat-3 ta' Awwissu 2011 li tenfasizza li l-unika soluzzjoni għall-kriżi attwali fis-Sirja hija permezz ta' proċess politiku inklussiv u mmexxi mis-Sirjani; jistieden lill-membri permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, u b'mod partikolari r-Russja u ċ-Ċina, jipproċedu b'riżoluzzjoni li tikkundanna l-użu tal-forza letali mir-reġim Sirjan u li titlob il-waqfien ta' dan l-użu ta' forza, u jistabbilixxu sanzjonijiet jekk dan ma jsirx; jieħu nota tal-laqgħa tas-Segretarju Ġenerali tal-Lega Għarbija mal-awtoritajiet Sirjani u jittama li din tkun segwita minn riżultati konkreti;

7.  Jilqa' l-adozzjoni mill-Kunsill fit-2 ta' Settembru 2011 ta' miżuri restrittivi ġodda kontra r-reġim Sirjan, inklużi projbizzjoni fuq l-importazzjoni taż-żejt mhux raffinat lill-UE u l-inklużjoni ta' erba' individwi Sirjani u tliet entitajiet mal-lista ta' dawk li għalihom huma indirizzati l-iffriżar tal-assi u l-projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar; jitlob, iżda, li jkun hemm aktar sanzjonijiet immirati lejn ir-reġim iżda li jiġu minimizzati l-impatti negattivi fuq il-kondizzjonijiet tal-għajxien tal-popolazzjoni; jistieden lill-UE tippreżenta front magħqud meta jkollha x'taqsam mal-awtoritajiet Sirjani;

8.  Jilqa' l-assistenza umanitarja pprovduta mill-pajjiżi ġirien tas-Sirja, b'mod partikolari t-Turkija, lir-refuġjati Sirjani; jinkoraġġixxi lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jkomplu jaħdmu flimkien mal-membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, il-pajjiżi ġirien tas-Sirja, il-Lega Għarbija, l-atturi u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi internazzjonali oħrajn sabiex jipprevjenu l-eskalazzjoni potenzjali tal-kriżi attwali fis-Sirja, inkluża l-kriżi umanitarja, għal inħawi oħra fir-reġjun, kif ukoll l-aggravazzjoni tal-kriżi umanitarja ġewwa l-pajjiż;

9.  Jilqa' l-fatt li t-Turkija u l-Arabja Sawdija kkundannaw ir-reġim Sirjan; jiddispjaċih li l-Iran għadu qed jappoġġa lir-reġim tal-President Al Assad;

10.  Jistieden lir-VP/RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jħeġġu u jappoġġaw ulterjurment il-feġġa ta' forzi tal-oppożizzjoni demokratika Sirjana organizzati kemm fis-Sirja, kif ukoll lil hinn minnha;

11.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u l-Parlament tal-Federazzjoni Russa, lill-Gvern u l-Parlament tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, lill-Amministrazzjoni u l-Kungress tal-Istati Uniti, lis-Segretarju Ġenerali tal-Lega Għarbija u lill-Gvern u l-Parlament tar-Repubblika Għarbija Sirjana.

(1) Testi adottati, P7_TA(2011)0333.

Avviż legali - Politika tal-privatezza