Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Settembru 2011 dwar Eritrea: Il-każ ta Dawit Isaak
Il-Parlament Ewropew
,
– wara li kkunsidra l-Istqarrija Universali dwar il-Jeddijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3 u 21(2)(a) u (b) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Karta tal-Afrika dwar id-Drittijiet tal-Bniedem li tagħha l-Eritrea hi firmatarja, b'mod partikolari l-Artikoli 6,7 u 9 tagħha;
– wara li kkunsidra l-Artikolu 9 tal-Ftehim ta' Sħubija ACP-UE kif rivedut fl-2005 (il-Ftehim ta' Cotonou) li tiegħu l-Eritrea hi fimatarja,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Presidenza tal-Kunsill dwar priġunieri politiċi fl-Eritrea tat-22 ta' Settembru 2008; u d-dikjarazzjonijiet sussegwenti tal-Kunsill u l-Kummissjoni dwar l-Eritrea u s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem minn dakinhar;
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tal-Parlament Ewropew u b'mod partikolari dawk li jirrigwardaw id-drittijiet tal-bniedem u l-każ ta' Dawit Isaak;
– wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi hu preokkupat ħafna bis-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem li sejra għall-agħar fl-Eritrea u n-nuqqas ċar ta' kooperazzjoni mill-awtoritajiet tal-Eritrea, minkejja l-appelli ripetuti tal-Unjoni Ewropea u l-organizzazzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem ;
B. billi l-UE hija impenjata bil-qawwa u b'mod ċar għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem bħala valur fundamentali u billi l-libertà tal-istampa u l-libertà tal-espressjoni huma fost dawn id-drittijiet universali u vitali;
C. billi l-istat tad-dritt huwa prinċipju li qatt m'għandu jiġi kompromess;
D. billi eluf ta' Eritrej, fosthom eks membri għoljin tal-partit fil-poter intefgħu il-ħabs mingħajr denunzja, mingħajr proċess ġust u mingħajr aċċess għall-avukati u l-familji tagħhom minn meta kkritikaw b'mod pubbliku lill-President Isaias Afewerki fl-2001;
E. billi minn Settembru 2001, 10 ġurnalisti indipendenti ġew arrestati f'Asmara, fosthom ċittadin Svediż, Dawil Isaak, li ma tressaq quddiem ebda qorti għal xi delitt u dwar is-sitwazzjoni tiegħu l-awtoritajiet tal-Eritrea rrifjutaw li jikkumentaw;
F. billi fit-23 ta' Settembru 2011, is-Sur Isaak, eks ġurnalist ta' gazzett indipendenti fl-Eritrea jkun għamel 10 snin sħaħ il-ħabs mingħjar ebda kkuża, proċess jew smigħ legali, u billi hu kkunsidrat internazzjonalment bħala priġunier tal-kuxjenza;
G. billi opinjoni legali ppreżentata lill-President tal-Parlament f'Settembru 2010 enfasizzat il-fatt li l-UE għandha obbligu legali u morali li tipproteġi ċ-ċittadini tagħha skont il-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u skont il-każistika tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja;
H. billi jħossu xxukkjat bir-rifjut tal-Gvern tal-Eritrea li qed ikompli jiċħad li jipprovdi kwalunkwe informazzjoni dwar il-qagħda tal priġunieri, inkluż il-post fejn jinżammu u jekk għadhomx ħajjin;
I. billi skont rapporti minn eks għassiesa tal-ħabs aktar minn nofs l-uffiċjali u l-ġurnalisti arrestati fl-2001 huma mejta;
J. billi l-Unjoni Ewropea hija sieħba importanti tal-Eritrea f'termini ta' għajnuna għall-iżvilupp u assistenza;
1. Jinnota bl-akbar tħassib it-tkomplija tas-sitwazzjoni diplorabbli tad-drittijiet tal-bniedem fl-Eritrea, b'mod partikolari n-nuqqas ta' libertà tal-espressjoni u l-fatt li għad hemm priġunieri politiċi li jed jinżammu bi ksur tal-prinċipju tal-istat tad-dritt u l-kostituzzjoni tal-Eritrea;
2. Jiddeplora l-fatt li Dawik Issak għadu ma nħelisx u għadda 10 snin bħala priġunier tal-kuxjenza; jesprimi l-biża' tiegħu għall-ħajja tas-Sur Isaak taħt il-kundizzjonijiet tal-ħabs notorjament ħorox fl-Eritrea u mingħajr aċċess għal kura tas-saħħa meħtieġa;
3. Jitlob lill-awtoritajiet tal-Erirea biex jeħilsu lil Dawik Isaak u l-eks uffiċjali għoljin immedjatament b'konformità mad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem;
4. Jiitlob lill-awtoritajiet tal-Eritrea biex ineħħu l-projbizzjoni tal-istampa indipendenti fil-pajjiż u jeħilsu immedjatament il-ġurnalisti indipendenti u dawk l-oħrajn kollha li ntefgħu l-ħabs sempliċement għaliex eżerċitaw id-dritt tal-libertà tal-espressjoni tagħhom;
5. Itenni t-talba tiegħu lill-Istat tal-Eritrea sabiex jeħles immedjatament il-priġunieri politiċi kollha, inkluż Dawk Isaak; jeżiġi li jekk dawn ma jistgħux jinħelsu immedjatament, l-Istat tal-Eritrea jagħti għajnuna medika u legali lil dawn il-priġunieri u priġunieri oħrajn; jeżiġi minbarra dan li r-rappreżentanti tal-UE u tal-Istati Membri jingħataw aċċess għas-Sur Isaak sabiex jiġu stabbiliti l-bżonnijiet tiegħu f'termini ta' kura tas-saħħa u appoġġ ieħor;
6. Jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli ta' l-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà biex iżżid l-isforzi tal-UE u tal-Istati Membri sabiex jinkiseb il-ħelsien ta' Dawik Isaak;
7. Jistieden lill-Kunsill sabiex jagħmel użu aktar attiv tal-mekkaniżmi ta' djalogu assoċjati mal-programm ta' assistenza tal-UE għall-Eritrea sabiex jinstabu soluzzjonijiet b'urġenza li jwasslu għall-ħelsien tal-priġunieri politiċi u governanza demokratika aħjar fil-pajjiż; f'dan il-kuntest, jistieden lill-Kunsill sabiex jiżgura li l-assistenza għall iżvilupp tal-UE ma tibbenefikax lill-Gvern tal-Eritrea iżda li tkun mmirata strettament għall-bżonnijiet tal-poplu tal-Eritrea;
8. Jappella lill-Unjoni Afrikana, bħala msieħed tal-UE b'impenn espliċitu għall-valuri universali tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem sabiex iżżid l-attività rigward is-sitwazzjoni ta' ħasra fl-Eritrea u sabiex taħdem flimkien mal-UE sabiex jinkiseb il-ħelsien ta' Dawik Isaak u priġunieri politiċi oħrajn;
9. Isegwi b'interess il-proċess ġudizzjarju ta' appell habeas corpus fil-każ ta' Dawik Isaak, li tressaq quddiem il-Qorti Suprema tal-Eritrea f'Lulju 2011 minn avukati Ewropej;
10. Itenni t-talba tiegħu li ssir konferenza nazzjonali intra-Eriteana li tlaqqa' flimkien il-parititi politiċi varji u r-rappreżentanti tas-soċjetà sabiex tinstab soluzzjoni għall-kriżi attwali u tqiegħed lill-pajjiż fit-triq lejn id-demokrazija, il-pluraliżmu politiku u l-iżvilupp sostenibboli;
11. Jenfasizza bl-akbar impenn is-serjetà u l-urġenza tal-kwistjonijiet imsemmija hawnfuq;
12. Jesprimi l-appoġġ mill-qalb u s–simpatija tiegħu lejn il-familji ta' dawn il-priġunieri politiċi;
13. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lil Kunsill, lill-Kummissjoni, Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli ta' l-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtàt, il-parlamentu u l-gvernijiet tal-Istati Membri, il-parlament tal-Gvern tal-Eritrea, il-Parlament Pan Afrikan , COMESA, IGAD, il-kopresidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta ACP-EU u l-Unjoni Afrikana.